Language of document : ECLI:EU:T:2013:403

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

6 ta’ Settembru 2013 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża T‑24/11,

Bank Refah Kargaran, stabbilita fi Teheran (Iran), irrappreżentata minn J.‑M. Thouvenin, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u R. Liudvinaviciute-Cordeiro, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Erlbacher u M. Konstantinidis, sussegwentement minn A. Bordes u Konstantinidis, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett, l-ewwel nett, talba għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ applikabbiltà fir-rigward tar-rikorrent tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), it-tieni nett, talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1), tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1263/2012, tal-21 ta’ Diċembru 2012, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran (ĠU L 356, p. 34), kif ukoll kull regolament futur li ser jikkompleta jew jissostitwixxi dawn ir-regolamenti, sad-data li fiha tinqata’ din is-sentenza, sa fejn dawn l-atti jirrigwardaw lir-rikorrent, it-tielet nett, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 281, p. 81), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 319, p. 71), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 319, p. 11), u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/829/PESK, tal-21 ta’ Diċembru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 356, p. 71), kif ukoll kull att futur li ser jikkompleta jew jissostitwixxi dawn l-atti, sad-data li fiha tinqata’ din is-sentenza, sa fejn dawn l-atti jirrigwardaw lir-rikorrent, u, ir-raba’ nett, talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet li jinsabu fl-ittri tat-28 ta’ Ottubru 2010 u tal-5 ta’ Diċembru 2011,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Marzu 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, il-Bank Refah Kargaran, huwa bank Iranjan.

2        Din il-kawża ġiet ippreżentata fil-kuntest tas-sistema ta’ miżuri restrittivi adottata sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari li għandhom riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari (iktar ’il quddiem il-“proliferazzjoni nukleari”).

3        Fis-26 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrent ġie inkluż fil-lista ta’ entitajiet li jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni nukleari li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39).

4        Bħala konsegwenza, ir-rikorrent ġie inkluż fil-lista tal-Anness V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007, tad-19 ta’ April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran (ĠU L 103, p. 1), permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 (ĠU L 195, p. 25). Din l-inklużjoni kellha bħala effett l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrent.

5        Fid-Deċiżjoni 2010/413, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sostna l-motivi segwenti fir-rigward tar-rikorrent:

“[Ir-rikorrent] wettaq operazzjonijiet għall-Bank Melli b’segwitu tas-sanzjonijiet imposti mill-Unjoni Ewropea fuq dan tal-aħħar”

6        Il-motivazzjoni segwenti ntużat fil-konfront tar-rikorrent fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010:

“[Ir-rikorrent] wettaq xi operazzjonijiet għal Bank Melli b’segwitu tas-sanzjonijiet imposti fuq dan tal-aħħar mill-Unjoni Ewropea”.

7        Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill informa lir-rikorrent dwar l-inklużjoni tiegħu fil-lista tal-Anness II tad‑Deċiżjoni 2010/413 u fil-lista tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007.

8        Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrent talab lill-Kunsill biex ineħħih mil-lista tal-Anness II tad‑Deċiżjoni 2010/413 u mil-lista tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007.

9        L-inklużjoni tar-rikorrent fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 inżammet bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 281, p. 81).

10      Peress li r-Regolament Nru 423/2007 tħassar permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran (ĠU L 281, p. 1), ir-rikorrent ġie inkluż mill-Kunsill fl-Anness VIII ta’ dan l-aħħar regolament. Konsegwentement, il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrent ġew iffriżati skont l-Artikolu 16(2) tal-imsemmi regolament.

11      Ir-raġunijiet adottati fir-Regolament Nru 961/2010 huma l-istess bħal dawk adottati fid-Deċiżjoni 2010/413.

12      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill wieġeb l-ittra tar-rikorrent tat-8 ta’ Settembru 2010 fejn indika li, wara eżami mill-ġdid, kien qiegħed jiċħad it-talba tar-rikorrent sabiex ismu jitneħħa mil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u mil-lista tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010. Huwa speċifika, f’dan ir-rigward, li, sa fejn il-fajl ma kellux elementi ġodda li jiġġustifikaw bidla fil-pożizzjoni tagħha, ir-rikorrent kellu jkompli jiġi suġġett għall-miżuri restrittivi pprovduti mill-imsemmija testi.

13      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrent stieden lill-Kunsill jibgħatlu l-elementi li fuqhom huwa kien ibbaża ruħu biex jadotta l-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu.

14      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Frar 2011, bi tweġiba għal din it-talba, il-Kunsill bagħat lir-rikorrent kopja ta’ proposta għal adozzjoni tal-miżuri restrittivi ppreżentati minn Stat Membru.

15      Fid-29 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrent bagħat lill-Kunsill talba ġdida intiża biex ismu jitneħħa mil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010. Huwa invoka, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-elementi kkomunikati fit-22 ta’ Frar 2011 ma kinux iddettaljati biżżejjed.

