Language of document : ECLI:EU:T:2012:661

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Diċembru 2012 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi adottati kontra l-Iran bħala prevenzjoni mill-proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Rikors għal annullament – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑15/11,

Sina Bank, stabbilit fi Teheran (Iran), irrappreżentat minn B. Mettetal u C. Wucher-North, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u G. Marhic, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Erlbacher u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, l‑annullament, l-ewwel nett, tal-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1), sa fejn din tirrigwarda lir-rikorent, u, it-tieni nett, tal‑ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010 “dwar deċiżjoni” tal-Kunsill fir‑rigward tar‑rikorrent u, minn naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni tal-inapplikabbiltà fir‑rigward tar-rikorrent, l-ewwel nett, tal‑Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK tal-Kunsill, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), kif tirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644/PESK tal‑Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d‑Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 281, p. 81), sa fejn tirrigwarda lir‑rikorrent, it-tieni nett, tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010 u, it-tielet nett, tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran

1        Din il-kawża tidħol fil-kuntest tal-miżuri restrittivi li ġew introdotti sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex hija ttemm l‑attivitajiet nukleari b’riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari (iktar ’il quddiem il-“proliferazzjoni nukleari”).

 Miżuri restrittivi diretti lejn ir-rikorrent

2        Ir-rikorrent, Sina Bank, huwa bank Iranjan, irreġistrat bħala kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata.

3        Fis-26 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrent ġie inkluż fil-lista ta’ entitajiet li jikkontribwixxu għall‑proliferazzjoni nukleari msemmija fl‑Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), li tidher fl‑Anness II ta’ din l-istess deċiżjoni.

4        Konsegwentement, ir-rikorrent ġie wkoll inkluż fil-lista ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi involuti fil-proliferazzjoni nukleari msemmija fl-Artikolu 7(2) tar‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007, tad-19 ta’ April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 335M, 13.12.2008, p. 969) li tinsab fl-Anness V tal-istess regolament. Din l-inklużjoni tal-aħħar daħlet fis-seħħ fid‑data ta’ pubblikazzjoni tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tal‑Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 195, p. 25), fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fis-27 ta’ Lulju 2010. Hija kellha bħala konsegwenza l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi tar-rikorrent, skont l-Artikolu 7(2) tar‑Regolament (KE) Nru 423/2007.

5        L-inklużjoni tar-rikorrent fil-listi li jinsabu fl-Anness II tad‑Deċiżjoni 2010/413 u fl-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 kienu bbażati fuq ir-raġunijiet li ġejjin:

“Dan il-bank huwa marbut ħafna mal-interessi ta’ ‛Daftar’; (uffiċċju ta’ [g]wida: [tar-revoluzzjoni Iżlamika] amministrazzjoni magħmula minn madwar 500 kollaboraturi). B’hekk huwa jikkontribwixxi għall-finanzjament tal‑interessi strateġiċi tar-reġim.”

6        Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea informa lir-rikorrent, min-naħa waħda, li huwa kien inkludih fil-listi li tinsab fl‑Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007 u, min-naħa l-oħra, li r-raġunijiet għal din l-inklużjoni jidhru fil‑partijiet rilevanti tal-imsemmija annessi, li kopja tagħhom kienet mehmuża mal‑ittra. L-ittra tad-29 ta’ Lulju 2010 rreferiet ukoll għall-possibbiltà disponibbli għar-rikorrent, sal-15 ta’ Settembru 2010, li jissottometti lill-Kunsill talba, għal dokumentazzjoni ta’ sostenn, sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jirrevedi l-inklużjoni tiegħu fil-listi ċċitati iktar ’il fuq.

7        Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrent informa lill-Kunsill li l-informazzjoni li fuqha l-Kunsill kien ibbaża l-inklużjoni tiegħu fil-listi kienet inkompleta jew skaduti. Huwa finalment stieden lill-Kunsill, fuq il-bażi ta’ informazzjoni aġġornata dwar il-proċeduri operattivi tiegħu, li jinsabu fl‑ittra tagħha u d-dokumenti prodotti insostenn ta’ din l‑informazzjoni, sabiex jirrevedi din l-inklużjoni.

8        Wara li rriveda s-sitwazzjoni tar-rikorrent, il-Kunsill żamm, għall‑istess raġunijiet bħal dawk diġà msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq, l‑inklużjoni tar-rikorrent fil-lista ta’ entitajiet involuti fil‑proliferazzjoni nukleari msemmija fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif tirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 281, p. 81). Din l-inklużjoni tal-aħħar daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Ottubru 2010, il-jum tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/644.

9        Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1), żamm ukoll, għall-istess raġunijiet bħal dawk diġà msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq, l-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 16(2) tar‑Regolament Nru 961/2010, li tinsab fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010. Din l-inklużjoni tal-aħħħar daħlet fis-seħħ fis-27 ta’ Ottubru 2010, il-jum tal-pubblikazzjoni tar-Regolament Nru 961/2010 fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Bis-saħħa ta’ dan ir-regolament, il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrent baqgħu ffriżati.

10      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010, li r-rikorrent irċieva fil-5 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill informa lil dan tal-aħħar li, wara li rriveda l‑inklużjoni tiegħu fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl‑Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, fid-dawl tal-osservazzjonijiet li jinsabu fl-ittra tat-8 ta’ Settembru 2010, huwa għandu jibqa’ suġġett għall-miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2010/413 u mir-Regolament Nru 961/2010 u li, għalhekk, l-inklużjoni tagħha fil-listi li jinsabu fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif tirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644, u fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 (iktar ’il quddiem il-“listi kkontestati”) trid tinżamm. Fl-anness mal-ittra tiegħu, il‑Kunsill bagħat lir-rikorrent kopja tal-atti kkonċernati.

11      Fl-ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrent li ż-żamma tal-inklużjoni tiegħu fil-listi kkontestati kienet ibbażata fuq ir-raġunijiet li ġejjin:

“Il-Kunsill jikkunsidra li ma hemmx evidenza ġdida fir-rekord li tiġġustifika bidla fil-pożizzjoni tagħha. Għalhekk, il-Kunsill jikkunsidra li r-raġunijiet mogħtija fid-deċiżjoni [...] 2010/413 [...] għadhom validi.”

12      Permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta tas-6 ta’ Diċembru 2010, ir‑rikorrent informa lill-Kunsill li huwa ma kien irċeva ebda tweġiba għall-ittra tat-8 ta’ Settembru 2010. Barra minn hekk, huwa talbu, b’urġenza, l-aċċess għall-fajl tiegħu u għall‑komunikazzjoni tad-dokumenti insostenn tal-inklużjoni tiegħu jew taż-żamma tal-inklużjoni tiegħu fil-listi kkontestati. Huwa rrepeta din l‑informazzjoni u din it-talba permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta tal-20 ta’ Diċembru 2010.

