Language of document : ECLI:EU:C:2017:475

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fil-15 ta’ Ġunju 2017 (1)

Kawżi magħquda C688/15 u C109/16

Agnieška Anisimovienė et

vs

BAB bankas Snoras,

Indėlių ir investicijų draudimas VĮ

(C688/15)

u

Indėlių ir investicijų draudimas VĮ

vs

Alvydas Raišelis

(C109/16)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema, il-Litwanja)]

“Domanda preliminari — Skemi ta’ garanzija għal depożiti u ta’ kumpens għall-investituri — Direttiva 94/19/KE — Direttiva 97/9/KE — Kunċett ta’ ‘depożitu’ — Kunċett ta’ ‘transazzjoni bankarja normali’ — Kunċett ta’ ‘flus miżmuma b’konnessjoni man-negozju tal-investiment’ — Effett dirett tad-Direttiva 94/19 u tad-Direttiva 97/9 — Fondi ttrasferiti mill-kontijiet bankarji ta’ individwi f’kont miftuħ f’isem istituzzjoni ta’ kreditu u maħsuba għall-ħlas ta’ strumenti finanzjarji maħruġa minn din l-istituzzjoni”






1.        Il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema, il-Litwanja) terġa’ tirrikorri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet li għandha tieħu deċiżjoni dwarhom, li jirriżultaw mill-falliment ta’ waħda mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu f’dan l-Istat Membru.

2.        Bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ġunju 2015, Indėlių ir investicijų draudimas u Nemaniūnas (2), il-qorti tar-rinviju hija titlob l-interpretazzjoni tad-Direttivi 94/19/KE (3) u 97/9/KE (4), sabiex jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni li dawn joffru lil dawk li jfaddlu u lill-investituri, rispettivament.

3.        B’mod konkret, il-qorti nazzjonali tixtieq tkun taf jekk dawn id-direttivi jistgħux japplikaw għall-ammonti mħallsa lil istituzzjoni ta’ kreditu mill-klijenti tagħha, sabiex jiġu koperti l-akkwist ta’ azzjonijiet, jew is-sottoskrizzjoni għall-obbligazzjonijiet tagħha. L-insolvenza sussegwenti tal-bank, finalment, interrompiet iż-żewġ tranżazzjonijiet.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 94/19

4.        Fl-ewwel, it-tmintax u l-għoxrin premessa jiġi ddikjarat:

“[1]      Billi, bi qbil ma’ l-għanijiet tat-Trattat, żvilupp armonizzat ta’ l-attivitajiet ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-Kommunità kollha għandu jkun imħeġġeġ permezz ta’ l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet kollha tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-libertà li jkunu ipprovduti servizzi, waqt li tiżdied l-istabbilità tas-sistema bankarja u tal-protezzjoni ta’ dawk li jfaddlu”.

“[18]      Billi Stat Membru għandu jkun jista’ jeskludi ċerti kategoriji ta’ depożiti jew depożitaturi [depożitanti] speċifikament imniżla, jekk huma ma jħossux li dawn ikunu jeħtieġu protezzjoni speċjali, mill-garanzija mogħtija bi skemi ta’ garanzija ta’ depożiti”.

“[20]      Billi l-prinċipju ta’ limitu minimu armonizzat għal kull depożitatur aktar milli għal kull depożitu ġie miżmum; billi huwa għalhekk xieraq li tittieħed konsiderazzjoni tad-depożiti magħmula minn depożitaturi li jekk mhumiex imsemmija bħala li jkollhom kont jew li mhumiex sidien waħedhom ta’ kont; billi l-limitu għandu għalhekk ikun applikat għal kull depożitatur identifikabbli; billi dak m’għandux ikun applikabbli għall-intrapriżi ta’ l-investimenti kollettivi suġġetti għal regoli speċjali ta’ protezzjoni li mhumiex applikabbli għad-depożiti msemmija qabel”.