16      L-inklużjoni tar-rikorrent fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 ma ġietx affettwata mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 319, p. 71), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament Nru 961/2010 (ĠU L 319, p. 11).

17      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill informa lir‑rikorrent dwar iż-żamma ta’ ismu fil-lista tal-Anness II tad‑Deċiżjoni 2010/413 u fil-lista tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010. Huwa indika li, fl-assenza ta’ elementi ġodda, il-motivi esposti fl-imsemmija testi għadhom iġġustifikati.

18      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrent reġa’ ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu u talab il-komunikazzjoni tal-elementi kollha li fuqhom il-Kunsill kien ibbaża ruħu meta adotta d-Deċiżjoni 2011/783 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011.

19      Il-Kunsill wieġeb it-talba tar-rikorrent permezz tal-ittra tal-21 ta’ Frar 2012, li magħha ġew mehmuża tliet dokumenti.

20      Peress li r-Regolament Nru 961/2010 kien tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran (ĠU L 88, p. 1), il-Kunsill inkluda lir-rikorrent fl-Anness IX ta’ dan l-aħħar regolament. Ir-raġunijiet adottati huma l-istess bħal dawk adottati fid-Deċiżjoni 2010/413. B’hekk, il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrent huma ffriżati skont l-Artikolu 23(2) ta’ dan ir-regolament.

21      L-inklużjoni tar-rikorrent fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Anness IX tar-Regolament Nru267/2012 ma ġietx affettwata mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/829/PESK tal-21 ta’ Diċembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 356, p. 71), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1263/2012, li jemenda r-Regolament Nru 267/2012 (ĠU L 356, p. 34).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tal-Kunsill. Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Lulju 2011, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent.

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Frar 2012, ir-rikorrent adatta t-talbiet tiegħu u saħħaħ l-argument tiegħu wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/783 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011.

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrent aġġusta t-talbiet tiegħu u saħħaħ l-argument tiegħu wara l‑adozzjoni tar‑Regolament Nru 267/2012.

26      Permezz ta’ digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Frar 2013, wara li nstemgħu l-partijiet, din il-kawża u l-Kawżi T‑4/11 u T‑5/11, Export Development Bank of Iran vs Il-Kunsill, ġew maqgħuda għall-finijiet tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

27      Instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmulin mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta tat-12 ta’ Marzu 2013.

28      Matul is-seduta, ir-rikorrent adatta t-talbiet tiegħu u saħħaħ l-argument wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2012/829 u tar-Regolament Nru 1263/2012.

29      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara li d-Deċiżjoni 2010/413 ma tapplikax għalih ;

–        tannulla r-Regolament Nru 961/2010, ir-Regolament Nru 267/2012 u r-Regolament Nru 1263/2012, kif ukoll kull regolament futur li ser jikkompleta jew jissostitwixxi dawn ir-regolamenti, sad-data li fih tinqata’ din is-sentenza, sa fejn dawn l-atti jirrigwarda r-rikorrent;

–        tannulla l-Artikolu 16(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 961/2010 u l-Artikolu 23(2) (a) u (b) u (4) tar-Regolament Nru 267/2012, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernawh;

–        tannulla d-Deċiżjoni 2010/644, id-Deċiżjoni 2011/783 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, l-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, kif ukoll id-Deċiżjoni 2012/829 u kull att futur li ser jikkompleta jew jissostitwixxi dawn l-atti, sad-data li fih tinqata’ din is-sentenza, sa fejn dawn l-atti jirrigwardaw r-rikorrent;

–        tannulla d-deċiżjonijiet li jinsabu fl-ittri tat-28 ta’ Ottubru 2010 u tal-5 ta’ Diċembru 2011;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

30      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tal-atti futuri

31      Fir-rigward tat-talba tar-rikorrent, ifformulata matul is-seduta, għall-annullament ta’ kull att futur li jikkompleta jew li jissostitwixxi l-atti kkontestati, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali tista’ biss tiġi adita b’talba intiża għall-annullament ta’ att eżistenti u li jikkawża preġudizzju. Għalkemm ir-rikorrent jista’ għalhekk jiġi awtorizzat, taħt ċerti kundizzjonijiet (ara l-punt 49 iktar ’il fuq), li jifformula mill-ġdid it-talbiet b’mod li dawn tal-aħħar ikunu intiżi biex jannullaw l-atti li fil-mori tal-kawża jkunu ssostitwixxew l-atti inizjalment ikkontestati, din is-soluzzjoni ma tistax tawtorizza l-istħarriġ spekulattiv tal-legalità ta’ atti ipotetiċi li għadhom ma ġewx adottati (digriet tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1996, Langdon vs Il-Kummissjoni, T‑22/96, Ġabra p. II‑1009, punt 16, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T‑228/02, Ġabra p. II‑4665, punt 32).

