Language of document : ECLI:EU:T:2007:343

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża)

15 ta’ Novembru 2007(*)

“Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taċ-ċereali – Teħid fil-pussess taċ-ċereali mill-aġenziji ta’ l-intervent – Tisħiħ tal-kriterji tal-kwalità tal-qamħ ir-rum – Introduzzjoni ta’ kriterju ġdid ta’ l-użin speċifiku għall-qamħ ir-rum – Ksur ta’ l-aspettattivi leġittimi – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Fil-kawża T-310/06,

Ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, irrappreżentata minn J. Fazekas, R. Somssich u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn F. Clotuche-Duvieusart u Z. Pataki, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1572/2006 tat-18 ta’ Ottubru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 824/2000 li jistabbilixxi l-proċeduri għall-pussess [għat-teħid fil-pussess] ta’ ċereali mill-aġenziji ta’ l-intervent u li jippreskrivi l-metodi ta’ l-analiżi sabiex jistabbilixxu l-kwalità fiċ-ċereali (ĠU L 290, p. 29),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili, J. Azizi, E. Cremona u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Mejju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-qasam taċ-ċereali hija rregolata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1784/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 (ĠU L 270, p. 78, iktar’il quddiem ir-“Regolament OKS”).

2        L-Artikolu 5 tar-Regolament OKS jipprevedi li l-aġenziji ta’ l-intervent nominati mill-Istati Membri għandhom jixtru, b’mod partikolari, il-qamħ ir-rum offrut lilhom u li nħasad fil-Komunità, safejn dawn l-offerti jikkonformaw mal-kundizzjonijiet preskritti, partikolarment fir-rigward tal-kwalità u tal-kwantità. Ix-xiri jista’ jseħħ biss matul il-perijodu ta’ intervent, f’dan il-każ għall-Ungerija, mill-1 ta’ Novembru 2006 sal-31 ta’ Marzu 2007.

3        Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament OKS jirriżultaw mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 824/2000 tad-19 ta’ April 2000 li jistabbilixxi l-proċeduri għall-pussess [għat-teħid fil-pussess] ta’ ċereali mill-aġenziji ta’ l-intervent u li jippreskrivi l-metodi ta’ l-analiżi sabiex jistabbilixxu l-kwalità fiċ-ċereali (ĠU L 100, p. 31). Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll il-kriterji ta’ kwalità minima għax-xiri ta’ intervent.

4        Fit-18 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 1572/2006 li jemenda r-Regolament Nru 824/2000 (ĠU L 290, p. 29, iktar’il quddiem ir-“Regolament”) sabiex tieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni l-ġdida fis-sistema ta’ intervent marbuta, b’mod partikolari, mal-ħażna ta’ ċerti ċereali għal perijodu twil u l-effetti tagħha fuq il-kwalità tal-prodotti. Ir-Regolament jadatta l-kriterji ta’ kwalità stabbiliti mir-Regolament Nru 824/2000 u jintroduċi kriterju ġdid ta’ l-użin speċifiku għall-qamħ ir-rum. Dawn l-emendi japplikaw sa mill-1 ta’ Novembru 2006.

5        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 824/2000, kif emendat mir-Regolament, jippreċiża l-metodi li għandhom jiġu użati sabiex tiġi stabbilita l-kwalità taċ-ċereali offruti għall-intervent. L-Artikolu 3.9 jipprevedi l-metodu standard sabiex jiġi stabbilit l-użin speċifiku, jiġifieri l-metodu ISO 7971/2: 1995 u, għall-qamħ ir-rum, il-“metodi tradizzjonali applikabbli”.

6        Skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 824/2000, il-prezz li jrid jitħallas lil min jieħu l-offerta għandu jkun il-prezz ta’ l-intervent imsemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament OKS, jiġifieri EUR 101.31 għal kull tunnellata. Dan il-prezz għandu jiġi aġġustat b’kunsiderazzjoni għaż-żidiet u t-tnaqqis imsemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 824/2000.

7        L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 824/2000, kif emendat mir-Regolament, jippreċiża l-ammonti taż-żidiet u tat-tnaqqis li għandhom japplikaw għall-prezz ta’ l-intervent. Dan jipprovdi, b’mod partikolari, li:

“Iż-żidiet jew it-tnaqqis fil-prezz li bihom il-prezz ta’ l-intervent jiżdied jew jitnaqqas għandu jkunu espress fl-Euro għal kull tunnellata metrika u applikati konġunti, kif provvdut hawn taħt:

[…]

b) fejn l-użin speċifiku tal-qamħ komuni jew tax-xgħir offruti għall-intervent jiddifferixxi mill-użin speċifiku ta’ 76 kg/el jew 64 kg/el rispettivament, it-tnaqqis fil-prezz li jrid jiġi applikat għandu jkun dak imniżżel fil-lista fit-Tabella III ta’ l-Anness VII.

[…]”

8        L-Anness I tar-Regolament Nru 824/2000, kif emendat mir-Regolament, jipprevedi fil-punt E li l-użin speċifiku minimu għall-qamħ ir-rum huwa 71 kg/el.

9        It-tabella III ta’ l-Anness VII tar-Regolament Nru 824/2000, kif emendata mir-Regolament, tipprevedi t-tnaqqis tal-prezzijiet segwenti skond l-użin speċifiku għall-qamħ ir-rum: 0.5 EUR/tunnellata għall-użin speċifiku inqas minn 73 kg/el u sa 72 kg/el u 1 EUR/tunnellata għall-użin speċifiku inqas minn 72 kg/el u sa 71 kg/el.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

10      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Jannar 2006 indirizzata lid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat-Ġenerali tal-Kummissjoni “Agrikoltura u Żvilupp Rurali”, l-awtoritajiet Ungeriżi esprimew id-diffikultajiet li kellhom rigward il-ħażna fl-intervent għall-konservazzjoni tal-qamħ ir-rum maħżun għal perijodi twal, iż-żieda tal-perċentwali ta’ qamħ miksur u l-bżonn li l-Fond Agrikolu Ewropew ta’ garanzija jieħu r-responsabbiltà ta’ l-ispejjeż marbuta mal-ħażna għal perijodu twil.

11      Wara diversi diskussjonijiet, il-Kummissjoni fis-27 ta’ Lulju 2006, ippreżentat lill-grupp ta’ l-esperti tal-Kumitat ta’ ġestjoni taċ-ċereali (iktar’il quddiem il-“grupp ta’ l-esperti taċ-ċereali”), proposta ta’ regolament dwar it-tisħiħ tal-kundizzjonijiet relatati ma’ l-ammont massimu ta’ l-umdità, mal-qamħ miksur jew li huwa msaħħan wisq matul l-ixxuttar, u ma’ l-introduzzjoni ta’ kriterju ġdid għall-qamħ ir-rum dwar l-użin speċifiku minimu (73 kg/el). Ġie ppreċiżat li dawn il-bidliet kellhom jiġu adottati qabel l-1 ta’ Novembru 2006, id-data li fiha jibda l-perijodu ta’ intervent f’bosta Stati Membri.

12      Wara li l-Kummissjoni ħarġet il-proposta tar-Regolament, kien hemm numru kbir ta’ diskussjonijiet u skambju ta’ korrispondenza bejn ir-rappreżentanti tal-Gvern Ungeriż u dawk tal-Kummissjoni. Matul dawn id-diskussjonijiet, il-Gvern Ungeriż sostna li fil-fehma tiegħu l-proposti tal-Kummissjoni dwar il-qamħ miksur u l-użin speċifiku affettwaw l-Ungerija b’mod partikolarment ħażin u inġust fid-dawl tal-fatt li, f’kundizzjonijiet meteoroloġiċi normali, 90 % tal-produzzjoni tal-qamħ Ungeriża annwali tkun eskluża mill-intervent. Il-Gvern Ungeriż żied jgħid li t-tnaqqis tal-prezz ta’ l-intervent għall-inqas minn 75 kg/el jaffettwa globalment il-produzzjoni Ungeriża.

13      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Awwissu 2006, is-Segretarju ta’ l-Istat Ungeriż responsabbli għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali afferma l-pożizzjoni tal-Gvern, billi sostna dan b’informazzjoni provenjenti minn istituzzjonijiet ta’ analiżi tal-kwalità u talab lill-Kummissjoni sabiex terġa’ tikkunsidra l-proposta ta’ regolament.

14      Fil-31 ta’ Awwissu 2006, il-proposta ta’ regolament ġiet diskussa għat-tieni darba mill-grupp ta’ l-esperti taċ-ċereali. Matul din il-laqgħa, numru ta’ Stati Membri esprimew l-oppożizzjoni jew l-oġġezzjonijiet tagħhom fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ l-introduzzjoni tal-kriterju tal-kwalità ta’ l-użin speċifiku minimu.

15      Permezz ta’ ittra indirizzata lill-Kummissjoni f’din id-data, is-Segretarju ta’ l-Istat Ungeriż tenna l-pożizzjoni tal-Gvern Ungeriż u talab mill-ġdid li l-Kummissjoni terġa’ tikkunsidra l-fehma tagħha.

16      Fis-6 ta’ Settembru 2006, il-proposta ta’ regolament ġiet introdotta fis-sistema ta’ informazzjoni elettronika intiża għall-amministrazzjonijiet nazzjonali ta’ l-Istati Membri bil-ħsieb ta’ vot mill-Kumitat tal-ġestjoni taċ-ċereali qabel tmiem ix-xahar ta’ Settembru 2006.

17      Fis-7 ta’ Settembru 2006, il-grupp ta’ esperti taċ­-ċereali ddiskuta għal darb’oħra l-proposta ta’ regolament.

18      Fit-18 ta’ Settembru 2006, matul il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Agrikoltura, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika ta’ l-Awstrija ddikjaraw l-oppożizzjoni tagħhom rigward il-proposta ta’ regolament u l-Membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, Mariann Fischer Boel, impenjat ruħha li twettaq ċerti bidliet fil-proposta, filwaqt li sostniet li l-Kummissjoni kellha tħares l-interessi finanzjarji tal-Komunità.

19      Fil-21 ta’ Settembru 2006, sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-fehmiet tar-Repubblika ta’ l-Ungerija, tar-Repubblika Slovakka u tar-Repubblika ta’ l-Awstrija u ta’ l-irbit li ħadet il-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar ippreżentat lill-Kumitat tal-ġestjoni taċ-ċereali, proposta ta’ regolament emendata li fiha l-kundizzjoni ta’ l-użin speċifiku għall-qamħ ir-rum kien madankollu stabbilit għal 71 kg/el minflok 73 kg/el u t-tnaqqis fil-prezz kien previst għal kull valur bejn il-71 kg/el u 73 kg/el.

20      Fit-28 ta’ Settembru 2006, matul il-laqgħa tal-Kumitat tal-ġestjoni taċ-ċereali, l-ammont massimu ta’ l-umdità tal-qamħ previst fil-proposta ta’ regolament ġie aġġustat għal 13.5 % minflok 13 %.

21      Fit-18 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament, li daħal fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, fl-20 ta’ Ottubru 2006 u huwa applikabbli mill-1 ta’ Novembru 2006.

22      Il-premessi 2 u 3 tar-Regolament jipprovdu kif ġej:

“(2) Iċ-ċereali li l-kwalità tagħhom ma tippermettix użu jew ħażna adegwata m’għandhomx jiġu aċċettati għall-intervent. Għal dan il-għan, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni l-ġdida fil-qasam ta’ l-intervent marbuta, b’mod partikolari, mal-ħażna ta’ ċerti ċereali għal perijodu twil u l-effetti tagħha fuq il-kwalità tal-prodotti.

(3) Konsegwentement, huwa neċessarju li, sabiex il-prodotti ta’ l-intervent jiġu mħarsa mid-deterjorazzjoni u l-użu sussegwenti tagħhom, il-kriterji tal-kwalità tal-qamħ ir-rum previsti fl-Anness I tar-Regolament […] Nru 824/2000 għandhom jiġu msaħħa. Għal dan il-għan, l-ammont minimu ta’ l-umdità u l-perċentwali massimu tal-qamħ miksur u tal-qamħ imsaħħan mit-tnixxif għandhom jiġu mnaqqsa. Fid-dawl tas-similaritajiet agronomiċi bejn is-sorgu u l-qamħ ir-rum, u fl-interess tal-koerenza, l-istess miżuri għandhom japplikaw għas-sorgu. Barra minn hekk, fl-interess tal-koerenza maċ-ċereali l-oħra eligibbli għas-sistema ta’ intervent, għandu jiġi introdott kriterju ġdid ta’ l-użin speċifiku tal-qamħ ir-rum”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-17 ta’ Novembru 2006, ir-rikorrenti ressqet din it-talba intiża għall-annullament ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (iktar’il quddiem id-“dispożizzjonijiet ikkontestati”), jiġifieri :

–        fl-Artikolu 1(1), il-kliem “u, fil-każ tal-qamħ ir-rum, il-metodi tradizzjonali applikabbli”;

–        fl-Artikolu 1(3)(b), il-kliem “73 kg/el għall-qamħ ir-rum”;

–        fil-linja “E. Użin speċifiku minimu (kg/el)” tat-tabella tal-punt 1 ta’ l-Anness, il-valur “71” għall-qamħ ir-rum;

–        fit-tabella III fil-punt 2 ta’ l-Anness, il-valuri ta’ tnaqqis tal-prezz ta’ l-intervent għall-qamħ ir-rum.

