Language of document : ECLI:EU:C:2013:411

Kawża C‑20/12

Elodie Giersch et

vs

État du Grand-Duché de Luxembourg

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal administratif (il‑Lussemburgu)]

“Moviment liberu tal-persuni — Ugwaljanza fit-trattament — Vantaġġi soċjali — Regolament (KEE) Nru 1612/68 — Artikolu 7(2) — Għajnuna finanzjarja għal studji f’edukazzjoni ogħla — Rekwiżit ta’ residenza fl-Istat Membru li jagħti l-għajnuna — Għajnuna rrifjutata lil studenti, ċittadini tal-Unjoni li ma jirrisjedux fl-Istat Membru kkonċernat, li missierhom jew ommhom, ħaddiema transkonfinali, jaħdmu fl-imsemmi Stat Membru — Diskriminazzjoni indiretta — Ġustifikazzjoni — Għan li jiżdied il-proporzjon ta’ persuni residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla — Natura xierqa — Proporzjonalità”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-20 ta’ Ġunju 2013

Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema — Ugwaljanza fit-trattament — Vantaġġi soċjali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għajnuna finanzjarja għal studji f’edukazzjoni ogħla għal rekwiżit ta’ residenza fit-territorju nazzjonali — Għajnuna rrifjutata lil studenti, ċittadini tal-Unjoni, li ma jirrisjedux fit-territorju nazzjonali, li wieħed mill-ġenituri tagħhom huwa ħaddiem transkonfinali — Diskriminazzjoni indiretta — Ġustifikazzjoni — Żieda fil-proporzjon ta’ persuni residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla — Natura sproporzjonata ta’ din il-leġiżlazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1612/68, kif emendat bid-Direttiva 2004/38, Artikolu 7(2))

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, kif emendat bid-Direttiva 2004/38, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala prinċipju, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għal studji f’edukazzjoni ogħla għal rekwiżit ta’ residenza tal-istudent f’dak l-Istat Membru u li tistabbilixxi differenza fit-trattament, li tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, bejn il-persuni residenti fl-Istat Membru kkonċernat u dawk li, mingħajr ma jirrisjedu f’dan l-Istat Membru, huma wlied ta’ ħaddiema transkonfinali li jeżerċitaw attività fl-imsemmi Stat Membru.

Għalkemm l-għan li jiżdied il-proporzjon ta’ persuni residenti li għandhom diploma ta’ edukazzjoni ogħla sabiex jiġi promoss l-iżvilupp tal-ekonomija tal-istess Stat Membru huwa għan leġittimu li jista’ jiġġustifika tali differenza fit-trattament u għalkemm rekwiżit ta’ residenza, bħal dak previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa xieraq sabiex jiġi żgurat li l-imsemmi għan jintlaħaq, madankollu tali rekwiżit imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għan imfittex minnu jintlaħaq, sa fejn dan jipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi oħra potenzjalment rappreżentattivi tal-livell reali ta’ rabta tal-applikant, għall-imsemmija għajnuna finanzjarja, mas-soċjetà u mas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru kkonċernat, bħal fatt li wieħed mill-ġenituri, li jkompli jipprovdi għall-manteniment tal-istudent, huwa ħaddiem transkonfinali, li għandu impjieg fit-tul f’dan l-Istat Membru u diġà ħadem f’dan tal-aħħar għal perijodu sinjifikattiv.

(ara l-punt 83 u d-dispożittiv)