Rikors ippreżentat fil-21 ta' Frar 2011 - ClientEarth vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-111/11)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: ClientEarth (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentant: P. Kirch, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
tikkonstata li l-Kummissjoni kisret il-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (il-"Konvenzjoni ta' Aarhus");
tikkonstata li l-Kummissjoni kisret ir-Regolament Nru 1367/2006
1;
tikkonstata li l-Kummissjoni kisret ir-Regolament Nru 1049/2001
2;
tannulla d-deċiżjoni impliċita ta' ċaħda, fis-sens tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi l-Kummissjoni ma weġbietx, fit-terminu previst, għall-applikazzjoni konfermatorja tar-rikorrenti u għalhekk irrifjutat li tipprovdi d-dokumenti mitluba u
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk inkorsi minn kull intervenjent.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti tinvoka seba' motivi insostenn tar-rikors tagħha.
1. Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi l-Kummissjoni naqset milli tirrispondi, fit-terminu previst, għall-applikazzjoni konfermatorja tar-rikorrenti mingħajr ma pprovdiet raġunijiet iddettaljati għal dan.
2. Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 4(1), (2) u (4) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, billi l-Kummissjoni naqset milli tagħti lir-rikorrenti aċċess għall-istudji ta' verifika tal-konformità u għall-pjanijiet ta' azzjoni għall-implimentazzjoni li ġew mitluba, mingħajr ma pprovdiet raġunijiet iddettaljati għal dan. Id-deċiżjoni kkontestata tikser ukoll l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, billi l-Kummissjoni ma interpretatax b'mod restrittiv l-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament 1049/2001.
3. Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 1367/2006, billi l-Kummissjoni naqset milli xxerred fir-reġistri tagħha l-informazzjoni mitluba.
4. Fil-kuntest tar-raba' motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1367/2006, billi l-Kummissjoni naqset milli tittrasmetti t-talba tagħha lid-direttorat ġenerali kompetenti jew billi naqset milli tindikalha lil liema direttorat ġenerali hija kellha tindirizza it-talba tagħha għall-aċċess għad-dokumenti dwar id-Direttivi 1998/81/KE
3 u 2001/18/KE
4.
5. Fil-kuntest tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi l-Kummissjoni ma tatx lir-rikorrenti l-aċċess għall-istudji ta' verifika tal-konformità u għall-pjanijiet ta' azzjoni għall-implimentazzjoni li ġew mitluba. Skont ir-rikorrenti, l-iżvelar ta' dawn id-dokumenti ma jikkompromettix il-ħarsien tal-iskop ta' spezzjonijiet previst taħt l-Artikolu 4(2) tar-Regolament imsemmi iktar 'il fuq u lanqas ma jostakola l-iżvolġiment tajjeb ta' kull rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu sussegwenti li jkun ibbażat fuq l-Artikolu 258 TFUE. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2009, billi l-Kummissjoni ma tatx aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba.
6. Fil-kuntest tas-sitt motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Skont ir-rikorrenti, l-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma taffettwax serjament it-teħid ta' deċiżjonijiet mill-Kummissjoni.
7. Fil-kuntest tas-seba' motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 4(2) in fine u l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi l-Kummissjoni ma vverifikatx jekk kienx hemm interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti mitluba u ma pprovdietx raġunijiet iddettaljati insostenn ta' dan ir-rifjut.
____________1 - Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas- 6 ta' Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13).2 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).3 - Direttiva tal-Kunsill 98/81/KE, tas-26 ta' Ottubru 1998, li temenda d-Direttiva 90/219/KEE dwar l-użu fil-magħluq ta' mikroorganiżmi modifikati ġenetikament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Volum 4, p. 71).4 - Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta' Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 77).