24      Ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tirrinvija l-kawża quddiem l-Awla Manja skond l-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

25      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2006, il-Qorti tal-Prim’Istanza, billi interpretat it-talba ta’ rinviju tar-rikorrenti quddiem l-Awla Manja bħala li hija intiża, sussidjarjament, sabiex il-kawża tintbagħat quddiem Awla komposta minn ħamest Imħallfin, irrinvijat, fuq proposta tat-Tielet Awla, il-kawża quddiem it-Tielet Awla Estiża b’applikazzjoni tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li l-kawża għandha tinstema’ minn Awla li tkun komposta almenu minn ħamest Imħallfin meta Stat Membru jew istituzzjoni tal-Komunitajiet Ewropej iressqu talba f’dan is-sens.

26      Permezz ta’ att seperat ippreżentat fl-istess data, ir-rikorrenti ressqet talba intiża sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi r-rikors fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa, skond l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura.

27      Permezz ta’ att seperat ippreżentat fl-istess data, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji, skond l-Artikolu 242 KE, intiża sabiex jiġu sospiżi d-dispożizzjonijiet ikkontestati.

28      Permezz ta’ ittra ta’ l-4 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni esprimiet l-oppożizzjoni tagħha fir-rigward tat-talba għal proċedura mħaffa.

29      B’deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2006, il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet it-talba għal proċedura mħaffa.

30      B’digriet tas-16 ta’ Frar 2007, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni, (T-310/06 R, Ġabra p. II-15), il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħad it-talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni u rriżerva l-ispejjeż.

31      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

32      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tat-22 ta’ Mejju 2007.

33      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

34      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tiddeċiedi fuq l-ispejjeż skond il-liġi.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

35      Il-Kummissjoni tirrileva li r-rikors huwa intiż biss għall-annullament tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-użin speċifiku minimu għall-qamħ ir-rum u għandha dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ dan fid-dawl tal-fatt li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jiġux isseparati mill-bqija tar-Regolament. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, l-użin speċifiku huwa kriterju essenzjali magħżul mil-leġiżlatur sabiex iżid il-kwalità tal-qamħ mixtri f’intervent u sabiex jassigura, konsegwentement, il-bejgħ tal-qamħ ta’ kwalità wara ħażna għal perijodu twil.

36      Il-Kummissjoni ssostni li l-kriterju ta’ l-użin speċifiku huwa neċessarjament marbut ma kriterji oħra tal-kwalità stabbiliti mir-Regolament u għalhekk dan ta’ l-aħħar jikkostitwixxi dokument wieħed li ma jistax jiġi separat. Fil-fatt, tnaqqis ta’ l-ammont ta’ l-umdità jfisser inevitabilment żieda fl-użin speċifiku. Mingħajr dan il-kriterju ġdid ta’ l-użin speċifiku, il-possibbiltà vera ta’ bejgħ mill-ġdid tal-qamħ ma tkunx assigurata u l-kriterji eżistenti, anki jekk fis-seħħ, ikunu mingħajr effett. Barra minn hekk, din ir-rabta bejn il-kriterji differenti tal-kwalità hija rikonoxxuta mir-rikorrenti fil-punt 95 tar-rikors.

37      Ir-rikorrenti ssostni li t-talba għall-annullament parzjali tar-Regolament hija ammissibbli. Fil-fatt, il-kundizzjoni ta’ l-użin speċifiku ffissat għall-qamħ ir-rum tikkostitwixxi element separat distint mill-kriterji l-oħra ta’ l-intervent u li l-annullament ma jemendax oġġettivament is-sustanza tar-Regolament (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑29/99, Ġabra p. I‑11221, punti 45 u 46, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑239/01, Ġabra p. I‑10333, punti 34 u 37). Skond ir-rikorrenti, l-annullament ta’ din il-kundizzjoni ma jbiddel xejn mill-kontenut essenzjali tar-Regolament, peress li s-sitwazzjoni terġa’ lura għal dik li kienet qabel ma dan ġie adottat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

38      Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors peress li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jiġux isseparati mill-bqija tar-Regolament .

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-annullament parzjali ta’ Att Komunitarju huwa possibbli biss jekk l-elementi li qed jintalab l-annullament tagħhom jistgħu jiġu sseparati mill-bqija ta’ l-att (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 37 iktar’il fuq, punti 45 u 46; tal-21 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑378/00, Ġabra p. I‑937, punt 30, u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 37 iktar’il fuq, punt 33). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li din l-eżiġenza ta’ separazzjoni mhijiex sodisfatta meta l-annullament parzjali ta’ att għandu l-effett li jibdel is-sustanza ta’ dan l-att (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C‑36/04, Ġabra p. I‑2981, punti 13 u 14, u tat-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑540/03, Ġabra p. I‑5769, punt 28).

40      Fil-kawża preżenti, jirriżulta mir-Regolament li s-sustanza tiegħu hija kkostitwita mit-titjib tal-kwalità tal-qamħ ir-rum li huwa ammess għall-intervent. Għal dan il-għan, ir-Regolament jipprevedi żewġ tipi ta’ miżuri distinti, jiġifieri, minn naħa, skond l-ewwel sentenza tal-premessa 3 tar-Regolament, it-tisħiħ tal-kriterji tal-kwalità tal-qamħ ir-rum previst preċedentement fl-Anness I tar-Regolament Nru 824/2000, li r-rikorrenti ma titlobx l-annullament tiegħu, u min-naħa l-oħra, skond l-aħħar sentenza tal-premessa 3 tar-Regolament, l-introduzzjoni ta’ kriterju ġdid ta’ l-użin speċifiku għall-qamħ ir-rum, minħabba l-koerenza mas-sistemi applikabbli għaċ-ċereali oħra eliġibbli għall-intervent.

41      Minn dan jirriżulta li dawn iż­-żewġ tipi ta’ miżuri mhumiex marbuta inseparabbilment u li l-annullament parzjali eventwali tar-Regolament safejn dan jintroduċi kriterju ġdid ta’ l-użin speċifiku għall-qamħ ir-rum ma jemendax is-sustanza stess tad-dispożizzjonijiet li mhumiex suġġetti għall-annullament eventwali. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal kriterju l-ġdid ta’ l-użin speċifiku għall-qamħ ir-rum, il-kriterji tal-kwalità tal-qamħ ir-rum li huma previsti fir-Regolament (jiġifieri, il-livell massimu ta’ l-umdità tal-qamħ ir-rum, il-perċentwali massimu tal-qamħ miksur u l-perċentwali ta’ qamħ imsaħħan mit-tnixxif) huma dawk li jeżistu diġà fil-leġiżlazzjoni preċedenti, fin-nuqqas tal-kriterju ta’ l-użin speċifiku.

42      L-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-użin speċifiku huwa kriterju essenzjali magħżul mil-leġiżlatur sabiex itejjeb il-kwalità tal-qamħ mixtri f’intervent għandu jiġi miċħud. Minn naħa, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-Regolament imkien ma jipprovdi li l-użin speċifiku huwa kriterju essenzjali għat-titjib tal-kwalità tal-qamħ ammess għall-intervent. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk dan kien il-każ, il-Kummissjoni ma setgħetx tispjega kif l-annullament ta’ dawk id-dispożizzjonijiet biss li jipprovdu għall-introduzzjoni ta’ dan il-kriterju l-ġdid jemenda s-sustanza tar-Regolament.

43      Fir-rigward ta’ l-argument li l-kriterju ta’ l-użin speċifiku huwa neċessarjament marbut mal-kriterji l-oħra stabbiliti mir-Regolament, peress li nuqqas ta’ l-ammont ta’ l-umdità jipproduċi żieda ta’ l-użin speċifiku, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-Regolament ma jistabbilixxi ebda rabta bejn dawn iż-żewġ kriterji u li l-kriterju tal-livell ta’ l-umdità kien diġà jeżisti preċedentement fin-nuqqas tal-kriterju ta’ l-użin speċifiku.

44      Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet b’mod espliċitu, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha li t-tisħiħ tal-kriterji tal-kwalità preċedenti, u b’mod partikolari dak li jikkonċerna l-livell massimu ta’ l-umdità tal-qamħ ir-rum, huwa intiż sabiex jippermetti konservazzjoni aħjar tal-qamħ li huwa ammess għall-intervent, filwaqt li l-introduzzjoni tal-kriterju ta’ l-użin speċifiku għall-qamħ ir-rum hija intiża sabiex tistabbilixxi standard tal-kwalità tal-qamħ mixtri b’mod li jiġi assigurat li, anki wara ħażna għal perijodu twil li timplika neċessarjament nuqqas fil-kwalità, il-prodott jibqa’ suffiċjentement tajjeb sabiex jinbiegħ fis-suq.

45      Minn dak li ntqal jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jistgħu jiġu sseparati mill-bqija tar-Regolament, u għaldaqstant it-talba għall-annullament hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

46      In sostenn tar-rikors għal annullament, ir-rikorrenti tqajjem sitt motivi. L-ewwel motiv huwa bbażata fuq il-ksur ta’ l-aspettattivi leġittimi u tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ proporzjonalità. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-inkompetenza ta’ l-awtur tar-Regolament. It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-abbuż ta’ poter. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni. Fl-aħħar nett, is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kumitat tal-ġestjoni taċ-ċereali.

 Fuq l-ewwel motiv bbażat fuq il-ksur ta’ l-aspettattivi leġittimi u tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ proporzjonalità

 Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-aspettattivi leġittimi

–       L-argumenti tal-partijiet

47      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-aspettativi leġittimi tal-produtturi Ungeriżi in kwantu, billi introduċiet kriterju ġdid tal-kwalità dwar l-użin speċifiku tal-qamħ ir-rum tnax-il ġurnata qabel ma r-Regolament kellu jidħol fis-seħħ, hija emendat fundamentalment u b’mod mhux previst il-kundizzjonijiet ta’ intervent għall-qamħ ir-rum, anki fir-rigward tal-prodotturi prudenti u informati tajjeb.

48      Ir-rikorrenti tirrikonoxxi li fil-qasam ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq, li s-suġġett tiegħu jkollu jinbidel b’mod kostanti skond il-varjazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika, l-operaturi ekonomiċi mhumiex ġustifikati li jqiegħdu l-aspettativi leġittimi tagħhom fir-rigward taż-żamma ta’ sitwazzjoni ezistenti li tista’ tiġi emendata fil-kuntest tal-poter ta’ evalwazzjoni ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra p. I‑395, punt 33). Madankollu, hija tal-fehma li, fil-kawża preżenti, iċ-ċirkustanzi partikolari jippermettu li jiġi invokat il-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettativi leġittimi.

49      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi fis-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1991, Crispoltoni, (C‑368/89, Ġabra p. I‑3695, iktar’il quddiem is-“sentenza Crispoltoni I”), huma sodisfatti fil-kawża preżenti. L-ewwel nett, l-emendi dwar il-kwalità tal-prodott mixtri f’intervent saru wara li l-prodotturi Ungeriżi kienu ħadu d-deċiżjonijiet li jinvolvu investimenti importanti (xiri taż-żerriegħa, materjal għall-ħsad, ħriet, eċċ.). ll-kriterju l-ġdid ta’ l-użin speċifiku minimu jiddependi prinċipalment mill-varjetà taż-żerriegħa użata u ġie introdott minkejja li l-bdiewa ma setgħux ibidlu iktar l-artijiet maħduma u għaldaqstant lanqas l-investimenti tagħhom.

50      It-tieni nett, l-introduzzjoni tal-kriterju tal-kwalità ta’ l-użin speċifiku minimu għall-qamħ ir-rum qatt ma ġrat qabel u m’għandhiex preċedent la fid-dritt Komunitarju u lanqas fil-prassi Ewropej. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza li l-emenda tal-kriterji ta’ kwalità tal-qamħ ir-rum proposta f’intervent ġiet invokata għall-ewwel darba fis-27 ta’ Lulju 2006, waqt laqgħa tal-grupp ta’ l-esperti taċ-ċereali. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ informazzjoni preċedenti, il-produtturi Ungeriżi, anki dawk prudenti u avżati, ma setgħux leġittimament jantiċipaw li l-varjetà tal-qamħ maħsud u t-teknoloġija użata ma setgħux jippermettulhom li jipproduċu qamħ li jissodisfa l-kriterji għax-xiri ta’ intervent. Issa, minkejja li l-bdiewa jipproduċu għas-suq liberu, il-kundizzjonijiet ta’ intervent jinfluwenzaw madankollu d-deċiżjonijiet ekonomiċi tagħhom.

51      It-tielet nett, id-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ikkontestati ssorprendiet il-prodotturi li stennew leġittimament żmien biżżejjed sabiex jaddattaw rwieħhom ma’ l-introduzzjoni ta’ obbligu daqstant ġdid.

52      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-introduzzjoni ta’ kriterju ġdid ta’ l-użin speċifiku, li jindirizza l-għan ta’ armonizzazzjoni maċ-ċereali l-oħra eliġibbli għall-intervent, ma kienx prevedibbli u ma setax ikun antiċipat mill-bidliet li seħħew fis-suq. Filwaqt li r-rikorrenti tirrikonoxxi li l-prodotturi prudenti u avżati għandhom jantiċipaw riskji raġonevoli li jirriżultaw mill-bidliet ekonomiċi u jipprevedu l-emendi eventwali adottati mill-Kummissjoni sabiex jirrimedjaw in-nuqqas ta’ ekwilibriju fis-suq, hija tal-fehma li, madankollu, l-introduzzjoni tal-kundizzjoni ta’ l-użin speċifiku ma setgħetx tkun antiċipata minnhom fl-evalwazzjoni tagħhom tar-riskji marbuta mal-prodott. Għaldaqstant, skond ir-rikorrenti, huma ma jistgħux ibatu ħlas marbut ma’ l-introduzzjoni ta’ dan il-kriterju l-ġdid, li jmur lilhinn mir-riskji ekonomiċi inerenti għall-attività tagħhom ta’ l-agrikoltura.

