Language of document : ECLI:EU:C:2010:105

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

2 ta’ Marzu 2010 (*)

“Direttiva 2004/83/KE – Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Kwalità ta’ ‘refuġjat’ – Artikolu 2(ċ) – Waqfien tal-istatus ta’ refuġjat – Artikolu 11 – Bdil fiċ-ċirkustanzi – Artikolu 11(1)(e) – Refuġjat – Biża’ infondata ta’ persekuzzjoni – Evalwazzjoni – Artikolu 11(2) – Revoka tal-istatus ta’ refuġjat – Prova – Artikolu 14(2)”

Fil-Kawżi magħquda C-175/08, C-176/08, C-178/08 u C-179/08,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 68 KE u l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il‑Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-7 ta’ Frar u tal-31 ta’ Marzu 2008, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ April 2008, fil-proċeduri

Aydin Salahadin Abdulla (C-175/08),

Kamil Hasan (C-176/08),

Ahmed Adem,

Hamrin Mosa Rashi (C-178/08),

Dler Jamal (C-179/08)

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot, R. Silva de Lapuerta u P. Lindh, Presidenti ta’ Awla, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Schiemann, P. Kūris, A. Ó Caoimh, L. Bay Larsen (Relatur), A. Arabadjiev u T. von Danwitz u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Ġunju 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A. Salahadin Abdulla, minn A. Lex, avukat,

–        għal K. Hasan u D. Jamal, minn T. Grüner, avukat,

–        għal A. Adem u H. Mosa Rashi, minn C. Heidemann, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, C. Blaschke u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn D. Lysandrou, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Jackson, bħala aġent, assistita minn T. Ward, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Condou-Durande, kif ukoll minn F. Erlbacher u F. Hoffmeister, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Settembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96, u rettifika, ĠU 2005, L 204, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) moqri flimkien mal-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva.

2        Dawn it-talbiet ġew imressqa fil-kuntest ta’ kawżi bejn, A. Salahadin Abdulla, K. Hasan, A. Adem u martu H. Mosa Rashi, kif ukoll D. Jamal rispettivament (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”), ċittadini Iraqini, u l-Bundesrepublik Deutschland, irrappreżentata mill-Bundesministerium des Inneren (Ministeru Federali tal-Affarijiet Interni), min-naħa tiegħu rrappreżentat mill-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u għar-Refjuġati, iktar ’il quddiem il-“Bundesamt”), dwar ir-revoka minn dan l-aħħar tal-istatus ta’ refuġjat tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni li għandha x’taqsam mal-istatus ta’ refuġjati

3        Il-Konvenzjoni li għandha x’taqsam mal-istatus ta’ refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Hija kienet issupplimentata bil-Protokoll li għandu x’jaqsam mal-istatus ta’ refuġjati tal-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

4        Skont l-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, it-terminu “refuġjat” japplika għal kull persuna li “jkollha biża’ fondata minn persekuzzjoni minħabba r-razza tagħha, ir-reliġjon tagħha, in-nazzjonalità tagħha, is-sħubija tagħha fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjonijiet politiċi tagħha, issib ruħha barra mill-pajjiż li tiegħu hija ċittadina u li ma tkunx tista’ jew, minħabba din il-biża’, ma tkunx trid tinvoka l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż; jew li, jekk ma jkollhiex nazzjonalità u tkun tinsab barra mill-pajjiż fejn l-aħħar kellha r-residenza abitwali tagħha ma tistax jew, minħabba l-imsemmija biża’, ma tkunx trid tmur lura f’dak il-pajjiż”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        L-Artikolu 1(C)(5) tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi li:

“Din il-konvenzjoni ma tibqax tapplika fir-rigward ta’ kull persuna li taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet imsemmija fis-Sezzjoni A imsemmija iktar ’il fuq:

[…]

5.      Jekk, iċ-ċirkustanzi li f’konnessjoni magħhom hija tkun ġiet magħrufa bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, hija ma tistax tkompli tirrifjuta milli tapprofitta ruħha mill-protezzjoni tal-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħha;

Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu ma japplikawx għal kull refuġjat imsemmi fil-paragrafu 1 tas-Sezzjoni A li jista’ jinvoka, sabiex ikompli jirrifjuta milli japprofitta mill-pajjiż taċ-ċittadinanza tiegħu, raġunijiet imperattivi li jirriżultaw minn persekuzzjonijiet preċedenti.”

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

6        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) TUE jipprovdi li:

“L-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea tas- 7 ta’ Diċembru 2000, kif adattata fit- 12 ta’ Diċembru 2007 ġo Strasburgu, li għandha jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati”.

7        L-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea iktar ’il quddiem il-“Karta”) jistabbilixxi li:

“Id-dritt għall-asil għandu jkun garantit b’rispett għar-regoli tal-[Konvenzjoni ta’ Genève] u skond it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea.”

8        Il-premessi 2 u 3 tad-Direttiva jipprovdu li:

“(2)      Il-Kunsill Ewropew fil-laqgħa speċjali tiegħu f’Tampere fil-15 u s- 16 ta’ Ottubru 1999 ftiehem li jaħdem sabiex jistabbilixxi Sistema ta’ Kenn [Ażil] (Asylum) Komuni Ewropea, ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklussiva tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra [...] b’hekk tafferma l-prinċipju ta’ non-refoulement u tiżgura li ħadd ma’ jintbagħat lura għal persekuzzjoni.

(3)      Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra [...] [tikkostitwixxi] l-cornerstone [pedament] tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati.”

9        Il-premessa 10 tad-Direttiva tispeċifika li:

“Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji magħrufa partikolarment mill-Kapitolu ta’ Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. Partikolarment, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjita tal-bniedem u d-dritt għal kenn [ażil] (asylum) għal applikanti għal kenn [ażil] (asylum) u l-membri tal-familja li jakkompanjawhom.”

10      Il-premessi 16 u 17 tad-Direttiva huma fformulati kif ġej:

“(16) Livelli stabbiliti minimi għad-definizzjoni u l-kontenut ta’ stat ta’ refuġjat għandhom jiġu preskritti sabiex jiggwidaw il-korpi nazzjonali kompetenti ta’ l-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

(17)      Huwa meħtieġ li jiddaħħlu kriterji komuni għall-għarfien ta’ applikanti għal kenn [ażil] (asylum) bħala refuġjati fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.”