13      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill ipprovda lir-rikorrent, bi tweġiba għall-ittri tiegħu tas-6 u tal-20 ta’ Diċembru 2010, kopja tal-ittra tiegħu tat-28 Ottubru 2010, li tirrigwarda tweġiba għall-ittra tar-rikorrent tat‑8 ta’ Settembru 2010.

14      Permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta tat-28 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrent informa lill-Kunsill li, l-ewwel nett, l‑impreċiżjoni tal-ittra tiegħu tat-22 ta Jannar 2010 ma tippermettilux li jieħu konjizzjoni tal-ilmenti ppreżentati kontriha, it-tieni nett, huwa kkontesta formalment kull parteċipazzjoni fil-proliferazzjoni nukleari jew kull finanzjament tagħha u, it-tielet nett, huwa xorta għandu jimmotiva l-inklużjoni tagħha jew iż-żamma tal-inklużjoni tagħha fil-listi kkontestati, filwaqt li jispeċifika l‑ilmenti mqajma kontriha. Barra minn hekk, ir-rikorrent ippropona li tiġi organizzata laqgħa fi Brussell (il-Belġju) mal-amministratur tal-fajl tiegħu, sabiex huwa jkun jista’ jkollu aċċess għalih.

15      Wara eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent, il-Kunsill żamm l‑inklużjoni tiegħu fil-listi kkontestati, b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2011, il-jum tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK tal‑1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni  2010/413/PESK (ĠU L 319, p. 71), jew fit-2 ta’ Diċembru 2011, data tal-pubblikazzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal‑Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r‑Regolament Nru 961/2010 (ĠU L 319, p. 11).

16      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti fl-10 ta’ Frar 2012, ir‑rikorrent ippreżenta rikors, intiż b’mod partikolari, essenzjalment, għall‑annullament taż-żamma tal-inklużjoni tiegħu fil-listi kkontestati, wara eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tagħha fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/783 u tar‑Regolament tal-Implimentazzjoni Nru 1245/2011. Dan ir-rikors ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bir-referenza T‑67/12.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ April 2011, il‑Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. B’digriet tad-9 ta’ Ġunju 2011, il‑President tar-Raba’Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent.

19      Fil-11 ta’ April 2011, il-Kunsill ippreżenta risposta.

20      Fit-8 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrent ippreżenta replika.

21      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti fis-6 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni indikat li taqbel mar-risposta tal-Kunsill, u li tappoġġah bis-sħiħ u, fl-interessi tal-ekonomija tal-ġudizzju, tirrinunzja li tippreżenta nota ta’ intervent.

22      Fid-29 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill ippreżenta kontroreplika.

23      Abbażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet iwieġbu għal ċerti mistoqsijiet. Ir-rikorrent u l-Kunsill ikkonformaw ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit. Il-Kummissjoni llimitat ruħha li tindika li ma kinitx ser tattendi għas-seduta.

24      Is-sottomissjonijiet orali tar-rikorrent u tal-Kunsill u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2012.

25      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 sa fejn dan jikkonċernah, kif ukoll l-ittra tat‑28 ta’ Ottubru 2010 “dwar deċiżjoni” tal-Kunsill fir-rigward tagħha;

–        tiddikjara bħala inapplikabbli fir-rigward tiegħu l-Anness II tad‑Deċiżjoni 2010/413, kif tirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644, sa fejn dan jikkonċernah, kif ukoll l-Artikolu 16(2) tar‑Regolament Nru 961/2010 u l‑Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż

26      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        Tiċħad, bħala inammissibbli, it-talbiet għall-annullament tal-ittra tat-28 Ottubru 2010 “dwar deċiżjoni” tal-Kunsill fir-rigward tagħha u t-talbiet intiżi sabiex huma jiġu ddikjarati inapplikabbli, għar-rikorrent, l-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendat wara d-Deċiżjoni 2010/644, sa fejn dan jikkonċernah, u l-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413.

–        tiċħad il-kumplament tar-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet għall-annullament tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrent

27      Hemm lok li dawn it-talbiet jinftiehmu bħala li huma intiżi għall-annullament tal-inklużjoni, mill-Kunsill, tar-rikorrent fil-lista li tinsab fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, skont l-Artikolu 36(2) tal-imsemmi regolament, sabiex jiġu applikati lilu l-miżuri restrittivi msemmija fl-Artikolu 16(2 ta’ dan ir-regolament.

 Fuq l-ammissibbiltà

28      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob iċ-ċaħda, bħala inammissibbli, tat-talbiet għall-annullament tal-ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010 “dwar deċiżjoni” tal-Kunsill fir-rigward tar-rikorrent u tat-talbiet li huma intiżi sabiex jiddikjaraw inapplikabbli, għal din tal-aħħar, l-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif tirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrent, u l-Artikolu 20(1)(b) tal-Deċiżjoni 2010/413.“dwar deċiżjoni”

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-inammissibbiltà tat-talbiet għall-annullament tal-ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010 “dwar deċiżjoni” tal-Kunsill fir-rigward tar-rikorrent

29      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni jitlob, essenzjalment, li l-ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010 ma hijiex att kontestabbli, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, sakemm ma tkunx ipproduċiet, fil-konfront tar-rikorrent, ebda effett ġuridiku distint tal-atti li permezz tagħhom il-Kunsill żamm, mingħajr ebda emenda, l-inklużjoni tar-rikorrent fil-listi kkontestati. Din l-ittra kienet purament informattiva dwar l-eżistenza u l-kontenut tal-imsemmija atti.

30      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263  huma dawk il-miżuri li joħolqu effetti ġuridiċi vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu.(sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Lulju 1998, Regione Toscana vs Il-Kummissjoni, T‑81/97, Ġabra p. II‑2889, punt 21). Barra minn hekk, ġie deċiż li att purament informattiv la jista’ jaffettwa l-interessi tad-destinatarju u lanqas ibiddel is-sitwazzjoni legali tiegħu meta mqabbla mas-sitwazzjoni qabel irċieva l-imsemmi att (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 2007, Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑457/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 36).

31      F’din il-kawża, kif ġustament osserva l-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, l-ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010 hija biss l-att li permezz tiegħu l-Kunsill kkomunika lir-rikorrent, minn naħa, iż-żamma, wara eżami mill-ġdid, tal-inklużjoni tiegħu fil-listi kkontestati u, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet għaż-żamma ta’ din l-inklużjoni skont l-Artikolu 24(3) tad‑Deċiżjoni 2010/413 u l-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010. Għaldaqstant, dan huwa att purament informattiv, li bħala tali, ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għall-annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

32      Din, madankollu, mingħajr preġudizzju għall-fatt li t-talbiet għall-annullament tal-ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010 “dwar deċiżjoni” tal-Kunsill fir-rigward tar-rikorrent għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-kliem stess tar-rikors u tal-kuntest li fih dawn it-talbiet ġew ippreżentati.