32      Għaldaqstant, hemm lok li t-talbiet għal annullament ta’ kull att futur li jikkompleta jew li jissostitwixxi l-atti kkontestati fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għandhom jitqiesu bħala inammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet kap tat-talbiet tar-rikorrent

33      Permezz tat-tieni u tat-tielet kap tat-talbiet, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali, minn naħa, tannulla r-Regolament Nru 961/2010, ir-Regolament Nru 267/2012 u r-Regolament Nru 1263/2012 u, min-naħa l-oħra, tannulla l-Artikolu 16(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 961/2010 u l-Artikolu 23(2)(a) u (b) u (4) tar-Regolament Nru 267/2012, sa fejn dawn l-atti u dispożizzjonijiet jikkonċernawh.

34      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, tippreżenta rikors kontra l-atti li hija d-destinatarju tagħhom jew li jirrigwardawha direttament u individwalment kif ukoll kontra l-atti regolamentari li jirrigwardawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni.

35      Issa, fl-ewwel lok, fir-rigward, tat-talba għall-annullament tar-Regolament Nru 961/2010 u tar-Regolament Nru 267/2012, sa fejn dawn jikkonċernaw ir-rikorrent, mill-ġurisprudenza jirriżulta li dawn ir-regolamenti fl-istess ħin jikkostitwixxu kemm atti b’portata ġenerali sa fejn jipprojbixxu lil kategorija ta’ destinatarji ddeterminati b’mod ġenerali u astratt, b’mod partikolari, milli jqiegħdu fondi u riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tal-persuni u tal-entitajiet li isimhom ikun jinsab fil-listi li jinsabu fl-annessi tagħhom, u kif ukoll sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali fir-rigward ta’ dawn il-persuni u entitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punti 241 sa 244). Għandu jitfakkar barra minn hekk li, fir-rigward tal-atti adottati fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, bħalma huma r-Regolament Nru 961/2010 u r-Regolament Nru 267/2012, hija n-natura individwali ta’ dawn l-atti li tagħti, skont it-termini tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, aċċess għall-qorti tal-Unjoni.

36      Minn dan isegwi li r-rikorrent, li ismu jinsab fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 u fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, jista’ jitlob l-annullament ta’ dawn iż-żewġ regolamenti, sa fejn dawn jikkonċernawh.

37      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-talba għall-annullament tal-Artikolu 16(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 961/2010 u tal-Artikolu 23(2)(a) u (b) u (4) tar-Regolament Nru 267/2012, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw ir-rikorrent, għandu jiġi qabelxejn ikkonstatat li din ma tistax tiġi interpretata bħala eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ dawn id-dispożizzonijiet, peress li r-rikorrent mhux sempliċement qed isostni l-illegalità tagħhom iżda qiegħed espressament jitlob l-annullament tagħhom.

38      Sussegwentement, dejjem fir-rigward ta’ din l-istess talba, għandu jiġi rrilevat li f’din il-kawża l-ebda mit-tliet ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif riprodotti fil-punt 34 iktar ’il fuq, ma sseħħ.

39      L-ewwel nett, ir-rikorrent ma huwiex id-destinatarju tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

40      It-tieni nett, ir-rikorrent huwa biċ-ċert direttament u individwalment ikkonċernat mir-regolamenti inkwistjoni, inkwantu huwa ċċitat fl-annessi tagħhom li jisiltu l-ismijiet tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati mill-miżuri restrittivi. Madankollu, din il-kunsiderazzjoni ma tgħoddx għad-dispożizzjonijiet li tagħhom huwa jitlob speċifikament l-annullament, li japplikaw għal kategorija ta’ suġġetti maħsuba b’mod ġenerali u astratt, jiġifieri kemm il-kategoriji ta’ persuni u ta’ entitajiet iddefiniti fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 267/2012, kif ukoll l-atturi ekonomiċi kollha li jistgħu jkollhom relazzjonijiet kummerċjali mal-imsemmija entitajiet jew mar-Repubblika Iżlamika tal-Iran. Konsegwentement, l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom fir-rigward tar-rikorrenti natura ġenerali.

41      It-tielet nett, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet jikkostitwixxu atti regolatorji, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jiġi kkonstatat li jinvolvu miżuri ta’ implimentazzjoni. Fil-fatt, sabiex il-miżuri restrittivi li huma previsti jkunu applikabbli għal persuni individwali ddeterminati, dawn tal-aħħar għandhom jiġu inklużi jew jibqgħu fil-listi li jinsabu fl-anness tal-imsemmija regolamenti, kif jirriżulta mill-Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 961/2010, li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16(2) tal-istess regolament, u tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 267/2012, li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 23(2) tal-istess regolament. F’din il-kawża, tali miżuri ta’ implimentazzjoni ġew adottati, fil-konfront tar-rikorrent, fil-forma ta’ atti differenti li permezz tagħhom huwa ġie inkluż jew baqa’, wara eżami mill-ġdid, rispettivament fil-listi li jinsabu fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 u fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012.

42      Konsegwentement, ir-rikorrent ma jistax jitlob l-annullament tal-Artikolu 16(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 961/2010 u tal-Artikolu 23(2) u (4) tar-Regolament Nru 267/2012.

