Language of document : ECLI:EU:C:2015:169

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-12 ta’ Marzu 2015 (1)

Kawża C‑81/14

Nannoka Vulcanus Industries BV

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 1999/13/KE — Limitazzjoni ta’ emissjonijiet ta’ taħlit organiku volatili — Użu ta’ solventi organiċi f’ċerti attivitajiet u installazzjonijiet — Obbligi applikabbli għall-installazzjonijiet eżistenti — Estensjoni tal-perijodu ta’ tranżizzjoni”





I –    Introduzzjoni

1.        It-taħlit organiku volatili u l-prodotti ta’ degradazzjoni tiegħu jistgħu jikkontribwixxu għall-formazzjoni ta’ ożonu troposferiku. Konċentrazzjonijiet ta’ ożonu għoljin jistgħu jkunu ta’ detriment għas-saħħa tal-bniedem u jwasslu għal ħsara fil-foresti, fil-veġetazzjoni u fil-ħsad (2). L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, għalhekk, issa ilhom żmien twil jagħmlu sforz sabiex jillimitaw l-emissjonijiet ta’ taħlit organiku volatili.

2.        Id-Direttiva dwar il-limitazzjoni ta’ taħlit organiku volatili (3) [iktar ’il quddiem, id-“Direttiva VOC” (VOC qiegħda għal volatile organic compounds, jiġifieri taħlit organiku volatili)] hija intiża sabiex tipprevjeni jew tnaqqas l-emissjonijiet tat-taħlit imsemmi minn ċerti installazzjonijiet fl-ambjent, prinċipalment fl-arja. Għal dan l-għan, fost l-oħrajn, l-installazzjonijiet eżistenti, li jirrilaxxaw tali emissjonijiet kellhom jikkonformaw ma’ ċerti valuri ta’ limitu jew jimplementaw skema ta’ tnaqqis, fil-prinċipju, sal-31 ta’ Ottubru 2007.

3.        Madankollu, l-operatur tal-installazzjoni għandu jingħata estensjoni tat-terminu għall-implementazzjoni ta’ skema għat-tnaqqis tal-emissjonijiet meta prodotti ta’ sostituzzjoni, li jkun fihom ftit jew l-ebda solvent, ikunu għadhom qed jiġu żviluppati. L-iskop ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari huwa li jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet li taħthom għandha tingħata tali estensjoni.

4.        Għalkemm id-Direttiva VOC, fl-2010, ġiet issostitwita bid-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali (4), it-talba għal deċiżjoni preliminari hija wkoll ta’ interess għall-futur għaliex ħafna mir-regoli dwar l-estensjoni tat-termini ġew riprodotti fid-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali.

II – Il-kuntest ġuridiku

5.        L-iskop tad-Direttiva VOC huwa stipulat fl-Artikolu 1:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jipprevjeni jew inaqqas l-effetti diretti u indiretti ta’ emissjonijiet ta’ taħlit organiku volatili fl-ambjent, l-aktar fl-arja, u r-riskju potenzjali għas-saħħa umana, billi jipprovdi miżuri u proċeduri li jridu jiġu implimentati għall-effettività [attivitajiet] msemmija fl-Anness I, sakemm huma operati fuq [meta jinqabżu] il-miri ta’ konsum tas-solvent imniżżla fl-Anness II A.”

6.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva VOC jistabbilixxi r-rekwiżiti applikabbli għall-installazzjonijiet eżistenti:

“Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 96/61/KE, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji biex jassiguraw li:

1.      Stallazzjonijiet eżistenti jaqblu ma’ l-Artikolu 5, 8 u 9 mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2007;

2.      Stallazzjonijiet eżistenti jridu jkunu reġistrati jew awtorizzati mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru ta’ l-2007;

3.      Dawk l-istallazzjonijiet li jridu jiġu awtorizzati jew registrati bl-użu ta’ l-iskema tat-tnaqqis ta’ l-Anness II B javżaw dan lill-awtoritajiet kompetenti mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2005;

[…]”

7.        Il-limitazzjoni tal-emissjonijiet hija rregolata fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva VOC:

“L-istallazzjonijiet kollha għandhom jaqblu ma’:

(a)      jew il-valuri tal-limiti ta’ emissjoni f’gassijiet li ġejjin mill-iskart u valuri ta’ emissjonijiet klandestini, jew il-valuri tal-limiti ta’ emissjoni totali, u ħtiġijiet oħra mniżżla fl-Anness II A;

jew

(b)      il-ħtigijiet ta’ l-iskema ta’ tnaqqis speċifikati fl-Anness II B”.

8.        L-iskema ta’ tnaqqis hija stabbilita fl-Anness II B tad-Direttiva VOC:

“1.      Prinċipji

L-għan ta’ l-iskema tat-tnaqqis hija li tikkonċedi lil operatur il-possibbilta li jilħaq permezz ta’ mezzi oħra ta’ emissjoni tnaqqis, ekwivalenti għal dawk milħuqa jekk il-valuri tal-limiti ta’ emissjoni jkollhom jiġu applikati. Għal dak il-għan l-operatur jista’ juża l-iskema tat-tnaqqis, speċjalment maħsubha għal din l-istallazzjoni, provdut li fl-aħħar emissjoni ekwivalenti tintlaħaq. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva lill-Kummissjoni dwar il-progress fl-ilħuq ta’ l-istess tnaqqis ta’ emissjoni, inkluż l-esperjenza mill-applikazzjoni ta’ l-iskema tat-tnaqqis.