11      L-Artikolu 1 tad-Direttiva jipprovdi li:

“L-għan ta’ din id-Direttiva tal-Kunsill huwa li tippreskrivi livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.”

12      Skont l-Artikolu 2(a), (ċ) sa (e) u (g) tad-Direttiva, għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

“(a)      “protezzjoni internazzjonali” tfisser l-istat ta’ refuġjat u ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit f’(d) u (f);

[…]

ċ)      “refuġjat” ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ bir-raġun [fondata] li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalita, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalita u ma jistax, jew minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħed barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma jistax jew, minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx jirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għalih;

d)      “stat ta’ refuġjat” ifisser l-għarfien minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat;

e)      “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz [...] li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha [...], jiffaċċja riskju veru li jsofri periklu serju kif definit fl-Artikolu 15 [...], u ma jistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż,

[…]

g)      “applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” tfisser talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz [...], li tista’ tinftiehem li tfittex stat ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja […]”

13      L-Artikolu 13 u l-Artikolu 18 tad-Direttiva jistabbilixxu li l-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ refuġjat jew status ta’ protezzjoni sussidjarja lil ċittadini ta’ pajjiż terz li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti, rispettivament, fil-Kapitolu II u fil-Kapitolu III jew fil-Kapitolu II u fil-Kapitolu V ta’ din id-direttiva.

14      L-Artikolu 4 tad-Direttiva, inkluż fil-Kapitolu II tagħha intitolat “Stima ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali”, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi u fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li:

“L-Istati Membri jistgħu iqisuha bħala d-dmir ta’ l-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’koperazzjoni ma’ l-applikant huwa d-dmir ta’ l-Istat Membru li jistma l-elementi rilevanti ta’ l-applikazzjoni.”

15      L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva jispeċifika l-elementi li għandhom jitqiesu għall-finijiet tal-evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni għal protezzjoni.

16      Skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva, “[i]l-fatt li applikant diġa kien suġġett għal persekuzzjoni [...] jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni [...] huwa indikazzjoni serja tal-biża bir-raġun [fondata] ta’ persekuzzjoni [...], minbarra jekk ikun hemm raġunijiet tajbin li jista’ jitqies li din il-persekuzzjoni [...] ma [t]iġix ripetut[a].”

17      L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, inkluż ukoll fil-Kapitolu II tagħha jżid li biża’ fondata li jiġi ppersegwitat tista’ tibbaża fuq każijiet li jkunu seħħu minn meta l-applikant ikun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini.

18      L-Artikolu 6 tad-Direttiva, inkluż fl-imsemmi Kapitolu II u intitolat “Atturi ta’ persekuzzjoni jew periklu serju” jipprovdi li:

“Atturi ta’ persekuzzjoni jew periklu serju jinkludu:

a)      l-Istat;

b)      partijiet jew organizzazzjonijiet li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju ta’ l-Istat;

ċ)      atturi mhux ta’ l-Istat, jekk ikun jista’ jiġi muri li l-atturi msemmija f’(a) u (b), inkluż organizzazzjonijiet internazzjonali, ma jistgħux jew ma jixtiequx jipprovdu protezzjoni kontra persekuzzjoni jew periklu serju kif definit fl-Artikolu 7.”

19      L-Artikolu 7(1) u (2), inkluż fl-istess kapitolu u intitolat “Atturi ta’ protezzjoni”, jipprovdi li:

“1.      Protezzjoni tista’ tiġi provvduta minn:

a)      l-Istat; jew

b)      partijiet jew organizzazzjonijiet inkluż organizzazzjonijiet internazzjonali, li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju ta’ l-Istat.

2.      Protezzjoni hija ġeneralment provvduta meta l-atturi msemmija fil-paragrafu 1 jieħdu passi raġunevoli sabiex jipprevjenu l-persekuzzjoni jew isofru minn periklu serju, fost ħwejjeġ oħra, billi joperaw sistema legali effettiva għall-kxif, prosekuzzjoni u kastig ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni jew periklu serju, u l-applikant għandu aċċess għal din il-protezzjoni.”

20      L-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva, inkluż fil-Kapitolu III tagħha intitolat “Kwalifika biex wieħed ikun refuġjat”, jistabbilixxi l-atti ta’ persekuzzjoni. Il-paragrafu 3 tiegħu jeżiġi konnessjoni bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva u dawn l-atti ta’ persekuzzjoni.

21      L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva, inkluż ukoll fil-Kapitolu III tagħha u intitolat “Raġunijiet għal persekuzzjoni”, jistabbilixxi l-elementi li għandhom jitqiesu biex jistmaw kull waħda mill-ħames raġunijiet għal persekuzzjoni.

22      L-Artikolu 11 tad-Direttiva, inkluż ukoll fl-istess kapitolu u intitolat “Waqfien”, jipprovdi li:

“1.      Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz [...] għandu jieqaf milli jkun refuġjat, jekk huwa jew hija:

[…]

e)       ma jistax aktar, minħabba li ċ-ċirkostanzi li f’konnessjoni magħhom huwa jew hija jkunu ġie magħrufa bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, jkompli jirrifjuta milli japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonali [taċ-ċittadinanza tiegħu jew tagħha];

[…]

2.      Fil-konsiderazzjoni tal-[punt] (e) [...], l-Istati Membri għandhom iqisu jekk il-bdil fiċ-ċirkostanzi huwiex ta’ natura sinifikanti u mhux temporanja li l-biża tar-refuġjat minn persekuzzjoni ma tistax tibqa’ titqies bħala bir-raġun [fondata].”

23      L-Artikolu 14 tad-Direttiva, intitolat “Revoka u, tmien ta’ jew rifjut għat-tiġdid ta’ stat ta’ refuġjat” u inkluż fil-Kapitolu IV tiegħu, min-naħa tiegħu intitolat “Stat ta’ Refuġjat” jipprovdi li:

“1.      Rigward applikazzjonijiet għal protezzjonijiet internazzjonali depożitati wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istat ta’ refuġjat ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz [...] mogħti minn [awtorità kompetenti] jekk huwa jew hija jkunu waqfu milli jkunu refuġjati bi qbil ma’ l-Artikolu 11.