5.        Skont l-Artikolu 1:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-direttiva:

1)      ‘depożitu’ għandha tfisser xi bilanċ ta’ kreditu li jirriżulta minn fondi li jitħallew f’kont jew minn sitwazzjonijiet temporanji li joħorġu minn transazzjonijiet bankarji normali u li l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tħallas skond il-kondizzjonijiet legali u kontrattwali applikabbli, u xi dejn b’xhieda [ippruvati permezz] ta’ ċertifikat maħruġ mill-istituzzjoni ta’ kreditu.

[…]

3)      ‘depożiti mhux disponibbli’ għandu jfisser depożitu li huwa dovut u pagabbli imma li ma kienx ġie mħallas mill-istituzzjoni ta’ kreditu permezz tal-kundizzjonijiet legali u kuntrattwali applikabbli dwarhom, li kienu jew:

i)      l-awtoritajiet kompetenti relevanti jkunu ddeterminaw li fl-aspett tagħhom l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata tkun tidher li ma tkunx tista’ għal issa, għal raġunijiet li huma direttament relatati maċ-ċirkostanzi finanzjarji tagħha, li jitħallas lura d-depożitu u li ma jkollha l-ebda prospett attwali li jkun jista jsir dan; jew

ii)      awtorità ġudizzjarja li tkun tat digriet għar-raġunijiet li huma direttament relatati maċ-ċirkostanzi finanzjarji ta’ l-istituzzjoni ta’ kreditu li jkollha l-effett li tissospendi l-abilità ta’ depożitaturi li jagħmlu pretensjonijiet kontra tagħha, għandha sseħħ qabel ma’ d-determinazzjoni msemmija hawn fuq tkun saret;

4)      ‘istituzzjonijiet ta’ kreditu’ għandha tfisser intrapriża li n-negozju tagħha jkun li tirċievi depożiti jew fondi oħra ri-pagabbli mill-pubbliku u li tagħti krediti mill-kont tagħha;

[…]”

6.        L-Artikolu 2 jipprovdi:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu esklużi minn xi skemi ta’ garanzija ta’ pagament lura:

– suġġett għal-Artikolu 8(3), depożiti magħmula mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu oħra f’isimhom jew għal kont tagħhom;

– l-istrumenti kollha li jidħlu fid-definizzjoni ta’ ‘fondi tagħha’ fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/299/KEE tas-17 ta’ April 1989 dwar il-fondi tagħhom ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu;

[…]”

7.        L-Artikolu 3(1) huwa fformulat kif ġej:

“Kull Stat Membru għandu jassigura li fit-territorju tiegħu, waħda jew aktar skemi ta’ garanzija ta’ depożitu jkunu introdotti u uffiċjalment rikonoxxuti. Ħlief f’ċirkostanzi maħsuba fit-tieni sub-paragrafu u l-paragrafu 4, l-ebda istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata f’dak l-Istat Membru bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 77/780/EEC ma tista’ tieħu depożiti sakemm ma tkunx membru ta’ skema bħal dik.

[…]”

8.        L-Artikolu 7 jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kopertura għad-depożiti aggregati ta’ kull depożitant għandha tkun ta’ mill-anqas EUR 50 000 fil-każ li d-depożiti ma jkunux disponibbli.

1 bis.      Sal-31 ta’ Diċembru 2010, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kopertura għad-depożiti aggregati ta’ kull depożitant għandha tkun iffissata għal EUR 100 000 fil-każ li d-depożiti ma jkunux disponibbli.

[…]

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li ċerti depożitaturi jew depożiti għandhom ikunu esklużi mill-garanzija jew għandhom jingħataw livell anqas ta’ garanzija. Dawk l-esklużjonijiet huma mniżżla fl-Anness I.”

9.        L-Artikolu 8(3) jipprevedi:

“Meta depożitatur ma jkunx assolutament intitolat għas-somom miżmuma f’kont, il-persuna li tkun assolutament intitolata għandha tkun koperta mill-garanzija, basta li dik il-persuna tkun ġiet identifikata jew tkun identifikabbli qabel id-data li fiha l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu d-determinazzjoni deskritta fl-Artikolu 1(3)(i) jew li l-awtorità ġudizzjarja tkun tat il-verdett tagħha kif deskritt fl-Artikolu 1(3)(ii). Jekk ikun hemm diversi persuni li jkunu assolutament intitolati, is-sehem ta’ kull wieħed permezz ta’ l-arranġamenti li suġġett għalihom is-somom huma amministrati għandhom ikunu meqjusa meta l-limiti li hemm dispożizzjoni dwarhom fl-Artikolu 7(1), (3) u (4) ikunu ikkalkolati.”