53      Il-Kummissjoni ssostni, qabel xejn, li l-għan previst mill-adozzjoni tar-Regolament mhuwiex l-introduzzjoni ta’ miżura ta’ standardizzazzjoni, imma li tiġi solvuta problema ġdida li tkun qamet fil-qasam ta’ l-intervent mis-sena 2004/2005, marbuta mal-ħażna twila tal-qamħ u l-effetti tagħha fuq il-kwalità tal-prodott. Fil-fatt, billi l-qamħ huwa ċereali li, fid-dawl tal-karatteristiċi bijoloġiċi tiegħu, għandu t-tendenza li jiddeterjora faċilment, il-ġestjoni tajba tal-ħażna timplika, skond il-Kummissjoni, li jiżdiedu l-kriterji tal-kwalità. Għalhekk, hija ssostni, minn naħa, li t-tisħiħ tal-kriterji eżistenti, jiġifieri l-ammont ta’ l-umdità kif ukoll il-perċentwali tal-qamħ miksur u msaħħan, għandhom jippermettu li tiġi evitata deterjorazzjoni mgħaġġla wisq tal-qamħ ir-rum u li għaldaqstant tiġi assigurata konservazzjoni itwal, u min-naħa l-oħra, li l-introduzzjoni ta’ kriterju ġdid ta’ l-użin speċifiku minimu għandha tassigura ċerta kwalità ta’ qamħ mixtri b’mod li l-qamħ li jinħażen għal perijodu twil huwa ta’ kwalità tajba għal bejgħ.

54      Il-Kummissjoni tenfasizza li, sabiex tassigura ċertu prezz tas-suq għall-produtturi tal-qamħ, mhuwiex neċessarju li l-Komunità tixtri permezz tas-sistema ta’ intervent il-produzzjoni kollha ta’ l-Istati Membri u b’mod partikolari, iċ-ċereali ta’ kwalità inferjuri. Għalhekk, jekk jitqies li parti importanti mill-ħsad Ungeriż ma ssodisfatx il-kriterji ta’ intervent, l-aġenzija ta’ l-intervent madankollu żżomm l-irwol tagħha tal-protezzjoni tas-suq, peress li tippermetti ż-żamma ta’ ċertu livell ta’ prezz, fejn l-unika bidla tkun li l-qamħ mixtri f’intervent huwa ta’ kwalità aħjar.

55      Sussegwentement, il-Kummissjoni, filwaqt li tirrikonoxxi li l-varjetà tal-qamħ tista’ tinfluwenza l-użin speċifiku finali tal-ħsad, tikkontesta l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-użin speċifiku jiddependi prinċipalment mill-varjetà tal-qamħ miżrugħ.

56      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-użin speċifiku jippermetti li tiġi kkalkolata d-densità tal-qamħ billi jintiżen volum magħruf ta’ qamħ u jiġi mqabbel ma l-istess volum ta’ ilma. Il-kriterju ta’ l-użin minimu speċifiku huwa fattur tal-klassifikazzjoni tal-qamħ li skondu kwalità aħjar tal-qamħ tikkorrispondi għal użin speċifiku għoli. Hija ssostni li, b’mod ġenerali, l-użin speċifiku jiddependi fuq il-kontenut ta’ l-ilma u l-livell ta’ l-impuritajiet, b’tali mod li l-użin speċifiku jiżdied meta l-ammont ta’ l-umdità taċ-ċereali jonqos jew viċi versa. Konsegwentement, meta l-ġabra tal-qamħ hija għolja minħabba kundizzjonijiet klimatiċi ideali f’termini ta’ xemx u fuq kollox ta’ l-ammont ta’ l-ilma, l-użin speċifiku għandu t-tendenza li jkun baxx, u viċi versa, fl-istaġuni niexfin. Minn dan isegwi li, skond il-Kummissjoni, l-użin speċifiku tal-qamħ maħsud huwa kriterju miftuħ li jiddependi fuq numru ta’ fatturi, li l-iktar wieħed importanti huwa l-klima tas-sena in kwistjoni. Il-fatturi l-oħra li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni huma l-varjetà taż-żerriegħa, il-kwalità tal-ħamrija u l-prassi ta’ l-agrikoltura.

57      Il-Kummissjoni tisħaq li l-varjetà “sinna taż-żiemel”, li hija kkultivata prinċipalment fl-Ungerija, tipproduċi qamħ ir-rum li, minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi, jista’ jilħaq użin speċifiku varjabbli u li l-użin speċifiku minimu ffissat għax-xiri ta’ intervent (71 kg/el) huwa milħuq b’mod estensiv, skond is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni. Hija ssostni li, barra minn hekk, ir-rikorrenti stess sostniet li, dik il-varjetà tipproduċi qamħ ir-rum li tvarja bejn 68 kg/el u 74 kg/el. Il-fatt li l-katalgi taż-żerriegħa tal-qamħ ir-rum ma jispeċifikawx l-użin speċifiku ta’ kull żerriegħa hija indikazzjoni li dan il-kriterju mhuwiex marbut prinċipalment mal-varjetà magħżula u li tinbidel bi proporzjonijiet simili għal varjetajiet kollha. Il-varjazzjonijiet misjuba fis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2001 sa 2006, kif indikat fit-tabella fl-Anness A.12 tar-rikors, juru li l-użin speċifiku medju jiddependi essenzjalment minn fatturi klimatiċi.

58      Peress li l-użin speċifiku ma jiddependix prinċipalment mill-varjetà tal-qamħ ir-rum miżrugħ, l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati ma tikkostitwixxix, skond il-Kummissjoni, miżuri li għandhom effetti fuq l-investimenti tal-produtturi.

59      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-analiżi ta’ l-awtoritajiet Ungeriżi li ħadet bħala punt ta’ tluq is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2005/2006 li kienet allegatament normali, sabiex tiddetermina l-użin speċifiku medju għall-ħażna ta’ l-2006/2007. F’dan ir-rigward, hija tispjega li s-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 ipproduċiet ħsad li kien normali, anki tajjeb f’termini ta’ xita u xemx, u li ma jistax jiġi mqabbel mas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni preċedenti li kienet eċċezzjonali u ppoduċiet ħażna ta’ użin speċifiku minimu li kien kemmxejn inqas mill-użin speċifiku minimu ta’ 71 kg/el. Il-Kummissjoni żżid tgħid li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet klimatiċi favorevoli sa Novembru 2006, il-produtturi Ungeriżi, li kienu avżati bir-rekwiżiti ġodda tal-kwalità, setgħu jibqgħu jżommu l-ħsad, li kellu jippermetti nuqqas fl-ammont ta’ l-umdità. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikorrenti ma ppreżentatx provi biżżejjed sabiex issostni l-argument tagħha li skondu nofs il-ħsad Ungeriż ma ssodisfax il-kundizzjonijiet tax-xiri ta’ intervent.

60      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tenfasizza li t-tisħiħ tal-kriterji tal-kwalità tal-qamħ ir-rum, bil-ħsieb li jiġi assigurat li l-ħażniet jistgħu jinbiegħu sabiex jiġu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-Komunità, madankollu, ma pprekludietx li parti kbira tal-produzzjoni setgħet tiġi offruta għall-intervent, peress li wara d-diskussjonijiet tal-grupp ta’ l-esperti taċ-ċereali u sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni l-preokkupazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Ungeriżi, hija emendat il-kriterju ta’ l-użin speċifiku minimu, billi naqqsitu minn 73 kg/el għal 71 kg/el.

61      F’dan ir-rigward, hija żżid tgħid li s-sitwazzjoni attwali fis-swieq nazzjonali u internazzjonali taċ-ċereali hija fundamentalment differenti mis-sitwazzjoni preċedenti. Għalhekk, il-prezz tas-suq attwali huwa għoli ħafna u b’mod ġenerali ogħla mill-prezz ta’ l-intervent. L-offerti magħmula f’Novembru 2006 rigward sejħa għal offerti tal-qamħ ir-rum magħmula mill-aġenzija ta’ l-intervent Ungeriża għal bejgħ mill-ġdid fis-suq domestiku jvarjaw minn 123 EUR/tunnellata għal 103 EUR/tunnellata għax-xiri ta’ intervent ta’ qamħ ir-rum u l-bejgħ sar abbażi tal-prezz minimu ffissat skond il-ġimgħat, għal 112 u 123 EUR/tunnellata. Minbarra dan, il-Kummissjoni tosserva li, peress li fil-Komunità l-kundizzjonijiet fis-suq liberu huma iżjed favorevoli għal prodotturi milli offerta għall-intervent, l-offerti ta’ intervent tal-qamħ ir-rum irċevuti sa llum jammontaw għal 8 355 tunnellata (kollha fl-Ungerija) u jikkorrispondi għal kwantità insinjifikanti meta mqabbla mal-kwantitajiet offerti fl-istess perijodu fl-2005 (1 755 825 tunnellata, li minn dawn 1 273 106 kienu fl-Ungerija). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tindika li kien hemm nuqqas kunsiderevoli fis-suq internazzjonali tal-ħażniet fil-pajjiżi li huma ‘esportaturi netti’ tal-qamħ ir-rum u li l-produzzjoni globali hija inqas mill-konsum.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

62      Ir-rikorrenti ssostni li, billi introduċiet kriterju ġdid dwar l-użin speċifiku tal-qamħ ir-rum tnax-il ġurnata qabel ma r-Regolament beda japplika, il-Kummissjoni kisret l-aspettattivi leġittimi tal-produtturi Ungeriżi.

63      Skond ġurisprudenza stabbilita, il-kummerċjanti ma jistgħux jqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma fis-seħħ ta’ sitwazzjoni eżistenti li l-bidla tagħha qiegħda fid-diskrezzjoni ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1982, Edeka, 245/81, Ġabra p. 2745, punt 27, u Delacre et vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar’il fuq, punt 33). Dan japplika, b’mod speċjali, f’qasam bħal dak ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq, li s-suġġett tagħha jinvolvi aġġustament kostanti skond il-varjazzjonijiet fis-sitwazzjoni ekonomika (sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1994, Crispoltoni et, C-133/93, C-300/93 u C-362/93, Ġabra p. I-4863, iktar’il quddiem is-“sentenza Crispoltoni II”, punt 57, u ta’ l-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C-104/97 P, Ġabra p. I-6983, punt 52).

64      Barra minn hekk, kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Crispoltoni I, punt 48 iktar’il fuq (punt 17), “għandu jiġi rrilevat li, skond ġurisprudenza stabbilita (ara, inter alia, is-sentenzi tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, Ġabra p. 69, punt 20, u Decker, 99/78, Ġabra p. 101, punt 8), jekk, bħala regola ġenerali, il-prinċipju taċ-ċertezza ta’ sitwazzjonijiet legali jipprekludi att Komunitarju milli jkollu effett minn data preċedenti għall-pubblikazzjoni tiegħu, jista’, eċċezzjonalment, jiġri mod ieħor meta l-għan li jrid jintlaħaq hekk jitlob u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament irrispettati” u “din il-ġurisprudenza tapplika wkoll fil-każ fejn ir-retroattività mhijiex espliċitament prevista mill-att innifsu, imma tirriżulta mill-kontenut tiegħu”.

65      F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi tistabbilixxi matul is-sena, wara li jkunu ttieħdu deċiżjonijiet li jimplikaw investimenti (artijiet li għandhom jiġu kkultivati, pjantaġġuni, eċċ.) kwantità massima assigurata għat-tabakk u billi pprovdiet nuqqas proporzjonali fil-prezz ta’ l-intervent u primjum jekk din il-kwantità taqbeż il-limitu, ir-Regolamenti in kwistjoni kienu ppreġudikaw l-aspettativi leġittimi ta’ l-operaturi ekonomiċi kkonċernati. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li “minkejja li dawn l-operaturi kkunsidraw li miżuri intiżi sabiex jillimitaw żieda fil-produzzjoni tat-tabakk fil-Komunità u sabiex jiskoraġġixxu l-produzzjoni ta’ varjetajiet li kien diffiċli li jinħelsu kienu prevedibbli, huma kellhom id-dritt jantiċipaw li miżuri eventwali li kellhom effetti fuq l-investimenti tagħhom setgħu jiġu nnotifikati lilhom fi żmien xieraq” (Crispoltoni I, punt 49 iktar’il fuq, punt 21).

66      Is-sitwazzjoni fil-kawża preżenti hija ċertament simili għal dik in kwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Crispoltoni I, punt 49 iktar’il fuq.

67      Fil-fatt, ir-Regolament ġie adottat fit-18 ta’ Ottubru, u huwa applikabbli sa mill-1 ta’ Novembru 2006, jiġifieri l-ewwel jum tal-perijodu ta’ intervent ikkonċernat, b’tali mod li l-kriterji l-ġodda li stabbilixxa japplikaw għall-qamħ ir-rum miżrugħ fir-rebbiegħa ta’ l-2006 u maħsud fil-ħarifa ta’ l-2006.

68      Għalhekk, billi introduċew kriterju ġdid dwar l-użin speċifiku tal-qamħ ir-rum tnax-il ġurnata qabel ma sar applikabbli r-Regolament, jiġifieri waqt il-mument fejn il-prodotturi kienu diġà wettqu l-ħsad u ma setgħux jinfluwenzaw iżjed l-użin speċifiku tal-prodott, id-dispożizzjonijiet ikkontestati kellhom effett fuq l-investimenti tal-produtturi kkonċernati safejn dawn biddlu fundamentalment il-kundizzjonijiet ta’ intervent għall-qamħ ir-rum.

