Language of document :

Rikors ippreżentat fis- 6 ta' Jannar 2011 - Sina Bank vs Il-Kunsill

(Kawża T-15/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Sina Bank (Tehran, l-Iran) (rappreżentanti: B. Mettetal u C. Wucher-North, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-punt 8 tat-taqsima B tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 1 sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti;

tannulla l-ittra dwar deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ottubru 2010;

tiddikjara bħala inapplikabbli l-punt 8 tat-taqsima B tal-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran 2 sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti;

tiddikjara l-Artikolu 16(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 961/2010 bħala inapplikabbli għar-rikorrenti;

tiddikjara l-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK bħala inapplikabbli għar-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tiegħu u għal dawk sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi insostenn tar-rikors tagħha:

1.    Permezz tal-ewwel motiv tagħha, hija tallega li l-kriterji sostanzjali tal-indikazzjoni skont ir-regolament u d-deċiżjoni kkontestati tal-2010 ma humiex sodisfatti fir-rigward tar-rikorrenti u/jew li l-Kunsill wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni meta ddeċieda jekk il-kriterji kinux sodisfatti jew le. Konsegwentement, l-indikazzjoni tar-rikorrenti ma hijiex ġustifikata.

2.    Permezz tat-tieni motiv tagħha, hija tallega li l-indikazzjoni tagħha tikser il-prinċipju ta' trattament ugwali;

-    ir-rikorrenti ġarrbet nuqqas ta' trattament ugwali fir-rigward tas-sitwazzjoni ta' banek Iranjani oħra;

-    ir-rikorrenti ġarrbet nuqqas ta' trattament ugwali fir-rigward tas-sitwazzjoni ta' banek Iranjani oħra inklużi fil-lista, kif ukoll fir-regolament u fid-deċiżjoni tal-2010;

-    ir-rikorrenti ġarrbet nuqqas ta' trattament ugwali fir-rigward tas-sitwazzjoni ta' "Daftar" u tal-Fondazzjoni Mostaz'afan.

3.    Permezz tat-tielet motiv tagħha, hija tallega li ma ġewx irrispettati d-drittijiet tad-difiża u li ma ġiex sodisfatt ir-rekwiżit ta' motivazzjoni tas-sanzjonijiet peress illi:

-    ir-rikorrenti ma rċeviet l-ebda informazzjoni mill-Kunsill sabiex issostni l-pożizzjoni tiegħu, ħlief motivazzjoni lakonika ta' żewġ linji, ġenerali u mhux eżatta;

-    għalkemm ir-rikorrenti għamlet lill-Kunsill talbiet għall-informazzjoni preċiża fir-rigward tal-indikazzjoni tagħha, dan tal-aħħar la wieġeb lir-rikorrenti u lanqas għall-ittri tal-avukati tiegħu;

-    dik is-sitwazzjoni tirrendi impossibbli li jiġi ddeterminat jekk il-miżura hijiex fondata jew ivvizzjata bi żball;

-    kull prova prodotta kontra r-rikorrenti kellha tiġi kkomunikata lilu, sa fejn dan huwa possibbli, jew simultanjament mal-adozzjoni ta' deċiżjoni inizjali tal-iffriżar tal-fondi tagħha jew inkella kemm jista' jkun malajr wara li dan ikun sar.

4.    Permezz tar-raba' motiv tagħha, hija tallega li l-miżuri restrittivi jiksru d-dritt ta' proprjetà tagħha u ma humiex propozjonati, u dan bi ksur tal-prinċipju Komunitarju ta' propozjonalità ta' deċiżjoni peress illi:

-    ma teżisti l-ebda rabta bejn l-għan segwit mill-Kunsill u l-miżura restrittiva imposta fuq ir-rikorrenti;

-    il-Kunsill ma identifika l-ebda tranżazzjoni li kienet involuta fiha r-rikorrenti;

-    jeżistu miżuri possibbli oħra, iktar proporzjonati, kontra r-riskju marbut mal-allegati "attivitajiet nukleari" Iranjani u l-finanzjament ta' dawn tal-aħħar.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal-25 ta' Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, 27.10.2010, p. 1)

2 - Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, 27.7.2010, p. 39)