Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Diċembru 2008 - Eni SpA vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-558/08)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Eni SpA (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti: M. Siragusa, D. Durante, G. C. Rizza, S. Valentino, L. Bellia, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni, kompletament jew parzjalment, bil-konsegwenzi li dan ikollu fuq l-ammont tal-multa;

sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-multa;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni kkontestata fil-kawża preżenti hija l-istess bħal dik fil-kawża T-540/08, Essot et vs Il-Kummissjoni.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni:

il-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 81 KE, safejn l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni jikkonstata l-parteċipazzjoni ta' Eni f'akkordju jew prattika miftiehma ta' natura kontinwa, minħabba l-preżenza ta' Di Serio fil-laqgħa teknika tat-30 u l-31 ta' Ottubru f'Hamburg. B'mod partikolari, Eni tallega l-preżenza ta' żbalji ta' fatt u l-konsegwenzi fid-dritt li jirriżultaw minnhom, safejn il-Kummissjoni (i) affermat li Eni ma qajmitx fid-difiża tagħha fil-kors tal-proċedura amministrattiva li Di Serio "żamm id-distanza tiegħu b'mod miftuħ" fil-konfront tal-kontenut tal-laqgħa msemmija u (ii) irraportat b'mod żbaljat id-dikjarazzjonijiet ta' Eni fir-rigward tad-diverġenzi bejn iż-żidiet fil-prezzijiet indikati fid-dokumenti minn Sasol u MOL. Barra dawn l-iżbalji, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta' dritt billi attribwitilha adeżjoni għal akkordju u/jew prattika miftiehma ta' natura kontinwa, peress li Eni ma kinitx ingħaqdet f'"pjan ġenerali", u minħabba n-nuqqas ta' elementi kostituttivi taż-żewġ ċirkustanzi ta' ksur.

il-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 81 KE, safejn l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni jikkonstata l-parteċipazzjoni ta' Eni f'akkordju jew prattika miftiehma matul il-perijodu bejn il-21 ta' Frar 2002 u t-28 ta' April 2005.

Eni tikkontesta, b'mod partikolari, l-evalwazzjoni tan-natura antikompetittiva tal-parteċipazzjoni tagħha minħabba n-nuqqas ta' elementi kostituttivi ta' akkordju u ta' prattika miftiehma għall-iffissar ta' prezzijiet u l-iskambju ta' informazzjoni sensittiva.

- il-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi. Ir-rikorrenti ssostni f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni:

- iffissat l-ammont bażiku tal-multa u l-ammont supplementari b'mod mhux raġjonevoli u bi ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali u tal-proporzjonalità. Fil-fatt, il-Kummissjoni ddefinixxiet perċentwali ta' 17% tal-valur tal-bejgħ sabiex tiddetermina l-ammont bażiku (u l-ammont supplementari) tal-multa, billi qieset li Eni kienet responsabbli għall-iffissar ta' prezzijiet u għall-iskambju ta' informazzjoni, filwaqt li applikat koeffiċjent prattikament identiku (18%) fuq l-impriżi l-oħra fil-kartell li kienu wkoll qasmu bejniethom is-swieq u/jew il-klijenti.

- injorat il-prinċipju taċ-ċertezza legali peress li applikat iċ-ċirkustanza aggravanti ta' reċidività, filwaqt li l-ksur imwettaq fis-snin 80 mis-sussidjarji ta' Eni li ma ġewx attribwiti lil Eni fil-mument tad-deċiżjonijiet rispettivi ma setgħawx jiġu attribwiti lilha. Barra minn hekk, iż-żmien li għadda bejn iċ-ċirkustanzi antiki ta' ksur u dawk ikkonstatati mid-deċiżjoni jrendi mhux ġustifikata l-applikazzjoni tal-kunċett tar-reċidiva.

- ma applikatx iċ-ċirkustanzi attenwanti bbażati fuq il-parteċipazzjoni marġinali tar-rikorrenti fil-ftehim u n-nuqqas ta' implementazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda waqt il-laqgħat tekniċi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tafferma li ressqet provi li M. Monti kien konvint li pparteċipa f'laqgħat kompletament legali peress li dawn ġew organizzati fil-qafas tal-EWF, u, f'kull każ, tan-nuqqas ta' ħtija doluża min-naħa ta' Eni, li rċeviet mingħand is-sussidjarji tagħha informazzjoni li ma kinitx tippermettilha tevalwa l-portata antikompetittiva ta' dawn il-laqgħat.

____________