69      Barra minn hekk, għandu jiġu kkonstatat li l-miżuri in kwistjoni ma kinux innotifikati fi żmien xieraq lill-bdiewa kkonċernati. Fl-argumenti tagħha dwar ksur ta’ l-aspettativi leġittimi, il-Kummissjoni ma tat ebda prova li setgħet tikkontradixxi l-affermazzjoni tar-rikorrenti li skondha anki l-produtturi prudenti u avżati tajjeb ma setgħux jantiċipaw l-adozzjoni tar-Regolament. L-iktar l-iktar il-Kummissjoni tillimita ruħha li ssemmi, fil-parti introduttiva tar-replika tagħha, l-ittra tat-13 ta’ Jannar 2006 ta’ l-awtoritajiet Ungeriżi indirizzata lill-Kummissjoni fejn stqarrew id-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom fil-ħażna ta’ intervent għall-konservazzjoni tal-qamħ, id-diskussjoni tad-9 ta’ Marzu 2006 fi ħdan il-grupp ta’ l-esperti taċ-ċereali dwar il-kwistjoni tal-ħażna tal-qamħ għal perijodu twil, l-ittra tal-Kummissjoni indirizzata lill-awtoritajiet Ungeriżi u diskussjonijiet ġodda li saru f’Ġunju 2006. Madankollu, jidher li ebda minn dawn id-diskussjonijiet jew ittri bl-ebda mod ma għamel riferiment għall-kwistjoni ta’ l-introduzzjoni, anki jekk eventwali, ta’ kriterju ġdid ta’ l-użin speċifiku.

70      Kuntrarjament, mill-inkartament jirriżulta li kien biss fis-27 ta’ Lulju 2006, jiġifieri wara li ttieħdu d-deċiżjonijiet ta’ l-investimenti mill-bdiewa kkonċernati, li l-Kummissjoni ppreżentat lill-Kumitat tal-ġestjoni taċ-ċereali l-proposta ta’ regolament intiża għall-introduzzjoni tal-kriterju ta’ l-użin ikkontestat.

71      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, minn naħa, il-miżuri kkontestati ma saħħewx biss il-kriterji preċedenti, imma introduċew kriterju ġdid u, min-naħa l-oħra, li l-kundizzjoni ta’ l-użin speċfiku m’għandhiex preċedent fil-kummerċ tal-qamħ ir-rum fil-Komunità. Hekk, kif ġie deċiż fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Marzu 1998, Petridi (C‑324/96, Ġabra p. I‑1333, punti 43 sa 45), il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Crispoltoni I, punt 49 iktar’il quddiem, qieset li r-Regolamenti in kwistjoni ppreġudikaw l-aspettattivi leġittimi ta’ l-operaturi ekonomiċi kkonċernati in kwantu dawn introduċew sistema ta’ kwantitajiet massimi ta’ garanzija li ma kinux jafu bihom l-operaturi ekonomiċi kkonċernati kemm fir-rigward tal-karattru tal-miżuri l-ġodda ta’ l-organizzazzjoni tas-suq tat-tabakk fil-Komunità kif ukoll fir-rigward tad-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

72      Minn dak li ntqal jirriżulta li, billi introduċew kriterju ġdid ta’ l-użin speċifiku minimu li bih valur inqas minnu ma jistax jiġi offert lill-aġenzija ta’ l-intervent għax inkella jkollu jitnaqqas il-prezz, mingħajr ma l-prodotturi kkonċernati kienu informati fi żmien xieraq, id-dispożizzjonijiet ikkontestati kisru l-aspettativi leġittimi ta’ dawn il-produtturi. Għaldaqstant, l-ewwel parti ta’ l-ewwel eċċezzjoni hija fondata.

73      Ebda argument imressaq mill-Kummissjoni ma jdgħajjef din il-konklużjoni.

74      L-ewwel nett, l-argument li jgħid li l-ġestjoni tajba tal-ħażniet imponiet żieda tal-kriterji tal-kwalità u li l-użin speċifiku kien fattur wieħed tal-kwalità, huwa nieqes mir-rilevanza fil-kuntest ta’ l-eżami tal-motiv preżenti bbażat fuq il-ksur ta’ l-aspettattivi leġittimi. Effettivament, il-kwistjoni mhijiex li jiġi magħruf jekk il-miżuri kkontestati humiex adegwati (din il-kwistjoni hija s-suġġett tal-motiv ta’ l-abbuż tal-poter u ta’ l-iżball manifest ta’ l-evalwazzjoni) iżda, f’każ li jiġi presuppost li huma adegwati, jekk l-introduzzjoni retroattiva wasslitx għall-ksur ta’ l-aspettattiva leġittima tal-produtturi kkonċernati.

75      It-tieni nett, l-argument li skondu l-miżuri kkontestati ma jikkostitwixxux miżuri li jaffettwaw l-investimenti peress li l-użin speċifiku ma jiddependix prinċipalment mill-varjetà miżrugħa għandu jiġi miċħud ukoll.

76      Id-deċiżjonijiet ta’ l-investimenti ma jistgħux jiġu limitati għall-għażla taż-żerriegħa, imma jinkludi l-istadji kollha sa mid-deċiżjoni li jiġi miżrugħ il-qamħ ir-rum u d-determinazzjoni ta’ l-artijiet li għandhom jiġu miżrugħa sal-ħsad. Bil-ħsieb li jintwera li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ppreġudikaw l-investimenti tal-produtturi kkonċernati, ir-rikorrenti sostniet, barra minn hekk, li l-Kummissjoni biddlet il-kundizzjonijiet ta’ intervent għall-qamħ ir-rum f’mument fejn il-prodotturi kienu diġà wettqu l-ħsad. Minkejja li r-rikorrenti sostniet li t-tip ta’ żerriegħa magħżula tiddetermina fil-biċċa l-kbira l-użin speċifiku tal-prodott maħsud, hija madankollu ddefiniet l-investiment b’mod wiesgħa u f’dan ir-rigward semmiet materjali u metodi oħra użati, il-preparazzjoni tal-ħamrija, l-adaptor speċjali għal ħassada combine u, b’mod ġenerali, it-teknoloġija użata.

77      Barra minn hekk, minbarra li huwa nieqes mir-rilevanza, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-użin speċifiku ma jiddependix mill-varjetà mhuwiex konvinċenti. Għandu jiġi osservat, qabel xejn, li l-Kummissjoni llimitat ruħha għal affermazzjoni mhux sostnuta u li għalhekk l-argument ma jidhirx li jikkontradixxi l-elementi u l-istudji invokati mir-rikorrenti. Għalhekk, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, li skondha t-tabella ppreżentata mir-rikorrenti (Anness A.12 tar-rikors), li tindika l-użin speċifiku medju tal-qamħ ir-rum maħsud fl-Ungerija bejn l-2001 u l-2006, turi li l-użin speċifiku ta’ ħsad jiddependi essenzjalment minn fatturi klimatiċi, peress li dan ivarja minn sena għal oħra mingħajr mhemm bidla kbira fil-varjetajiet tal-qamħ ir-rum maħsud, mhijiex fondata. Fil-fatt, skond din it-tabella, l-użin speċifiku medju varja minn 70.90 kg/el għal 73.22 kg/el u kif jidher ċar mid-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti (Anness A.6 tar-rikors), il-varjetà “sinna taż-żiemel”, li hija prinċipalment ikkultivata fl-Ungerija, tipproduċi qamħ ir-rum ta’ użin speċifiku bejn 68 u 74 kg/el, filwaqt li varjetajiet oħra jilħqu użin speċifiku ogħla (74 sa 82 kg għal varjetà Keményszemű u 72 sa 79 kg għal varjetà Puhaszemű). Sussegwentement, il-Kummissjoni ammettiet, kemm fis-sottomissjonijiet bil-miktub kif ukoll fit-trattazzjoni tagħha li, l-varjetà tista’ tinfluwenza, sa ċertu punt, l-użin speċifiku normali tal-ħsad. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-użin speċifiku tal-qamħ ir-rum huwa kriterju flessibbli li jiddependi minn numru kbir ta’ fatturi fejn dak prinċipali huwa l-klima matul is-sena partikolari u l-fatturi l-oħra huma l-kwalità tal-ħamrija u fuq kollox il-mod kif issir il-kultivazzjoni (data taż-żrigħ, kwalità tat-tħawwil, l-attenzjoni li tingħata lill-irrigazzjoni, data tal-ħsad, eċċ.). Issa, minbarra l-klima, il-fatturi l-oħra kollha msemmija setgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-produtturi kkonċernati sabiex jipproduċu qamħ ir-rum b’użin speċifiku ogħla jekk dawn kienu informati fi żmien xieraq bil-miżuri maħsuba.

78      It-tielet nett, fir-rigward ta’ l-argument ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti ma wrietx suffiċjentement skond id-dritt li iktar minn nofs il-ħsad Ungeriż ma ssodisfax il-kriterju ta’ l-użin speċifiku, huwa biżżejjed li jiġi osservat li fis-sentenza Crispoltoni I, punt 49 iktar’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma esponiet ebda kundizzjoni dwar l-importanza ta’ l-effetti fuq l-investimenti sabiex tikkonstata ksur ta’ l-aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni la indikat fuq liema bażi tinsab din il-kundizzjoni u lanqas il-perċentwali tal-ħsad li għandu jiġi affettwat sabiex jiġi aċċettat li l-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittimi huwa miksur.

79      Barra minn hekk, jirriżulta mit-tabella (Anness A.12 tar-rikors) li ppreżentat ir-rikorrenti u li ma kinitx ikkontestata mill-Kummissjoni li, anki fis-snin li matulhom l-użin speċifiku medju tal-ħsad kien l-ogħla, 10 % ta’ dan ma ssodisfax il-kriterju mitlub mid-dispożizzjonijiet ikkontestati sabiex jiġi ammess għall-intervent u kważi 40 % tal-produzzjoni kienet tiġi affettwata bi tnaqqis tal-prezz.

80      Barra minn hekk, anki jekk il-bdiewa jipproduċu l-ewwel għas-suq liberu, xorta jibqa’ l-fatt li l-kundizzjonijiet ta’ intervent jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi tagħhom u huma jistgħu raġonevolment jantiċipaw, meta jwettqu l-investimenti tagħhom (żrigħ, kultivazzjoni, eċċ.), li l-varjetajiet u t-teknoloġija użata jibqgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet Komunitarji ta’ kwalità mitluba sabiex il-qamħ ir-rum li huma pproduċew jista’ jiġi offert għall-intervent. Wara kollox, fis-sentenza Crispoltoni I, punt 49 iktar’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat invalidu r-regolament in kwistjoni li kien jipprevedi sempliċiment it-tnaqqis ta’ 1 % tal-prezz ta’ l-intervent kif ukoll ta’ primjums dwar il-varjetajiet differenti tat-tabakk kellhom jitnaqqsu b’1 %, u l-qorti nazzjonali kienet irreferiet għall-allokazzjoni ta’ produttur wieħed biss.

81      Minn dak li ntqal isegwi li d-dispożizzjoni kkontestati għandhom jiġu annullati.

82      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-motiv dwar il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-rikorrenti sostniet ukoll li l-Kummissjoni ma kinitx indikat il-motivi partikolari li għalihom il-kriterji l-ġodda, iżjed rigorużi, kellhom japplikaw mill-perijodu tal-ftuħ ta’ l-offerti ta’ intervent, fil-1 ta’ Novembru 2006, jiġifieri tnax-il ġurnata wara li ġie ppubblikat ir-Regolament.

83      Skond ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha l-għan li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu bir-raġunijiet li għalihom ġiet adottata l-miżura u għalhekk ikun possibbli għalihom li jiddefendu l-interessi tagħhom u għal qorti Komunitarja li teżerċita s-setgħa ta’ stħarriġ. Għaldaqstant, hija għandha tevoka, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament ta’ l-awtorità Komunitarja, li adottat l-att in kwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fis-sentenza ta’ l-1 ta’ April 1993, Diversinte u Iberlacta (C‑260/91 u C‑261/91, Ġabra p. I‑1885, punt 10), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat invalidu r-regolament ikkontestat f’din il-kawża billi kkunsidrat li l-motivazzoni tagħha ma ppermettietx lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkontrolla jekk l-aspettattivi leġittimi ta’ l-operaturi kkonċernati kinux imħarsa.

84      Issa, għandu jingħad li r-Regolament ma jagħti ebda raġunijiet għalfejn il-miżuri l-ġodda kkontestati għandhom japplikaw immedjatament għall-ħsad kurrenti, billi l-premessa 9 tipprovdi biss li “l-emendi previsti fir-Regolamenti preżenti għandhom japplikaw sa mill-1 ta’ Novembru 2006 għall-offerti ta’ intervent għaċ-ċereali”, u żżid, “għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea”.

85      Fid-difiża tagħha, il-Kummissjoni tindika sempliċiment li l-għażla tad-dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2006 hija ġustifikata, kif indika mill-bidu l-persunal tal-Kummissjoni, bil-ftuħ tal-perijodu ta’ intervent fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri. Minbarra dan, l-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea, fl-1 ta’ Jannar 2007, tar-Rumanija u tar-Repubblika tal-Bulgarija, li bejniethom jipproduċu bejn 12 u 13-il miljuni ta’ tunnellati tal-qamħ ir-rum, tiġġustifika l-urġenza li tittieħed tali azzjoni.