43      Dawn il-fatti ma humiex imqiegħda inkwistjoni mill-fatt li r-rikorrent indika li qed jikkontesta biss id-dispożizzjonijiet inkwistjoni sa fejn dawn jikkonċernawh. Fil-fatt, il-fatt li dawn ġew applikati għar-rikorrent ma jbiddilx in-natura legali tagħhom ta’ att ta’ portata ġenerali.

44      Fit-tielet lok, fir-rigward tar-Regolament Nru 1263/2012, għandu jiġi rrilevat li dan introduċa fir-Regolament Nru 267/2012 miżuri restrittivi addizzjonali kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran, mingħajr ma biddel madankollu l-Anness IX ta’ dan tal-aħħar u mingħajr ma l-Kunsill ipproċeda għal eżami mill-ġdid ta’ dan l-anness. Għalkemm dawn il-miżuri addizzjonali jistgħu jżidu l-grad ta’ involviment tar-rikorrent minħabba l-inklużjoni tiegħu fil-listi ta’ persuni u entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi, huma madankollu għandhom natura ġenerali, bħall-Artikolu 16(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 961/2010 u l-Artikolu 23(2)(a) u (b) u (4) tar-Regolament Nru 267/2012. Għalhekk, ir-rikorrent lanqas ma jista’ jitlob l-annullament tar-Regolament Nru 1263/2012.

45      Minn dan isegwi li kemm it-tielet kap tat-talbiet ippreżentat mir-rikorrent kif ukoll it-tieni kap tat-talbiet għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli sa fejn jikkonċernaw ir-Regolament Nru 1263/2012.

 Fuq l-adattament tat-talbiet tar-rikorrent

46      Kif jirriżulta mill-punti 9, 10 u 20 iktar ’il fuq, wara l-preżentata tar-rikors, il-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 ġiet issostitwita b’lista ġdida, deċiża bid-Deċiżjoni 2010/644, u r-Regolament Nru 423/2007, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament Nru 961/2010, li min-naħa tiegħu ġie mħassar u ssostitwit bir-Regolament Nru 267/2012. Barra minn hekk, fil-premessi tad-Deċiżjoni 2011/783 u tar-Regolament ta’ implimentazzjoni Nru 1245/2011, il-Kunsill espliċitament ikkonstata li huwa kien wettaq eżami sħiħ mill-ġdid tal-lista fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/143 u tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 u li kien wasal għall-konklużjoni li l-persuni, entitajiet u korpi elenkati fihom, inkluż ir-rikorrent, kellhom jibqgħu suġġetti għall-miżuri restrittivi. Ir-rikorrent adatta t-talbiet inizjali tiegħu b’mod li t-talba għall-annullament tiegħu tirrigwarda, minbarra d-Deċiżjoni 2010/644, id-Deċiżjoni 2011/783, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, l-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 u d-Deċiżjoni 2012/829. Il-Kunsill u l-Kummissjoni qajmu oġġezzjoni biss fir-rigward tal-adattament li jikkonċerna l-aħħar minn dawn l-atti.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta deċiżjoni jew regolament li jikkonċernaw direttament jew individwalment individwu jiġu ssostitwiti, fil‑mori tal-kawża, minn att li jkollu l-istess għan, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala element ġdid li jippermetti lir-rikorrent li jaġġusta t-talbiet u l-motivi tiegħu. Fil-fatt, ikun kuntrarju għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u għal rekwiżit tal-ekonomija tal-ġudizzju li kieku r-rikorrent jiġi obbligat jippreżenta rikors ġdid. Barra minn hekk, ikun inġust li l-istituzzjoni inkwistjoni tkun tista’, sabiex tikkonfronta l-kritika magħmula f’rikors ippreżentat kontra att quddiem qorti tal-Unjoni, temenda l-att ikkontestat jew tissostitwih b’att ieħor u tinqeda, fil-mori tal-kawża, minn din l-emenda jew minn din is-sostituzzjoni sabiex iċċaħħad lill-parti l-oħra mill-possibbiltà li testendi t-talbiet u l-motivi inizjali tagħha għall-att li jsir wara jew mill-possibbiltà li tippreżenta talbiet u motivi supplimentari kontra dan (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T-256/07, Ġabra, p. II-3019, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      L-istess konklużjoni tapplika għall-atti, bħalma huma d-Deċiżjoni 2011/783 u r‑Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, li jikkonstataw li deċiżjoni jew regolament għandhom ikomplu jirrigwardaw direttament u individwalment ċerti individwi, wara proċedura ta’ eżami mill-ġdid espressament imposta minn din l-istess deċiżjoni jew minn dan l-istess regolament.

49      Għalhekk, f’din il-kawża, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrent jista’ wkoll jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni 2011/783 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, li jinkluduh u li jżommuh fil-listi ta’ persuni suġġetti għal miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, bħal dawk annessi mar-Regolament Nru 961/2010 kif ukoll mal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh (ara, f’dan is-sens, u b’analoġija, is-sentenza People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, punt 47 iktar ’il fuq, punt 47).