10.      L-Anness I (“Il-Lista ta’ esklużjonijiet li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 7(2)”) fil-punt 12 tiegħu jsemmi “Is-sigurtajiet ta’ dejn maħruġa mill-istess istituzzjoni u responsabbiltajiet li joriġinaw mill-aċċettazzjonijiet tagħha ta’ noti ta’ promessa”.

2.      Id-Direttiva 97/9

11.      Il-premessi 4, 8 u 9 jiddikjaraw:

“(4)      Billi l-protezzjoni ta’ l-investituri u l-manteniment ta’ fiduċja fis-sistema finanzjarja huma aspett importanti fit-twettieq u l-funzjonar xieraq tas-suq intern f’dan il-qasam; billi għal dak il-għan huwa għalhekk essenzjali li kull Stat Membru għandu jkollu skema ta’ kumpens għall-investitur li tiggarantixxi livell armonizzat minimu ta’ protezzjoni mill-anqas lejn l-investitur żgħir fil-każ li ditta [impriża] ta’ l-investiment ma tkunx tista’ tilħaq l-obligazzjonijiet tagħha ma’ klijenti investituri”.

“(8)      Billi, għalhekk, kull Stat Membru għandu jkun meħtieġ li jkollu skema jew skemi ta’ kumpens għall-investitur li tagħhom kull ditta [impriża] ta’ l-investiment bħal din għandha tkun parti; billi kull skema għandha tkopri flus u strumenti miżmuma minn ditta ta’ l-investiment b’konnessjoni ma’ l-operazzjonijiet ta’ l-investiment mill-investitur li, meta ditta [impriża] ta’ l-investiment ma tkunx tista’ tlaħħaq ma’ l-obbligazzjonijiet tagħha lejn klijenti investituri, ma tkunx tista’ tingħata lura lil investitur; billi dan huwa kompletament mingħajr preġudizzju għar-regoli u l-proċeduri applikabbli f’kull Stat Membru fir-rigward tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ nuqqas ta’ likwidità jew xoljiment ta’ ditta [impriża]ta’ l-investiment”.

“(9)      Billi d-definizzjoni ta’ ditta [impriża] ta’ l-investiment tinkludi istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma awtorizzati li jipprovdu servizzi ta’ l-investiment; billi kull istituzzjoni ta’ kreditu bħal din għandha wkoll tkun meħtieġa li tappartjeni għal skema ta’ kumpens għall-investitur li tkopri n-negozju tagħha ta’ l-investiment; billi, madankollu, m’hemmx bżonn li jkun meħtieġ li l-istituzzjoni ta’ kreditu bħal din tkun tappartjeni għal żewġ skemi separati meta skema waħda tilħaq il-ħtiġijiet kemm ta’ din id-Direttiva kif ukoll tad-Direttiva 94/19 […]; billi, madankollu, fil-każ ta’ ditti ta’ l-investiment li huma l-istituzzjonijiet ta’ kreditu tista’ f’ċerti każi tkun diffiċli biex tiddistingwixxi bejn depożiti koperti bid-Direttiva 94/19 […] u flus miżmuma b’konnessjoni man-negozju ta’ l-investiment; billi l-Istati Membri għandhom jitħallew li jiddeterminaw liema Direttiva għandha tkun applikabbli għal dawn il-pretensjonijiet”.