86      Minbarra l-fatt li n-nuqqas komplet ta’ motivazzjoni fir-Regolament għal dak li jirrgiwarda d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu ma tistax tittaffa mill-indikazzjonijiet ipprovduti matul il-proċess ta’ tfassil, il-fatt li l-ftuħ tal-perijodu ta’ intervent huwa l-1 ta’ Novembru 2006 jikkostitwixxi biss osservazzjoni ġenerali li ma tistax tiġi kkunsidrata bħala motivazzjoni speċifika li tesponi l-effett mixtieq mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

87      Fir-rigward tal-fatt li l-produzzjoni tal-qamħ ir-rum fir-Rumanija u l-Bulgarija, li l-adeżjoni tagħhom seħħet fl-1 ta’ Jannar 2007, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni mhux biss ma tallegax li dan il-fatt ma ssemma f’ebda stadju tal-proċess leġiżlattiv, imma wkoll li ma jistax jingħad raġonevolment li din is-sitwazzjoni ma kinitx prevedibbli u ma setgħetx tittieħed in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fi żmien xieraq sabiex tevita li tippreġudika l-aspettattivi leġittimi ta’ dawk ikkonċernati. Iktar minn hekk, motivazzjoni bħal din għandha t-tendenza li ssaħħaħ l-argument tar-rikorrenti, li l-introduzzjoni tal-kriterju ta’ l-użin speċifiku ma kienx intiż la għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħażna u lanqas għall-armonizzazzjoni tas-sistemi ta’ intervent, imma sabiex jiġu llimitati l-kwantitajiet tal-qamħ ir-rum eliġibbli għall-intervent.

88      Għaldaqstanti, id-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati in kwantu r-Regolament huwa vvizzjat bil-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni.

89      Matul is-seduta, il-Qorti tal-Ġustizzja interrogat lill-partijiet dwar l-effetti fiż-żmien ta’ annullament eventwali li jirriżulta mill-ksur ta’ l-aspettattivi leġittimi, billi din il-kwistjoni ma tqajmitx fis-sottomissjonijiet bil-miktub.

90      Kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, safejn mhemmx ikkonstat, f’din il-parti ta’ dan il-motiv, ksur tad-dritt Komunitarju safejn id-dispożizzjonijiet ikkontestati jiffissaw kriterju ġdid ta’ l-użin speċifiku minimu applikabbli immedjatament għall-ħsad tal-ħarifa ta’ l-2006 mingħajr ma ġew informati l-produtturi kkonċernati fi żmien xieraq, l-annullament fuq dan l-argument jista’ jaffettwa biss il-qamħ ir-rum miżrugħ u kkultivat qabel ma ġew adottati d-dispożizzjonijiet ikkontestati.

91      Minn dak li ntqal jirriżulta li, abbażi ta’ din il-parti tal-motiv, id-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati in kwantu, mill-inqas, dawn japplikaw għall-ħsad tal-qamħ ir-rum fl-2006.

92      Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

 Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji taċ-­ċertezza legali u ta’ proporzjonalità

–       L-argumenti tal-partijiet

93      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji taċ-­ċertezza legali u ta’ proporzjonalità safejn, billi ppubblikat ir-Regolament tnax-il ġurnata biss qabel il-ftuħ tal-perijodu ta’ intervent fl-Ungerija, il-leġiżlazzjoni l-ġdida Komunitarja ma kinitx prevedibbli mill-produtturi. Dawn kienu iktar minn hekk mhux prevedibbli minħabba li l-għan mixtieq ma kienx aġġustament mgħaġġel għal sitwazzjoni ekonomika fis-suq, imma standardizzazzjoni tal-kriterji tal-kwalità taċ-ċereali eliġibbli għall-intervent, li huwa a priori għan tekniku u għal perijodu twil.

94      Ir-rikorrenti hija tal-fehma li l-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tal-produtturi Ungeriżi u li tadatta l-applikazzjoni tal-kriterji l-ġodda għal xiri ta’ intervent, skond il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Gemeente Leusden u Holin Groep (C‑487/01 u C‑7/02, Ġabra p. I‑5337), u tas-7 ta’ Ġunju 2005, Vereniging voor Energie et (C‑17/03, Ġabra p. I‑4983). Is-sitwazzjoni tal-bdiewa hija kkaratterizzata mill-aġġustament ta’ l-attività bijoloġika u tal-produzzjoni tal-qamħ ir-rum li jibdew permezz ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet segwiti minn azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni (xiri taż-żerriegħa, żrigħ, eċċ.) u li jintemmu bil-ħsad li jseħħ wara numru ta’ xhur.

95      Ir-rikorrenti ssostni li, billi introduċiet id-dispożizzjonijiet ikkontestati mingħajr perijodu ta’ tranżizzjoni jew mingħajr applikazzjoni progressiva ta’ dawn, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll il-prinċipju stabbilit mill-Artikolu 33(2) KE, li jeżiġi li kunsiderazzjoni xierqa għandha tingħata lill-bżonn li l-bidliet xierqa fil-qasam agrikolu jsiru gradwalment. Ir-rikorrenti tenfasizza l-importanza tal-produzzjoni Ungeriża fil-Komunità (17 sa 18 %) u ta’ l-effett ta’ kriterju ġdid eżiġenti li jimplika li nofs il-produzzjoni Ungeriża tkun ineliġibbli għall-intervent. Hija tirrileva li, billi tittieħed in kunsiderazzjoni l-kwalità eċċellenti tal-qamħ ir-rum Ungeriż, dan il-kriterju l-ġdid jimplika l-ineliġibbiltà ta’ parti sinjifikattiva tal-produzzjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-għan ta’ standardizzazzjoni li tipprova tilħaq il-leġiżlazzjoni l-ġdida jiġġustifika inqas l-applikazzjoni immedjata tal-kriterju l-ġdid ta’ l-użin speċifiku minimu.

96      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti hija tal-fehma li dan il-kriterju l-ġdid, li mhuwiex użat fil-prassi kummerċjali għall-qamħ ir-rum fl-Ewropa, ma jistax japplika kif inhu. Effettivament, il-bdiewa ma jkunux f’pożizzjoni li jiddeterminaw liema varjetà li tipproduċi qamħ tissodisfa l-kriterju l-ġdid tal-kwalità, b’mod partikolari, fid-dawl tal-katalgi taż-żerriegħa li ma jispeċifikawx l-użin speċifiku u fid-dawl ta’ l-użin speċifiku tal-varjetà tal-qamħ ir-rum “sinna taż-żiemel” ikkultivat fl-Ungerija li jvarja minn 68 sa 74 kg/el. Ir-rikorrenti tikkunsidra, konsegwentement, li daqs nofs il-varjetajiet taż-żerriegħa ma jipproduċux, indipendentement mill-volontà tal-bdiewa, qamħ ir-rum eliġibbli għall-intervent. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ varjetajiet ġodda ta’ żerriegħa li jistgħu jipproduċu qamħ li jissodisfa l-kriterju ta’ l-użin speċifiku minimu teżiġi perijodu twil, jiġifieri madwar għaxar snin, b’mod li huwa kważi impossibbli għal produtturi Ungeriżi li jippreparaw ruħhom sabiex josservaw ir-Regolament.

97      Il-Kummissjoni tfakkar qabel xejn li l-għan mixtieq mit-tisħiħ tal-kriterji tal-kwalità tal-qamħ ir-rum eliġibbli għall-intervent mhuwiex limitat għall-kwistjoni ta’ standardizzazzjoni. L-għan veru huwa li tiġi evitata d-deterjorazzjoni tal-ħażniet u li jiġi permess l-użu ta’ dawn fil-futur.

98      Il-Kummissjoni tikkontesta sussegwentement li hija kisret il-prinċipju taċ-ċertezza legali. Billi r-Regolament ġie ppubblikat tnax-il ġurnata qabel il-perijodu ta’ intervent għall-Ungerija, fl-1 ta’ Novembru 2006, l-applikazzjoni tiegħu kienet prevedibbli. Hekk ukoll, hija tal-fehma li ma kienx hemm retroattività fid-dawl tal-kontenut tar-Regolament (is-sentenza Crispoltoni I, punt 49 iktar’il fuq). Peress li l-kriterju ta’ l-użin speċifiku ma kienx prinċipalment il-varjetà taż-żerriegħa tal-qamħ ir-rum imma l-kundizzjonijiet klimatiċi matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, effettivament mhemmx stabbilit li r-rispett tal-kriterju kellu impatt fuq l-investimenti sostnuti mill-produtturi qabel il-ħsad. Konsegwentement, is-sitwazzjoni in kwistjoni, safejn tikkonċerna l-konsegwenzi finanzjarji tal-bdiewa, hija differenti mill-każijiet imsemmija fil-ġurisprudenza fil-qasam fiskali jew agrikolu invokati mir-rikorrenti.

99      Il-Kummissjoni tenfasizza li l-prinċipju taċ-ċertezza legali ma jirrikjedix in-nuqqas ta’ emenda leġiżlattiva. Issa, l-għażla tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-kriterji tal-kwalità għax-xiri ta’ intervent tikkorrispondi għall-bżonn speċifiku, li huwa mitlub mill-ġestjoni tal-ħażniet bħala bonus paterfamilias, u hija ġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet tekniċi li huma intiżi sabiex jassiguraw ċerta kwalità tal-qamħ mixtri b’mod li jista’ jinbiegħ wara ħażna għal perijodu twil.

100    Il-Kummissjoni ssostni li l-problema tal-kwalità tal-qamħ ir-rum maħżun u l-effett tiegħu fuq il-problema l-ġdida ma kinitx prevedibbli mill-partijiet ikkonċernati, peress li din il-kwistjoni ġiet diskussa f’Marzu 2006 u segwita minn diskussjonijiet fi ħdan il-grupp ta’ l-esperti taċ-ċereali fl-1 u fid-29 ta’ Ġunju 2006 (jiġifieri xahar jew xahar u nofs wara ż-żrigħ ta’ l-artijiet ikkultivati). Sussegwentement, il-proposta dwar it-tisħiħ tal-kriterji tal-kwalità kienet formalment diskussa kemm il-darba fil-laqgħat tal-grupp ta’ l-esperti taċ-ċereali.

101    Iktar minn hekk, l-introduzzjoni tardiva tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tirriżulta essenzjalment mill-fatt li ma kienx immedjatament evidenti, minħabba derogi mogħtija mill-awtoritajiet Ungeriżi għax-xiri ta’ intervent, li s-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2005/2006 kienet eċċezzjonali u implikat żieda supplementari tal-ħażniet li ġġustifikat l-urġenza ta’ l-azzjoni. Id-diskussjonijiet bdew biss wara li l-Kummissjoni ġiet avżata mill-Istati Membri li kien hemm deterjorazzjoni mgħaġġla tal-ħażna tagħhom.

102    Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li hija ħadet in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tal-produtturi tal-qamħ ir-rum fl-Ewropea ċentrali, peress li hija naqset l-użin speċifiku minimu mitlub minn 73 kg/el għal 71 kg/el. Hija tal-fehma li dan il-kriterju huwa rilevanti fir-rigward ta’ l-għan leġittimu mixtieq u ma jippreġudikax il-produtturi Ungeriżi. Fil-fatt, l-introduzzjoni tal-kriterju biss ta’ l-użin speċifiku minimu ma kellhiex impatt fuq il-ħsad kif deskritt mir-rikorrenti, peress li t-tnaqqis ta’ l-ammont massimu ta’ l-umdità previst fir-Regolament, 13.5 % minflok 14.5 %, u mhux ikkontestat fil-kuntest tar-rikors, implika żieda ta’ 0.5 kg/el ta’ l-użin speċifiku tal-qamħ ir-rum ippreżentat għall-intervent. Għalhekk, l-introduzzjoni ta’ dan il-kriterju l-ġdid mhijiex ikkunsidrata bħala sproporzjonat fid-dawl ta’ l-għan mixtieq.

103    Fl-aħħar nett, rigward il-fatt li huwa diffiċli għal bdiewa li jevalwaw l-użin speċifiku tal-ħsad tal-qamħ ir-rum, il-Kummissjoni tirrileva li jeżistu metodi tradizzjonali fil-Komunità u d-deċiżjoni ta’ l-Ungerija li tuża l-metodu ISO, li huwa użat għas-segala, ma jimplika ebda diffikultà llum sabiex jiġi kkalkolat l-użin speċifiku. Fi kwalunkwe każ, l-użin speċifiku tal-qamħ ir-rum ma setax jiġi antiċipat qabel il-ħsad.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

104    Filwaqt illi ammettiet li l-produtturi għandhom jakkomodaw kemm jistgħu l-livell ta’ diffikultajiet finanzjarji li jirriżulta minn emendi leġiżlattivi eventwali li jseħħu matul is-sena, ir-rikorrenti ssostni li, fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni, billi rrendiet immedjatament applikabbli l-kriterju l-ġdid ta’ l-użin speċifiku u billi eskludiet il-parti l-kbira tal-qamħ ir-rum Ungeriż mill-possibbiltà ta’ xiri ta’ intervent, kisret il-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ proporzjonalità.

105    Safejn l-argument preżenti jikkontesta l-illegalità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati in kwantu dawn japplikaw għall-ħsad kurrenti mhuwiex neċessarju li jiġi eżaminat iktar peress li diġà ntalab l-annullament tar-Regolament dwar dan il-punt.