50      Min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni 2012/829 ma tissostitwixxix att preċedenti li jikkonċerna direttament u individwalment lir-rikorrent u ma ġietx adottata wara eżami mill-ġdid sħiħ tal-listi ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi. Fil-fatt, din id-deċiżjoni tinkludi biss dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti fit-territorju tal-Unjoni, u tkabbar il-listi ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, li jinsabu fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413. Għaldaqstant, din ma tikkonċernax direttament u individwalment lir-rikorrent u dan tal-aħħar ma jistax, kif sostna l-Kunsill matul is-seduta, jadatta t-talbiet tiegħu biex jitlob l-annullament tagħha.

 Fuq il-mertu

51      Permezz tar-raba’ kap tat-talbiet, sa fejn huwa ammissibbli (ara l-punt 32 iktar ’il fuq), ir-rikorrent essenzjalment jistaqsi lill-Qorti Ġenerali sabiex tannulla l-atti li jinkluduh u li jżommu ismu fil-listi ta’ persuni suġġetti għal miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi. Barra minn hekk, permezz tat-tieni kap tat-talbiet, sa fejn huwa ammissibbli (ara l-punti 32 u 44 iktar ’il fuq), ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tannulla r-Regolament Nru 961/2010 u r-Regolament Nru 267/2012 sa fejn jikkonċernawh. Issa, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 35 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrent huwa kkonċernat minn dawn l-atti preċiżament sa fejn huwa hu msemmi fl-Annessi VIII u IX tagħhom rispettivament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni kap tat-talbiet huwa fil-verità amalgamat mar-raba’.

52      Fl-aħħar nett, il-ħames kap tat-talbiet tar-rikorrent huwa intiż biex jannulla d-deċiżjonijiet allegatament inklużi fl-ittri tat-28 ta’ Ottubru 2010 u tal-5 ta’ Diċembru 2011. Peress li permezz ta’ dawn iż-żewġ ittri r-rikorrent ġie informat li ismu ser jinżamm fil-listi ta’ persuni suġġetti għal miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, wara l-adozzjoni, rispettivament, tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010, kif ukoll tad-Deċiżjoni 2011/783 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 u li l-imsemmija ittri ma għandhomx għalhekk kontenut deċiżjonali awtonomu, għandu jiġi kkonstatat li l-ħames kap tat-talbiet huwa fil-verità amalgamat mar-raba’.

53      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 215 TFUE, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, it-tielet wieħed, fuq żbalji ta’ dritt u ta’ evalwazzjoni, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-dritt għall-osservanza tal-proprjetà u, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

54      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw il-fondatezza tal-motivi ppreżentati mir-rikorrenti. Barra minn hekk, huma jsostnu, li bħala estensjoni tal-Istat Iranjan, ir-rikorrent ma jistax jinvoka l-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali.

55      Il-Qorti Ġenerali tqis li għandu jiġi qabelxejn eżaminat it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Madankollu, preliminarjament, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrent jistax jinvoka l-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali.

 Fuq il-possibbiltà għar-rikorrent li jinvoka l-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali

56      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jargumentaw li, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, persuni ġuridiċi li huma estensjonijiet ta’ Stati terzi ma jistgħux jinvokaw il-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali. Skont dawn, sa fejn ir-rikorrent huwa estensjoni tal-Istat Iranjan, din ir-regola tapplika għalih.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li la l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 389), u lanqas it-Trattati ma jipprevedu dispożizzjonijiet li jeskludu l-persuni ġuridiċi li huma estensjonijiet tal-Istati mill-benefiċċju tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Għall-kuntrarju, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija Karta li huma rilevanti fir-rigward tal-motivi rrilevati mir-rikorrent, u b’mod partikolari l-Artikoli 17, 41 u 47 tagħha, jiggarantixxu d-drittijiet ta’ “[k]ull persuna”, formulazzjoni li tinkludi persuni ġuridiċi bħar-rikorrent.

58      Madankollu, f’dan il-kuntest, il-Kunsill u l-Kummissjoni jinvokaw l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li ma jilqax l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem minn organizzazzjonijiet governattivi.

59      Issa, minn naħa, l-Artikolu 34 tal-KEDB huwa dispożizzjoni proċedurali li ma hijiex applikabbli għall-proċeduri quddiem il-qorti tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġi evitat li Stat firmatarju għall-KEDB ikun rikorrent u konvenut fl-istess ħin quddiem l-imsemmija qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, Ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran vs It‑Turkija tat-13 ta’ Diċembru 2007, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet, 2007‑V, punt 81). Din il-kunsiderazzjoni ma tapplikax għall-każ inkwistjoni.

60      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jargumentaw ukoll illi r-regola li huma jinvokaw hija ġġustifikata mill-fatt li Stat huwa l-garanti tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fit-territorju tiegħu, iżda ma jistax jibbenefika minn tali drittijiet.

