Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Diċembru 2008 - STIM d'Orbigny SA vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-559-08)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Société de travaux industriels et maritimes d'Orbigny (STIM d'Orbigny SA) (Pariġi, Franza) (rappreżentant: F. Froment-Meurice, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara n-nullità tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni;

tannulla l-ewwel Artikolu tad-deċiżjoni kkontestata li jiddikjara illi (1) il-kumpens ta' EUR 53.48 miljun imħallas mill-Istat Franċiż lil SNCM huwa għajnuna mill-Istat illegali imma kompatibbli, (2) il-prezz tal-bejgħ negattiv ta' SNCM fl-ammont ta' EUR 158 miljun ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u (3) l-għajnuna għar-rikostruzzjoni fl-ammont ta' EUR 15.81 miljun huwa għajnuna mill-Istat illegali imma kompatibbli;

tordna lill-Kummissjoni tħallas lil STIM d'Orbigny l-ispejjeż sostnuti bħala konsegwenza tad-deċiżjoni kkontestata.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni C(2008) 3182 finali tal-Kummissjoni, tat-8 ta' Lulju 2008, li fiha l-Kummissjoni affermat illi :

il-kumpens imħallas mir-Repubblika Franċiża lil Société Nationale Maritime Corse-Méditerranée (iktar 'il quddiem "SNCM") fl-ammont ta' EUR 53.48 miljun għall-obbligi ta' servizz pubbliku jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali imma kompatibbli mas-suq komuni.

il-prezz tal-bejgħ negattiv ta' SNCM ta' EUR 158 miljun, l-assunzjoni tar-responsabbiltà, minn Compagnie Générale Maritime et Financière (iktar 'il quddiem "CGMF"), għal miżuri soċjali fir-rigward tal-impjegati fl-ammont ta' EUR 38.5 miljun u r-rikapitalizazzjoni konġunta u konkomitanti ta' SNCM minn CGMF fl-ammont ta' EUR 8.75 miljun ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat; u

l-għajnuna għar-rikostruzzjoni fl-ammont ta' EUR 15.81 miljun li r-Repubblika Franċiża tat lil SNCM tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali imma kompatibbli mas-suq komuni.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi:

nuqqas ta' motivazzjoni, għaliex il-Kummissjoni:

ma ddefinixxietx is-suq inkwistjoni jew ma ppreċiżatx il-pożizzjoni tal-impriżi kompetituri ;

ma rrisponditx għal ċerti argumenti ta' Compagnie Méridionale de Navigation li topera fis-suq rilevanti u

ma kkonstatatx l-inkompatibbiltà mas-suq komuni tal-kontribuzzjoni ta' kapital oltre l-EUR 15.81 miljun iddikjarati kompatibbli mas-suq komuni ;

żbalji ta' evalwazzjoni manifesti li jirrigwardaw:

l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE għall-kontribuzzjoni ta' kapital ta' EUR 53.48 miljun bħala kumpens ta' servizz pubbliku, inkwantu dan l-ammont ikkumpensa għal darbtejn l-istess obbligu ta' servizz pubbliku, ħaġa li tat lok għal kumpens żejjed u serviet biex tikkumpensa d-defiċit ġestjonali u l-inkapaċità ta' SNCM biex ittejjeb b'mod effettiv il-produttività tagħha;

    

il-prezz tal-bejgħ negattiv ta' SNCM għall-ammont ta' EUR 158 miljun li ma jistax jiġi eżentat mill-elementi tal-għajnuna mill-Istat; il-Kummissjoni interpretat ħażin l-aġir ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq u żbaljat meta kkunsidrat li r-riskju ta' azzjoni kontra l-Istat għall-ħlas lura tad-dejn tal-kumpannija f'każ ta' likwidazzjoni jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-bejgħ ta' SNCM għal prezz negattiv huwa s-soluzzjoni l-inqas oneruża;

il-kontribuzzjoni ta' kapital minn CGMF fl-ammont ta' EUR 8.75 miljun, billi l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsidrazzjoni l-elementi ekonomiċi, finanzjarji, u ġuridiċi kollha u ma ġabitx provi li l-kontribuzzjoni ta' CGMF ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat ;

il-kontribuzzjoni ta' kont kurrenti minn CGMF ta' EUR 38.5 miljun bħala miżura soċjali għall-impjegati, billi din poġġiet lil SNCM f'sitwazzjoni iktar favorevoli minn dik li kienet tirriżulta mis-suq ;

l-għajnuna mill-Istat ta' EUR 22.52 miljun, billi ebda wieħed mill-motivi ma jippermetti li jiġi konkluż li din l-għajnuna hija kompatibbli mal-linji gwida tal-Komunità li ġew ivverifikati f'dan il-każ;

ksur tal-prinċipji ta' proporzjonalità u tal-uniċità tal-għajnuna għaliex il-benefiċarju tal-għajnuna SNCM ma kkontribwixxiex b'mod sostanzjali għar-ristrutturazzjoni bir-riżorsi tiegħu stess jew permezz ta' finanzjament barrani miksub taħt il-kundizzjonijiet tas-suq u għaliex il-miżuri li ttieħdu fl-2006 jikkostitwixxu assistenza abużiva mir-Repubblika Franċiża lil impriża.

____________