106    Safejn ir-rikorrenti, għalkemm essenzjalment tippreżenta argumenti dwar il-ħsad ta’ l-2006, għandha l-għan li tikkontesta l-legalità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati għal perijodi ta’ intervent fis-snin sussegwenti, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li jeżiġi, b’mod partikolari, li l-leġiżlazzjoni tkun ċara u preċiża, sabiex dawk li huma suġġetti għaliha jkunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jimxu skond dan it-tagħrif (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1996, Van Es Douane Agenten, C-143/93, Ġabra p. I‑431, punt 27, u ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-110/03, Ġabra p. I-2801, punt 30) u li l-operaturi ekononomiċi mhumiex ġustifikati li jpoġġu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni esistenti li tista’ tiġi emendata fil-kuntest tal-poter diskrezzjonali ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji u dan speċjalment fil-qasam bħal dak ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq li l-għan tagħha huwa l-aġġustament kostanti sabiex jiġu riflessi l-bidliet fiċ-ċirkustanzi economici (Crispoltoni II, punt 63 iktar’il fuq, punt 57).

107    Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, minn naħa, ma tispjegax kif id-dispożizzjonijiet ikkontestati mhumiex suffiċjentement ċari sabiex jippermettu lill-produtturi kkonċernati jiddeterminaw mingħajr ambigwità l-kundizzjonijiet mitluba sabiex ikunu jistgħu jippreżentaw il-qamħ ir-rum tagħhom għall-intervent, u min-naħa l-oħra, ma tispjegax ir-raġunijiet għalfejn ma kienx possibbli għal dawn li jieħdu l-passi meħtieġa sabiex il-qamħ ir-rum li huma jipproduċu jissodisfa l-kriterju ta’ l-użin speċifiku mitlub mill-ħsad li jmiss. Barra mill-fatt li l-argument żviluppat mir-rikorrenti jsemmi biss il-ħsad kurrenti, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ssostni wkoll li l-użin speċifiku jiddependi essenzjalment mill-varjetà taż-żerriegħa użata u li, skond l-istudju fl-Anness A.6 tar-rikors, żewġ varjetajiet taż-żerriegħa jipproduċu qamħ ir-rum b’użin speċifiku li huwa kunsiderevolment ikbar mill-minimu mitlub mid-dispożizzjonijiet ikkontestati.

108    Barra minn hekk, rigward l-argument li jgħid li r-Regolament jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità safejn dan għandu l-effett li jeskludi l-parti l-kbira tal-produzzjoni Ungeriża mill-intervent, huwa biżżejjed li jingħad li dan l-argument huwa kkontestat formalment mill-Kummissjoni u mhuwiex sostnut bi provi. Barra minn hekk, mill-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti jirriżulta li anki għas-snin preċedenti parti importanti tal-produzzjoni Ungeriża laħqet diġà l-użin speċifiku minimu mitlub mid-dispożizzjonijiet il-ġodda. Fl-aħħar nett, kif ġie espost iktar’il fuq, skond studju pprovdut mir-rikorrenti, hemm varjetà ta’ żerriegħa li tippermetti li jiġi prodott qamħ ir-rum ta’ użin speċifiku ogħla mill-minimu mitlub.

109    Minn dak li ntqal isegwi li t-tieni parti ta’ l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-inkompetenza ta’ l-awtur tar-Regolament

 L-argumenti tal-partijiet

110    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti, fir-rigward ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament OKS, sabiex tadotta kriterju ġdid dwar l-użin speċifiku minimu għall-qamħ ir-rum minħabba li dan ma jikkostitwixxix kriterju adegwat ta’ kwalità.

111    Fil-fatt, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tenfasizza li hija sostniet diversi drabi li l-kriterju ta’ l-użin speċifiku minimu kien irrelevanti fid-dawl ta’ l-għan mixtieq mill-miżura, jiġifieri l-konservazzjoni tal-ħażniet għal perijodu twil.

112    It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li l-użin speċifiku huwa kwistjoni ta’ kwalità. Minn wieħed mid-dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni in sostenn tal-proposta tagħha ta’ l-adozzjoni ta’ kriterju ġdid (Anness A.3c tar-rikors, p. 5) jirriżulta li l-użin speċifiku tal-qamħ ir-rum m’għandu ebda effett fuq il-valur sustanzjuż taċ-ċereali, kemm jekk huwa intiż għal konsum mill-annimali jew mill-bniedem. Din l-analiżi hija kkonfermata minn pubblikazzjoni msemmija fl-Anness A.10 tar-rikors li skondha l-użin speċifiku u l-ammont ta’ umdità ma jinfluwenzawx il-kwalità tal-qamħ ir-rum għal konsum mill-annimali fid-dawl tal-kwalità tal-materjal niexef li jinsab fiċ-ċereali.

113    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-kriterju ta’ l-użin speċifiku mhuwiex applikabbli għal tranżazzjonijiet kummerċjali fl-Ewropa għall-qamħ ir-rum u ma jeżistu ebda regoli dwar dan. Għaldaqstant, dan il-fattur ma jiġix ikkunsidrat fid-determinazzjoni tal-prezz taċ-ċereali u ma jistax jiġi kkunsidrat bħala kundizzjoni tal-kwalità rilevanti fis-sens ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament OKS.

114    Ir-raba’ nett, dan il-kriterju huwa użat mill-Istati Uniti u mill-Kanada, iżda biss minħabba l-fatt li l-qamħ ir-rum huwa intiż essenzjalment għal konsum mill-bniedem. Issa, fl-Ewropa, il-qamħ ir-rum huwa intiż għal konsum mill-annimali kif tindika l-premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1068/2005 tas-6 ta’ Lulju 2005 li jemenda r-Regolament Nru 824/2000 (ĠU L 174, p. 65).

115    Il-Kummissjoni ssostni li l-adozzjoni tal-kriterju ta’ l-użin speċifiku minimu għall-qamħ ir-rum, bħall-adozzjoni għaċ-ċereali l-oħra, sabiex tiġi assigurata ċerta kwalità ta’ dawn iċ-ċereali, taqa’ b’mod ċar taħt il-kompetenza li hija mogħtija lilha mill-Kunsill permezz tar-Regolament OKS.

116    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan il-fattur il-ġdid ta’ l-użin speċifiku minimu huwa rilevanti fir-rigward ta’ l-għan tat-titjib tal-kwalità tal-qamħ ir-rum sabiex ikun hemm preżervazzjoni twila u użu sussegwenti ta’ dan. Effettivament, hija tal-fehma li safejn l-ammont ta’ umdità jaffettwa l-użin speċifiku ta’ dan kif ukoll il-preżervazzjoni tiegħu, il-kriterju ta’ l-użin speċifiku jippermetti titjib tal-kwalità tal-qamħ ir-rum.

117    It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-użin speċifiku huwa l-kriterju ġeneralment użat sabiex it-tipi differenti ta’ qamħ ir-rum jiġu kklassifikati skond il-kwalità tagħhom. Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, it-test ta’ l-użin speċifiku huwa element li jippermetti li fl-Istati Uniti ssir distinzjoni bejn il-ħames kwalitajiet ta’ qamħ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-kriterju ta’ l-użin speċifiku minimu stabbilit mir-Regolament bħala 71 kg/el huwa ftit inqas minn dak tal-qamħ ta’ kwalità prima fl-Istati Uniti (71.4 kg/el), filwaqt li dan ta’ l-aħħar huwa maħżun għal perijodi qosra biss, kuntrarjament għas-sitwazzjoni fil-Komunità. Min-naħa l-oħra, il-kriterju l-ġdid ta’ l-użin speċifiku minimu juri defiċit meta mqabbel ma dak li huwa rakkommandat fi Franza mill-Institut technique des céréales et des fourrages (Istitut Tekniku taċ-Cereali u ta’ l-Għalf) li huwa inqas minn 75 kg/el għall-qamħ ir-rum ta’ kwalità tajba.

118    Il-Kmmissjoni tenfasizza li hija ma sabet ebda element li jikkonferma l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-qamħ ir-rum Amerikan ta’ kwalità prima huwa intiż biss għal konsum mill-bniedem. Madankollu, jekk jitqies li din l-allegazzjoni hija vera, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kriterju ta’ l-użin speċifiku użat jikkorrispondi mal-kriterju ta’ referenza għal konsum mill-bniedem fl-Istati Uniti u huwa sinjal tal-kwalità tal-qamħ ir-rum.

119    It-tielet nett, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kwalità sustanzjuża tal-qamħ ir-rum tiddependi mill-użin speċifiku. Fil-fatt, analiżi tal-kunsinni differenti tal-qamħ ir-rum ta’ użin speċifiku differenti turi varjazzjoni kemm tal-kompożizzjoni kimika kif ukoll tal-valur sustanzjuż (enerġija u aċidi amminiċi) tat-tipi differenti tal-qamħ. Il-Kummissjoni tippreċiża f’dan ir-rigward li l-analiżi invokata mir-rikorrenti u li tidher fl-Anness A.10 tar-rikors tirreferi għal valur sustanzjuż “f’termini ta’ materjal niexef” u għalhekk għandha biss valur relattiv safejn hija l-qamħa sħiħa (magħmula mill-materjal niexef u mill-ilma) li hija użata għal konsum mill-annimali.

120    Fl-aħħar nett, il-fatt li l-kriterju ta’ l-użin speċifiku mhuwiex użat fil-prassi kummerċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea huwa irrilevanti, peress li l-kwistjoni hija li jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet ta’ intervent sabiex tiġi assigurata ħażna twila tal-qamħ ta’ kwalità tajba u mhux li jiġi rregolat il-kummerċ fil-Komunità. Il-Kummissjoni żżid tgħid li l-użu sussegwenti taċ-ċereali mhuwiex magħruf meta dawn jinxtraw mill-aġenzija ta’ l-intervent b’mod li huwa raġonevoli li jiġi assigurat li l-qamħa miżmuma hija ta’ kwalità tajba, kemm jekk hija intiża għal konsum mill-bniedem u kemm jekk għal konsum mill-annimali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

121    Ir-rikorrenti ssostni li, skond l-Artikolu 5 tar-Regolament OKS, il-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tadotta l-kriterju l-ġdid dwar l-użin speċifiku minimu għall-qamħ ir-rum minħabba li dan ma jikkostitwixxix kriterju adegwat ta’ kwalità.

122    Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li, fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, il-Kunsill jista’ jiddelega poteri wiesa’ ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni, billi din ta’ l-aħħar biss tinsab f’pożizzjoni li tissorvelja kontinwament u mill-qrib it-tendenzi fis-swieq agrikoli u taġixxi b’urġenza jekk ikun hemm il-bżonn (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ottubru 1975, Rey Soda, 23/75, Ġabra p. 1279, punt 11). Għalhekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad-29 ta’ Frar 1996, Franza u L-Irlanda vs Il-Kummissjoni (C‑296/93 u C‑307/93, Ġabra p. I‑795), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li limitu fuq l-użin ta’ karkassi eliġibbli għall-intervent jagħmel parti mill-miżuri ta’ eżekuzzjoni li l-Kummisjoni kellha l-poter tadotta, minkejja li din il-miżura tista’ twassal għall-orjentazzjoni mill-ġdid tal-produzzjoni taċ-ċanga u l-vitella u għalkemm ir-rikorrenti kienu sostnew li d-dispożizzjoni li abbażi tagħha kienet ġiet adottata tat lill-Kummissjoni l-poter biss li tiddetermina l-kategoriji, li jinkludu s-sess u l-età ta’ l-annimali, u l-kwalitajiet, iddefiniti bħala l-konformazzjoni tal-karkass u l-livell ta’ xaħam tal-laħam, filwaqt li l-Kummissjoni kienet emendat il-lista ta’ prodotti eliġibbli għall-intervent.

123    Skond l-Artikolu 6(b) tar-Regolament OKS, il-Kummissjoni għandha l-kompetenza li tiffissa, skond il-proċedura tal-kumitat ta’ ġestjoni, “il-kundizzjonijiet li jikkonċernaw b’mod partikolari l-kwalità u l-kwantità mitluba għal kull tip ta’ ċereali sabiex dan ikun eliġibbli għall-intervent”.

124    Ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li, skond il-premessi 2 u 3 tar-Regolament, il-kriterju ta’ l-użin speċifiku ġie introdott bl-għan li jkun hemm t-tisħiħ tal-kwalità tal-qamħ ir-rum jew, mill-inqas, sabiex ikun koerenti mal-kundizzjonijiet ta’ kwalità stabbiliti għaċ-ċereali l-oħra, iżda llimitat ruħha li ssostni li l-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza minħabba li l-użin speċifiku ma jikkostitwixxix kriterju adegwat ta’ kwalità u fil-verità kien intiż sabiex jillimitaw il-kwantitajiet ammissibbli għall-intervent. Issa din is-sitwazzjoni, jekk jitqies li hija vera, twassal sabiex jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni jew abbuż ta’ poter, imma ma twassalx għall-annullament minħabba nuqqas ta’ kompetenza. L-abbuż ta’ poter jippresupponi, skond il-każ, li l-istituzzjoni responsabbli kellha l-kompetenza sabiex tadotta l-att, imma użata sabiex tikseb għanijiet oħra minbarra dawk li huma stabbiliti. L-argumenti invokati mir-rikorrenti jaqgħu taħt motivi bbażati fuq abbuż ta’ poter u żball manifest ta’ evalwazzjoni u ser jiġu eżaminati f’dan il-kuntest.

125    Minn dan isegwi li l-motiv bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza għandha tiġi miċħuda.

126    Fir-rigward tat-tielet u r-raba’ motivi, ibbażati rispettivament fuq l-abbuż ta’ poter u l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, billi dawn it-tnejn huma konnessi mill-qrib, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li għandhom jiġu eżaminati flimkien.