61      Madankollu, anki jekk wieħed jassumi li din il-ġustifikazzjoni tapplika f’sitwazzjoni interna, il-fatt li Stat huwa l-garanti tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fit-territorju tiegħu stess huwa irrilevanti fir-rigward tal-portata tad-drittijiet li jistgħu jibbenefikaw minnhom persuni ġuridiċi li huma estensjonijiet ta’ dan l-istess Stat fit-territorju ta’ Stati terzi.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-d-dritt tal-Unjoni ma fih ebda regola li tipprevjeni persuni ġuridiċi li huma estensjonijiet ta’ Stati terzi milli jinvokaw favur tagħhom il-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali. Għalhekk, dawn l-istess drittijiet jistgħu jiġu invokati mill-imsemmija persuni quddiem il-qorti tal-Unjoni sakemm dawn ikunu kompatibbli mal-kwalità tagħhom ta’ persuni ġuridiċi.

63      Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma pproduċewx provi li jistabbilixxu li r-rikorrent kien effettivament estensjoni tal-Istat Iranjan, jiġifieri entità li kienet tipparteċipa fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat jew li kienet topera servizz pubbliku taħt il-kontroll tal-awtoritajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, Ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran vs It‑Turkija tat-13 ta’ Diċembru 2007, iċċitata fil-punt 59 iktar ’il fuq, punt 79).

64      F’dan ir-rigward, il-Kunsill isostni li r-rikorrent huwa, de facto, miżmum jew ikkontrollat mill-Istat jew mill-Gvern Iranjan, sa fejn l-bord tad-diretturi huwa magħmul minn membri differenti tal-Gvern Iranjan. Barra minn hekk, skont il-Kunsill, ir-rikorrent imexxi servizz pubbliku taħt il-kontroll tal-awtoritajiet Iranjani sa fejn l-għan tiegħu huwa li jippromwovi l-kummerċ barrani Iranjan fil-kuntest tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi fi stat ta’ żvilupp. Barra minn hekk, il-provvista ta’ servizzi bankarji hija essenzjali għall-attivitajiet ekonomiċi u tas-soċjetà b’mod ġenerali.

65      Issa, la l-fatt li l-Istat Iranjan għandu l-parti l-kbira tal-kapital tar-rikorrent u lanqas il-fatt li s-servizzi bankarji pprovduti minn dan tal-aħħar huma meħtieġa għall-funzjonament tal-ekonomija ta’ Stat ma jagħtu lil dawn l-attivitajiet il-kwalità ta’ servizz pubbliku u ma jimplikawx li r-rikorrent jipparteċipa fit-twettiq tas-setgħa pubblika.

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent jista’ jinvoka favur tiegħu l-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

67      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni, l-ewwel nett, li huwa ma esprimiex fehmtu qabel ma ġie inkluż fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, it-tieni nett, li l-motivazzjoni pprovduta hija insuffiċjenti u, it-tielet nett, li, minkejja t-talbiet preċedenti tiegħu, huwa kiseb aċċess għall-fajl tal-Kunsill biss wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors.

68      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-motivazzjoni, ir-rikorrent essenzjalment isostni li huwa ma huwiex f’pożizzjoni li jifhem fuq liema bażi huwa ġie inkluż fil-listi ta’ persuni suġġetti għall-miżuri ta’ ffriżar tal-fondi, li l-motivazzjoni insuffiċjenti ma ġietx eliminata mid-dokumenti kkomunikati sussegwentement u li l-ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011 li l-Kunsill bagħatlu hija mifnija bi sterjotipi.

69      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti.

70      Għandu qabelxejn jiġi eżaminat l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

71      Għandu f’dan ir-rigward jitfakkar li l-obbligu li tingħata motivazzjoni għal att li jikkawża preġudizzju, kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u, b’mod iktar speċifiku f’dan il-każ, fl-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni 2010/413, fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, fl-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010 u fl-Artikolu 46(3) tar-Regolament Nru 267/2012, għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi lill-parti kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat b’nuqqas li abbażi tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dan l-att. L-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit b’dan il-mod, jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li ma jistax jiġi dderogat ħlief fil-każ ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju, u n-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rregolarizzat mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tal-att fil-mori tal-kawża quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T-390/08, Ġabra p.II-3967, punt 80, u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Għaldaqstant, sakemm il-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi ma tkunx prekluża minn kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew mal-mod kif jitmexxew ir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, il-Kunsill huwa obbligat li jagħti lil entità kkonċernata minn miżuri restrittivi r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li minħabba fihom huwa jikkunsidra li dawn għandhom jiġu adottati. Għalhekk, huwa għandu jsemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata l-ġustifikazzjoni legali tal-miżuri kkonċernati u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh sabiex jieħu dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 71 iktar ’il fuq, punt 81, u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (ara s-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 71 iktar ’il fuq, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Għandu qabelxejn jiġi rrilevat li sabiex tiġi evalwata l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-motivi li jinsabu fl-atti kkontestati, il-proposta ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi kkomunikata mill-Kunsill lir-rikorrent.