2.      Mingħajr preġudizzju għad-dmir tar-refuġjat bi qbil ma’ l-Artikolu 4(1) li jiżvela l-fatti rilevanti kollha u jipprovdi d-dokumentazzjoni rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu/tagħha, l-Istat Membru, li jkun ta l-istat ta’ refuġjat, għandu fuq bażi individwali juri li l-persuna interessata tkun waqfet milli tkun jew qatt ma kienet refuġjat bi qbil ma’ paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

[…]”

24      L-Artikolu 15 tad-Direttiva, intitolat “Periklu serju” u inkluż fil-Kapitolu V tagħha, intitolat “Kwalifika għal protezzjoni sussidjarja”, jistabbilixxi li:

“Periklu serju jikkonsisti minn:

a)      piena kapitali jew eżekuzzjoni; jew

b)      tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant fil-pajjiż ta’ l-oriġini; jew

ċ)      theddida serja u individwali għal ħajja ta’ pajżan jew persuna minħabba fi vjolenza indiskriminatorja f'sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern.”

25      Skont l-Artikolu 38 u l-Artikolu 39 tagħha, id-Direttiva daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Ottubru 2004 u kellha tiġi trasposta mhux iktar tard mill-10 ta’ Ottubru 2006.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

26      Skont l-Artikolu 3(1) tal-Att dwar il-Proċedura ta’ Ażil (Asylverfahrensgesetz) (Asylverfahrensgesetz, iktar ’il quddiem l-“AsylVfG”):

“Persuna barranija titqies bħala refuġjata skont il-[Konvenzjoni ta’ Genève] meta tkun mhedda mill-perikli msemmija fl-Artikolu 60(1) tal-Liġi dwar ir-Residenza tal-Barranin [Aufenthaltsgesetz] fl-Istat ta’ nazzjonalità tagħha […]”

27      L-Artikolu 60 tal-Liġi dwar ir-Residenza tal-Barranin, inkluż fil-kapitolu dwar il-waqfien tar-residenza u intitolat “Projbizzjoni ta’ deportazzjoni”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Skont il-Konvenzjoni [ta’ Genève], barrani ma jistax diportat lejn Stat Membru li fih il-ħajja tiegħu jew il-libertà tiegħu huma mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, iċ-ċittadinanza tiegħu, is-sħubija tiegħu fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjonijiet politiċi tiegħu […]”

28      L-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 73(1) tal-AsylVfG, kif emendata bil-Liġi ta’ Traspożizzjoni tad-Direttiva fil-qasam tad-Dritt ta’ Residenza u tad-Dritt għal Ażil (Gesetz zur Umsetzung aufenhalts- und asylrechtlicher Richtlinien der Europäischen Union) tad-19 ta’ Awwissu 2007 (BGBl. 2007 I, p. 1970), jipprovdu li:

“L-għoti tad-dritt għal ażil u dak tal-istatus ta’ refuġjat għandu jiġi rrevokat mingħajr dewmien meta l-kundizzjonijiet li fuqhom kienu bbażati ma baqgħux jeżistu iktar. Dan huwa partikolarment il-każ meta, peress li ċ-ċirkustanzi li f’konnessjoni magħhom ingħata d-dritt għal ażil jew l-istatus ta’ refuġjat lil persuna barranija ma baqgħux jeżistu iktar, hija ma tistax tkompli tirrifjuta li tapprofita ruħha mill-protezzjoni tal-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha […]”

29      Skont it-tielet sentenza tal-AsylVfG l-għoti tad-dritt għal ażil u dak tal-istatus ta’ refuġjat ma jiġux rrevokati “meta l-barrani jista’ jinvoka raġunijiet imperattivi, li jirriżultaw minn persekuzzjonijiet li huwa kien suġġett għalihom fil-passat, li jirrifjuta milli japprofitta ruħu mill-protezzjoni tal-pajjiż taċ-ċittadinanza tiegħu […]”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

30      Matul l-1999 u l-2002, ir-rikorrrenti fil-kawża prinċipali daħlu fil-Ġermanja fejn applikaw għal ażil.

31      Insostenn tal-applikazzjonijiet rispettivi tagħhom, huma invokaw raġunijiet differenti li jbeżżgħuhom milli jiġu ppersegwitati fl-Iraq mir-reġim tal-partit Baas ta’ Saddam Hussein.

32      Fl-2001 u fl-2002, il-Bundesamt tahom l-istatus ta’ refuġjat.

33      Matul l-2004 u l-2005, minħabba l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tal-Iraq, il-Bundesamt beda proċeduri ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat mogħti lill-persuni kkonċernati.

34      B’riżultat ta’ dawn il-proċeduri, il-Bundesamt effettivament irrevoka dan l-istatus ta’ refuġjat bid-deċiżjonijiet adottati bejn Jannar u Awwissu 2005.

35      Bis-sentenzi mogħtja bejn Lulju u Ottubru 2005, il-qrati amministrattivi kompetenti annullaw id-deċiżjonijiet ta’ revoka. Huma ddeċidew, essenzjalment, li, fid-dawl tas-sitwazzjoni estremament instabbli fl-Iraq, ma setax jiġi deċiż li kien hemm bdil dewmieni u stabbli fis-sitwazzjoni tali li jiġġustifika r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat.

36      Wara l-appelli tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, permezz ta’ sentenzi mogħtija f’Marzu u f’Awwissu 2006, il-qrati amministrattivi superjuri kompetenti annullaw is-sentenzi tal-ewwel istanza u ċaħdu r-rikorsi għal annullament ippreżentati kontra d-deċiżjonijiet ta’ revoka. Billi rreferew għall-bidla fundamentali tas-sitwazzjoni fl-Iraq, huma ddeċidew li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali s’issa kienu protetti minn persekuzzjonijiet imġarrba taħt ir-reġim preċedenti u ma kinux esposti għal theddid ġdid ta’ persekuzzjoni, suffiċjentement probabbli, minħabba raġunijiet oħrajn.

37      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appelli fuq punti ta’ liġi kontra s-sentenzi tal-Bundesverwaltungsgericht (Qorti Amministrattiva Federali), sabiex jiksbu l-konferma tas-sentenzi tal-ewwel istanza.