2.      Prattika

Fil-każ tal-applikazzjoni tal-kisi, verniċi, kolla jew linka, l-iskema li ġejja tista’ tintuża. Fejn il-metodu li ġej mhux xieraq l-awtorità kompetenti tista’ tħalli operatur japplika skema ta’ eżenzjoni alternattiva li hi sodisfatta tħares il-prinċipji mniżżla hawn. Id-disinn ta’ l-iskema jieħu kunsiderazzjoni tal-fatti li ġejjin:

(i)      fejn sostituti li jkollhom fihom ftit jew l-ebda solvent għadhom qed jiżviluppaw, estenzjoni taż-żmien trid tingħata lill-operatur biex jimplimenta l-pjanijiet tat-tnaqqis ta’ l-emissjoni tiegħu;

(ii)      il-punt ta’ referenza għat-tnaqqis ta’ l-emissjoni għandhom jikkorrispondu mill-aktar viċin possibbli ma’ l-emissjonijiet li jirriżultaw li ma ħadux azzjoni ta’ tnaqqis.

L-iskema li ġejja għandha topera għall-istallazzjonijiet li għalihom kontenut solidu u kostanti ta’ prodott jistgħu jiġu maħsuba u użati biex jiddefinixxu l-punt ta’ referenza għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet:

(i)      l-operatur għandu [jippreżenta] il-pjan tat-tnaqqis ta’ emissjoni li tinkludi partikolarment tnaqqis fil-kontenut tas-solvent medju ta’ l-input totali u/jew żieda effiċjenti fl-użu [fil-grad ta’ effiċjenza fl-użu] ta’ solidi biex jintlaħaq tnaqqis ta’ l-emissjonijiet totali mill-istallazzjoni sa persentaġġ mogħti tar-referenza ta’ emissjonijiet annwali, termina l-emissjoni immirata. Dan għandu jsir fil-qafas taż-żmien li ġej:

Perjodu ta’ ħin

 

Perjodu ta’ ħin

Emissjonijiet annwali Massimi konċessi

 

Emissjonijiet annwali Massimi konċessi

Installazzjonijiet ġodda

 

Installazzjonijiet ġodda

Installazzjonijiet eżistenti

 

Installazzjonijiet eżistenti

 

Mill[Sal]-31.10.2001

Mill tal[Sal]-31.10.2004

Mill[Sal]-31.10.2005

Mill[Sal]-31.10.2007

Emissjoni mmirata × 1.5

Emissjoni mmirata


(ii)      L-emissjoni ta’ referenza annwali hi kalkulata kif ġej:

(a)      Il-massa totali ta’ solidi fil-kwantità tal-kisi u/jew linka, verniċ jew kolla konsmata f’sena hi determinata. Solidi huma [meqjusin bħala] materjali [kollha] fil-kisi, linka, verniċ u kolla li jsiru solidi meta l-ilma jew taħlit organiku volatili jevapora.

(b)      L-emissjonijiet ta’ referenza annwali huma kalkulati billi tkun multiplikata l-massa determinata (a) mill-fattur xieraq imniżżel fit-tabella hawn taħt. […]

(c)      L-emissjoni immirata hi daqs l-emissjoni ta’ referenza annwali multiplikata minn persentaġġ daqs:

–        (il-valur ta’ emissjoni klandestina + 15), għall-istallazzjonijiet li jaqgħu mal-oġġett 6 u l-grupp tal-limiti baxxi ta’ oġġetti 8 u 10 ta’ l-Anness II A,

–        (il-valur ta’ emissjoni klandestina + 5) għal kull stallazzjonijiet oħrajn.”

III – Il-fatti fil-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari

9.        Nannoka Vulcanus Industries BV (iktar ’il quddiem, “Nannoka”) tħaddem installazzjoni għall-proċessi ta’ tiżbigħ u kisi. Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Ottubru 2010, il-College van gedeputeerde staten van Gelderland (Bord Eżekuttiv tal-Provinċja ta’ Gelderland) impona ordni, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità, fuq Nannoka minħabba ksur tal-liġi nazzjonali li timplementa d-Direttiva VOC.

10.      Sal-31 ta’ Ottubru 2007, Nannoka ma osservatx il-limiti ta’ emissjonijiet stipulati fl-Anness II A tad-Direttiva VOC, madankollu hija ssostni, skont l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, li tissodisfa r-rekwiżiti tal-iskema ta’ tnaqqis skont l-Anness II B, għaliex dan l-anness joffri l-possibbiltà li tinkiseb estensjoni ta’ żmien għall-implementazzjoni tal-iskema ta’ tnaqqis lil hinn mill-31 ta’ Ottubru 2007.

11.      Nannoka, għaldaqstant, appellat kontra d-deċiżjoni tas-7 ta’ Ottubru 2010. Il-kawża issa hija pendenti quddiem ir-Raad van State. Filwaqt li d-deċiżjoni sadanittant tħassret, madankollu, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, Nannoka xorta waħda għad għandha interess f’evalwazzjoni tal-kontenut tal-appell tagħha. Hija stabbilit b’mod konvinċenti li, bħala konsegwenza tad-deċiżjoni, hija sostniet ħsarat minħabba li kienet imġiegħla tagħti b’subappalt parti mill-attivitajiet tagħha lil impriża oħra.

12.      Issa, ir-Raad van State tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

1)      L-Anness II B tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/13/KE, tal-11 ta’ Marzu 1999, dwar il-limitazzjoni ta’ taħlit volatili organiku minħabba l-użu ta’ solventi organiku f’ċerti attivitajiet u stallazzjonijiet, għandu jiġi interpretat fis-sens li operatur ta’ stallazzjonijiet li fir-rigward tagħhom jista’ jiġi preżunt kontenut kostanti ta’ solidi, u jintuża dan il-kontenut sabiex jiġi definit il-punt ta’ riferiment għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, għandu jkun jista’, meta l-prodotti ta’ sostituzzjoni li jkunu jinkludu ftit jew ebda solventi jkunu għadhom qed jiġi żviluppati, jibbenefika minn estensjoni tat-terminu għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ tnaqqis tiegħu, b’deroga mill-perijodu stabbilit fl-imsemmi anness?

