Language of document : ECLI:EU:C:2010:105

Kawżi magħquda C-175/08, C-176/08, C-178/08 u C-179/08

Aydin Salahadin Abdulla et

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht)

“Direttiva 2004/83/KE — Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — Kwalità ta’ ‘refuġjat’ — Artikolu 2(ċ) — Waqfien tal-istatus ta’ refuġjat —Artikolu 11 — Bdil fiċ-ċirkustanzi — Artikolu 11(1)(e) — Refuġjat — Biża’ infondata ta’ persekuzzjoni — Evalwazzjoni — Artikolu 11(2) — Revoka tal-istatus ta’ refuġjat — Prova — Artikolu 14(2)”

Sommarju tas-sentenza

1.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti

(Artikoli 68 KE u 234 KE)

2.        Viżi, ażil, immigrazzjoni — Politika tal-ażil — Status ta’ refuġjat jew status mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — Direttiva 2004/83 — Waqfien tal-istatus ta’ refuġjat

(Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Artikoli 2(ċ), 7(1),u 11(1)(e))

3.        Viżi, ażil, immigrazzjoni — Politika tal-ażil — Status ta’ refuġjat jew status mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — Direttiva 2004/83 — Waqfien tal-istatus ta’ refuġjat

(Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Artikoli 2(e), 4 u 11(1)(e))

4.        Viżi, ażil, immigrazzjoni — Politika tal-ażil — Status ta’ refuġjat jew status mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — Direttiva 2004/83 — Waqfien tal-istatus ta’ refuġjat

(Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Artikoli 2(ċ), u 11(1)(e))

5.        Viżi, ażil, immigrazzjoni — Politika tal-ażil — Status ta’ refuġjat jew status mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — Direttiva 2004/83 — Waqfien tal-istatus ta’ refuġjat

(Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Artikoli 4(4), u 11(1)(e))

1.        La mit-termini tal-Artikoli 68 KE u 234 KE u lanqas mill‑għan tal-proċedura stabbilita minn din id-dispożizzjoni ma jirriżulta li l-awturi tat-Trattat KE kellhom l-intenzjoni jeskludu mill-ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal-Ġustizzja, ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw direttiva fil-każ partikolari fejn id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru jirreferi għall-kontenut tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva sabiex jiġu stabbiliti r-regoli applikabbli għal sitwazzjoni kompletament interna ta’ dan l-Istat. Fil-fatt, f’tali każ, jeżisti interess Komunitarju ċert fejn, sabiex jiġu evitati interpretazzjonijiet differenti fil-futur, id-dispożizzjonijiet tad-dritt jiġu interpretati b’mod uniformi, ikunu xi jkunu l-kundizzjonijiet li fihom għandhom japplikaw.

(ara l-punt 48)

2.        L-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva 2004/83, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

- persuna titlef l-istatus ta’ refuġjat meta, fid-dawl ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi li għandhom natura sinjifikattiva u mhux temporanja, li seħħ fil-pajjiż terz ikkonċernat, iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw il-biża’ li hija kellha li tiġi ppersegwitata minħabba waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 2(ċ) ta-Direttiva 2004/83, li abbażi tagħhom ġiet rikonoxxuta bħala refuġjata, waqfu jeżistu u li hija ma għandhiex raġunijiet oħrajn ta’ biża’ li tiġi “ppersegwitat[a]” għall-finijiet tal-Artikolu 2(ċ) tal-imsemmija direttiva;

- għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membri għandhom jivverifikaw, fir-rigward tas-sitwazzjoni individwali tar-refuġjat, li l-attur jew l-atturi li joffru protezzjoni msemmija fl‑Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/83 ħadu passi raġonevoli sabiex jipprevjenu l-persekuzzjoni, li għaldaqstant għandhom, b’mod partikolari, sistema legali effettiva għall-kxif, prosekuzzjoni u kastig ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni u li ċ-ċittadin ikkonċernat, fil-każ ta’ waqfien tal-istatus tiegħu ta’ refuġjat, ikollu aċċess għal din il-protezzjoni;

- l-atturi li joffru protezzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tad‑Direttiva 2004/83 jistgħu jinkludu organizzazzjonijiet internazzjonali li jikkontrollaw l-Istat jew parti sinjifikattiva tat-territorju tiegħu, inkluż permezz tal-preżenza ta’ forza multinazzjonali f’dan it-territorju.