38      Din il-qorti tqis li l-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat iseħħ meta, minn naħa, is-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini ta’ refuġjat tbidlet b’mod sinjifikattiv u mhux temporanju u li ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw il-biża tiegħu li jiġi ppresegwitat, li f’konnessjoni magħhom huwa jkun ġie magħruf bħala refuġjat, ikunu waqfu milli jeżistu, u meta, min-naħa l-oħra, l-persuna kkonċernata ma għandhiex raġunijiet oħra li jbeżżgħuha milli tiġi “ppersegwitata” fis-sens tad-direttiva.

39      Fl-opinjoni tagħha, l-espressjoni “protezzjoni tal-pajjiż”, li jsir riferiment għaliha fil-paragrafu 11(1)(e) tad-Direttiva, tfisser l-istess bħall-espressjoni “protezzjoni ta’ dak il-pajjiż” tad-direttiva u tirreferi biss għall-protezzjoni mill-persekuzzjonijiet.

40      Il-perikli ta’ natura ġenerali la jaqgħu taħt il-protezzjoni mogħtija mill-imsemmija direttiva u lanqas taħt tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Il-kwistjoni dwar jekk refuġjat jistax jiġi obbligat li jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu meta jkunu jeżistu perikli ta’ natura ġenerali ma tistax tiġi eżaminata fil-kuntest tar-revoka tal-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 73(1) tal-AsylVfG. Tali eżami jista’ jsir biss fi stadju ulterjuri, meta għandu jiġi stabbilit jekk il-persuna kkonċernata għandhiex tiġi mibgħuta lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

41      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont konstatazzjonijiet magħmula fl-istadju tal-proċeduri ta’ appell li hija marbuta bihom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistgħux jinvokaw effetti li jirriżultaw minn atti ta’ persekuzzjoni preċedenti sabiex jirrifjutaw li jirritornaw fl-Iraq. Hija tiddeduċi li quddiemha ma jistgħux jiġu invokati r-“raġunijiet imperattivi” minħabba persekuzzjonijiet preċedenti msemmija fit-tielet sentenza tal-Artikolu 73(1) tal-AsylVfG kif ukoll fit-tieni sentenza tal-Artikolu 1(C) tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

42      Madankollu, hija tirrileva li r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat ma twassalx neċessarjament għat-telfien tad-dritt ta’ residenza fil-Ġermanja.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li, indipendentement mit-tieni klawżola tal-Artikolu 1(C)(5) tal-Konvenzjoni tat- 28 ta’ Lulju 1951 li għandha x’taqsam mal-istatus ta’ refuġjati (Konvenzjoni ta’ Genève dwar ir-refuġjati), persuna titlef l-istatus ta’ refuġjat tagħha jekk il-biża’ fondata minn persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, u li fuq il-bażi tagħha l-istatus ta’ refuġjat ikun ingħata, ma tibqax teżisti, jew din il-persuna ma għandhiex raġuni oħra sabiex tibża minn persekuzzjoni skont l-Artikolu 2(ċ) tal-imsemmija direttiva?

2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva [...] jeħtieġ ukoll li, fil-pajjiż li tiegħu r-refuġjat għandu ċ-ċittadinanza:

a)      jeżisti attur ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, u huwa biżżejjed f’dan ir-rigward jekk il-protezzjoni tista’ tiġi żgurata biss bl-għajnuna ta’ truppi multinazzjonali;

b)      ir-refuġjat ma jkunx mhedded minn periklu serju skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva u li jwassal għall-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja taħt l-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva u/jew

ċ)      is-sitwazzjoni tkun stabbli fuq il-livell tas-sigurtà u l-kundizzjonijiet tal-ħajja ġenerali jiżguraw livell stabbilit minimu ta’ ħajja?

3)      Fil-każ fejn iċ-ċirkustanzi li minħabba fihom il-persuna kkonċernata tingħata status ta’ refuġjat waqfu jeżistu, iċ-ċirkustanzi l-ġodda u differenti li jiġġustifikaw il-biża minn persekuzzjoni:

a)      għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-kriterju ta’ probabbiltà applikat sabiex jiġi rrikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat jew fid-dawl ta’ kriterju ieħor li għandu jiġi applikat favur il-persuna kkonċernata, u/jew;

b)      għandhom jiġu evalwati b’kunsiderazzjoni tat-tnaqqis tal-oneru tal-prova li jirriżulta mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva […]?”

44      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-25 ta’ Ġunju, il-kawżi C‑175/08 sa C‑179/08 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza. B’digriet tal-President tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Awwissu 2008, il-Kawża C‑177/08 ġiet isseparata sussegwentement minn dawn il-kawżi u mħassra mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

45      Fil-kawżi prinċipali, ir-rikorrenti ppreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, jiġifieri qabel l-20 ta’ Ottubru 2004.

46      Fil-każ fejn ir-refuġjat waqaf milli jibbenefika mill-istatus tiegħu skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva, l-Artikolu 14(1) tagħha jipprovdi r-revoka tal-imsemmi status biss jekk l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun ġiet ippreżentata wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva.

47      L-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li taw lok għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma jaqgħux għaldaqstant rationae temporis fil-kuntest tad-Direttiva.

48      Madankollu, għandu jitfakkar li, peress li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, obbligata li tiddeċiedi. Fil-fatt, la mit-termini tal-Artikoli 68 KE u 234 KE u lanqas mill-għan tal-proċedura stabbilita minn din id-dispożizzjoni ma jirriżulta li l-awturi tat-Trattat KE kellhom l-intenzjoni jeskludu mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw direttiva fil-każ partikolari fejn id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru jirreferi għall-kontenut tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva sabiex jiġu stabbiliti r-regoli applikabbli għal sitwazzjoni kompletament interna ta’ dan l-Istat. F’tali każ, jeżisti interess Komunitarju ċert fejn, sabiex jiġu evitati interpretazzjonijiet differenti fil-futur, id-dispożizzjonijiet tad-dritt jiġu interpretati b’mod uniformi, ikunu xi jkunu l-kundizzjonijiet li huma invokati li japplikaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering, C‑3/04, Ġabra p. I‑2505, punti 15 u 16 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju enfasizzat li l-Liġi ta’ Traspożizzjoni tad-Direttiva fil-qasam tad-Dritt ta’ Residenza u tad-Dritt għal Ażil, li daħlet fis-seħħ fit- 28 ta’ Awwissu 2007 u li minnha tirriżulta l-formulazzjoni tal-Artikolu 73(1) tal-AsylVfG, ittrasponiet l-Artikolu 11 u l-Artikolu 14 tad-Direttiva mingħajr limitazzjoni tal-applikabbiltà rationae temporis tad-dispożizzjonijiet tagħha, b’tali mod li dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli għal applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula.