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 1:

2)      Estensjoni tat-terminu għall-applikazzjoni ta’ skema ta’ tnaqqis, kif prevista mill-Anness II B tad-Direttiva VOC, tirrikjedi t-twettiq ta’ att partikolari mill-operatur tal-installazzjonijiet ikkonċernati jew awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti?

3)      Abbażi ta’ liema kriterji għandu jiġi stabbilit it-tul tal-estensjoni tat-terminu previst fl-Anness II B tad-Direttiva 1999/13?

13.      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta li saret fis-26 ta’ Frar 2015 ipparteċipat ukoll Nannoka.

IV – Evalwazzjoni ġuridika

14.      Id-Direttiva VOC tagħmilha possibbli li l-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet minn solventi jkun jista’ jintlaħaq b’modi differenti. Iż-żewġ modi l-iktar importanti huma, minn naħa, il-konformità mal-limiti ta’ emissjonijiet, b’mod partikolari permezz tal-inkapsulazzjoni tal-installazzjonijiet u l-filtrazzjoni tal-egżost u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ tnaqqis speċifiċi għall-installazzjonijiet [l-Artikolu 5(2)]. L-iskemi ta’ tnaqqis jiddistingwu ruħhom mill-applikazzjoni ta’ valuri ta’ limitu minħabba li huma iktar flessibbli. Dawn huma normalment ibbażati fuq l-użu ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni u proċessi li jiġġeneraw inqas emissjonijiet baxxi. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda dan it-tieni mod, l-użu ta’ skemi ta’ tnaqqis.

A –    Dwar il-possibbiltà li jiġi estiż it-terminu (l-ewwel domanda)

15.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, ir-Raad von State tixtieq tkun taf jekk l-operatur ta’ installazzjonijiet, li għalihom jista’ jiġi preżunt kontenut kostanti ta’ solidi, għandhiex tingħatalu estensjoni tat-terminu biex jimplementa l-iskema ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tiegħu meta prodotti ta’ sostituzzjoni bi ftit solvent jew mingħajr ebda solvent ikunu għadhom qed jiġu żviluppati.

16.      Ir-risposta għal din id-domanda hija minnha nfisha mogħtija mid-dispożizzjoni rilevanti. Fil-fatt, il-punt 2(1)(i) tal-Anness II B tad-Direttiva VOC jipprevedi li l-operatur għandu jingħata estensjoni tat-terminu biex jimplementa l-iskema ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tiegħu, meta prodotti ta’ sostituzzjoni bi ftit solvent jew mingħajr ebda solvent ikunu għadhom qed jiġu żviluppati.

17.      Madankollu, kemm il-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jopponu dan ir-riżultat. Nissuspetta li din il-pożizzjoni hija tal-inqas parzjalment ibbażata fuq il-fatt li l-punt 2(1)(i) tal-Anness II B tad-Direttiva VOC ma fih ebda dispożizzjoni espressa dwar it-tul ta’ eventwali estensjoni tat-terminu. Jekk, madankollu, ikun hemm dritt ta’ estensjoni tat-terminu mingħajr limitazzjoni, id-Direttiva VOC tisfa bla sinjifikat. Hawnhekk, madankollu, iż-żewġ partijiet qegħdin jibbażaw l-argument tagħhom fuq kunsiderazzjonijiet oħrajn.

1.      Dwar il-pożizzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi — l-ebda estensjoni tat-terminu wara l-31 ta’ Ottubru 2007

18.      Il-Pajjiżi l-Baxxi jmorru partikolarment oltre minn hekk għaliex jirrifjutaw kwalunkwe estensjoni tat-terminu wara l-31 ta’ Ottubru 2007. Dan huwa l-mument sa meta, skont il-punt 1 tal-Artikolu 4 u l-punt 2(2)(i) tal-Anness II B tad-Direttiva VOC, l-emissjonijiet tal-installazzjonijiet eżistenti kellhom jitnaqqsu.

19.      Huma jressqu l-argument li t-tnaqqis tal-emissjonijiet, teknikament, seta’ jsir qabel. Dan kienet diġà ddikjaratu l-Kummissjoni fil-proposta li hija għamlet għad-Direttiva VOC fl-1996 (5). Anki skont il-premessa 8 tad-Direttiva, meta din ġiet adottata fl-1999, diġà kienu disponibbli l-prodotti ta’ sostituzzjoni neċessarji, jew kien tal-inqas mistenni li dawn il-prodotti ta’ sostituzzjoni ser ikunu disponibbli fis-snin segwenti.

20.      Għalhekk, il-Pajjiżi l-Baxxi qegħdin jassumu li, wara l-31 ta’ Ottubru 2007, ma seta’ kien hemm l-ebda ħtieġa leġittima għal estensjoni tat-terminu. F’dan il-mument, l-installazzjonijiet eżistenti, skont il-punt 1 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva VOC, kellhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5, jiġifieri l-valuri ta’ limitu preskritti fl-Anness II A jew l-iskema ta’ tnaqqis imsemmija fl-Anness II B.

21.      Il-pożizzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, madankollu, hija bbażata biss fuq it-tbassir tal-leġiżlatur fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Direttiva VOC. Il-Pajjiżi l-Baxxi ma humiex qegħdin isostnu li l-iżvilupp ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni potenzjali kien fil-verità diġà ġie kkompletat fil-31 ta’ Ottubru 2007.