33      B’risposta għad-domandi bil-miktub u orali tal-Qorti Ġenerali, il-Kunsill ġustament argumenta li għalkemm dan ir-rikors, formalment ippreżentat kontra l-ittra informattiva, ma jistax jiġi interpretata bħala li huwa, fir-realtà, ippreżentat kontra ż-żamma, wara eżami mill-ġdid, tal-inklużjoni tar-rikorrent fil-listi kkontestati.

34      Madankollu, il-Kunsill naqas milli jikkunsidra li mir-rikors jirriżulta li l-azzjoni hija intiża, fil-prattika, għall-annullament taż-żamma, wara eżami mill-ġdid, tal-inklużjoni tar-rikorrent fil-listi kkontestati, li hija l-oriġini tal-miżuri restrittivi meħuda kontra tagħha.

35      Fil-punt 64 tar-rikors, ir-rikorrent stess indika li, permezz tal-ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010, “il-Kunsill [kien] informa[ha] [...] bid-Deċiżjoni [2010/413 kif tirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644] u bir-Regolament Nru 961/2010 kif ukoll għall-fatt li [hija] tibqa’ tkun suġġetta għal miżuri restrittivi previsti”.

36      Barra minn hekk, il-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-kuntest tal-Artikolu 24 tad‑Deċiżjoni 2010/413 u tal-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 961/2010, huwa inkluda fil-listi kkontestati l-persuna jew l-entità li lilha xtaq li jiġu applikati l-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, u sussegwentement huwa kkomunika din l-inklużjoni kif ukoll ir-raġunijiet tagħha lill-persuna jew entità msemmija.

37      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li, f’din il-kawża, it-talbiet għall-annullament tal-ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010 “dwar deċiżjoni” tal-Kunsill fir-rigward tar-rikorrent jiġu interpretati fis-sens li huma jirrigwardaw, mhux l-ittra bħala tali, iżda ż-żamma, wara eżami mill-ġdid, tal-inklużjoni tar-rikorrent fil-listi kkontestati, għall-finijiet tal-applikazzjoni għalih ta’ dawn il-miżuri restrittivi previsti fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010, kif ukoll ir-raġunijiet għaż-żamma ta’ din l-inklużjoni, li ġew ikkomunikati lir-rikorrent permezz tal-ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010.

38      Skont l-Artikolu 275(2) TFUE u l-Artikolu 263(4) u (6) TFUE, ir‑rikorrent għandu locus standi fl-annullament ta’ dawn l‑inklużjonijiet.

39      Għalhekk, konsegwentement, hemm lok li tiġi miċħuda, bħala infondata, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, kontra t-talbiet għall-annullament tal-ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010, “dwar deċiżjoni tal-Kunsill” fir-rigward tar-rikorrent, li għandhom jigu interpretati, f’din il-kawża, bħala intiżi għall-annullament taż-żamma, wara eżami mill-ġdid, tal-inklużjoni tar-rikorrent fil-listi kkontestati.

 Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà bbażati fuq l-inammissibbiltà tat-talbiet intiżi sabiex jiġu ddikjarati inapplikabbli għar-rikorrent l-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif jirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644, sa fejn dan jikkonċerna r-rikorrent, u l‑Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet intiżi sabiex jiġi ddikjarat inapplikabbli għar-rikorrent tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010

40      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, isostni li t-talbiet intiżi sabiex l-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif tirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrent, u l-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 jiġu ddikjarati inapplikabbli għal dan tal-aħħar huma inammissibbli sa fejn ma jkunux akkumpanjati minn talbiet għall-annullament tal-att individwali li bih huwa ddeċieda li jżomm lir-rikorrent inkluż fil-lista tal-Anness II tad‑Deċiżjoni 2010/413, kif tirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644. Madankollu, l-Artikolu 277 TFUE, li jippermetti lil parti li tikkontesta l-legalità ta’ att ta’ portata ġenerali billi tinvoka l-inapplikabbiltà tiegħu fir-rigward tiegħu, għandu natura aċċessorja u għalhekk għandu jiġi invokat insostenn ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra l-att individwali meħud kontra r-rikorrent fuq il-bażi ta’ atti ta’ portata ġenerali li fir-rigward tiegħu hija tikkontesta, f’din il-kawża, il-legalità.

41      Preliminarjament, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal‑Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’, fi kwalunkwe mument, ex officio, wara li tisma’ lill-partijiet, tiddeċiedi dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, li fosthom hemm, skont il-ġurisprudenza, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni Ewropea biex tisma’ l-appell (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 Marzu 1980, Valsabbia et vs Il-Kummissjoni 154/78, 205/78, 206/78, 226/78 sa 228/78, 263/78, 264/78, 31/79, 39/79, 83/79 u 85/79, Ġabra p. 907, punt 7, u tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ġunju 1998, Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, T-174/95, Ġabra p. II‑2289, punt 80) u d-domandi li jirrigwardaw l-ammissibbiltà tal-appell (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1960, Humblet vs L-Istat Belġjan, 6/60, Ġabra p. 1125, 1147). L-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali ma huwiex għaldaqstant limitat biss għall-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-partijiet (digriet tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Lulju 2002, Comitato organizzatore del convegno internazionale vs Il-Kummissjoni, T‑387/00, Ġabra p. II‑3031 punt 36)Madankollu, il-qorti tal-Unjoni Ewropea tista’, fil-prinċipju, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq punt ta’ liġi jew l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, kemm jekk ikunu ta’ ordni pubbliku, mingħajr ma tkun stiednet lill-partijiet sabiex b’mod preliminari jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/08, Ġabra. p. I‑11245, punti 50 sa 59, u tas-17 ta’ Diċembru 2009, Eżami mill-ġdid ta’ M vs EMEA C‑197/09 RX II, Ġabra p. I‑12033, punt 57).

42      Għalkemm il-bażi tat-talbiet imsemmija mill-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, ma ġietx speċifikata fir-rikors, din tista’ tinsab, fid-dawl tal-formulazzjoni tagħhom, biss fl-Artikolu 277 TFUE, li jistipula li “kwalunkwe parti tista’, fi proċedimenti li fihom ikun hemm involut att ta’ applikazzjoni ġenerali adottat minn istituzzjoni, […] ta’ l-Unjoni, tinvoka l-eċċezzjonijiet tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 263 sabiex tinvoka l-inapplikabbiltà ta’ dak l-att quddiem il-[Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea]. B’risposta għad-domandi bil-miktub u orali, tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent u l-Kunsill ikkonfermaw li dawn it-talbiet kienu jikkorrispondu, essenzjalment, għal eċċezzjonijiet ta’ illegalità invokati insostenn ta’ annullament tal-inklużjoni jew iż-żamma, wara eżami mill-ġdid, tal-inklużjoni tar-rikorrent fil-listi kkontestati.