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

51      Id-direttiva ġiet adottata abbażi, b’mod partikolari, tal-punt l(ċ) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63 KE, li jinkariga lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jadotta miżuri dwar l-ażil, skont il-Konvenzjoni ta’ Genève u Trattati oħrajn rilevanti, fil-kuntest tal-livelli minimi f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwalifika bħala refuġjati ta’ persuni ta’ ċittadinanza ta’ pajjiżi terzi.

52      Mill-premessi 3, 16 u 17 tad-Direttiva jirriżulta li l-Konvenzjoni ta’ Genève tikkostitwixxi l-pedament tas-sistema legali internazzjonali dwar il-protezzjoni tar-refuġjati u li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll il-kontenut tagħha ġew adottati biex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex japplikaw din il-konvenzjoni abbażi ta’ kunċetti u kriterji komuni.

53      L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandha, għaldaqstant issir fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tagħha, billi jiġu osservati l-Konvenzjoni ta’ Genève u t-Tratti l-oħrajn rilevanti msemmija fil-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63 KE.

54      Din l-interpretazzjoni għandha ssir ukoll, kif jirriżulta mill-premessa 10 tad-Direttiva, billi jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u osservati l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta.

 Fuq l-ewwel domanda

55      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna titlef l-istatus ta’ refuġjat tagħha meta ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw il-biża’ li hija kellha li tiġi ppersegwitata minħabba waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva, li f’konnessjoni magħhom ingħatat l-istatus ta’ refuġjat, waqfu jeżistu u li hija ma għandhiex raġunijiet oħrajn ta’ biża’ li tiġi “ppersegwitat[a]” fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva.

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva, ir-refuġjat huwa, b’mod partikolari, ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu “minħabba f’biża’ bir-raġun [fondata] li jiġi persegwitat” minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-opinjonijiet politiċi tiegħu jew l-appartenenza tiegħu għal ċertu grupp soċjali, u li ma jistax jew, “minħabba f’din il-biża”, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-“protezzjoni” ta’ dan il-pajjiż.

57      Iċ-ċittadin ikkonċernat għandu għaldaqstant, minħabba ċirkustanzi eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jikkonfronta l-biża’ fondata ta’ fuq persekuzzjoni eżerċitata fuqu ta’ mill-inqas għal waħda mir-raġunijiet elenkati fid-Direttiva jew fil-Konvenzjoni ta’ Genève.

58      Fil-fatt, dawn iċ-ċirkustanzi juru li l-pajjiż terz ma jipproteġix iċ-ċittadin tiegħu minn atti ta’ persekuzzjoni.

59      Huma r-raġuni għaliex huwa impossibbli għall-persuna kkonċernata, jew għar-rifjut iġġustifikat tagħha, li tapprofitta ruħha mill-“protezzjoni” tal-pajjiż ta’ oriġini tagħha fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva, jiġifieri fis-sens tal-kapaċità ta’ dan il-pajjiż li jipprevjeni jew li jissanzjona atti ta’ persekuzzjoni.

60      Għaldaqstant huma determinanti għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.

61      Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, il-fatti u ċ-ċirkustanzi huma stmati, għall-finijiet ta’ din l-għotja, b’kooperazzjoni mal-applikant.

62      Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva, l-Istat Membru jagħti l-istatus ta’ refuġjat lill-applikant jekk huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 9 u l-Artikolu 10 tagħha.

63      L-Artikolu 9 tad-Direttiva jiddefinixxi l-elementi li jippermettu li ċerti atti jitqiesu bħala persekuzzjoni. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(1), jispeċifika li l-fatti rilevanti għandhom ikunu “serji biżżejjed” fin-natura jew repetizzjoni tagħhom li jikkostitwixxu “vjolazzjoni serja ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem”, jew ikunu akkumulu ta’ diversi miżuri li jkunu “serji biżżejjed” li jaffettwaw individwu b’manjiera simili għal “vjolazzjoni serja ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem”.

64      L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva jżied li għandu jkun hemm konnessjoni bejn ir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva u l-atti ta’ persekuzzjoni.

65      L-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva, l-istess bħall-Artikolu 1C(5) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jipprovdi t-telf tal-kwalità ta’ refuġjat meta ċ-ċirkustanzi li f’konnesjoni magħhom ikunu ngħataw din il-kwalità jkunu waqfu milli jeżistu jew, fi kliem ieħor, meta l-kundizzjonijiet tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat ma għadhomx sodisfatti.

66      Meta jipprovdi li l-imsemmija ċirkustanzi “jkunu waqfu milli jeżistu”, iċ-ċittadin “ma jistax aktar [...] jkompli jirrifjuta milli japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonali[tà]”, l-imsemmija dispożizzjoni tistabbilixxi, permezz tal-formulazzjoni tagħha, rabta kawżali bejn il-bdil fiċ-ċirkustanzi u l-impossibbiltà għall-persuna kkonċernata li tkompli ssostni r-rifjut tagħha u għaldaqstant iżżomm l-istatus ta’ refuġjat tagħha, peress li l-biża oriġinarja tagħha li tiġi ppersegwitata ma tirriżultax li għadha fondata.

67      Meta jipprovdi li ċ-ċittadin “ma jistax aktar [...] jkompli jirrifjuta” milli japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini, jimplika li l-“protezzjoni” inkwistjoni hija l-istess bħal dik li sa dak il-mument kienet nieqsa, jiġifieri dik kontra l-atti ta’ persekuzzjoni msemmija fid-Direttiva.

68      B’dan il-mod iċ-ċirkustanzi li juru l-inkapaċità jew, bil-kuntrarju, il-kapaċità tal-pajjiż ta’ oriġini li jiżgura protezzjoni kontra atti ta’ persekuzzjoni jikkostitwixxu element deċiżiv tal-evalwazzjoni li jwassal għall-għoti jew, skont il-każ, b’mod simetriku, għall-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat.

69      Konsegwentement, l-istatus ta’ refuġjat jieqaf mill-mument li ċ-ċittadin ikkonċernat jirriżulta li ma għadux espost, fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, għal ċirkustanzi li juru l-inkapaċità tal-imsemmi pajjiż li jiżguralu protezzjoni kontra atti ta’ persekuzzjoni li huma eżerċitati fuqu minħabba waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva. Tali waqfien jinvolvi għaldaqstant li l-bdil fiċ-ċirkustanzi rrimedja għall-kawżi li waslu għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat.