22.      Fuq kollox, madankollu, il-pożizzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi hija inkompatibbli mal-punt 2(1)(i) tal-Anness II B tad-Direttiva VOC. Hemmhekk, l-estensjoni tat-terminu hija prevista espressament. Madankollu, wieħed jista’ jitkellem dwar estensjoni tat-terminu biss jekk l-iskadenzi tad-Direttiva — għall-installazzjonijiet eżistenti, il-31 ta’ Ottubru 2007 — jistgħu, wara kollox, jiġu estiżi. Il-pożizzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, madankollu, tispiċċa tneħħi n-natura normattiva ta’ din id-dispożizzjoni u tnaqqasha għal sempliċi spjegazzjoni tal-kalkolu tat-terminu.

23.      Tali interpretazzjoni mill-ġdid ta’ dispożizzjoni ċara dwar l-estensjoni ta’ terminu hija l-iktar l-iktar prevedibbli jekk il-kuntest leġiżlattiv jew l-għanijiet li jistgħu jiġu rrikonoxxuti tal-miżura jimmilitaw b’mod imperattiv, f’dan is-sens. Peress li dan ma huwiex il-każ, il-pożizzjoni difiża mill-Pajjiżi l-Baxxi ma hijiex kompatibbli mal-prinċipju taċ-ċertezza legali.

24.      L-Unjoni, barra minn hekk, anki iktar tard żammet mal-estensjoni tat-terminu. B’dan il-mod, din l-estensjoni hija prevista wkoll fil-Protokoll biex jitnaqqsu l-aċidifikazzjoni, l-etrofikazzjoni u l-ożonu ta’ ma’ wiċċ l-art (6) li, filwaqt li, bħad-Direttiva VOC, kien diġà ġie adottat fis-sena 1999, iżda ma ġiex irratifikat mill-Unjoni qabel l-2003 (7).

25.      Fl-aħħar nett, fl-2010, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, waqt l-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, mill-ġdid, irriproduċa, bl-istess formulazzjoni, il-possibbiltà ta’ estensjoni tat-terminu għall-implementazzjoni ta’ skemi ta’ tnaqqis, jiġifieri fil-Parti 5 tal-punt 2(a) tal-Anness VII. Għalhekk, huwa assuma li l-estensjoni tat-terminu hija possibbli u tagħmel sens, anki wara l-31 ta’ Ottubru 2007.

26.      Konsegwentement, il-pożizzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi għandha tiġi miċħuda.

2.      Dwar il-pożizzjoni tal-Kummissjoni — l-ebda estensjoni tat-terminu għall-installazzjonijiet b’kontenut kostanti ta’ solidi

27.      Il-Kummissjoni tadotta pożizzjoni differenzjata, u d-domanda tar-Raad van State tidher ibbażata fuqha. Din hija effettivament li l-punt 2(2) tal-Anness II B tad-Direttiva VOC jinkludi dispożizzjoni speċjali għal installazzjonijiet b’kontenut kostanti ta’ solidi li tipprevali fuq id-dispożizzjoni dwar l-estensjoni tat-terminu. B’dan il-mod, l-estensjoni tat-terminu tkun possibbli biss għal installazzjonijiet mingħajr kontenut kostanti ta’ solidi.

28.      Effettivament, skont il-punt 2(2) tal-Anness II B tad-Direttiva VOC, skema ta’ tnaqqis partikolari għandha tkun applikata għall-installazzjonijiet li għalihom kontenut kostanti ta’ solidi jista’ jiġi preżunt u użat għad-definizzjoni tal-punt ta’ referenza għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Skont din l-iskema, l-installazzjonijiet eżistenti għandhom jilħqu l-valuri mmirati sal-31 ta’ Ottubru 2007.

29.      Kuntrarjament għall-fehma tal-Kummissjoni, madankollu, ma hemm l-ebda dispożizzjoni speċjali li tipprekludi estensjoni tat-terminu. Dan jidher mill-integrazzjoni tad-Direttiva VOC fid-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali kif ukoll l-għanijiet segwiti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

a)      Dwar l-integrazzjoni tad-Direttiva VOC fid-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali

30.      Jekk it-termini tal-iskema ta’ tnaqqis prevista fil-punt 2(2) tal-Anness II B tad-Direttiva VOC, inkwantu dispożizzjoni speċjali, kienu jipprekludu l-possibbiltà ta’ estensjoni ta’ terminu skont il-punt 2(1)(i) tal-Anness II B, id-Direttiva VOC kienet tkun ħafna iktar restrittiva mid-dispożizzjoni attwalment fis-seħħ fil-Parti 5 tal-Anness VII tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali. Din tal-aħħar għadha tipprevedi l-possibbiltà ta’ estensjoni tat-terminu fil-punt 2(a), iżda ma għadhiex tipprevedi t-termini tal-punt 2(2)(i) tad-Direttiva VOC. B’dan il-mod, anki fil-każ ta’ kontenut kostanti ta’ solidi, il-possibbiltà ta’ estensjoni tat-terminu teżisti fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali attwalment fis-seħħ.

31.      Min-naħa l-oħra, ma hemm l-ebda raġuni għalfejn, illum, l-installazzjonijiet jiksbu estensjoni tat-terminu li ma kinitx prevedibbli meta d-Direttiva VOC kienet fis-seħħ. Bil-kontra, jista’ jiġi preżunt li sadattant l-iżvilupp ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni pprogressa b’tali mod li l-ħtieġa ta’ estensjoni tat-terminu għandha tkun ħafna inqas.