(ara l-punt 76 u d-dispożittiv 1)

3.        Fil-kuntest tal-kunċett ta’ protezzjoni internazzjonali, id‑Direttiva 2004/893, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l‑kontenut tal-protezzjoni mogħtija, tirregola żewġ sistemi distinti ta’ protezzjoni, jiġifieri, minn naħa, l-istatus ta’ refuġjat, u min-naħa l-oħra, l‑istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, peress li l-Artikolu 2(e) tad‑Direttiva jipprovdi li l-persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja hija dik li ma tikkwalifikax bħala refuġjat. Għaldaqstant, peress li altrimentri l‑oqsma rispettivi taż-żewġ sistemi ta’ protezzjoni ma jitqiesux, il-waqfien tal-istatus ta’ refuġjat ma jistax jiġi ssuġġettat għall-konstatazzjoni li persuna ma tikkwalifikax għall-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja.

Fis-sistema ta’ din id-direttiva, il-waqfien eventwali tal-istatus ta’ refuġjat iseħħ bla ħsara għad-dritt tal-persuna kkonċernata li titlob l‑għoti tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, meta l-elementi neċessarji, imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva, ġew miġbura kollha sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet proprji sabiex tkun ġustifikata tali protezzjoni, stabbiliti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva, huma sodisfatti.

(ara l-punti 78-80)

4.        Meta ċ-ċirkustanzi li jwasslu għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat wafqu jeżistu u li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jivverifikaw li ma jeżistux ċirkustanzi oħrajn li jiġġustifikaw il-biża’ tal-persuna kkonċernata li tiġi ppersegwitata kemm għall-istess raġuni kif ukoll għal dik inkwistjoni inizjalment, jew għal waħda mir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(ċ) tad‑Direttiva 2004/83, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l‑kontenut tal-protezzjoni mogħtija, il-kriterju ta’ probabbiltà sabiex jiġi evalwat ir-riskju li jirriżulta minn dawn iċ-ċirkustanzi l-oħrajn huwa l-istess bħal dak applikat matul l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.

Fil-fatt, għal dawn iż-żewġ stadji tal-eżami, l-evalwazzjoni tirrigwarda l-istess kwistjoni dwar jekk iċ-ċirkustanzi stabbiliti jikkostitwixxux jew le theddida li l-persuna kkonċernata tista’ jkollha raġuni li tibża’, fid-dawl tas‑sitwazzjoni individwali tagħha, li tkun effettivament is-suġġet ta’ atti ta’ persekuzzjoni. Din l-evalwazzjoni tal-importanza tar-riskju għandha, f’kull każ, issir b’viġilanza u prudenza, peress li tirrigwarda kwistjonijiet ta’ integrità tal-persuna umana u tal-libertajiet individwali, kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-valuri fundamentali tal-Unjoni.

(ara l-punti 89-91 u d-dispożittiv 2)

5.        L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2004/83, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, sa fejn jipprovdi indikazzjonijiet rigward il-portata, f’termini ta’ saħħa probatorja, ta’ atti jew ta’ theddid preċedenti ta’ persekuzzjoni, jista’ japplika meta l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw li jirrevokaw l-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 11(1)(e) tad‑Direttiva 2004/83 u l-persuna kkonċernata, sabiex tiġġustifika l‑insistenza ta’ biża’ fondata li tiġi ppersegwitata, tinvoka ċirkustanzi differenti minn dawk li f’konnessjoni magħhom ġiet rikonoxxuta bħala refuġjat. Madankollu, bħala regola ġenerali dan jista’ jkun il-każ biss meta r-raġuni ta’ persekuzzjoni hija differenti minn dik użata fil-mument tal‑għoti tal-istatus ta’ refuġjat u li jeżistu atti jew theddid preċedenti ta’ persekuzzjoni li huma konnessi mar-raġuni ta’ persekuzzjoni eżaminata f’dan l-istadju.

(ara l-punt 100 u d-dispożittiv 3)