Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta' Jannar 2013 minn Mario Paulo da Silva Tenreiro mis-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-14 ta' Novembru 2012 fil-Kawża F-120/11, da Silva Tenreiro vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-32/13 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franciż

Partijiet

Appellant: Mario Paulo da Silva Tenreiro (Kraainem, il-Belġju) (rappreżentanti: S. Orlandi, J.-N. Louis u D. Abreu Caldas, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellant

tiddikjara u tiddeċiedi,

li s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mogħtija fl-14 ta' Novembru 2012 (Kawża F-120/11, da Silva Tenreiro vs Il-Kummissjoni) li tiċħad l-azzjoni tar-rikorrent, hija annullata;

tiddeċiedi permezz ta' dispożizzjonijiet ġodda,

tiddikjara u tiddeċiedi,

li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiċħad il-kandidatura tal-appellant għall-pożizzjoni vakanti ta' direttur tad-Direttorat A "Ġustizzja Ċivili" tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) "Ġustizzja", kif ukoll id-deċiżjoni li taħtar lil Y f'din il-pożizzjoni, huma annullati;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq żnaturament tal-fatti:

min-naħa, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li t-terminu "background" użat fl-avviż ta' pożizzjoni vakanti tal-proċedura inkwistjoni kien jagħmel riferiment għal esperjenza u mhux għal taħriġ. L-appellant josserva li mill-avviżi ta' pożizzjoni vakanti ppubblikati mill-Kummissjoni jirriżulta b'mod partikolari li kienet meħtieġa esperjenza professjonali, peress li jintuża t-terminu "esperjenza" u mhux "background";

min-naħa l-oħra, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li t-terminu "regolazzjoni" ma kienx jirreferi għall-mekkaniżmi ta' regolazzjoni iżda għall-proċess normattiv.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta' liġi, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżamina l-indizji ta' użu ħażin ta' poter b'mod iżolat u mhux b'mod globali, mingħajr ma pprova jistabbilixxi jekk l-indizji kkunsidrati kollha flimkien kinux jippermettu, fid-dawl tan-numru ta' indizji, li titqiegħed indiskussjoni l-preżunzjoni ta' legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati fl-ewwel istanza.

Barra minn hekk, l-appellant josserva li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser, fid-dawl tan-nuqqas ta' opportunitajiet ugwali għall-partijiet, id-dritt għal smigħ xieraq billi rrifjuta milli jadotta miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura li jippermettu li jiġu msaħħa l-indizji ta' użu ħażin ta' poter u milli jipproduċi l-prova ta' element li seta' biss jiġi pprovat permezz ta' tali miżura.

____________