32.      Barra minn hekk, xejn ma jindika li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva VOC, u b’mod partikolari l-possibbiltà ta’ estensjoni tat-terminu, kellhom jiġu emendati meta ġew integrati fid-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali. Din id-direttiva hija intiża essenzjalment biex tikkonsolida numru ta’ direttivi. It-tħassir tat-termini li jinsabu fil-punt 2(2)(i) tal-Anness II B tad-Direttiva VOC iservi dan l-għan għaliex dawn kienu skadew meta ġiet adottata d-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali. Jekk din kienet, b’dan il-mod, temmet l-estensjoni tat-terminu, id-dispożizzjoni korrispondenti kienet titħassar ukoll. U jekk hija kienet maħsuba sabiex tkompli tapplika biss għal ċerti tipi ta’ installazzjonijiet, il-leġiżlatur kellu jagħmel dan ċar meta ħassar it-termini.

33.      Għaldaqstant għandu jiġi preżunt li, mill-inqas fiż-żmien meta ġiet adottata d-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, il-leġiżlatur ippreżuma li d-Direttiva VOC kienet tawtorizza diġà estensjoni tat-terminu wkoll f’dak li jirrigwarda l-installazzjonijiet b’kontenut kostanti ta’ solidi.

b)      Dwar l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet

34.      L-għanijiet tad-dispożizzjonijiet dwar l-estensjonijiet tat-terminu u għall-installazzjonijiet b’kontenut kostanti ta’ solidi jikkonfermaw il-possibbiltà li jiġi estiż it-terminu għat-tipi kollha ta’ installazzjonijiet.

35.      Filwaqt li d-Direttiva VOC ma tispeċifikax l-għanijiet tad-dispożizzjoni dwar l-estensjoni tat-terminu b’mod espliċitu, madankollu, jista’ jiġi preżunt li huwa segwit objettiv doppju.

36.      Qabelxejn għandu jiġi evitat piż sproporzjonat. Ma jkunx jagħmel sens li jsir investiment fil-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ installazzjoni, jekk dawn l-emissjonijiet, wara żmien qasir, ikunu jistgħu jiġu evitati b’mod ħafna inqas għoli, ladarba jkunu disponibbli l-prodotti ta’ sostituzzjoni li jkun fihom ftit jew l-ebda solvent. F’dan ir-rigward, l-estensjoni tat-terminu hija espressjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

37.      It-tieni nett, għandu jkun stabbilit inċentiv għall-iżvilupp ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni. Jekk impriża, permezz ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni, tkun tista’ tevita miżuri bi spejjeż għoljin għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, din għandha mnejn tkun lesta li tiżviluppa l-prodotti ta’ sostituzzjoni jew tippromwovi l-iżvilupp tagħhom.

38.      Mill-perspettiva tal-ħarsien tal-ambjent, dan it-tieni objettiv huwa ta’ interess partikolari. Dan għaliex prodotti ta’ sostituzzjoni bi ftit solventi jew mingħajr ebda solvent jistgħu, lil hinn mill-installazzjoni kkonċernata, jikkontribwixxu sabiex jillimitaw l-emissjonijiet ta’ taħlit organiku volatili, bi spiża baxxa. L-iżvilupp tagħhom jista’, għaldaqstant, jiġġustifika perijodi ta’ tranżizzjoni itwal.

39.      F’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-estensjoni tat-terminu għal installazzjonijiet b’kontenut kostanti ta’ solidi, id-Direttiva VOC ma fiha ebda indikazzjoni għal differenzi minn installazzjonijiet oħrajn li huma ta’ importanza fir-rigward ta’ dan l-iskop doppju.

40.      L-unika raġuni li tista’ tiġi identifikata għalfejn jiġi applikat kontenut kostanti ta’ solidi hija espressa fir-referenza tal-punt 2(2) tal-Anness II B tad-Direttiva VOC: Dan il-kontenut jista’ jiġi “[użat] biex [jiddefinixxi] l-punt ta’ referenza għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet”. Kif anki l-partijiet esponew waqt is-seduta, dan il-kriterju jservi għaldaqstant direttament sabiex jiġu identifikati, permezz ta’ metodu speċifiku, l-għanijiet ta’ emissjonijiet tal-installazzjonijiet ikkonċernati.

41.      F’każ ta’ kontenut kostanti ta’ solidi huwa, fil-fatt, relattivament faċli li tiġi kkalkolata l-kwantità totali tas-solidi preżenti, u, abbażi tad-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-punt 2(2)(ii) tal-Anness II B tad-Direttiva VOC, il-valuri mmirati tal-iskema ta’ tnaqqis.

42.      Jekk il-kontenut ta’ solidi fl-installazzjoni ma jkunx kostanti, dan l-approċċ ma huwiex possibbli. Il-valuri mmirati ta’ skema ta’ tnaqqis għal tali installazzjonijiet oħrajn għandhom għalhekk ikunu ddeterminati b’mod ieħor.

43.      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-kriterju ta’ kontenut kostanti ta’ solidi ma huwiex intiż sabiex jeskludi l-estensjoni tat-terminu. Huwa ma għandux x’jaqsam mal-għanijiet tal-estensjoni tat-terminu u ma jiġġustifikax, minn din il-perspettiva, distinzjoni minn installazzjonijiet oħrajn.

44.      Huwa minnu li matul is-seduta l-Kummissjoni u l-Pajjiżi l-Baxxi esponew li, fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva VOC, kien hemm diġà għarfien relattivament komplet dwar l-installazzjonijiet b’kontenut kostanti ta’ solidi. B’mod partikolari skont il-Kummissjoni, dan l-għarfien u x-xebh bejn it-tipi ta’ installazzjonijiet ikkonċernati ġġustifikaw l-iskema ta’ tnaqqis speċifika skont il-punt 2(2) tal-Anness II B tad-Direttiva VOC u l-fatt li din l-iskema ma tipprevedix il-possibbiltà ta’ estensjoni tat-terminu.

