Language of document : ECLI:EU:C:2015:575

Kawża C‑81/14

Nannoka Vulcanus Industries BV

vs

College van gedeputeerde staten van Gelderland

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 1999/13/KE – Anness II B – Tniġġis atmosferiku – Taħlit organiku volatili – Tnaqqis tal-emissjonijiet – Użu ta’ solventi organiċi f’ċerti attivitajiet u installazzjonijiet – Obbligi applikabbli għall-installazzjonijiet eżistenti – Estensjoni tat-terminu”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-10 ta’ Settembru 2015

1.        Ambjent – Tniġġis atmosferiku – Tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ taħlit organiku volatili dovuti għall-użu ta’ solventi organiċi – Direttiva 1999/13 – Rekwiżiti applikabbli għall-installazzjonijiet eżistenti – Implementazzjoni ta’ skema ta’ tnaqqis – Possibbiltà li tingħata estensjoni tat-terminu għall-iżvilupp ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni – Portata

(Direttiva tal-Kunsill 1999/13, punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B)

2.        Ambjent – Tniġġis atmosferiku – Tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ taħlit organiku volatili dovuti għall-użu ta’ solventi organiċi – Direttiva 1999/13 – Rekwiżiti applikabbli għall-installazzjonijiet eżistenti – Implementazzjoni ta’ skema ta’ tnaqqis – Possibbiltà li tingħata estensjoni tat-terminu għall-iżvilupp ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni – Neċessità ta’ talba mressqa minn operatur u ta’ awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti – Setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet kompetenti – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 1999/13, punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B)

1.        L-Anness II B tad-Direttiva 1999/13, dwar il-limitazzjoni ta’ taħlit organiku volatili minħabba l-użu ta’ solventi organiku f’ċerti attivitajiet u installazzjonijiet, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-estensjoni tat-terminu li huwa jipprevedi fil-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tiegħu, tista’ tingħata lill-operatur ta’ “installazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2, punt 1, ta’ din id-direttiva, għall-applikazzjoni tal-iskema tiegħu ta’ tnaqqis tal‑emissjonijiet ta’ taħlit organiku volatili, meta prodotti ta’ sostituzzjoni bi ftit solvent jew mingħajr ebda solvent ikunu għadhom qed jiġu żviluppati, anki meta jkun jista’ jiġi preżunt, għal din l-installazzjoni, kontenut kostanti ta’ solidi u jintuża dan il-kontenut sabiex jiġi ddefinit il-punt ta’ referenza għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

Fil-fatt, il-possibbiltà li operatur jingħata estensjoni tat-terminu timplika neċessarjament li t-termini kollha msemmija f’din id-direttiva, b’mod partikolari dak li jiskadi fil-31 ta’ Ottubru 2007 f’dak li jirrigwarda l-installazzjonijiet eżistenti, jistgħu jiġu estiżi. Interpretazzjoni differenti twassal sabiex titneħħa n-natura normattiva tal-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B ta’ din id-direttiva u tnaqqsu għal sempliċi spjegazzjoni tal-kalkolu tat-terminu inkwistjoni.

Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li, skont it-tieni paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13, l-iskema standard hija applikabbli għall-installazzjonijiet li għalihom jista’ jiġi preżunt kontenut kostanti ta’ solidi u jintuża dan il-kontenut sabiex jiġi ddefinit il-punt ta’ referenza għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, din l-iskema ma tikkostitwixxix madankollu regola speċjali li teskludi l-għoti ta’ estensjoni tat-terminu lill-operaturi ta’ tali installazzjonijiet. Il-possibbiltà li tingħata estensjoni tat-terminu f’dak li jirrigwarda t-tipi kollha ta’ installazzjonijiet, tkun xi tkun l-iskema ta’ tnaqqis adottata, hija barra minn hekk ikkonfermata permezz tar-ratio legis li fuqha huma bbażati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/13 rigward l-estensjoni tat-terminu u l-installazzjonijiet b’kontenut kostanti ta’ solidi. Fil-fatt, minn naħa, din l-estensjoni tat-terminu tikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-premessa 8 tad-Direttiva 1999/13, din hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li l-emissjonijiet ta’ taħlit organiku jistgħu jiġu evitati jew imnaqqsa permezz ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni inqas dannużi eżistenti jew li ser ikunu disponibbli matul is-snin li ġejjin. F’dan ir-rigward, l-għan tal-introduzzjoni tal-kriterju marbut mal-preżenza ta’ kontenut kostanti ta’ solidi huwa nieqes minn kwalunkwe rabta mar-ratio legis li fuqha huma bbażati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/13 rigward il-possibbiltà li tingħata estensjoni tat-terminu fil-każ fejn prodotti ta’ sostituzzjoni bi ftit solvent jew mingħajr ebda solvent ikunu għadhom qed jiġu żviluppati.

