Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ April 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Wojewódzki Sąd Administracyjny - il-Polonja) – Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company vs Dyrektor Izby Skarbowej w Bydgoszczy

(Kawża C-190/12) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Moviment liberu tal-kapital – Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE – Taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi – Differenza fit-trattament bejn id-dividendi mħallsa lil fondi ta’ investiment residenti u mhux residenti – Esklużjoni minn eżenzjoni fiskali – Restrizzjoni mhux ġustifikata)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Wojewódzki Sąd Administracyjny

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company

Konvenut: Dyrektor Izby Skarbowej w Bydgoszczy

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Wojewódzki Sad Administracyjny w Bydgoszczy (il-Polonja) - Interpretazzjoni tal-Artikoli 63 u 65 TFUE - Libertà ta’ stabbiliment u moviment liberu tal-kapital - Leġiżlazzjoni fiskali li teżenta mit-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi d-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ investiment stabbiliti fit-territorju tal-Istati Membri, iżda li teskludi mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni l-fondi ta’ investiment stabbiliti fl-Istati terzi

Dispożittiv

L-Artikolu 63 TFUE, dwar il-moviment liberu tal-kapital japplika f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn, skont il-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, id-dividendi mħallsa minn kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru favur fond ta’ investiment stabbilit fi Stat terz ma humiex suġġetti għal eżenzjoni fiskali, filwaqt li l-fondi ta’ investiment stabbiliti fl-imsemmi Stat Membru jibbenefikaw minn tali eżenzjoni.

L-Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE għandhom ikunu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha ma jistgħux jibbenefikaw minn eżenzjoni fiskali d-dividendi mħallsa minn kumpanniji stabbiliti f’dak l-Istat Membru b’vantaġġ għal fond ta’ investiment li jinsab fi Stat terz, sakemm ma jkunx jeżisti obbligu fi ftehim, bejn dak l-Istat Membru u l-Istat terz inkwistjoni, ta’ assistenza amministrattiva reċiproka li jippermetti lill-awtoritajiet fiskali nazzjonali jivverifikaw l-informazzjoni possibbilment trażmessa mill-fond ta’ investiment. Hija l-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, li għandha teżamina jekk il-mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni previst b’dan il-qafas ta’ kooperazzjoni jistax effettivament jippermetti lill-awtoritajiet fiskali Pollakki li jivverifikaw, jekk ikun il-każ, l-informazzjoni pprovduta mill-fondi ta’ investiment stabbiliti fit-territorju tal-Istati Uniti tal-Amerika dwar il-kundizzjonijiet tal-ħolqien u tal-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom, sabiex jiġi stabbilit li dawn joperaw f’qafas leġiżlattiv ekwivalenti għal dak tal-Unjoni.

____________

1 ĠU C 209, 14.07.2012.