45.      Madankollu, la d-Direttiva VOC u lanqas id-dokumenti aċċessibbli tal-proċedura leġiżlattiva ma kkonfermaw din il-perspettiva. Minbarra dan, il-każ ta’ Nannoka juri li milli jidher jeżistu wkoll installazzjonijiet b’kontenut kostanti ta’ solidi li għandhom interess f’estensjoni tat-terminu waqt l-iżvilupp tal-prodotti ta’ sostituzzjoni. Għaldaqstant, ma nqisx li dan l-argument huwa suffiċjenti sabiex jeskludi, fil-prinċipju, estensjoni tat-terminu bi ħsara għall-operaturi ta’ installazzjonijiet b’kontenut kostanti ta’ solidi meta l-formulazzjoni tal-punt 2(1)(i) tal-Anness II B tindika li dik il-possibbiltà hija disponibbli.

3.      Konklużjoni fir-rigward tal-ewwel domanda

46.      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li skont il-punt (2)(1)(i) tal-Anness II B tad-Direttiva VOC, l-operatur ta’ installazzjonijiet, li għalihom jista’ jiġi preżunt kontenut kostanti ta’ solidi, għandu jkun jista’, meta prodotti ta’ sostituzzjoni li jkunu jinkludu ftit jew ebda solventi jkunu għadhom qed jiġu żviluppati, jibbenefika minn estensjoni tat-terminu għall-implementazzjoni tal-iskema ta’ tnaqqis tiegħu , b’deroga mill-perijodu stabbilit fl-imsemmi anness.

B –    Dwar il-kundizzjonijiet ta’ estensjoni tat-terminu (it-tieni u t-tielet domanda)

47.      Ir-risposta għall-ewwel domanda tfisser li t-tieni u t-tielet domanda għandhom jingħataw risposta. Madankollu, dawn għandhom jiġu diskussi fl-ordni invers.

1.      Il-kundizzjonijiet materjali għal estensjoni tat-terminu (it-tielet domanda)

48.      It-tielet domanda tenfasizza d-diffikultajiet li jirriżultaw mir-risposta għall-ewwel domanda.

49.      Ir-Raad van State tixtieq tkun taf liema huma l-kriterji li abbażi tagħhom issir deċiżjoni dwar estensjoni tat-terminu. Madankollu, mal-ewwel daqqa t’għajn, il-punt 2(1)(i) tal-Anness II B tad-Direttiva VOC fih biss ftit kriterji. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-operatur għandu jingħata estensjoni tat-terminu biex jimplementa l-iskema tiegħu ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet meta prodotti ta’ sostituzzjoni fi ftit solventi jew mingħajr ebda solvent ikunu għadhom qed jiġu żviluppati.

50.      Dan jista’ jinftiehem fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jestendu t-terminu, sakemm ikunu disponibbli l-prodotti ta’ sostituzzjoni, u b’hekk potenzjalment mingħajr limitu ta’ żmien.

51.      Dan jista’ jneħħi l-effettività tad-dispożizzjonijiet li jifdal tad-Direttiva VOC. L-operaturi jistgħu sempliċement jirrifjutaw li japplikaw il-valuri ta’ limitu jew miżuri oħra ta’ tnaqqis għar-raġuni li jkunu qed jistennew prodotti ta’ sostituzzjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet. Id-Direttiva VOC tkun torbot biss sa fejn l-operatur għandu juża prodotti ta’ sostituzzjoni bi ftit solvent jew mingħajr ebda solvent mill-mument li fih ikunu jistgħu jintużaw.

52.      Din l-interpretazzjoni, madankollu, tkun inkompatibbli mal-għan tad-Direttiva VOC. Skont l-Artikolu 1 tagħha, din hija intiża biex tipprevjeni jew tnaqqas l-effetti diretti u indiretti ta’ emissjonijiet ta’ taħlit organiku volatili fl-ambjent u r-riskji potenzjali għas-saħħa tal-bniedem, b’miżuri u proċeduri li għandhom jiġu implementati fl-attivitajiet inkwistjoni, sa fejn fihom jinqabżu l-livelli għall-konsum tas-solvent. Din il-mira hija wkoll obbligu internazzjonali tal-Unjoni skont il-Protokoll ta’ Gothenburg (8). Stennija, bl-ebda limiti fiż-żmien apparenti, sakemm ikunu jistgħu jintużaw prodotti ta’ sostituzzjoni, ma tkunx miżura adattata biex jintlaħaq dan l-għan.

53.      Barra minn hekk, fl-1999, il-leġiżlatur, ma kienx qiegħed jistenna li l-iżvilupp ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni kien ser jieħu żmien twil. Skont il-premessa 8 tad-Direttiva VOC, huwa ppreżuma, bil-kontra, li prodotti ta’ sostituzzjoni inqas dannużi kienu disponibbli jew kienu ser ikunu disponibbli fis-snin segwenti.

54.      Estensjoni tat-terminu skont il-punt 2(1)(i) tal-Anness II B tad-Direttiva VOC, għalhekk, hija prevedibbli biss jekk prodotti ta’ sostituzzjoni bi ftit solvent jew mingħajr ebda solvent qegħdin attwalment jiġu żviluppati u jista’ jiġi preżunt li ser ikunu disponibbli fi ftit snin oħra.

55.      Sabiex jiġi kkonkretizzat dan il-qafas ta’ żmien, l-għanijiet tal-estensjoni tat-terminu — jiġifieri, li jiġu evitati spejjeż bla bżonn u l-inċentiv biex jiġu żviluppati prodotti ta’ sostituzzjoni (9) — għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

56.      Għaldaqstant, għandhom fil-fatt jiġu żviluppati prodotti ta’ sostituzzjoni li huma adattati biex jintużaw fl-installazzjoni kkonċernata u biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-solventi. Ma għandu jkun hemm l-ebda miżuri alternattivi li jistgħu jikkawżaw tnaqqis ta’ emissjonijiet simili jew saħansitra ikbar bi spejjeż komparabbli.