Fl-aħħar nett, sa fejn interpretazzjoni differenti tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13 ma tistax tiġi dedotta b’mod ċar mill-formulazzjoni ta’ tali anness, tali interpretazzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jitlob li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jafu mingħajr ambigwità l-obbligi tagħhom u jieħdu azzjoni konsegwentement.

(ara l-punti 50, 53, 55-58, 61, 62, 64 u d-dispożittiv 1)

2.        Il-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B tad-Direttiva 1999/13, dwar il-limitazzjoni ta’ taħlit organiku volatili minħabba l-użu ta’ solventi organiku f’ċerti attivitajiet u stallazzjonijiet, għandu jiġi interpretat fis-sens li estensjoni tat-terminu għall-applikazzjoni ta’ skema ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ taħlit organiku volatili teżiġi awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, li tippresupponi talba minn qabel min-naħa tal-operatur ikkonċernat.

F’dan ir-rigward, inkwantu eċċezzjoni mid-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva 1999/13, l-estensjoni tat-terminu prevista fl-ewwel paragrafu tal-punt (2) tal-Anness II B ta’ din id-direttiva għandha tiġi interpretata b’mod strett, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ dan l-anness, jiġifieri, minn naħa, li jiġi inkoraġġut l-iżvilupp ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni u, min-naħa l-oħra, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, mill-formulazzjoni stess tal-imsemmi anness, li jipprevedi biss “estenz[s]joni” tat-terminu, jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ skema ta’ tnaqqis ibbażata fuq dan l-anness għandha tkun limitata fiż-żmien.

Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk għandhiex tingħata estensjoni tat-terminu lil operatur għall-applikazzjoni ta’ skema ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ taħlit organiku volatili u sabiex jiġi stabbilit it-tul ta’ żmien tal-estensjoni tat-terminu eventwalment mogħtija, huma dawn l-awtoritajiet kompetenti, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, li għandhom jivverifikaw, fost l-oħrajn, li prodotti ta’ sostituzzjoni adattati biex jintużaw fl-installazzjonijiet ikkonċernati u biex inaqqsu l-emissjonijiet tat-taħlit organiku volatili effettivament qed jiġu żviluppati, li x-xogħol li hu għaddej, fid-dawl tal-elementi pprovduti, huwa kapaċi li jwassal sabiex jiġu ffinalizzati tali prodotti, li ma teżistix miżura alternattiva li tista’ twassal, bi spejjeż inqas, għal tnaqqis simili ta’ emissjonijiet, jew saħansitra ikbar, u b’mod partikolari li prodotti oħra ta’ sostituzzjoni ma humiex diġà disponibbli. Barra minn hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-relazzjoni bejn, minn naħa, it-tnaqqis tal-emissjonijiet li jista’ jintlaħaq permezz tal-prodotti ta’ sostituzzjoni li jkunu qed jiġu żviluppati kif ukoll l-ispejjeż ta’ dawn u, min-naħa l-oħra, l-emissjonijiet addizzjonali kkawżati mill-estensjoni tat-terminu kif ukoll l-ispejjeż ta’ eventwali miżuri alternattivi. It-tul ta’ żmien tal-estensjoni tat-terminu ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-iżvilupp tal-prodotti ta’ sostituzzjoni. Dan għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, u b’mod partikolari fid-dawl tal-ammont tal-emissjonijiet addizzjonali li jirriżulta mill-estensjoni tat-terminu kif ukoll fid-dawl tal-ispejjeż ta’ eventwali miżuri alternattivi meta mqabbla mal-ammont tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet li jippermettu l-prodotti ta’ sostituzzjoni li qed jiġu żviluppati u mal-ispejjeż ta’ dawn il-prodotti.

(ara l-punti 73-77, 83 u d-dispożittiv 2)