75      Fil-fatt, minn naħa, mill-imsemmija proposta, kif ikkomunikata lir-rikorrent, jirriżulta li din ġiet ippreżentata lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi li jikkonċernawh u li konsegwentement tikkostitwixxi prova li fuqha huma bbażati dawn il-miżuri.

76      Min-naħa l-oħra, huwa minnu li din il-proposta ġiet ikkomunikata lir-rikorrent kemm wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010 kif ukoll wara l-preżentata tar-rikors. Għalhekk, hija ma tistax validament tikkompleta l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010. Hija tista’, madankollu, tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-atti sussegwenti, jiġifieri tad-Deċiżjoni 2011/783, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 u tar-Regolament Nru 267/2012.

77      Fir-rigward tar-rikorrent, l-atti kkontestati jsemmu motiv wieħed, li jipprovdi li huwa wettaq tranżazzjonijiet diretti lejn il-Bank Melli wara li l-Unjoni imponiet sanzjonijiet fuq dan l-aħħar bank.

78      Il-proposta ta’ adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kkomunikata fit-22 ta’ Frar 2011 tiġbor il-motivazzjoni tal-atti kkontestati.

79      Fl-aħħar nett, l-ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011, indirizzata lir-rikorrent sempliċement tindika li, wara eżami mill-ġdid, il-Kunsill iddeċieda li r-rikorrent kellu jkompli jkun is-suġġett ta’ miżuri restrittivi previsti fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament Nru 961/2010, għaliex il-fajl ma jinkludix elementi ġodda li jiġġustifikaw bidla fil-pożizzjoni tiegħu, u għaldaqstant ir-raġunijiet għall-inklużjoni fl-annessi f’dawn iż-żewġ atti baqgħu japplikaw.

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-motiv uniku invokat mill-Kunsill ma huwiex preċiż biżżejjed, inkwantu la jispeċifika xi tfisser il-kelma “wettaq” fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet bankarji, la għal liema tranżazzjonijiet tal-Bank Melli r-rikorrent serva bħala trażmettitur, u lanqas favur liema terzi l-imsemmija tranżazzjonijiet kellhom finalment ikunu ta’ benefiċċju. Barra minn hekk, l-ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011, indirizzata lir-rikorrent, ma tinkludi ebda element addizzjonali ta’ natura li timmotiva l-miżuri imposti fuqu.

81      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “twettiq” ta’ tranżazzjonijiet bankarji mwettqa, il-Kunsill indika fis-seduta, wara domanda tal-Qorti Ġenerali, li dan il-kunċett kien jirrigwarda t-teħid tar-responsabbiltà tat-tranżazzjonijiet tal-Bank Melli li ġew ibblokkati minħabba l-miżuri restrittivi, fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet kumplessi li setgħu jikkonċernaw t-tranżazzjonijiet kollha pprovduti minn bank fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet ta’ tul ta’ żmien twil, bħal pereżempju ittri ta’ kreditu jew ta’ finanzjament. Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-indikazzjonijiet huma ta’ natura ġenerali bħal dawk li jinsabu fil-motiv uniku u ma jipprovdu l-ebda kjarezza partikolari dwar in-natura preċiża tas-servizzi li r-rikorrent seta’ pprovda. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ittri ta’ kreditu jew ta’ finanzjament issemmgħew biss bħala eżempju u li l-Kunsill ma identifika l-ebda tranżazzjoni konkreta li r-rikorrent kien “wettaq” għall-Bank Melli.

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kunsill kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, fl-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni 2010/413, fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, fl-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010 u fl-Artikolu 46(3) tar-Regolament Nru 267/2012, kif ukoll l-obbligu li jikkomunika lir-rikorrent, bħala entità kkonċernata, l-elementi kollha użati kontrih f’dak li jirrigwarda r-raġuni magħżula għall-miżuri tal-iffriżar tal-fondi deċiżi f’dan ir-rigward.

83      Minn dan isegwi li t-tieni motiv, sa fejn huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, konstatazzjoni li waħedha tiġġustifika l-annullament tal-atti kkontestati inkwantu jikkonċernaw lir-rikorrent, għandu jiġi milqugħ.

84      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-atti li jinkludu u li jżommu lir-rikorrent fil-listi ta’ persuni suġġetti għal miżuri ta’ ffriżar tal-fondi għandhom jiġu annullati, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra u l-motivi invokati insostenn tar-raba’ u tal-ħames kap tat-talbiet ippreżentati mir-rikorrent.

85      Peress li l-inklużjoni tar-rikorrent fil-listi annessi għall-atti kkontestati hija annullata, huwa ma jistax jibqa’ affettwat bid-Deċiżjoni 2010/413. Għaldaqstant, la għad hemm lok li tittieħed deċiżjoni fuq l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrent, riprodotta fil-punt 29 iktar ’il fuq, u lanqas li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma f’dan ir-rigward mill-Kunsill.

