Language of document : ECLI:EU:T:2007:343

Kawża T-310/06

Ir-Repubblika ta’ l-Ungerija

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taċ-ċereali — Teħid fil-pussess taċ-ċereali mill-aġenziji ta’ intervent — Tisħiħ tal-kriterji tal-kwalità tal-qamħ ir-rum — Introduzzjoni ta’ kriterju ġdid ta’ l-użin speċifiku għall-qamħ ir-rum — Ksur ta’ l-aspettattivi leġittimi — Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament – Suġġett – Annullament parzjali

(Artikolu 230 KE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1572/2006)

2.      Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Ċereali – Teħid fil-pussess taċ-ċereali mill-aġenziji ta’ intervent – Tisħiħ tal-kriterji tal-kwalità tal-qamħ ir-rum

(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1572/2006)

1.      L-annullament parzjali ta’ att Komunitarju huwa possibbli biss jekk l-elementi li qed jintalab l-annullament tagħhom jistgħu jiġu sseparati mill-bqija ta’ l-att. Din l-eżiġenza ta’ separazzjoni mhijiex sodisfatta meta l-annullament parzjali ta’ att għandu l-effett li jibdel is-sustanza ta’ dan l-att.

Fir-rigward tar-Regolament Nru 1572/2006, li jemenda r-Regolament Nru 824/2000 li jistabbilixxi l-proċeduri għall-pussess [għat-teħid fil-pussess] ta’ ċereali mill-aġenziji ta’ l-intervent u li jippreskrivi l-metodi ta’ l-analiżi sabiex jistabbilixxu l-kwalità, is-sustanza tiegħu hija kkostitwita mit-titjib tal-kwalità tal-qamħ ir-rum li huwa ammess għall-intervent. Għal dan il-għan, ir-Regolament jipprevedi żewġ tipi ta’ miżuri distinti, jiġifieri, minn naħa, it-tisħiħ tal-kriterji tal-kwalità tal-qamħ ir-rum previst preċedentement fl-Anness I tar-Regolament Nru 824/2000, li l-annullament tiegħu mhuwiex mitlub mir-rikorrenti, u min-naħa l-oħra, l-introduzzjoni ta’ kriterju ġdid ta’ l-użin speċifiku għall-qamħ ir-rum, minħabba l-koerenza mas-sistemi applikabbli għaċ-ċereali oħra eliġibbli għall-intervent. Peress li dawn iż-żewġ tipi ta’ miżuri mhumiex marbuta inseparabbilment, l-annullament parzjali eventwali tar-Regolament Nru 1572/2006 safejn jintroduċi kriterju ġdid ta’ l-użin speċifiku għall-qamħ ir-rum ma jemendax is-sustanza stess tad-dispożizzjonijiet li mhumiex suġġetti għall-annullament eventwali. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal kriterju l-ġdid ta’ l-użin speċifiku għall-qamħ ir-rum, il-kriterji tal-kwalità tal-qamħ ir-rum li huma previsti fir-Regolament, jiġifieri, il-livell massimu ta’ l-umdità tal-qamħ ir-rum, il-perċentwali massimu tal-qamħ miksur u l-perċentwali ta’ qamħ imsaħħan mit-tnixxif, huma dawk li jeżistu diġà fil-leġiżlazzjoni preċedenti, fin-nuqqas tal-kriterju ta’ l-użin speċifiku.

(ara l-punti 39-41)

2.      Billi introduċew kriterju ġdid dwar l-użin speċifiku tal-qamħ ir-rum tnax-il ġurnata qabel ma sar applikabbli r-Regolament Nru 1572/2006, li jemenda r-Regolament Nru 824/2000 li jistabbilixxi l-proċeduri għall-pussess [għat-teħid fil-pussess] ta’ ċereali mill-aġenziji ta’ l-intervent u li jippreskrivi l-metodi ta’ l-analiżi sabiex jistabbilixxu l-kwalità, jiġifieri waqt il-mument fejn il-prodotturi kienu diġà wettqu l-ħsad u ma setgħux jinfluwenzaw iżjed l-użin speċifiku tal-prodott, id-dispożizzjonijiet ikkontestati kellhom effett fuq l-investimenti tal-produtturi kkonċernati safejn dawn biddlu fundamentalment il-kundizzjonijiet ta’ intervent għall-qamħ ir-rum. Peress li l-miżuri kkonstatati ma ġewx innotifikati fi żmien xieraq lill-bdiewa kkonċernati, l-imsemmija dispożizzjonijiet kisru l-aspettativi leġittimi tal-produtturi kkonċernati.

Barra minn hekk, minbarra l-fatt li n-nuqqas komplet ta’ motivazzjoni fir-Regolament Nru 1572/2006, għal dak li jirrigwarda d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu ma jistax jittaffa mill-indikazzjonijiet ipprovduti matul il-proċess ta’ tfassil, il-fatt li l-ftuħ tal-perijodu ta’ intervent huwa l-1 ta’ Novembru 2006 jikkostitwixxi biss osservazzjoni ġenerali li ma tistax tiġi kkunsidrata bħala motivazzjoni speċifika li tesponi l-effett mixtieq u li tagħti l-possibbiltà lill-qorti li tistħarreġ, skond l-Artikolu 253 KE, jekk l-aspettattivi leġittimi ta’ l-operaturi kkonċernati ġewx osservati.

Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li r-Regolament Nru 1572/2006 jindika li t-tisħiħ tal-kriterji ta’ kwalità kien neċessarju sabiex jirrendi lill-prodotti ta’ intervent inqas fraġli skond id-deterjorazzjoni u l-użu sussegwenti tagħhom, huwa ma jipprovdix b’mod ċar u espliċitu li l-introduzzjoni tal-kriterju ta’ l-użin speċifiku għall-qamħ ir-rum, hija intiża, biż-żjieda tan-neċessità li tiġi assigurata l-koerenza mas-sistemi applikabbli għaċ-ċereali l-oħra, li ssaħħaħ il-kriterji tal-kwalità tal-qamħ ir-rum. Għalhekk, l-imsemmi regolament ma jagħmilx referenza għall-fatt li l-użin speċifiku jikkostitwixxi kriterju tal-kwalità tal-qamħ ir-rum u, a fortiori, ma jispjegax kif dan il-fattur ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kwalità tal-qamħ ir-rum.

Fl-aħħar nett, l-argument tal-Kummissjoni li l-użin speċifiku jaffettwa l-kwalità tal-qamħ ir-rum safejn huwa jaffettwa l-valur sustanzjuż tal-qamħ ir-rum mhux biss mhuwiex sostnut minn ebda element ta’ prova, iżda jikkostitwixxi, barra minn hekk, żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-dawl ta’ l-uniċi elementi li minnhom tiddisponi l-Qorti tal-Prim’Istanza f’dawn il-proċedimenti, b’tali mod li r-Regolament Nru 1572/2006 għandu jiġi kkunsidrat bħala li huwa vvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

Minn dak li ntqal jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1572/2006 dwar il-kriterju ta’ l-użin speċifiku għall-qamħ ir-rum għandhom jiġu annullati.

(ara l-punti 68-69, 72, 84, 86, 148, 150-151, 154-156, 158-159, 165)