43      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif tirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrent, għandu jiġi ppreċiżat li, permezz tagħha, ir-rikorrent jinvoka, essenzjalment, l-inapplikabbiltà taż-żamma tal-inklużjoni tagħha fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif tirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 277 TFUE huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura d-dritt ta’ kull parti li tikkontesta, bil-għan li tikseb l-annullament ta’ att li direttament u individwalment jikkonċernaha, il-validità ta’ atti istituzzjonali preċedenti, li jikkostitwixxu l-bażi legali tal-att ikkontestat, jekk din il-parti ma kellhiex id-dritt li tippreżenta, skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors dirett kontra dawn l-atti, li hija għalhekk tbati l-konsegwenzi mingħajr ma tkun f’pożizzjoni li titlob l-annullament tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il-Kummissjoni 92/78, Ġabra p. 777, punt 39). Għandu jiġi dedott, barra dan, mill-ġurisprudenza li l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija miftuħa biss fin-nuqqas ta’ kwalunkwe rimedju ieħor disponibbli (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf, C‑188/92, Ġabra p. 833‑I, punt 17, tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe, C‑239/99, Ġabra p. I‑1197, punt 37, u tat-8 ta’ Marzu 2007, Roquette Frères, C‑441/05, Ġabra p. I-1993, punt 40, ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Kik vs UASI (Kik), T‑120/99, Ġabra p. II‑2235, punt 26). F’din il-kawża, ir-rikorrent għandu, skont l-Artikolu 275(2) TFUE, id-dritt ta’ rikors dirett għall-annullament tal-att li kontrih huwa jrid iqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità. Minn dan isegwi li ma huwiex intitolat li eċċepixxi l-illegalità ta’ dan l‑att.

44      Konsegwentement, u mingħajr ma hemm ħtieġa li tingħata deċiżjoni fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, hemm lok li jiġu miċħuda t-talbiet intiżi sabiex tinkiseb dikjarazzjoni ta’ inapplikabbiltà għar-rikorrent tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif tirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644, sa fejn dan jikkonċernah, bħala inammissibbli. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-merti tat-talbiet għall-annullament taż-żamma, wara eżami mill-ġdid, tal-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif tirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644, li ġew validament ippreżentati mir-rikorrent (ara l-punti 37sa 39 iktar ’il fuq).

45      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-eċċezzjonijiet ta’ illegalità tal‑Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u tal-Artikolu 16(2) tar‑Regolament Nru 961/2010, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar jipprovdu għall-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi “persuni u entitajiet [...], kif elenkati fl-Anness II” tad-Deċiżjoni 2010/413 jew “fl-Anness VIII” tar-Regolament Nru 961/2010. Huma għalhekk, jiġu ppreżentati, fir-rigward tar-rikorrent, li ma huwiex speċifikament imsemmi fihom, bħala atti ta’ portata ġenerali fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE. Fil-fatt, huma japplikaw għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u li jipproduċu effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni u entitajiet previsti b’mod ġenerali u fl-astratt (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 1982, Alusuisse Italia vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, 307/81, Ġabra p. 3463, punt 9). Ir-rikorrent ma għandux dritt li jippreżenta rikors dirett, skont l-Artikolu 263 TFUE, kontra dawn id-dispożizzjonijiet, li jikkostitwixxu waħda mill-bażijiet legali tal-inklużjoni jew taż-żamma, wara eżami mill-ġdid, tal-inklużjoni tiegħu fil-listi kkontestati. Fil-fatt, dawn l-inklużjonijiet saru għall-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi msemmija fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010. Konsegwentement, huwa fir-rigward ta’ atti li n-nuqqas ta’ applikabbbiltà tista’ tiġi invokata mir-rikorrent abbażi tal-Artikolu 277 TFUE.

46      Madankollu, sabiex tevalwa l-possibbiltà għar-rikorrent biex jinvoka, insostenn tar-rikors kontra att individwali, l-irregolarità tad-deċiżjoni ġenerali li fuqha huwa bbażat, hemm b’mod partikolari lok li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrent jinvokax kontra l-imsemmija deċiżjoni ġenerali wieħed mill-erba’ motivi għall-annullament imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja, 9/56, Ġabra p. 9). Madankollu, fir-rikors, ir-rikorrent ma speċifikax liema kienu l-motivi jew l-ilmenti, previsti skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE, speċifikament insostenn tal-eċċezzjonijiet tiegħu ta’ illegalità tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010 Barra minn hekk, ir-rikorrent baqa’ ma jistax jirrispondi għad-domandi bil-miktub u orali tal-Qorti Ġenerali li bihom talbitu biex jidentifika fir-rikors tal-ewwel istanza, il-motivi jew ilmenti li huma speċifikament insostenn ta’ dawn l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità.

47      Konsegwentement, l-imsemmija eċċezzjonijiet ta’ illegalità ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jissodisfaw ir-rekwiżit għal espożizzjoni sommarja tal-motivi u tal-ilmenti invokati insostenn ta’ kwalunkwe rikors, kif stabbilit fl-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura.

48      Permezz ta’ dan il-motiv mqajjem ex officio, għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda bħala inammissibbli, l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010 imqajma mir-rikorrent.

49      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li r-rikors huwa ammissibbli biss sa fejn huwa intiż għall-annullament jew għaż-żamma, wara eżami mill-ġdid tal-inklużjoni tar-rikorrent fil-listi kkontestati (iktar ’il quddiem l-“atti kkontestati”). Għall-kumplament, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq il-mertu

50      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi għall-annullament tal-atti kkontestati. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li jirriżulta fil-fatt li l-Kunsill inkludiha jew żammu inkluża fil-listi kkontestati mingħajr ma huwa jissodisfa l-kriterji sostantivi għal inklużjoni bħal din. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali li jirriżulta mill-fatt li hija ġiet ittrattata b’mod differenti mill-banek Iranjani l-oħrajn li ma humiex inklużi fil-listi kkontestati, mid-Daftar (Uffiċċju tal-Gwida Suprema tar-Rivoluzzjoni Iżlamika , iktar ’il quddiem, l-“Uffiċċju Gwida” u l-“Gwida”) u l-Fondazzjoni Mostaz’afan tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran (iktar ’il quddiem il-“Fondazzjoni”) rispettivament u b’mod identiku għall-banek Iranjani l-oħra inklużi fil-listi kkontestati. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li jirriżulta mill-fatt li huma ma ġewx ikkomunikati lilu la r-raġunijiet speċifiċi u lanqas il-provi u d-dokumenti li jiġġustifikaw l-inklużjoni tiegħu jew iż-żamma tal-inklużjoni tiegħu fil-listi kkontestati. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tal-proprjetà u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jirriżulta mill-fatt li, fi kwalunkwe każ, l-iffriżar tal-fondi tiegħu u tar-riżorsi ekonomiċi tiegħu kkawża dannu mhux neċessarju u sproporzjonat għad-dritt ta’ proprjetà tiegħu.