 Fuq l-effetti ratione temporis tal-annullament

86      Fir-rigward tal-effetti ratione temporis tal-annullament tal-atti li jinkludu u li jżommu lir-rikorrent fil-listi tal-persuni suġġetti għal miżuri ta’ ffriżar tal-fondi, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li l-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, b’mod partikolari fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, ma għadux jipproduċi effetti legali wara t-tħassir ta’ dan l-aħħar regolament, imwettaq mir-Regolament Nru 267/2012. Konsegwentement, l-annullament tal-inklużjoni tar-rikorrent fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, b’mod partikolari fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrent, tirrigwarda biss l-effetti tal-imsemmija inklużjoni, prodotti fir-rigward tar-rikorrent, bejn id-dħul tiegħu fis-seħħ u t-tħassir tiegħu.

87      Sussegwentement, fir-rigward tal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’deroga mill-Artikolu 280 TFUE, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw regolament ikollhom effett biss mid-data ta’ skadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 ta’ dan l-Istatut jew, jekk jitressaq appell f’dan it-terminu, mid-data taċ-ċaħda tal-appell. Il-Kunsill għaldaqstant għandu terminu ta’ xahrejn, miżjud b’għaxart ijiem għal raġunijiet ta’ distanza, li jibda jiddekorri min-notifika ta’ din is-sentenza, sabiex jirrimedja għall-ksur ikkonstatat billi jadotta, jekk ikun il-każ, miżura restrittiva ġdida fil-konfront tar-rikorrent.

88      F’dan il-każ, ir-riskju ta’ dannu serju u irriversibbli fuq l-effettività tal-miżuri restrittivi imposti mir-Regolament Nru 267/2012 ma jidhirx li huwa għoli biżżejjed, fid-dawl tal-effett sostanzjali ta’ dawn il-miżuri fuq id-drittijiet u l-libertajiet tar-rikorrent, sabiex jiġġustifika ż-żamma tal-effetti tar-regolament imsemmi fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar għal perijodu li jmur lil hinn minn dak stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 2011, Kadio Morokro vs Il-Kunsill, T-316/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 38).

89      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-effetti ratione temporis tal-annullament tal-inklużjoni tar-rikorrent fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif jirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644 u wara mid-Deċiżjoni 2011/783, għandu jitfakkar li, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk hija tqis meħtieġa, tidentifika dawk l-effetti tal-att annullat li għandhom jitqiesu bħala definittivi.

90      F’din il-kawża, l-eżistenza ta’ differenza bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tal-annullament tal-inklużjoni tar-rikorrent fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 u l-annullament tal-inklużjoni tiegħu fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif jirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644 u wara mid-Deċiżjoni 2011/783, tista’ twassal għal dannu serju għaċ-ċertezza legali, peress li l-imsemmija atti jimponu fuq ir-rikorrent miżuri restrittivi identiċi. Għalhekk, l-effetti tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif jirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644 u wara mid-Deċiżjoni 2011/783, għandhom jinżammu fir-rigward tar-rikorrent sakemm jidħol fis-seħħ l-annullament tal-inklużjoni tar-rikorrent fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 (ara, b’analoġija, is-sentenza Kadio Morokro vs Il-Kunsill, punt 88 iktar ’il fuq, punt 39).

 Fuq l-ispejjeż

91      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 87(6) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-ispejjeż skont id-diskrezzjoni tagħha. F’dan il-każ, peress li l-Kunsill essenzjalment tilef, huwa għandu jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrent.

92      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Huma annullati, sa fejn jikkonċernaw lill-Bank Refah Kargaran:

–        l-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, u wara bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011;

–        id-Deċiżjoni 2010/644;

–        l-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010;

–        id-Deċiżjoni 2011/783;

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011;

–        l-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010.

2)      L-effetti tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644 u wara bid-Deċiżjoni 2011/783, fir-rigward tal-Bank Refah Kargaran għandhom jinżammu sakemm jidħol fis-seħħ l-annullament tal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, sa fejn dan jikkonċerna lill-Bank Refah Kargaran.

3)      Ma għadx hemm lok li tittieħed deċiżjoni dwar it-talba intiża biex jiġi ddikjarat li d-Deċiżjoni 2010/413 ma hijiex applikabbli għall-Bank Refah Kargaran.

4)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

5)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Bank Refah Kargaran.

6)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Settembru 2013.

Firem


Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawżaII – 2

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijietII – 5

Id-drittII – 6

Fuq l-ammissibbiltàII – 6

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tal-atti futuriII – 6

Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet kap tat-talbiet tar-rikorrentII – 6

Fuq l-adattament tat-talbiet tar-rikorrentII – 9

Fuq il-mertuII – 10

Fuq il-possibbiltà għar-rikorrent li jinvoka l-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentaliII – 11

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettivaII – 12

Fuq l-effetti ratione temporis tal-annullamentII – 15

Fuq l-ispejjeżII – 17


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.