70      Sabiex jaslu għall-konklużjoni li l-biża’ tar-refuġjat li jiġi ppersegwitat ma għadhiex fondata, l-awtoritajiet kompetenti, fid-dawl tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva, għandhom jivverifikaw, fir-rigward tas-sitwazzjoni individwali tar-refuġjat, li l-attur jew l-atturi li joffru protezzjoni tal-pajjiż terz inkwistjoni jieħdu passi raġonevoli sabiex jipprevjenu l-persekuzzjoni, li għaldaqstant għandhom, b’mod partikolari, sistema legali effettiva għall-kxif, prosekuzzjoni u kastig ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni u li ċ-ċittadin ikkonċernat, fil-każ ta’ waqfien tal-istatus tiegħu ta’ refuġjat, ikollu aċċess għal din il-protezzjoni.

71      Din il-verifika twassal lill-awtoritajiet kompetenti jistmaw, b’mod partikolari, l-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tal-istituzzjonijiet, tal-amministrazzjonijiet u tal-forzi tal-ordni, minn naħa, u tal-gruppi jew entitajiet kollha tal-pajjiż terz li jistgħu jkunu l-kawża, minħabba azzjoni tagħhom jew minħabba nuqqas tagħhom, ta’ atti ta’ persekuzzjoni mwettqa fuq il-benefiċjarju tal-istatus ta’ refuġjat, fil-każ li jirritorna f’dan il-pajjiż, min-naħa l-oħra. Skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva, dwar l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi, dawn l-awtoritajiet jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni, partikolarment, il-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż ta’ oriġini kif ukoll il-mod kif inhuma applikati, u sa fejn ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem huwa żgurat f’dan il-pajjiż.

72      L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva jipprovdi, fost oħrajn, li l-bdil fiċ-ċirkustanzi kkonstatat mill-awtoritajiet kompetenti għandu jkun ta’ “natura sinjifikanti u mhux temporanju” li l-biża tar-refuġjat minn persekuzzjoni ma tistax tibqa’ titqies bħala fondata.

73      Il-bdil fiċ-ċirkustanzi għandu natura “sinjifikanti u mhux temporanja” fis-sens tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva, meta l-fatturi li abbażi tagħhom il-beżgħat tar-refuġjat li jiġi ppersegwitat jistgħu jitqiesu li ġew eliminati b’mod dewmieni. L-evalwazzjoni tan-natura sinjifikattiva u mhux temporanja taċ-ċirkustanza tinvolvi għaldaqstant in-nuqqas ta’ beżgħat fondati li jiġi espost għal atti ta’ persekuzzjoni li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva.

74      Għandu jiġi speċifikat li l-attur jew l-atturi li joffru protezzjoni fil-kuntest li fihom hija stmata l-effettività ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi fil-pajjiż ta’ oriġini huma, skont l-Artikolu 7(1), jew l-Istat stess, jew partiti jew organizzazzjonijiet, inkluż organizzazzjonijiet internazzjonali, li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju tal-Istat.

75      Fuq dan l-aħħar punt, hemm lok li jiġi ammess li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva ma jipprekludix li l-protezzjoni tista’ tiġi żgurata minn organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluż permezz tal-preżenza ta’ forza multinazzjonali fuq it-territorju tal-pajjiż terz.

76      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        persuna titlef l-istatus ta’ refuġjat meta, fid-dawl ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi li għandhom natura sinjifikattiva u mhux temporanja, li seħħ fil-pajjiż terz ikkonċernat, iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw il-biża’ li hija kellha li tiġi ppersegwitata minħabba waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 2(ċ) ta-Direttiva, li abbażi tagħhom ġiet rikonoxxuta bħala refuġjata, waqfu jeżistu u li hija ma għandhiex raġunijiet oħrajn ta’ biża’ li tiġi “ppersegwitat[a]” għall-finijiet tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva;

–        għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membri għandhom jivverifikaw, fir-rigward tas-sitwazzjoni individwali tar-refuġjat, li l-attur jew l-atturi li joffru protezzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva ħadu passi raġonevoli sabiex jipprevjenu l-persekuzzjoni, li għaldaqstant għandhom, b’mod partikolari, sistema legali effettiva għall-kxif, prosekuzzjoni u kastig ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni u li ċ-ċittadin ikkonċernat, fil-każ ta’ waqfien tal-istatus tiegħu ta’ refuġjat, ikollu aċċess għal din il-protezzjoni;

–        l-atturi li joffru protezzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva jistgħu jinkludu organizzazzjonijiet internazzjonali li jikkontrollaw l-Istat jew parti sinjifikattiva tat-territorju tiegħu, inkluż permezz tal-preżenza ta’ forza multinazzjonali f’dan it-territorju.

 Fuq it-tieni domanda

77      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda u tal-ispeċifikazzjonijiet mogħtija fil-punt 74 u l-punt 75 ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

78      Madankollu, għal dak li jirrigwarda din d-domanda 2(b), għandu jiġi enfasizzat, f’kull każ, li d-Direttiva, fil-kuntest tal-kunċett ta’ “protezzjoni internazzjonali”, tirregola żewġ sistemi distinti ta’ protezzjoni, jiġifieri, minn naħa, l-istatus ta’ refuġjat, u min-naħa l-oħra, l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, peress li l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva jipprovdi li l-persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja hija dik “li ma tikkwalifikax bħala refuġjat”.

79      Għaldaqstant, peress li altrimentri l-oqsma rispettivi taż-żewġ sistemi ta’ protezzjoni ma jitqiesux, il-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat ma tistax tiġi ssuġġettata għall-konstatazzjoni li persuna ma tikkwalifikax għall-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja.

80      Fis-sistema tad-Direttiva, il-waqfien eventwali tal-istatus ta’ refuġjat iseħħ bla ħsara għad-dritt tal-persuna kkonċernata li titlob l-għoti tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, meta l-elementi neċessarji, imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva, inġabru kollha sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet proprji sabiex tkun ġustifikata tali protezzjoni, stabbilita fl-Artikolu 15 tad-Direttiva, huma sodisfatti.