12.      Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1)      ‘ditta [impriża] ta’ l-investiment’ għandha tfisser id-ditta ta’ l-investiment kif definita fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/22/KEE [(5)],

– awtorizzata bi qbil ma’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva [93/22], jew

– awtorizzata bħala l-istituzzjoni ta’ kreditu bi qbil mad-Direttiva tal-Kunsill 77/780/KEE u d-Direttiva tal-Kunsill 89/646/KEE, li l-awtorizzazzjoni tagħha tkopri waħda jew aktar mis-servizzi ta’ l-investiment elenkati fis-Sezzjoni A ta’ l-Anness tad-Direttiva [93/22];

2)      ‘negozju ta’ l-investiment’ għandu jfisser xi servizz ta’ l-investiment kif definit fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva [93/22] u s-servizz li hemm referenza għalih fil-punt 1 tas-Sezzjoni Ċ ta’ l-Anness ta’ dik id-Direttiva;

3)      ‘strumenti’ għandhom ifissru l-istrumenti elenkati fis-Sezzjoni B ta’ l-Anness tad-Direttiva [93/22];

4)      ‘investitur’ għandu jfisser xi persuna li tkun fdat il-flus jew strumenti lid-ditta [impriża] ta’ l-investiment b’konnessjoni ma’ negozju ta’ l-investiment;

[…]”

13.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva jipprovdi:

“1.      Kull Stat Membru għandu jassigura li fit-territorju tiegħu, waħda jew aktar skemi ta’ kumpens lejn l-investitur jkunu introdotti u uffiċjalment rikonoxxuti. Ħlief fiċ-ċirkostanzi maħsuba fit-tieni subparagrafu u fl-Artikolu 5(3), l-ebda ditta [impriża] ta’ l-investiment awtorizzata f’dak l-Istat Membru ma tista’ twettaq negozju ta’ l-investiment sakemm hi ma tkunx tappartjeni għal skema bħal dik.

[…]

2.      Skema għandha tipprovdi koperta għall-investituri bi qbil ma’ l-Artikolu 4 meta jew:

– l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddeterminaw li fl-opinjoni tagħhom li ditta [impriża] ta’ investiment tkun tidher, għal dak iż-żmien, għal raġunijiet direttament irrelatati maċ-ċirkostanzi finanzjarji, li ma tkunx tista’ tlaħħaq ma’ l-obligazzjonijiet tagħha li joriġinaw mill-pretensjonijiet ta’ l-investituri u li ma jkolliex prospett fil-qrib li tkun tista’ tagħmel dan; jew

– awtorità ġudizjarja tkun ħarġet digriet, għal raġunijiet direttament relatati maċ-ċirkustanzi finanzjarji tad-ditta [impriża] ta’ l-investiment, li jkollu l-effet li jissospendi l-abbiltà ta’ l-investituri li jkunu jistgħu jagħmlul talbiet kontra tagħha,

liema minnhom tkun l-aktar kmieni.

Koperta għandha tkun ipprovduta għal talbiet li joriġinaw min-nuqqas tad-ditta [impriża] ta’ l-investiment li tkun tista:

– tħallas lura flejjes dovuti minnha jew li jappartienu lill-investituri u miżmuma f’isimhom b’konnessjoni man-negozju tal-investiment, jew

– treġġa [tħallas] lura lill-investuri xi strumenti li jappartienu lilhom u miżmuma, amministrati jew immaneġjati f’isimhom b’konnessjoni man-negozju ta’ l-investiment,

bi qbil mal-kondizzjonijiet legali u kontrattwali kif applikabbli.

3.      Xi talba permezz tal-paragrafu 2 fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu li, f’dak l-Istat Membru partikolari, tkun suġġetta kemm għal din id-Direttiva kif ukoll għad-Direttiva [94/19] għandha tkun indirizzata minn dak l-Istat Membru lejn skema permezz ta’ waħda jew oħra minn dawk id-Direttivi bħal ma dak l-Istat Membru jħoss li jkun xieraq. L-ebda talba m’għandha tkun eliġibli għal kumpens għal aktar minn darba skond dawk id-Direttivi.