57.      Barra minn hekk, għandha tiġi kkunsidrata r-relazzjoni bejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet li jista’ jintlaħaq bil-prodotti ta’ sostituzzjoni u l-ispejjeż tagħhom u l-emissjonijiet addizzjonali li jirriżultaw mill-estensjoni tat-terminu kif ukoll l-ispejjeż ta’ kwalunkwe miżura alternattiva.

58.      Meta prodott ta’ sostituzzjoni jista’ jipprovdi biss tnaqqis żgħir fl-emissjonijiet, iżda joħloq spejjeż simili bħall-miżuri alternattivi immedjatament possibbli, dan, għalhekk, ma jiġġustifikax estensjoni tat-terminu. Prodott ta’ sostituzzjoni li jwiegħed livell ta’ ffrankar għoli bi prezz baxx, min-naħa l-oħra, jippermetti li wieħed jistenna ftit iktar.

59.      Madankollu, bħala regola ġenerali, proċess ta’ żvilupp li mistenni jieħu iktar minn ħames snin joħroġ barra mill-qafas ta’ żmien tas-snin “li ġejjin” jew ta’ ftit snin. F’każ ta’ orizzonti tal-ippjanar fit-tul, ser ikun ukoll diffiċli, barra minn hekk, li jintwerew prospetti sodisfaċenti ta’ suċċess.

60.      Kif targumenta l-Kummissjoni, għandu wkoll jiġi kkunsidrat li l-estensjoni tat-terminu għandha tiġi interpretata b’mod strett għaliex hija deroga mir-regoli ġenerali tad-Direttiva VOC (10). Il-prova tal-kundizzjonijiet ta’ estensjoni tat-terminu, l-iżvilupp kontinwu ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni adattati, għandha għaldaqstant tkun konkreta biżżejjed. Hemm bżonn ukoll probabbiltà qawwija li tindika s-suċċess tal-iżvilupp.

61.      L-awtoritajiet kompetenti, fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet, jagħmlu tbassir xjentifiku u ekonomiku kumpless. Konsegwentement, dawn għandhom jingħataw marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ (11) li għandu jiġi mistħarreġ biss għal żbalji manifesti (12). Madankollu, dawn għandhom l-obbligu li jeżaminaw, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha ta’ kull każ individwali u li jimmotivaw id-deċiżjonijiet tagħhom b’mod suffiċjenti (13). Dan ifisser li dawn ikollhom jittrattaw bir-reqqa l-argumenti favur estensjoni tat-terminu.

62.      Għaldaqstant ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, skont il-punt 2(1)(i) tal-Anness II B tad-Direttiva VOC, estensjoni tat-terminu biex tkun implementata l-iskema ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet teħtieġ li attwalment ikun hemm prodott ta’ sostituzzjoni fl-iżvilupp li minnu, bi probabbiltà kbira ħafna, ikun mistenni li huwa kapaċi biex, fi ftit snin, jillimita ħafna iktar l-emissjonijiet tas-solventi mill-installazzjoni minn miżuri alternattivi li jikkawżaw spejjeż simili, jew fl-istess grad, iżda bi spejjeż inqas minn miżuri alternattivi. L-emissjonijiet addizzjonali waqt din l-estensjoni tat-terminu għandhom ikunu fi proporzjon mat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-iffrankar fl-ispejjeż li jkunu mistennija mill-prodott ta’ sostituzzjoni.

2.      Dwar il-proċedura għall-għoti ta’ estensjoni tat-terminu (it-tieni domanda)

63.      Permezz tat-tieni domanda, ir-Raad von State tixtieq tkun taf jekk għall-għoti ta’ estensjoni tat-terminu għall-implementazzjoni tal-iskema ta’ tnaqqis fis-sens tal-Anness II B tad-Direttiva VOC, hijiex meħtieġa azzjoni speċifika mill-operatur tal-installazzjoni jew awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti.

64.      Ir-risposta tirriżulta mill-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti. Fil-fatt, skont il-punt 2(1)(i) tal-Anness II B tad-Direttiva VOC, l-estensjoni tat-terminu għandha tingħata. It-terminu għalhekk ma huwiex estiż b’mod awtomatiku, iżda biss permezz ta’ deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti.

65.      Tali deċiżjoni teħtieġ applikazzjoni tal-operatur tal-installazzjoni, għaliex huwa jixtieq jikseb deroga mir-rekwiżiti li, inkella, ikunu applikabbli. Barra minn hekk, huwa biss jista’ jieħu d-deċiżjoni ekonomika dwar il-mod kif għandhom jiġu implementati r-rekwiżiti tad-Direttiva VOC fl-installazzjoni.

66.      L-awtoritajiet kompetenti, min-naħa l-oħra, ġeneralment ma jkollhomx l-informazzjoni neċessarja mingħajr din l-applikazzjoni, sabiex jeżaminaw il-kundizzjonijiet deskritti hawn fuq. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda indikazzjoni li dawn għandhom jaġixxu ex officio.

67.      Jekk minkejja kollox l-awtoritajiet kompetenti jkollhom l-informazzjoni rilevanti, bħall-għarfien dwar proġetti ta’ żvilupp promettenti, u li ma għandhomx għalfejn iżommu dawn sigrieti, huma madankollu għandhom jinformaw lill-operaturi tal-installazzjonijiet ikkonċernati fil-qasam tar-responsabbiltà tagħhom sabiex jiffaċilitawlhom l-implementazzjoni tad-Direttiva VOC.