 Fuq it-tielet domanda

 Osservazzjonijiet preliminari

81      It-tielet domanda tirrigwarda s-sitwazzjoni li fiha, ipotetikament, iċ-ċirkustanzi li minħabba fihom ingħata l-istatus ta’ refuġjat diġà ġew ikkonstatati li waqfu jeżistu.

82      Hija tikkonċerna l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw sussegwentement, jekk ikun neċessarju, qabel jikkonstataw il-waqfien ta’ dan l-istat, jekk jeżistux ċirkustanzi oħrajn li jiġġustifikaw il-biża’ fondata tal-persuna kkonċernata li tiġi ppersegwitata.

83      L-imsemmija verifika tinvolvi għaldaqstant evalwazzjoni analoga għal dik magħmula matul l-eżami ta’ applikazzjoni inizjali ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat.

 Fuq id-domanda 3(a)

84      Permezz tad-domanda 3(a) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, meta ċ-ċirkustanzi li jwasslu għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat wafqu jeżistu u li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jivverifikaw li ma jeżistux ċirkustanzi oħrajn li jiġġustifikaw il-biża’ tal-persuna kkonċernata li tiġi ppersegwitata kemm għall-istess raġuni kif ukoll għal dik inkwistjoni inizjalment, jew għal waħda mir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva, il-kriterju ta’ probabbiltà sabiex jiġi evalwat ir-riskju li jirriżulta minn dawn iċ-ċirkustanzi l-oħrajn huwa l-istess bħal dak applikat matul l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.

85      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li:

–        dan il-kriterju ta’ probabbiltà japplika għall-evalwazzjoni tal-importanza tar-riskju li effettivament iġġarrab atti ta’ persekuzzjoni f’kuntest partikolari, kif stabbilit fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn l-Istat Membru u l-persuna kkonċernata, li jirreferu għaliha l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva;

–        skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva, il-fatti rilevanti eżaminati għandhom ikunu serji biżżejjed.

86      Hemm lok li jiġi ammess li l-livell ta’ diffikultà, qabel kollox, sabiex jinġabru l-elementi rilevanti kollha għall-finijiet tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi jista’, mill-perspettiva tal-materjalità tal-fatti, ikun iktar jew inqas għoli skont il-każ.

87      F’dan ir-rigward, persuna li, wara li kienet tirrisjedi għal diversi snin bħala refuġjata barra mill-pajjiż ta’ oriġini tagħha, tinvoka ċirkustanzi oħrajn sabiex tiġġustifika biża’ li tiġi ppersegwitata, normalment ma għandhiex l-istess possibbiltajiet sabiex tevalwa r-riskju li għalih tkun esposta fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha meta mqabbla ma’ applikant li telaq reċentement mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

88      Minn naħa l-oħra, il-livell rikjest li għandu jiggwida, sussegwentement, l-evalwazzjoni tal-elementi miġbura ma jvarjax, la fl-istadju tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat u lanqas fl-istadju tal-eżami tal-kwistjoni jekk l-istatus għandux jinżamm, meta, wara ċ-ċirkustanzi li waslu għall-għoti tiegħu kienu ġew ikkonstatati waqfu jeżistu, huma evalwati ċirkustanzi oħrajn li jistgħu taw lok għal biża’ fondata ta’ atti ta’ persekuzzjoni.

89      Fil-fatt, għal dawn iż-żewġ stadji tal-eżami, l-evalwazzjoni tirrigwarda l-istess kwistjoni dwar jekk iċ-ċirkustanzi stabbiliti jikkostitwixxux theddida li l-persuna kkonċernata tista’ jkollha raġuni li tibża’, fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tagħha, li tkun effettivament is-suġġet ta’ atti ta’ persekuzzjoni.

90      Din l-evalwazzjoni tal-importanza tar-riskju għandha, f’kull każ, issir b’viġilanza u prudenza, peress li tirrigwarda kwistjonijiet ta’ integrità tal-persuna umana u tal-libertajiet individwali, kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-valuri fundamentali tal-Unjoni.

91      Għaldaqstant ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda 3(a) hija li, meta ċ-ċirkustanzi li jwasslu għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat wafqu jeżistu u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jivverifikaw li ma jeżistux ċirkustanzi oħrajn li jiġġustifikaw il-biża’ tal-persuna kkonċernata li tiġi ppersegwitata kemm għall-istess raġuni kif ukoll għal dik inkwistjoni inizjalment, jew għal waħda mir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva, il-kriterju ta’ probabbiltà sabiex jiġi evalwat ir-riskju li jirriżulta minn dawn iċ-ċirkustanzi l-oħrajn huwa l-istess bħal dak applikat matul l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.

 Fuq id-domanda 3(b)

92      Permezz tad-domanda 3(b), il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva, sa fejn jipprovdi indikazzjonijiet rigward il-portata, f’termini ta’ saħħa probatorja, ta’ atti jew ta’ theddid preċedenti ta’ persekuzzjoni, japplikax meta l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw li jirrevokaw l-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva u l-persuna kkonċernata, sabiex tiġġustifika l-insistenza ta’ biża’ fondata li tiġi ppersegwitata, tinvoka ċirkustanzi differenti minn dawk li f’konnessjoni magħhom ġiet rikonoxxuta bħala refuġjata.

93      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva japplika meta l-awtoritajiet kompetenti għandhom jevalwaw jekk iċ-ċirkustanzi li qed jeżaminaw jiġġustifikawx biża’ fondata tal-applikant li jiġi ppersegwitat.

94      Din hija s-sitwazzjoni, l-ewwel u qabel kollox, fl-istadju tal-eżami ta’ applikazzjoni inizjali għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, meta l-applikant jinvoka atti jew theddid preċedenti ta’ persekuzzjoni bħala indizji tal-fondatezza tal-biża’ tiegħu li l-persekuzzjoni inkwistjoni tirrikorri fil-każ li jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini. L-awtoritajiet kompetenti jieħu inkunsiderazzjoni s-saħħa probatorja attribwita mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva lil tali atti jew theddid preċedenti bil-kundizzjoni, li tirriżulta mill-Artikolu 9(2) tad-Direttiva, li dawn l-atti jew theddid ikollhom konnessjoni mar-raġuni ta’ persekuzzjoni invokata mill-applikant għal protezzjoni.