 Fuq it tielet u r-raba’ motivi, ibbażati fuq l-abbuż ta’ poter u l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

127    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni abbużat mill-kompetenza ta’ eżekuzzjoni tagħha mogħtija mill-Kunsill skond ir-Regolament OKS in kwantu, billi fuq pretest tat-tisħiħ tal-kriterji tal-kwalità għax-xiri ta’ intervent tal-qamħ ir-rum, hija fil-fatt biddlet is-sustanza tas-sistema stess ta’ intervent għal dawn iċ-ċereali.

128    Ir-rikorrenti tqiegħed fid-dubju l-kredibbiltà ta’ l-isforz sabiex jintlaħaq l-għan ta’ standardizzazzjoni permezz ta’ l-adozzjoni tal-kriterju ta’ l-użin speċifiku minimu. L-adozzjoni ta’ kriterju ġdid għall-kwalità tal-qamħ ir-rum hija manifestament mhux xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ standardizzazzjoni in kwantu dan ma jikkostitwixxix dejjem kriterju eliġibbli għall-intervent tas-sorgu.

129    Jekk jitqies li l-introduzzjoni tal-kundizzjoni ta’ l-użin speċifiku kienet neċessarja għall-finijiet ta’ armonizzazzjoni u safejn dan l-għan iħalli marġni wiesa’ ta’ evalwazzjoni, is-sitwazzjoni fl-Ungerija kif ukoll fl-Istati Membri l-oħra kellha twassal sabiex il-Kummissjoni tiffissa kundizzjoni ta’ użin speċifiku għal livell inqas baxx u sabiex tapplika tnaqqis ikbar miż-żewġ punti li ġew deċiżi fl-aħħar.

130    Ir-rikorrenti tisħaq li d-dispożizzjonijiet ikkontestati mhumiex intiżi sabiex tinkiseb standardizzazzjoni, imma sabiex jiġi eskluż l-intervent minn parti kunsiderevoli tal-produzzjoni Ungeriża u mill-Ewropa ċentrali tal-qamħ ir-rum minħabba l-problema ta’ ġestjoni tal-ħażniet. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li kważi nofs il-varjetajiet imsejħa “sinna taż-żiemel” ikkultivati minn produtturi Ungeriżi ma jissodisfawx il-kriterju ta’ l-użin speċifiku stabbilit mill-Kummissjoni.

131    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi għad-diskors li għamlet il-membru tal-Kummissjoni, Mariann Fischer Boel, f’Budapest fil-11 ta’ Mejju 2006, fejn enfasizzat li s-settur taċ-ċereali kien qed jiffaċċja problema kbira ta’ żieda fil-ħażniet, li kienet biss parti mir-riżultat ta’ ħsad abbundanti tas-sentejn preċedenti, għaliex kien fil-fatt ikkawżat minħabba nuqqas ta’ funzjonament tas-suq intern, jiġifieri, id-diffikultà li jiġu esportati ħażniet żejda minn reġjuni fejn il-prezz huwa orħos mill-prezz ta’ l-intervent għal reġjuni fejn il-prezzijiet huma ogħla. F’din il-laqgħa, il-Kummissjoni esprimiet ix-xewqa li ssib soluzzjoni fit-tul għal din il-problema.

132    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, jekk l-għan veru intiż kien il-bidla tas-sistema ta’ intervent, il-Kummissjoni, billi saħħet il-kriterji msemmija fir-Regolament Nru 824/2000, eċċediet il-poteri ta’ implementazzjoni tagħha u naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-poteri tal-Kunsill li r-responsabbiltà tiegħu kienet li jemenda r-Regolament OKS.

133    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni in kwantu, billi ffissat l-użin speċifiku tal-qamħ għal livell daqshekk għoli, hija ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-użu prinċipali tal-qamħ ir-rum għal konsum mill-annimali u lanqas tal-kwalità medja ta­ċ-ċereali maħsuda fil-Komunità kif huwa stabbilit fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 824/2000.

134    Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-użu tal-qamħ ir-rum għal konsum mill-bniedem jew mill-annimali jinfluwenza fil-biċċa l-kbira l-livell tal-kriterji li jiddefinixxu l-kwalità medja taċ-ċereali, b’tali mod li, meta l-qamħ ir-rum huwa intiż għall-konsum mill-bniedem, livell ġdid tal-kriterji tal-kwalità huwa ġġustifikat.

135    Ir-rikorrenti ssostni li fil-Komunità, il-qamħ ir-rum huwa prinċipalment intiż għal għalf ta’ l-annimali u li sad-dħul fis-seħħ tar-Regolament il-kriterju ta’ l-użin speċifiku ma kienx użat għal dan it-tip ta’ ċereali. Il-valuri standard stabbiliti fl-Istati Uniti u fil-Kanada huma ġġustifikati peress li, għad-differenza ta’ dak ikkultivat fl-Ewropa, il-qamħ ir-rum mill-Amerka ta’ Fuq huwa intiż għall-konsum mill-bniedem. Il-kriterju ta’ l-użin speċifiku ta’ 71 kg/el impost mill-Kummissjoni jikkorrispondi, skond dawn l-istandards, għal qamħ ir-rum ta’ kwalità superjuri intiż għall-konsum mill-bniedem filwaqt li, f’dawn il-pajjiżi, il-qamħ ir-rum użat bħala għalf għall-annimali jikkorrispondi għal kwalità inferjuri minn dik intiża għall-konsum mill-bniedem u għandu użin speċifiku ta’ 67.2 kg/el għall-Istati Uniti.

136    Konsegwentement, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-livell ta’ l-użin speċifiku kif stabbilit mill-Kummissjoni għal 71 kg/el mhuwiex iġġustifikat għal qamħ ir-rum intiż prinċipalment għall-konsum mill-annimali u kellu jiġi adattat għal kwalità medja tal-qamħ ir-rum użata għal dan il-għan u kellha tkun bejn 64.8 u 67.2 kg/el, jew anki inqas.

137    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tirrileva li l-użin speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni għat-tipi l-oħra taċ-ċereali kellhom l-istess ordni bħal valuri Amerikani.

138    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li hija ppruvat, bl-iskuża li ssaħħaħ l-kriterji tal-qamħ ir-rum, temenda fundamentalment is-sistema ta’ intervent. Hija tal-fehma li r-rikorrenti ma pproduċiet ebda provi sabiex issostni din it-teżi li hija bbażata biss fuq diskors magħmul mill-membru tal-Kummissjoni, Mariann Fischer Boel, f’Mejju 2006. Hija ssostni li għalkemm, waqt dan id-diskors, il-membru tal-Kummissjoni effettivament semmiet il-bżonn li jiġu implementati soluzzjonijiet għal perijodu fit-tul sabiex tiġi rregolata l-problema l-ġdida li taffettwa s-sistema ta’ intervent, hija kienet qed taħseb dwar proposta ta’ Regolament li jemenda l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċereali msemmi mir-Regolament OKS bl-għan li l-qamħ ir-rum jitneħħa mis-sistema ta’ intervent. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika li hija adottat proposta ta’ Regolament f’dan is-sens fil-15 ta’ Diċembru 2006.

139    Il-Kummissjoni, filwaqt li rrikonoxxiet li l-introduzzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati hija marbuta mal-problema taż-żieda tal-ħażniet ta’ intervent li jirriżultaw b’mod partikolari mis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni eċċezzjonali 2004/2005 u 2005/2006, issostni li jirriżulta mill-premessi tar-Regolament li l-għan intiż huwa li jiġi assigurat li l-ħażniet ta’ intervent attwali huma magħmula minn ċereali ta’ kwalità tajba li jistgħu jinżammu u li jiġi assigurat użu sussegwenti. Hija tinnega l-fatt li r-Regolament jillimita ruħu sabiex jwieġeb għal sempliċi problema ta’ standardizzazzjoni, peress li ebda kriterju ta’ l-użin speċifiku ma ġie stabbilit għas-sorgu safejn l-aġenziji ta’ l-intervent ma kinux affrontati bil-problema tal-ħażna għal perijodu twil għal dan it-tip ta’ ċereali.

140    Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll il-fatt li hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi saħħet il-kriterji ta’ kwalità għall-qamħ ir-rum.

141    Il-Kummissjoni ssostni li n-nuqqas tal-kriterju ta’ l-użin speċifiku għall-qamħ ir-rum jiġġustifika sa issa l-kontenut tal-premessa 1 tar-Regolament Nru 824/2000 li tirreferi għall-kriterji ta’ kwalità “korrispondenti kemm jista’ jkun possibbli mal-kwalità medja” taċ-ċererali maħsuda fil-Komunità. Madankollu, hija tqis neċessarju, kif kien il-każ għaċ-ċereali l-oħra eliġibbli għal intervent, li żżid il-kwalità tal-qamħ ir-rum offert għall-intervent sabiex tevita deterjorazzjoni mgħaġġla tal-ħażniet u sabiex jiġi assigurat li huwa ta’ kwalità li jista’ jinbiegħ sussegwentement. Konsegwentement, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-emendi attwali kienu ddettati mill-għan tar-Regolament u mhuwiex marbut mal-premessa 1 tar-Regolament Nru 824/2000.

142    Il-Kummissjoni ssostni li l-għażla ta’ l-użin speċifiku minimu ffissat għal 71 kg/el jikkorrispondi għal standard Amerikan u jippermetti l-parti l-kbira tal-produzzjoni Ewropea li tissodisfa dan il-kriterju, b’kunsiderazzjoni għall-kundizzjonijiet klimatiċi matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007.

143    Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma turix li l-qamħ ir-rum Amerikan huwa ta’ kwalità superjuri u huwa intiż biss għall-konsum mill-bniedem. Hija tirrileva li l-qamħ ir-rum intiż għall-konsum mill-bniedem huwa magħmul minn varjetajiet partikolari li mhumiex imsemmija fid-dispożizzjonijiet ikkontestati (qamħ ir-rum “flint”, qamħ ir-rum ħelu). Barra minn hekk, is-sitwazzjonijiet Amerikani u Ewropej mhumiex simili, peress li l-ħażna fl-Istati Uniti hija qasira u l-kummerċ tal-qamħ ir-rum huwa ġeneralment immedjat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

144    Ir-rikorrenti ssostni prinċipalment li essenzjalment l-użin speċifiku mhuwiex fattur ta’ kwalità, għall-inqas safejn il-qamħ ir-rum huwa intiż essenzjalment għall-konsum mill-annimali. Sussegwentement, hija ssostni li, fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjonijiet ikkontestati stabbilixxew l-użin speċifiku fuq livell għoli wisq.

145    Skond spjegazzjoni preċedenti magħmula mill-Kummissjoni, l-użin speċifiku jikkostitwixxi kriterju rilevanti għall-qamħ ir-rum peress li teżisti rabta bejn il-kontenut ta’ l-ilma u l-użin speċifiku tagħha.

146    Dan l-argument għandu jiġi miċħud mill-bidu. Fil-fatt, minn naħa, mhux biss din il-ġustifikazzjoni mhijiex sostnuta skond il-kliem tar-Regolament imma, barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet espliċitament li t-tisħiħ tal-kriterji dwar il-livell ta’ l-umdità kif ukoll dwar il-perċentwali tal-qamħ miksur u msaħħan kien intiż sabiex jevita deterjorazzjoni mgħaġġla tal-qamħ ir-rum, filwaqt li l-kriterju ta’ l-użin speċifiku kkonċerna l-kwalità intrinsika tal-qamħ ir-rum. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tistax tiġġustifika r-rilevanza tal-kriterju ta’ l-użin speċifiku billi targumenta dwar l-effet indirett eventwali ta’ l-użin speċifiku fuq l-ammont ta’ l-umdità meta r-Regolament digà jipprovdi kriterju li jiffissa direttament u speċifikament il-livell massimu ta’ l-umdità bl-għan li jiġi ammess il-qamħ ir-rum għall-intervent.

147    B’mod iktar fundamentali, il-Kummissjoni ssostni li l-użin speċifiku għandu influwenza fuq il-kwalità tal-qamħ ir-rum u li l-livell magħżul huwa adegwat. Hija tippreċiża li, filwaqt li t-tliet kriterji diġà eżistenzi (umdità, perċentwali ta’ qamħ ir-rum miksur u perċentwali ta’ qamħ ir-rum msaħħan) jippermettu li tiġi evitata deterjorazzjoni mħaġġla, il-kriterju ta’ l-użin speċifiku jippermetti li tiġi assigurata kwalità intrinsika tal-qamħ ir-rum.