68.      Fil-prattika jista’ jiġi previst li dawn jissottomettu applikazzjoni għal estensjoni tat-terminu flimkien mal-iskema ta’ tnaqqis. Għalkemm id-Direttiva VOC ma teħtieġx b’mod espliċitu li l-operatur jissottometti l-iskema, l-installazzjonijiet eżistenti kollha għandhom jew ikunu awtorizzati jew irreġistrati skont il-punt 2 tal-Artikolu 4. Il-punt 3 tal-Artikolu 4 jeħtieġ, barra minn hekk, li l-awtoritajiet kompetenti jiġu nnotifikati dwar l-implementazzjoni ta’ skema ta’ tnaqqis. Barra minn hekk, derogi mill-iskema prevista bħala eżempju fil-punt 2(2) tal-Anness II B, jirrikjedu “permess” tal-awtoritajiet u l-prova li huma ekwivalenti. Fl-aħħar nett, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 9(1), l-operaturi għandhom jipproduċu prova li l-installazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti tal-iskema ta’ tnaqqis. Din il-prova hija possibbli biss jekk, minbarra l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet prevista fl-Artikolu 8, tkun sottomessa wkoll l-iskema nnifisha.

69.      Fil-kuntest tar-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti, l-iskema ta’ tnaqqis għandha mill-inqas turi sa liema punt huma maqbużin it-termini. Peress li qbiż bħal dan jidderoga mir-rekwiżiti tal-Anness II B tad-Direttiva VOC, huwa għandu jiġi ġġustifikat, b’rabta mal-preżentazzjoni tal-iskema, permezz tal-prova tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ estensjoni tat-terminu.

70.      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li għal estensjoni tat-terminu għall-implementazzjoni tal-iskema ta’ tnaqqis kif prevista fil-punt 2(1)(i) tal-Anness II B tad-Direttiva VOC, hija meħtieġa awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, li tippresupponi applikazzjoni tal-operatur kif ukoll il-prova li l-kundizzjonijiet għal estensjoni tat-terminu huma ssodisfatti.

V –    Konklużjoni

71.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari kif ġej:

1)      Skont il-punt 2(1)(i) tal-Anness II B tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/13/KE, tal-11 ta’ Marzu 1999, dwar il-limitazzjoni ta’ taħlit organiku volatili, l-operatur ta’ installazzjonijiet li fir-rigward tagħhom jista’ jiġi preżunt kontenut kostanti ta’ solidi, għandu jkun jista’, meta prodotti ta’ sostituzzjoni li jkunu fihom ftit jew l-ebda solvent ikunu għadhom qed jiġu żviluppati, jibbenefika minn estensjoni tat-terminu għall-implementazzjoni tal-iskema ta’ tnaqqis tiegħu, b’deroga mill-perijodu stabbilit fl-imsemmi anness.

2)      Estensjoni tat-terminu għall-implementazzjoni ta’ skema ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet, kif prevista fil-punt 2(1)(i) tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13/KE tirrikjedi awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti li tippresupponi applikazzjoni tal-operatur kif ukoll il-prova li l-kundizzjonijiet għal estensjoni tat-terminu huma ssodisfatti.

3)      Skont il-punt 2(1)(i) tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13/KE, estensjoni tat-terminu għall-implementazzjoni tal-iskema ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet teħtieġ li attwalment ikun qed jiġi żviluppat prodott ta’ sostituzzjoni li, bi probabbiltà kbira ħafna, ikun mistenni li ser ikun adattat biex, fi ftit snin, jillimita ħafna iktar l-emissjonijiet tas-solventi tal-installazzjoni minn miżuri alternattivi li jikkawżaw spejjeż simili, jew bl-istess grad, iżda bi spejjeż inqas minn miżuri alternattivi. L-emissjonijiet addizzjonali waqt din l-estensjoni tat-terminu għandhom ikunu fi proporzjon mat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-iffrankar fl-ispejjeż li jkunu mistennija mill-prodott ta’ sostituzzjoni.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Proposta mill-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-limitazzjoni ta’ emissjonijiet ta’ taħlit organiku volatili minħabba l-użu ta’ solventi organiċi f’ċerti attivitajiet industrijali (COM(96) 538 finali, Nru 3).


3 – Direttiva tal-Kunsill 1999/13/KE, tal-11 ta’ Marzu 1999, dwar il-limitazzjoni ta’ taħlit organiku volatili minħabba l-użu ta’ solventi organiku f’ċerti attivitajiet u stallazzjonijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 118), kif emendata bid-Direttiva 2008/112/KE (ĠU 2008 L 345, p. 68).


4 – Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, p. 17).


5 – COM(96) 538 finali, Nru 59.


6 – Adottat fit-30 ta’ Novembru 1999 f’Göteborg (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 47, p. 172).


7 – Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/507/KE tat-13 ta’ Ġunju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 47, p. 172).


8 – Ara l-punt 24 iktar ’il fuq.


9 – Ara l-punti 34 sa 38 iktar ’il fuq.


10 – Ara s-sentenzi Akyüz (C‑467/10, EU:C:2012:112, punt 45), Granton Advertising (C‑461/12, EU:C:2014:1745, punt 25) u Ministero dell’Interno (C‑19/13, EU:C:2014:2194, punt 40).


11 – Sentenza ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 59).


12 – Sentenzi UEFA vs Il-Kummissjoni (C‑201/11 P, EU:C:2013:519, punt 19), u FIFA vs Il-Kummissjoni (C‑205/11 P, EU:C:2013:478, punt 21).


13 – Sentenzi ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punti 61 u 63) kif ukoll FIFA vs Il-Kummissjoni (C‑205/11 P, EU:C:2013:478, punt 21). Għall-istħarriġ tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ara s-sentenzi Technische Universität München (C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14), sentenza Spanja vs Lenzing (C‑525/04 P, EU:C:2007:698, punt 58) u Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group (C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punt 107).