51      Għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, ta’ ekonomija tal-ġudizzju u ta’ opportunità, jeħtieġ li jiġi eżaminat, l-ewwel nett, it-tielet motiv tar-rikors. Fil-kuntest tiegħu, ir-rikorrent jesprimi tliet ilmenti bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, it-tieni nett, fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, it-tielet nett, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li jirriżulta mill-fatt li l-Kunsill adotta l-atti kkontestati mingħajr ma jikkomunikalu r-raġunijiet speċifiċi, il-provi u d-dokumenti li jiġġustifikaw l-inklużjoni tagħha jew iż-żamma tal-inklużjoni fil-listi kkontestati.

52      Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 51 iktar ’il fuq, huwa xieraq li l-ewwel jiġi eżaminat it-tielet ilment motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

53      B’dan tal-aħħar, ir-rikorrent isostni li, billi adotta l-atti kkontestati, il-Kunsill kiser il-forma sostanzjali li tobbligah li jikkomunika lill-parti kkonċernata r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-listi kkontestati, u li jagħtiha l-opportunità li tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, kif mfakkar espressament fl-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010. Ir-raġunijiet mogħtija insostenn tal-atti kkontestati huma wisq suċċinti, vagi, impreċiżi jew evażivi biex ikunu jistgħu jiġu mxebbha ma’ motivazzjoni. Il-Kunsill ma speċifikax kif hija marbuta mal-Uffiċċju Gwida għall-proliferazzjoni nukleari, jew saħansitra, biss mal-“interessi strateġiċi tar-reġim”. Hu ma semmiex fiex kien jikkonsisti s-sostenn allegat (provvista ta’ servizzi finanzjarji, inklużi l-ittri ta’ offerta ta’ kreditu u ż-żamma tal-kontijiet), u lanqas l-allegati benefiċjarji ta’ dan is-sostenn. It-tentattivi tal-Kunsill biex jirrimedja dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni f’din il-proċedura ġudizzjarja ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni, ħlief li jimminaw id-dritt għal smigħ xieraq u l-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-partijiet quddiem il-qrati tal-Unjoni.

54      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jiċħad l-argumenti tar-rikorrent u jitlob li t-tielet ilment tat-tielet motiv jiġi miċħud bħala infondat.

55      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi għandu konsegwenzi sinjifikattivi għall-entitajiet ikkonċernati, peress li huwa jista’ jirrestrinġi l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, C‑548/09 P, Ġabra p. I‑11381, punt 49).

56      Id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jirrikjedi li l-awtorità tal-Unjoni tadotta att li jwassal miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna jew entità għandha tagħti r-raġunijiet li fuqhom din l-azzjoni hija bbażata, sa fejn huwa possibbli, jew meta dak l-att ikun adottat jew, għall-inqas, malajr kemm jista’ jkun wara li jkun ġie adottat, sabiex dawn il-persuni jew entitajiet ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt ta’ rikors tagħhom (ara s-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 55 iktar ’il fuq, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kwalunkwe każ, il-motivazzjoni tal-att għandha tiġi pprovduta lill-persuna kkonċernata b’dan l-att qabel hija tippreżenta rikors kontra l-imsemmi att. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni tista’ tiġi rregolarizzata mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf bir-raġunijiet għall-att matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑390/08, Ġabra p. II‑3967, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Issa, huwa fid-dawl tal-osservanza tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li l-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni 2010/413 u l-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010 jeħtieġu lill-Kunsill biex tagħti r-raġunijiet individwali u speċifiċi li jiġġustifikaw il-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi, meħuda skont l-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010, u biex iġġibhom għall-attenzjoni tal-persuni, tal-entitajiet u tal-korpi kkonċernati minn dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 55 iktar ’il fuq, punt 48). Mill-ġurisprudenza jirriżulta li huwa permezz ta’ komunikazzjoni individwali li l‑Kunsill għandu jeżonera ruħu, f’din il-kawża, mill-obbligu tiegħu taħt l-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni 2010/413 u l-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 55 iktar ’il fuq, punt 52).

58      F’din il-kawża, il-Kunsill informa lir-rikorrent, permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010, li l-atti kkontestati kienu bbażati fuq il-fatt li “[huwa] kkunsidra li ma [kienx] hemm l-ebda provi ġodda fil-fajl li jiġġustifikaw bidla fil-pożizzjoni tagħha [fir-rigward tal-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi tar-rikorrent] u għalhekk [...] ir-raġunijiet ippreżentati fid-deċiżjoni [...] 2010/413 [... kienu] għadhom validi.”

59      Din l-ittra ma tagħtix raġunijiet individwali u speċifiċi li jiġġustifikaw l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi tar-rikorrent. Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-motivazzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ġie adottat.B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 56 iktar ’il fuq, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’din il-kawża, jeħtieġ għalhekk li jiġi kkunsidrat li, minn naħa waħda, kopja tad-Deċiżjoni 2010/413 kienet mehmuża mal-ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010 u li, min-naħa l-oħra, meta r-rikorrent irċieva din l-ittra tal-aħħar, id‑Deċiżjoni 2010/413 kienet diġà ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fis-27 ta’ Lulju 2010. Għaldaqstant, ir‑rikorrent kien f’pożizzjoni li jieħu konjizzjoni tar-raġunjiet esposti fid-Deċiżjoni 2010/413 biex tiġġustifika d-deċiżjoni tal-iffriżar ta’ fondi tagħha u ta’ riżorsi ekonomiċi tiegħu, kif diġà ġie stabbilit fil-punt 5 iktar ’il fuq.

61      Barra minn hekk, fir-risposta, il-Kunsill ammetta li huwa ma kellu “ebda informazzjoni oħra dwar lir-rikorrent ħlief dik li tinsab fil-espożizzjoni tar-raġunijiet lill-Kunsill dwar l-inklużjoni tagħha [fil-listi kkontestati]”. l-ebda raġuni addizzjonali ma ġiet ikkomunikata lir-rikorrent qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors.