95      Fis-sitwazzjoni msemmija fid-domanda magħmula, l-evalwazzjoni li għandha titwettaq mill-awtoritajiet kompetenti rigward l-eżistenza ta’ ċirkustanzi oħrajn minbarra dawk li abbażi tagħhom ingħata l-istatus ta’ refuġjat hija, kif ukoll ġie rrilevat fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, analoga għal dik imwettqa matul l-eżami ta’ applikazzjoni inizjali.

96      Sussegwentement, f’din is-sitwazzjoni, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva jista’ japplika meta jeżistu atti jew theddid preċedenti ta’ persekuzzjoni li huma konnessi mar-raġuni ta’ persekuzzjoni eżaminata f’dan l-istadju.

97      Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta r-refuġjat jinvoka raġuni ta’ persekuzzjoni differenti minn dik użata fil-mument tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat u li:

–        preċedentement għall-applikazzjoni inizjali tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, huma ġarrab atti jew theddid ta’ persekuzzjoni minħabba din ir-raġuni oħra, iżda għadu ma invokahomx;

–        huwa ġarrab atti jew theddid ta’ persekuzzjoni minħabba l-imsemmija raġuni qabel it-tluq tiegħu mill-pajjiż ta’ oriġini u li dawn l-atti jew dawn it-theddid joriġinaw minnu.

98      Min-naħa l-oħra, fil-każ li r-refuġjat, billi jinvoka l-istess raġuni ta’ persekuzzjoni bħal dik użata fil-mument tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, jipprekludi lill-awtoritajiet kompetenti li l-waqfien tal-fatti li taw lok għal din l-għotja ġiet segwita minn fatti oħrajn li waslu għal biża’ ta’ persekuzzjonijiet għall-istess raġuni, l-evalwazzjoni li għandha titwettaq ma taqax normalment taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva, iżda taħt l-Artikolu 11(2) tagħha.

99      Fil-fatt huwa fil-kuntest ta’ din l-aħħar dispożizzjoni li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jevalwaw jekk l-allegat bdil fiċ-ċirkustanzi, kostitwit, pereżempju, mill-għajbien ta’ attur ta’ persekuzzjonijiet segwit mill-dehra ta’ attur ieħor ta’ persekuzzjonijiet, huwiex sinjifikattiv biżżejjed sabiex il-biża’ tar-refuġjat li jiġi ppersegwitat ma tibqax iktar meqjusa bħala fondata.

100    Għaldaqstant ir-risposta għad-domanda 3(b) għandha tkun li:

–        L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva, sa fejn jipprovdi indikazzjonijiet rigward il-portata, f’termini ta’ saħħa probatorja, ta’ atti jew ta’ theddid preċedenti ta’ persekuzzjoni, jista’ japplika meta l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw li jirrevokaw l-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva u l-persuna kkonċernata, sabiex tiġġustifika l-insistenza ta’ biża’ fondata li tiġi ppersegwitata, tinvoka ċirkustanzi differenti minn dawk li f’konnessjoni magħhom ġiet rikonoxxuta bħala refuġjat.

–        Madankollu, bħala regola ġenerali dan jista’ jkun il-każ biss meta r-raġuni ta’ persekuzzjoni hija differenti minn dik użata fil-mument tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat u li jeżistu atti jew theddid preċedenti ta’ persekuzzjoni li huma konnessi mar-raġuni ta’ persekuzzjoni eżaminata f’dan l-istadju.

 Fuq l-ispejjeż

101    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–      persuna titlef l-istatus ta’ refuġjat meta, fid-dawl ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi li għandhom natura sinjifikattiva u mhux temporanja, li seħħ fil-pajjiż terz ikkonċernat, iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw il-biża’ li hija kellha li tiġi ppersegwitata minħabba waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83, li abbażi tagħhom ġiet irrikonoxxuta bħala refuġjata, waqfu jeżistu u li hija ma għandhiex raġunijiet oħrajn ta’ biża’ li tiġi “ppersegwitat[a]” għall-finijiet tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83;

–      għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membri għandhom jevalwaw, fir-rigward tas-sitwazzjoni individwali tar-refuġjat, li l-attur jew l-atturi li joffru protezzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/83 ħadu passi raġonevoli sabiex jipprevjenu l-persekuzzjoni, li għaldaqstant għandhom, b’mod partikolari, sistema legali effettiva għall-kxif, prosekuzzjoni u kastig ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni u li ċ-ċittadin ikkonċernat, fil-każ ta’ waqfien tal-istatus tiegħu ta’ refuġjat, ikollu aċċess għal din il-protezzjoni;

–      l-atturi li joffru protezzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/83 jistgħu jinkludu organizzazzjonijiet internazzjonali li jikkontrollaw l-Istat jew parti sinjifikattiva tat-territorju tiegħu, inkluż permezz tal-preżenza ta’ forza multinazzjonali f’dan it-territorju.

2)      Meta ċ-ċirkustanzi li jwasslu għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat wafqu jeżistu u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jivverifikaw li ma jeżistux ċirkustanzi oħrajn li jiġġustifikaw il-biża’ tal-persuna kkonċernata li tiġi ppersegwitata kemm għall-istess raġuni kif ukoll għal dik inkwistjoni inizjalment, jew għal waħda mir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83, il-kriterju ta’ probabbiltà sabiex jiġi evalwat ir-riskju li jirriżulta minn dawn iċ-ċirkustanzi l-oħrajn huwa l-istess bħal dak applikat matul l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.

3)      L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2004/83, sa fejn jipprovdi indikazzjonijiet rigward il-portata, f’termini ta’ saħħa probatorja, ta’ atti jew ta’ theddid preċedenti ta’ persekuzzjoni, jista’ japplika meta l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw li jirrevokaw l-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83 u l-persuna kkonċernata, sabiex tiġġustifika l-insistenza ta’ biża’ fondata li tiġi ppersegwitata, tinvoka ċirkustanzi oħrajn minn dawk li f’konnessjoni magħhom ġiet irrikonoxxuta bħala refuġjat. Madankollu, bħala regola ġenerali dan jista’ jkun il-każ biss meta r-raġuni ta’ persekuzzjoni hija differenti minn dik użata fil-mument tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat u li jeżistu atti jew theddid preċedenti ta’ persekuzzjoni li huma konnessi mar-raġuni ta’ persekuzzjoni eżaminata f’dan l-istadju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il‑Ġermaniż.