148    Għandu jiġi rrilevat li l-premessa 2 tar-Regolament tesponi li ċ-ċereali li l-kwalità tagħhom ma tippermettix ħażniet adegwati m’għandhomx ikunu eliġibbli għal intervent u m’għandhiex tittieħed in kunsiderazzjoni, għal dan il-għan, is-sitwazzjoni l-ġdida marbuta b’mod partikolari mal-ħażna għal żmien twil u ma l-effetti tagħha fuq il-kwalità tal-prodotti. Il-premessa 3 tindika kif ġej:

“Konsegwentement, sabiex il-prodotti jitħarsu mid-deterjorazzjoni u sabiex jibqgħu adatti għall-użu sussegwenti, il-kriterji ta’ kwalità tal-qamħ ir-rum previsti fl-Anness I tar-Regolament […] Nru 824/2000 għandhom jiġu msaħħa. Għal dan il-għan, għandu jitnaqqas l-ammont massimu ta’ umdità kif ukoll il-perċentwali tal-qamħ ir-rum miksur u tal-qamħ ir-rum imsaħħan minħabba t-tnixxif […] Barra minn hekk, għal skopijiet ta’ konsistenza maċ-ċereali l-oħra li huma eliġibbli għas-sistema ta’ intervent, għandu jiġi introdott kriterju ta’ użin speċifiku ġdid għall-qamħ ir-rum.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

149    Għalhekk, jekk jiġi kkonstatat li, formalment, l-introduzzjoni ta’ kriterju ta’ l-użin speċifiku ġdid għall-qamħ ir-rum tidher, f’dik il-premessa, fost il-miżuri introdotti għall-finijiet li jiġi ssodisfat l-għan ġenerali li jiġu maħżuna ċ-ċereali msemmija fit-tieni premessa, il-fatt jibqa’ li mill-kliem tat-tielet premessa jidher li l-introduzzjoni ta’ dan il-kriterju mhuwiex espliċitament iġġustifikat mill-bżonn li l-prodotti ta’ l-intervent huma inqas fraġli fid-dawl tad-deterjorazzjoni u l-użu sussegwenti tagħhom – huwa biss it-tisħiħ tal-kriterji ta’ kwalità li huma l-ammont massimu ta’ l-umdità u l-perċentwali massima ta’ qamħ ir-rum miksur u ta’ qamħ ir-rum imsaħħan matul it-tnixxif li hemm riferiment għalihom f’dan ir-rigward, iżda huwa s-suġġett ta’ raġuni partikolari, jiġifieri l-bżonn li tiġi assigurata koerenza mas-sistemi applikabbli għaċ-ċereali l-oħra eliġibbli għas-sistema ta’ intervent.

150    Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament ma jippreċiżax b’mod ċar u espliċitu li l-introduzzjoni tal-kriterju ta’ l-użin speċifiku għall-qamħ ir-rum huwa intiż, apparti l-bżonn li jassigura konsistenza mar-regoli applikabbli għaċ-ċereali l-oħra, sabiex isaħħaħ il-kriterji ta’ kwalità tal-qamħ ir-rum.

151    Għalhekk, ir-Regolament ma jistabbilixxix li l-użin speċifiku jifforma kriterju ta’ kwalità tal-qamħ ir-rum, u inqas minn hekk, ma jispjegax kif dan il-fattur jista’ jitqies li huwa rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kwalità tal-qamħ ir-rum.

152    Minn dan isegwi li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni waqt il-proċedimenti, u li skondhom l-użin speċifiku jikkostitwixxi kriterju ta’ kwalità rilevanti ma jikkorrispondix għar-raġuni fundamentali għall-introduzzjoni ta’ dak il-kriterju kif jidher minn interpretazzjoni rigoruża tar-Regolament. Madankollu, jekk jitqies li l-imsemmija spjegazzjonijiet, minkejja li huma ferm differenti mir-raġunijiet esposti fir-Regolament, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala supplementari u mhux kontradittorji ma’ l-imsemmija raġunijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-użin speċifiku jikkostitwixxi verament kriterju ta’ kwalità li huwa rilevanti għall-qamħ ir-rum, liema fatt huwa kkontestat mir-rikorrenti.

153    F’dan ir-rigward, in sostenn ta’ l-ilment tagħha, ir-rikorrenti pproduċiet żewġ studji (Anness A.3 c) u l-Anness A.10 tar-rikors) li skondhom l-użin speċifiku tal-qamħ ir-rum m’għandux effett fuq il-valur sustanzjuż tal-prodott għall-konsum mill-annimali jew mill-bniedem.

154    Bħala risposta għal dawn l-argumenti li huma sostnuti tajjeb, il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tafferma ripetutament li l-użin speċifiku jaffettwa l-kwalità tal-qamħ ir-rum. Minbarra silta qasira fir-replika tagħha, hija ma tatx indikazzjoni kif dan il-kriterju huwa rilevanti sabiex tiġi evalwata l-kwalità intrinsika tal-qamħ ir-rum u lanqas ma pprovdiet studju wieħed jew inkella dokument wieħed sabiex issostni din l-allegazzjoni. Bl-istess mod, waqt is-seduta, minkejja mistoqsijiet magħmula ripetutament mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi spjegazzjonijiet preċiżi f’dan ir-rigward.

155    Fir-rigward ta’ l-argument waħdieni, li jidher fir-replika (punt 90), li huwa intiż sabiex jispjega kif l-użin speċifiku huwa rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kwalità tal-qamħ ir-rum, għandu jingħad li, skond dan, l-użin speċifiku jaffettwa l-valur sustanzjuż tal-qamħ ir-rum.

156    Issa, kif sosniet ir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li din l-affermazzjoni hija espliċitament ikkontestata minn studju wieħed biss ipprovdut mill-Kummissjoni nnifisha f’dan ir-rigward. Fil-fatt, skond it-termini ċari tad-dokument, li jidher fl-Anness B.20 tar-replika, intitolat “Prinċipji ġenerali – Ħażna u konservazzjoni tal-qamħ fir-razzett”, “ma hemmx madankollu rabta bejn il-valur sustanzjuż għall-konsum mill-annimali u mill-bniedem u l-użin speċifiku tal-qamħ”. Madankollu, dan id-dokument jispjega li, qabel, il-konoxxenza ta’ l-użin speċifiku ta’ kunsinna ta’ qamħ kienet indispensabbli minħabba li, sa nofs is-seklu għoxrin, billi ċ-ċereali kienu għadhom jinbiegħu bil-volum, kellu jiġi kkalkolat l-użin speċfiku sabiex isiru magħrufa eżattament il-kwantitajiet imqassma. L-użin speċifiku mhuwiex iżjed utli, minħabba l-fatt li llum jintuża l-miżien għall-użin ta’ vetturi (weigh bridge).

157    Meta saritilha mistoqsija mill-Qorti tal-Prim’Istanza matul is-seduta dwar din il-kontradizzjoni manifesta bejn l-allegazzjonijiet tagħha u d-dokumenti li huma intiżi sabiex isostnuhom, il-Kummissjoni sostniet biss li l-istess dokument jipprovdi iktar’il fuq li l-użin speċifiku jirrifletti ċerta kwalità fiżika. Minbarra l-fatt li dan l-argument mhuwiex relatat mal-kwistjoni ta’ rabta bejn l-użin speċifiku tal-qamħ u l-valur sustanzjuż tiegħu, qari mill-qrib ta’ dan id-dokument juri li, jekk l-użu speċifiku ġie ppreżervat, dan sar biss “fi tranżazzjonijiet ta’ kummerċ li jinvolvu ċereali tat-tiben” u safejn dan “l-iktar l-iktar jirrifletti ċerta kwalità fiżika taċ-ċereali”.

158    Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tneħħi l-kontradizzjoni kkonstatata, b’mod li l-allegazzjoni tagħha li tgħid li l-użin speċifiku jirrifletti l-valur sustanzjuż tal-qamħ ir-rum mhux biss mhuwiex sostnut minn ebda element ta’ prova, iżda jikkostitwixxi, barra minn hekk, żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-dawl ta’ l-uniċi elementi li minnhom tiddisponi l-Qorti tal-Prim’Istanza f’dawn il-proċedimenti.

159    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandhiex tassumi r-rwol tal-partijiet billi tippreżenta provi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tikkonstata biss li r-Regolament huwa vvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

160    L-argumenti invokati mill-Kummissjoni waqt is-seduta, ibbażati fuq tliet siltiet mill-pubblikazzjoni annessi bħala Annessi A.3 b, A.3 d u A.11 fir-rikors, ma jistgħux jqiegħdu fid-dubju din il-konklużjoni.

161    Fir-rigward tad-dokument ta’ l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-alimentazzjoni u l-agrikoltura intitolat “Wara l-ħsad tal-qamħ – organizzazzjoni u proċeduri” (l-Anness A.3 b tar-rikors), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan bl-ebda mod ma jittratta l-kwistjoni ta’ l-użin speċifiku tal-qamħ ir-rum.

162    Rigward l-istudju ta’ l-Università ta’ Minnesota intitolat “Drying, Handling, and Storing Wet, Immature, and Frost-Damaged Corn” (Tnixxif, Ipproċessar u Hażna ta’ Qamħ ir-Rum Imxarrab, Nej u Miksur bil-Ġlata” (Anness A.3d tar-rikors), jekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, hemm indikat li qamħ ta’ kwalità fqira jippriżerva ruħu inqas tajjeb minn qamħ ta’ kwalità aħjar, madankollu m’hemm stabbilita ebda rabta bejn il-kwalità tal-qamħ u l-użin speċifiku tiegħu, li barra minn hekk, lanqas hemm riferiment għalih.

163    Fir-rigward tad-dokument tal-Kummissjoni Kanadiża tal-qamħ anness fl-Anness A.11 tar-rikors, għandu jiġi rrilevat li dan jirrigwarda kopja stampata tas-sit Internet intitolat “Tabella għall-konverżjoni ta’ l-użin speċifiku” li jiġbor flimkien il-links tas-siti ta’ konverżjoni ta’ l-unitajiet tat-tiqjis, Anglosassoni u Ewropej, ta’ l-użin speċifiku taċ-ċereali differenti u għalhekk m’għandu ebda rilevanza fil-kawża preżenti.

164    Fl-aħħar nett, bħala tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni rreferiet għal studju li ammettiet li mhuwiex anness ma’ l-inkartament, imma li huwa anness mat-tieni osservazzjonijiet ippreżentati fil-kuntest tal-proċedura għal miżuri provviżorji. Għalhekk, peress li dan id-dokument mhuwiex anness ma’ l-inkartament tal-proċedimenti preżenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tevalwa r-rilevanza tiegħu. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma fformulat ebda talba espliċita intiża sabiex dan id-dokument jiġi kkunsidrat f’dawn il-proċedimenti. Anki jekk jitqies li r-risposta tal-Kummissjoni għandha tiġi interpretata bħala tali talba, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 46 tar-Regoli tal-Proċedura, l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt mressqa kif ukoll in-natura tal-provi għandhom, bħala prinċipju, jiġu ppreżentati fir-replika. Skond l-Artikolu 48(1) ta’ l-imsemmija Regoli, il-partijiet jistgħu jippreżentaw provi ulterjuri fir-replika jew fil-kontroreplika bil-kundizzjoni li huma jagħtu r-raġunijiet għaliex dawn il-provi ġew ippreżentati tard, bir-riskju li dawn jiġu miċħuda (is-sentenzi tat-28 ta’ Settembru 1993, Nielsen u Møller vs CES, T-84/92, Ġabra p. II-949, punt 39; ta’ l-14 ta’ Lulju 1994, Herlitz vs Il-Kummissjoni, T-66/92, Ġabra p. II 531, punt 41, u tas-6 ta’ Marzu 2001, Campoli vs Il-Kummissjoni, T 100/00, ĠabraFP p. I-A-71 u II-347, punt 19). Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li r-rilevanza ta’ l-użin speċifiku bħala kriterju ta’ kwalità tal-qamħ ir-rum tikkostitwixxi l-kwistjoni ċentrali li ġiet imqajma mir-rikorrenti fl-istadju tar-rikors u li kienet imqajma wkoll mir-rikorrenti u minn Stati Membri oħra matul l-implementazzjoni tal-proposta tar-Regolament. Għaldaqstant, fin-nuqqas tar-raġunijiet mogħtija sabiex jiġġustifikaw id-dewmien għall-preżentata tal-provi, din hija f’kull każ inammissibbli.

165    Minn dak li ntqal jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-kriterju ta’ l-użin speċifiku għall-qamħ ir-rum għandhom jiġu annullati skond it-talbiet tar-rikorrenti.

166    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi osservat li l-proposta tar-Regolament tal-15 ta’ Diċembru 2006 li hija intiża għat-tneħħija tal-qamħ ir-rum mis-sistema ta’ intervent b’effett mis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2007/2008 ssemmi biss, skond il-kriterji tal-kwalità msaħħa mir-Regolament, il-livell ta’ l-umdità kif ukoll il-livell ta’ qamħ miksur u ta’ qamħ imsaħħan, mingħajr ma ssemmi l-kriterju ta’ l-użin speċifiku.

167    F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-provi li tippreżenta r-rikorrenti jistabbilixxux abbuż ta’ poter mill-Kummissjoni u lanqas il-motivi l-oħra bbażati fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni u l-ksur tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kumitat ta’ ġestjoni taċ-ċereali.

 Fuq l-ispejjeż

168    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti, inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1572/2006, tat-18 ta’ Ottubru 2006, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 824/2000 li jistabbilixxi l-proċeduri għall-pussess [għat-teħid fil-pussess] ta’ ċereali mill-aġenziji ta’ l-intervent u li jippreskrivi l-metodi ta’ l-analiżi sabiex jistabbilixxu l-kwalità fiċ-ċereali huma annullati, jiġifieri:

–        fl-Artikolu 1(1), il-kliem “u, fil-każ tal-qamħ ir-rum, il-metodi tradizzjoni applikabbli”;

–        fl-Artikolu 1(3)(b), il-kliem “73 kg/el għall-qamħ ir-rum”;

–        fil-linja “E. Użin speċifiku minimu (kg/el)” tat-tabella tal-punt 1 ta’ l-Anness, il-valur “71” għall-qamħ ir-rum;

–        fit-tabella III fil-punt 2 ta’ l-Anness, il-valuri ta’ tnaqqis tal-prezz ta’ l-intervent għall-qamħ ir-rum.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

Jaeger

Tiili

Azizi

Cremona

 

       Czúcz

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Novembru 2007.

E. Coulon

 

      M. Jaeger

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.