62      Għaldaqstant, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill issostanzja t-talbiet tal-atti kkontestati fuq provi prodotti mir-rikorrent insostenn tar-rikors tiegħu, fejn jirriżulta li l-Gwida kienet tikkontrolla indirettament lir-rikorrent, permezz tal-Fondazzjoni bħala intermedjarja, huwa importanti li wieħed jiftakar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 56 iktar ’il fuq, din il-motivazzjoni addizzjonali tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-motivazzjoni perfetta, eventwalment mhux suffiċjenti, li tinsab fl-atti kkontestati la darba tkun ġiet ikkomunikata lir-rikorrent wara l-bidu ta’ din l-azzjoni.

63      Għaldaqstant, għandha tingħata risposta għall-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-uniċi raġunijiet mogħtija fil-punt 5 iktar ’il fuq.

64      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bħala tweġiba għal jekk dan jeżerċitax il-funzjoni tiegħu, jiġifieri li tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-motivazzjoni għandha, minn naħa waħda, tipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tiddefendi d-drittijiet tagħha u li jiġi vverifikat jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex ivvizzjat minn xi difett li jippermetti li l-validità tiegħu quddiem tiġi kkontestata fil-qrati tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lill-qorti tal-Unjoni li teżerċita l-kontroll tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 56 iktar ’il fuq, punt 80). Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 56 iktar ’il fuq, punt 82).

65      Minn dan isegwi li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati għandha b’mod partikolari tiġi evalwata fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li abbażi tagħhom huma jkunu ġew adottati, jiġifieri l-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru  61/2010 rispettivament, li huma stess għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-formulazzjoni tagħhom, tal-kuntest li fih ikunu ġew adottati u l-għanijiet intiżi mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il-Kunsill C‑380/09 P, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      L-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u l-Artikolu 16(2) (a) tar-Regolament Nru 961/2010 jobbliga lill-Kunsill sabiex jiffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li kienu “rikonoxxuti” jew “huma impenjati, huma direttament assoċjati ma’, jew jipprovdu apoġġ għall-attivitajiet [tal-proliferazzjoni nukleari]” jew “ikkontrollati minn, [dawn tal-aħħar] jew li jaġixxu f’isimhom jew taħt it-tmexxija tagħhom”, il-Kunsill jevalwa każ b’każ l-osservanza ta’ waħda jew l-oħra minn dawn il-kundizzjonijiet għal kull persuna, entità jew korp ikkonċernat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Melli Bank vs Il-Kunsill, punt 65 iktar ’il fuq, punti 39 u 40).

67      Minn dan isegwi li r-raġunijiet individwali u speċifiċi li l-Kunsill għandu jipprovdi, skont l-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni 2010/413 u l‑Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010 (ara l-punt 55 iktar ’il fuq), huma dawk li għandhom x’jaqsmu mal-inklużjoni ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ korpi fil-listi kkontestati, jiġifieri, skont il-każ, il-parteċipazzjoni, l-assoċjazzjoni diretta jew is-sostenn dirett għall-proliferazzjoni nukleari jew, fil-każ ta’ entitajiet li jkunu miżmuma, ikkontrollati jew li jaġixxu f’isem jew fuq l-istruzzjonijiet, dawk li wassluh li jqies li l-kundizzjoni taż-żamma, tal-kontroll jew tal-aġir f’isem jew fuq struzzjoni ta’ ħaddieħor kienet issodisfatta (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Melli Bank vs Il-Kunsill, punt 65 iktar ’il fuq, punt 43).

68      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex jeżonera ruħu b’mod korrett mill-obbligu tiegħu li jimmotiva att li jimponi miżuri restrittivi, il-Kunsill għandu jiddikjara l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom tibbaża l-ġustifikazzjoni legali għal dawn il-miżuri u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh biex jeħodhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 56 iktar ’il fuq, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, il-motivazzjoni għal tali att għandha tibbaża ruħha mhux biss fuq l-applikazzjoni legali ta’ miżuri restrittivi, iżda wkoll fuq ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li l-Kunsill jikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, li l-persuna kkonċernata għandha tkun suġġetta għal dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2006, L-Organizzazzjoni Mojahedin tal-Poplu tal-Iran vs Il-Kunsill T‑228/02, Ġabra p. II‑4665, punt 146; tas-7 ta’ Diċembru 2010, Fahas vs Il-Kunsill, T‑49/07, Ġabra p. II‑5555, punt 53, u tat-8 ta’ Ġunju 2011, Bamba vs Il‑Kunsill, T‑86/11, Ġabra p. II‑2749, punt 47).

69      Għalhekk, miżura ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi adottata mill-Kunsill ma tistax tiġi kkunsidrata suffiċjentement immotivata jekk il-Kunsill ma jsemmix punti tal-fatt u tal-liġi li wassluh biex jikkunsidra, skont il-każ, li l-persuna, l-entità jew il-korp ikkonċernat li pparteċipaw, kienu direttament assoċjati ma jew sostnew il‑proliferazzjoni nukleari jew li din il-persuna, din l-entità jew dan il-korp kienu miżmuma, ikkontrollati jew kienu qed jaġixxu f’isem jew fuq l-istruzzjoni ta’ persuna, ta’ entità jew ta’ korp li pparteċipat, li hija assoċjata direttament jew li tappoġġja l-proliferazzjoni nukleari.

70      Mir-raġunijiet ikkomunikati lir-rikorrent minn qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors, permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010, jirriżulta li l-miżuri kkontestati kienu bbażati fuq “ir-raġunijiet mogħtija fid-deċiżjoni [...] 2010/413”, jiġifieri r-raġunijiet li ġejjin: “[Ir-rikorrent] hija strettament marbuta mal-interessi tad-“Daftar” (Uffiċċju ta’ Gwida: amministrazzjoni magħmula minn madwar 500 kollaboraturi)” u “jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-interessi strateġiċi tar-reġim”. Waqt is-seduta, il-Kunsill speċifika li huwa kellu l-intenzjoni jibbaża l-atti kkontestati fuq motivazzjoni doppja bbażata, minn naħa, fuq il-fatt li r-rikorrent kien effettivament ikkontrollata mir-reġim Iranjan u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li jista’ jiġi dedott, b’mod kważi ċert, minn tali kontroll li lir-rikorrent iffinanzja il-proliferazzjoni nukleari. Minn dan isegwi li l-Kunsill kellu l-intenzjoni jibbaża l-atti kkontestati fuq raġunijiet ibbażati, minn naħa, fuq il-parteċipazzjoni, l-assoċjazzjoni diretta jew is-sostenn tar-rikorrent għall-proliferazzjoni nukleari u, min-naħa l-oħra, fuq il-kontroll tar-rikorrent minn persuna jew entità li pparteċipat, li hija assoċjata direttament ma’ jew li tappoġġja dawn l‑attivitajiet, li hija identifikat, fir-raġunijiet ikkomunikati lir-rikorrent, bħala l-Uffiċċju tal-Gwida. Dan il-motiv doppju ġie mifhum sew mir-rikorrent li jikkontesta, min-naħa waħda, li huwa qiegħed taħt il-kontroll ta’ persuni, ta’ entitajiet jew ta’ korpi li kienu pparteċipaw, li kienu assoċjati direttament ma’, jew li pprovdew appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari bħall-awtoritajiet Iranjani, u min-naħa l-oħra, li pparteċipa, li kien assoċjat direttament ma’, jew li pprovda appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari.