[…]”

3.      Id-Direttiva 2004/39/KE (6)

14.      Fil-premessi 2, 26, u 31 jiġi pprovdut:

“(2)      Dawn l-aħħar snin iktar investituri saru attivi fis-swieq finanzjarji u qegħdin jiġu offruti sett saħansitra iktar kumpless u mifrux fil-wisa’ rigward servizzi u strumenti. Bil-ħsieb ta’ dawn l-iżviluppi, il-qafas legali tal-Komunità għandu jiġbor il-firxa sħiħa ta’ l-attivitajiet orjentati lejn l-investitur. Għal dan il-fini, huwa meħtieġ li jiġi pprovvdut il-grad ta’ armonizzazzjoni meħtieġ sabiex joffri lill-investituri livell għoli ta’ protezzjoni u sabiex id-ditti ta’ l-nvestiment jitħallew jipprovdu servizzi ġewwa l-Komunità kollha, ġaladarba hi Suq Waħdieni, fuq il-bażi tas-sorveljanza tal-pajjiż tal-post. Bil-ħsieb ta’ hawn fuq, id-Direttiva [93/22] għandha tiġi mibdula b’Direttiva ġdida.”

“(26)      Sabiex jiġi protett il-pussess ta’ investiutur u drittijiet oħra simili rigward it-titoli ta’ sigurta u d-drittijiet tiegħu rigward il-fondi fdati lil ditta [impriża], dawn id-drittijiet għandhom b’mod partikolari jinżammu distinti minn dawk tad-ditta [impriża]. Madankollu, dan il-prinċipju ma għandux jipprevjieni lid-ditta [impriża] milli tagħmel kummerċ għaliha nfisha imma f’isem l-investitur, meta dan ikun meħtieġ min-natura nfisha tat-transazzjoni u l-investitur jaqbel, per eżempju fis-s-self tal-ħażniet (stocks).”

“(31)      Wieħed mill-għanijiet ta’ din id-Direttiva huwa li jipproteġi lill-investituri. […]”

15.      L-Artikolu 4(1) jiddefinixxi:

“1)      ‘Ditta [impriża] ta’ investiment’ tfisser kull persuna legali li x-xogħol jew kummerċ regolari tagħha huma l-provvediment ta’ servizz jew iktar ta’ investiment lil partijiet terzi u/jew it-twettiq ta’ attività jew iktar ta’ investiment fuq bażi professjonali.

[…]

2)      ‘Servizzi u attivitajiet ta’ investiment’ ifissru kull waħda mis-servizzi u l-attivitjiet elenkati fit-Taqsima A ta’ l-Anness I li għandhom x’jaqsmu ma’ kull wieħed mill-istrumenti elenkati fit-Taqsima Ċ ta’ l-Anness I.

[…]

17)      ‘Strument finanzjarju’ ifisser dawk l-istrumenti speċifikati fit-Taqsima Ċ ta’ l-Anness I.

18)      ‘Titoli trasferibbli’ ifissru dawk il-klassijiet ta’ titoli li huma negozjabbli fis-suq tal-kapital, bl-eċċezzjoni ta’ l-istrumenti tal-ħlas, bħal:

a)      ishma [azzjonijiet] f’kumpanniji jew titoli oħra ekwivalenti għall-ishma f’kumpanniji, sħubijiet jew entitajiet oħra, u l-irċevuti depożitarji rigward l-ishma;

b)      il-kambjali jew għamliet oħra ta’ dejn issekurizzat, inklużi l-irċevuti depożitarji rigward dawn it-titoli;

[…]”

16.      L-Anness I (“Il-Lista tas-Servizzi u l-Attivitajiet u l-Istrumenti Finanzjarji”) jinkludi taqsima A (“Is-servizzi u l-attivitajiet ta’ l-investimenti”) bil-punti li ġejjin:

“(1)      Ir-riċeviment u t-trasmissjoni ta’ l-ordnijiet f’relazzjoni ma’ strument finanzjarju jew iktar.

(2)      It-twettiq ta’ l-ordnijiet f’isem il-klijenti.

(3)      Il-kummerċ akkont tiegħu inifsu.

(4)      Il-ġestjoni tal-portafoll.

(5)      Il-pariri dwar l-investiment.

(6)      Is-sottoskrizzjoni ta’ l-istrumenti finanzjarji u/jew it-tqegħid ta’ l-istrumenti finanzjarji fuq bażi sod ta’ impenn.

(7)      It-tqegħid ta’ l-istrumenti finanzjarji mingħajr bażi sod ta’ impenn.

