Language of document : ECLI:EU:T:2009:491

Kawża T-195/08

Antwerpse Bouwwerken NV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kuntratti pubbliċi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti Komunitarja — Bini ta’ sala ta’ produzzjoni ta’ materjali ta’ referenza — Ċaħda tal-offerta ta’ kandidat — Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Ammissibbiltà — Interpretazzjoni ta’ kundizzjoni prevista fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt — Konformità ta’ offerta mal-kundizzjonijiet previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt — Eżerċizzju tas-setgħa li jintalbu kjarifiki dwar l-offerti — Rikors għad-danni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Atti preparatorji — Esklużjoni

(Artikolu 230 KE)

2.      Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

3.      Kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej — Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti — Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

4.      Kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej — Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti — Obbligu, għal istituzzjoni, li teżerċita d-dritt tagħha li tikkuntattja lil offerent wara l-ftuħ tal-offerti — Kundizzjoni

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 148(3))

5.      Kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej — Proċedura ta’ sejħa għal offerti

(Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 89(1), u t-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 100(2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 2)

6.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Nuqqas ta’ wieħed mir-rekwiżiti — Rikors għad-danni miċħud kollu kemm hu

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

1.      Fir-rigward tal-miżuri intermedjarji bl-iskop ta’ preparazzjoni tad-deċiżjoni għall‑għoti tal-kuntratt publiku fl-evalwazzjoni tal-offerti ppreżentati, li hija redatta f’diversi stadji fil-kuntest ta’ proċedura interna, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni ma jistgħux huma nfushom ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Tali rikors jista’ jsir biss kontra l-miżura li tistabbilixxi b’mod definittiv il-pożizzjoni tal‑Kummissjoni fi tmiem din il-proċedura interna.

(ara l-punt 28)

2.      Rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din il-persuna għandha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippresupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li ressqitu.

(ara l-punt 33)

3.      Il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku permezz ta’ sejħa għal offerti. Hija għandha wkoll setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddetermina kemm il-kontenut kif ukoll l‑implementazzjoni tar-regoli applikabbli għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku permezz ta’ sejħa għal offerti. Barra minn hekk, għalkemm awtorità kontraenti għandha tirrediġi l-kundizzjonijiet għal sejħa għal offerti bi preċiżjoni u b’ċarezza, hija ma hijiex obbligata tipprevedi s-sitwazzjonijiet kollha possibbli, rari kemm jistgħu jkunu, li jistgħu jqumu fil-prattika. Kundizzjoni prevista fl‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt għandha tiġi interpretata skont l-għan, l‑istruttura u l-formulazzjoni tagħha. F’każ ta’ dubju, l-awtorità kontraenti kkonċernata tista’ tevalwa l-applikabbilità ta’ tali kundizzjoni billi tagħmel eżami fuq bażi individwali fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha. Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jillimita ruħu għall-verifika tal-osservanza tar regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-preċiżjoni materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter. Fil-kuntest ta’ tali stħarriġ, hija l-qorti Komunitarja li għandha tiddetermina, b’mod partikolari, jekk l-interpretazzjoni adottata mill-Kummissjoni inkwantu awtorità kontraenti ta’ kundizzjoni prevista fl‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt hija, jew ma hijiex, korretta.

(ara l-punti 49-53)

4.      L-Artikolu 148(3) tar-Regolament Nru 2342/2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, jagħti lill-istituzzjonijiet id‑dritt li jieħdu l-inizjattiva li jikkuntattjaw lill-kandidat fil-każ li offerta tagħti lok għal talbiet għal kjarifika jew jekk jeżistu żbalji klerikali li għandhom jiġu korretti fir-redazzjoni ta’ offerta. Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali u limitati biss li hija ssemmi, hija timponi fuq l-istituzzjonijiet l-obbligu li jikkuntattjaw lill-kandidati.

Jista’ jkun mod ieħor biss jekk, skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt, dan id-dritt seta’ joħloq obbligu għall-Kummissjoni li tikkuntattja kandidat. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ meta l-formulazzjoni ta’ offerta hija redatta b’mod ambigwu u ċ-ċirkustanzi tal-kawża, li l-Kummissjoni tkun taf bihom, jindikaw li l-ambigwità probabbilment tista’ tiġi spjegata b’mod sempliċi u titneħħa faċilment. F’każ bħal dan, huwa, fil-prinċipju, kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li l‑Kummissjoni tiċħad din l-offerta mingħajr ma teżerċita s-setgħa tagħha li titlob kjarifiki. F’ċirkustanzi bħal dawn, ikun kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali jekk il-Kummissjoni tingħata setgħa diskrezzjonali assoluta.

Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jinkisbu l-għanijiet, peress li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik l-inqas oneruża u peress li l-iżvantaġġi li toħloq ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti.

Madankollu, huwa wkoll essenzjali, fl-interess taċ-ċertezza legali, li l‑Kummissjoni tkun tista’ tiżgura bi preċiżjoni l-kontenut ta’ offerta ppreżentata fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti u, b’mod partikolari, il-konformità ta’ din l-offerta mal-kundizzjonijiet previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. B’hekk, meta offerta tkun ambigwa u l-Kummissjoni ma jkollhiex il-possibbiltà li tistabbilixxi dak li hija tfisser, malajr u b’mod effiċjenti, hija ma għandha l-ebda għażla ħlief li tiċħadha.

Fl-aħħar nett, hija finalment il-qorti Komunitarja li tiddetermina jekk ir-risposti ta’ kandidat għal talba għal kjarifika ppreżentata mill-awtorità kontraenti jistgħux jitqiesu bħala kjarifika dwar il-kontenut tal-offerta ta’ dan il-kandidat jew jekk huma jmorrux lil hinn minn dan il-kuntest u jibdlu l-kontenut ta’ din l-offerta fid‑dawl tal‑kundizzjonijiet previsti fl‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

(ara l-punti 54-59)

5.      Il-prinċipju ta’ trasparenza, imsemmi kemm mill-Artikolu 89(1) tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, u mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandu jkun fi qbil mal-ħarsien tal‑interess pubbliku, tal-interessi kummerċjali leġittimi ta’ impriżi pubbliċi jew privati u tal-kompetizzjoni ġusta, li jiġġustifika l-possibbiltà prevista mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju, li ma jiġux ikkomunikati ċerti elementi lil kandidat mhux magħżul, meta dan in-nuqqas ta’ komunikazzjoni huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dawn ir‑rekwiżiti.

(ara l-punt 84)

6.      Għall-fondatezza ta’ rikors għad-danni ppreżentat skont it-tieni paragrafu tal‑Artikolu 288 KE, iridu jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l‑illegalità tal-aġir li bih huma akkużati l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l‑eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-danni invokati. Jekk xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta, ir-rikors għandu jkun miċħud kollu kemm hu mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra.

(ara l-punt 91)