71      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-raġunijiet ikkomunikati lir-rikorrent li jirreferu għal kontroll tar-rikorrent minn persuni, entitajiet jew korpi li pparteċipaw, li kienu assoċjati direttament ma’ jew li pprovdew appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari, dawn ma humiex suffiċjentement speċifiċi u konkreti li jippermettu lir-rikorrent u lill-Qorti Ġenerali biex tifhem ir-raġunijiet li wasslu lill-Kunsill sabiex jikkunsidra li dan il-kriterju kien, f’din il-kawża, sodisfatt.

72      Skont il-Kunsill, “[ir-rikorrent] hija strettament marbuta mal-interessi ta’ “Daftar” (Uffiċċju ta’ Gwida: amministrazzjoni magħmula minn madwar 500 kollaboraturi).” Il-kunċett ta’ “rabta mal-interessi ta’ terzi” huwa, fih innifsu, vag u impreċiż. Huwa ma kienx marbut, b’mod ċar u dirett, għall‑kunċett ta’ “kontroll” previst mill-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u l-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010. Il-Kunsill ma jsemmi l-ebda element speċifiku u konkret ta’ xi kontroll mill-Uffiċċju tal-Gwida fuq ir‑rikorrent.

73      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, l-użu tat-terminu “rabta mal-interessi” ta’ “Daftar” (Uffiċċju ta’ Gwida: amministrazzjoni magħmula minn madwar 500 kollaboraturi)” huwa saħansitra iktar vaga u impreċiża li l-imsemmi uffiċċju ma kienx ġie identifikat, bħala tali, bħala persuna, entità jew korp li jipparteċipa fi, assoċjat direttament ma’ jew li jipprovdi appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari. Kif osservat ġustament mir-rikorrent, l-Uffiċċju tal-Gwida mhux inkluż fil-listi kkontestati, filwaqt li l-entitajiet l-oħrajn li jeżerċitaw responsabbiltajiet politiċi fl-Iran jew f’korpi oħrajn tal-gvern ġew inklużi f’dawn il-listi, peress li jikkostitwixxu persuni, entitajiet jew korpi inklużi, li ġew assoċjati direttament ma’ jew li pprovdew appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari. Barra minn hekk, il-Kunsill ma speċifikax il-mezzi prattiċi li jippermettu l-Uffiċċju tal-Gwida, bħala tali jew, fejn xieraq, permezz tal-membri tiegħu, li jikkontrolla lir-rikorrent biex taġixxi skont l-interessi tiegħu u, b’mod partikolari, sabiex tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-proliferazzjoni nukleari.

74      Sa fejn ir-rikorrent jirrikonoxxi, fl-atti tagħha, li kienet u għadha parzjalment miżmuma mill-Fondazzjoni, hija stess ġestita mill-Gwida, u li l-Kunsill jallega, fil-kuntest tal-kawża preżenti, li jibbaża ruħu fuq dawn il-punti sabiex jiġġustifika l-fondatezza tal-atti kkontestati, għandu jiġi rrilevat li dawn ir-raġunijiet huma ġodda, il-Kunsill qatt ma kkomunika lir-rikorrent, qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors, ir-raġunijiet fuq ir-rabta li teżisti bejnu u l-Gwida, permezz tal-Fondazzjoni, imma biss raġunijiet ibbażati fuq ir-rabtiet li jeżistu bejnha u l-Uffiċċju ta’ Gwida. Ir-rabtiet li jeżistu bejn il-Gwida, il-Fondazzjoni u r-rikorrent qatt ma ssemmew mill-Kunsill qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors u kienu, forsi anki, injorati minnu sa din l-aħħar data. Anki f’każ li dawn ir-rabtiet kienu biżżejjed sabiex jiġġustifikaw l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi tar-rikorrent, xorta waħda jibqa’ l-fatt li jikkostitwixxu motivi ġodda invokati tardivament, u ma jistgħux, għal din ir-raġuni, jitqiesu mill-Qorti Ġenerali, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 56 iktar ’il fuq.

75      Għalhekk, ma huwiex possibbli fin-nuqqas ta’ kwalunkwe element ieħor speċifiku u konkret ikkomunikat mill-Kunsill, li tiġi deċiża l-fondatezza tal-atti kkontestati, peress li dawn huma bbażati fuq ir-rabtiet eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u l-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010, bejn ir-rikorrent u r-reġim Iranjan, ibbażati biss fuq raġunijiet effettivament mogħtija mill-Kunsill, li “[ir-rikorrent] huwa strettament marbut mal-interessi ta’ ‛Daftar’ (Uffiċċju ta’ Gwida: amministrazzjoni magħmula minn madwar 500 kollaboraturi)”.

76      Dan l-ewwel tip ta’ raġunijiet ikkomunikati lir-rikorrent ma jistax għalhekk jitqies bħala li jipprovdi motivazzjoni suffiċjenti għall-atti ikkontestati.

77      Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-raġunijiet ikkomunikati lir-rikorrent li għandhom x’jaqsmu ma’ parteċipazzjoni, ma’ assoċjazzjoni jew ma’ appoġġ dirett ta’ dan tal-aħħar għall-proliferazzjoni nukleari, dawn ma humiex suffiċjentement speċifiċi u konkreti sabiex jippermettu lir-rikorrent u l-Qorti Ġenerali jifhmu r-raġunijiet li wasslu lill-Kunsill sabiex jikkunsidra li wieħed jew l-ieħor mill-kriterji legalment previsti sabiex jiġi stabbilit li persuna, entità jew korp hija direttament involuta fil-proliferazzjoni nukleari kien, f’din il-kawża, sodisfatt.

78      Skont il-Kunsill, ir-rikorrent “jikkontribwixxi [...] għall-finanzjament ta’ interessi strateġiċi tar-reġim”. Jekk, kif josserva r-rikorrent, din ir-raġuni tevoka biss l-allegata kontribuzzjoni tiegħu “għall-finanzjament ta’ interessi strateġiċi tar-reġim” u mhux il-proliferazzjoni nukleari, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, kif isostni l-Kunsill, li din l-aħħar attività hija neċessarjament inkluża fil-kunċett ta’ “interessi strateġiċi tar-reġim.” Għalhekk, din ir-raġuni tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-Kunsill jallega effettivament li r-rikorrent qiegħed jikkontribwixxi għall-finanzjament tal‑proliferazzjoni nukleari.

79      Sa fejn il-Kunsill kellu l-intenzjoni li jnaqqas il-“kontribuzzjoni” tar‑rikorrent għall-“finanzjament” tal-proliferazzjoni nukleari minħabba l-fatt li dan tal-aħħar huwa “strettament marbut mal-interessi tal-[...] Uffiċċju tal-Gwida”, għandu jiġi osservat, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 73 sa 76 iktar ’il fuq, li l-miżuri kkontestati ma kinux immotivati suffiċjentment fid-dritt, sa fejn ir‑rabtiet ta’ interessi involuti ma kinux suffiċjentment speċifikati u konkreti sabiex jippermettu lir-rikorrent u lill-Qorti Ġenerali biex jevalwaw il-fondatezza tal-imsemmija atti fuq dan il-punt.

80      Anki jekk fil-każ li l-Kunsill kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi l-kontribuzzjoni tar‑rikorrent għall-finanzjament tal-proliferazzjoni nukleari, ma kienx, fi kwalunkwe każ, ipprovda ebda element speċifiku u konkret tal-finanzjament ta’ din l-attività mir-rikorrent, fir-rigward, pereżempju, tan-natura, tal-ammont jew tad‑destinazzjoni ta’ finanzjamenti.

81      Dan it-tieni tip ta’ raġunijiet ikkomunikati lir-rikorrent ma jistax għaldaqstant iktar minn dak preċedenti jitqies bħala li jipprovdi motivazzjoni suffiċjenti għall-atti ikkontestati.

82      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-atti kkontestati ma kinux motivati suffiċjentement fid-dritt mill-Kunsill, li, għaldaqstant, kiser l-obbligu li jikkomunika r-raġunijiet, li għandu skont l-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni 2010/413 u l‑Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010 u l-obbligu ta’ motivazzjoni, li għandu b’mod iktar ġenerali fir-rigward ta’ atti li huwa jadotta.

83      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jintlaqa’ t-tielet ilment tat-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, u jiġu annullati, fuq din il-bażi, l-atti kkontestati, mingħajr ħtieġa li tingħata deċiżjoni fuq l-ewwel u t-tieni ilmenti tat-tielet motiv u l-ewwel, it-tieni u r-raba’ motivi tar-rikors.

84      Fir-rigward l-effetti ratione temporis tal-annullament tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrent, għandu jitfakkar li tinvolvi l-annullament tal-inklużjoni stess tar-rikorrent fil-lista li tinsab fl‑imsemmi anness. Madankollu, din l-inklużjoni għandha l-istess natura bħar‑Regolament Nru 961/2010, li għandu portata ġenerali u li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 41(2) tiegħu jipprovdi li huwa obbligatorju fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istat Membru kollu, li jikkorrispondi mal-effetti ta’ Regolament, kif previst fl-Artikolu 288 TFUE.

85      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑Unjoni Ewropea, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 280 TFUE, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw Regolament, jew anki sempliċement dispożizzjoni ta’ Regolament, għandhom jidħlu fis-seħħ biss wara l-iskadenza tal-appell imsemmi fl-Artikolu 56(1) ta’ dan l-istatut jew, jekk l-appell ikun gie ppreżentat f’dan it-terminu, wara li dan tal-aħħar jiġi miċħud. Il-Kunsill għalhekk ikollu terminu ta’ xahrejn, żieda fuq it-terminu ta’ għaxart ijiem mid-data tan-notifika tas-sentenza preżenti, sabiex jirrimedja l-ksur ikkonstatat fiha bl-adozzjoni, fejn xieraq, ta’ miżura ġdida restrittiva fir-rigward tar-rikorrent.

86      F’din il-kawża, ir-riskju ta’ dannu serju u irreversibbli għall-effikaċja tal-miżuri restrittivi stabbiliti fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 lir-rikorrent ma tidhirx għolja biżżejjed, fid-dawl tal-impatt sinjifikanti ta’ dawn il-miżuri fuq id‑drittijiet u l-libertajiet ta’ din tal-aħħar li jiġġustifikaw iż-żamma tal-effetti tar‑Regolament fir-rigward tagħha matul perijodu lil hinn minn dak previst fl‑Artikolu 60(2) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2011, Kadio Morokro vs Il-Kunsill, T‑316/11, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 38).

87      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 264(2) TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li jkun meħtieġ, tindika dawk l-effetti tal-att annullat li għandhom jitqiesu bħala definittivi.

88      F’din il-kawża, l-eżistenza ta’ differenza bejn id-data effettiva tal-annullament tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 u dik tal-Anness II tad‑Deċiżjoni 2010/413, kif tirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644, tista’ twassal għal ħsara serja għaċ-ċertezza legali, peress li dawn iż-żewġ atti jimponu, fuq ir-rikorrent, miżuri identiċi.

89      L-effetti tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif tirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644, għandhom għaldaqstant jinżammu sa fejn jirrigwarda lir-rikorrent mid-dħul fis-seħħ tal-annullament tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 (ara, b’analoġija, Kadio Morokro vs Il-Kunsill, punt 86 iktar ’il fuq, punt 39).

 Fuq l-ispejjeż

90      Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il‑partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap wieħed jew iktar tat-talbiet tagħhom.

91      Peress li r-rikors intlaqa’ parzjalment biss (ara punt 49 iktar ’il fuq), ser ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża billi jiġi deċiż li l-Kunsill għandu jbati żewġ terzi tal-ispejjeż tar-rikorrent u żewġ terzi tal-ispejjeż tiegħu. Ir‑rikorrent għandu jħallas terz mill-ispejjeż tiegħu u terz tal-ispejjeż tal-Kunsill.

92      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l‑istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.‘

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK tal-Kunsill, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK, kif tirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644/PESK tal Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d Deċiżjoni 2010/413/PESK, u l-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 961/2010 tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007, huma annullati, sa fejn jikkonċernaw Sina Bank.

2)      L-effetti tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif tirriżulta mid‑Deċiżjoni 2010/644, jinżammu sa fejn jikkonċernaw Sina Bank sad‑dħul fis-seħħ tal-annullament tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati żewġ terzi tal‑ispejjeż ta’ Sina Bank u żewġ terzi tal-ispejjeż tiegħu stess.

5)      Sina Bank għandha tbati terz tal-ispejjeż tagħha stess u terz tal-ispejjeż tal-Kunsill.

6)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Diċembru 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.