(8)      Il-ħidma tal-Faċilitajiet tal-kummerċ Multilaterali (MTF).”

17.      It-taqsima C tal-istess Anness (“L-Istrumenti Finanzjarji”) tinkludi fil-punt (1) tagħha “It-titoli trasferibbli ta’ sigurtà”.

4.      Id-Direttiva 2006/48/KE (7)

18.      Il-premessi 5 u 6 jipprovdu:

“(5)      Miżuri biex ikunu kkoordinati l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom, kemm sabiex jipproteġu t-tfaddil u wkoll biex jinħolqu kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni bejn dawn l-istituzzjonijiet, japplikaw għalihom kollha. Attenzjoni xierqa għandha madankollu tingħata għad-differenzi oġġettivi fl-istatuti tagħhom u għall-għanijiet xierqa kif stabbiliti bil-liġijiet nazzjonali.”

“(6)      L-iskop ta’ dawk il-miżuri għandu għalhekk ikun wiesa’ kemm jista’ jkun, li jkopri l-istituzzjonijiet kollha li x-xogħol tagħhom huwa li jirċievu fondi ripagabbli mill-pubbliku, sew jekk f’għamla ta’ depożiti jew f’għamliet oħra bħalma hu l-ħruġ fuq bażi kontinwa ta’ bonds [obbligazzjonijiet] u titoli komparabbli oħra u li jagħtu krediti għall-kont tagħhom. Eċċezzjonijiet għandhom ikunu pprovduti fil-każ ta’ ċerti istituzzjoniet ta’ kreditu li għalihom din id-Direttiva ma tistax tkun applikabbli. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx jippreġudikaw l-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li jipprovdu għal awtorizzazzjonijiet supplementari speċjali li jippermettu li l-istituzjonijiet ta’ kreditu jwettqu attivitajiet speċifiċi jew li jidħlu għal tipi ta’ operazzjonijiet speċifiċi.”

19.      L-Artikolu 5 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu persuni jew intrapriżi li ma jkunux istituzzjonijiet ta’ kreditu milli jwettqu n-negozju ta’ ġbir ta’ depożiti jew fondi ripagabbli oħra mill-pubbliku.

L-ewwel paragrafu m’għandux ikun applikabbli għall-ġbir ta’ depożiti jew fondi oħra ripagabbli minn Stat Membru jew mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali ta’ Stat Membru jew minn korpi internazzjonali pubbliċi li tagħhom Stat Membru wieħed jew aktar ikunu membri jew f’każi espressament koperti b’leġiżlazzjoni nazzjonali jew tal-Komunità, sakemm dawk l-attivitajiet ikunu suġġetti għal regolamenti u kontrolli intenzjonati biex jipproteġu d-depożitaturi u l-investituri u applikabbli għal dawk il-każijiet.”

B.      Id-dritt Litwan

20.      L-Artikolu 2 tal-Liġi Nru IX-975, tal-20 ta’ Ġunju 2002, dwar il-garanziji tad-depożiti u l-obbligi fir-rigward tal-investituri, jiddefinixxi dawn li ġej: (8)

“3.      ‘Depożitant’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, li għandha depożitu f’bank, f’fergħa ta’ bank jew f’kooperattiva bankarja, bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-persuni li d-depożiti tagħhom ma jistgħux jiġu assigurati taħt l-istess Liġi. Meta persuna fiżika jew ġuridika (esklużi l-kumpanniji tal-ġestjoni li jamministraw fondi komuni ta’ investiment jew fondi ta’ pensjoni) ikollha depożitu fiduċjarju, il-fiduċjarju għandu jitqies bħala depożitant. Meta grupp ta’ persuni jkun, skont kuntratt, detentur tad-drittijiet ta’ kreditu fuq il-fondi, kull waħda minn dawn il-persuni ser titqies bħala depożitant u l-fondi għandhom jinqasmu ugwalment bejniethom, sakemm il-kuntratti li joħolqu l-krediti tagħhom jew deċiżjoni tal-qorti ma jipprovdux mod ieħor.

[…]

4.      ‘Depożitu’ tfisser l-ammont totali tal-fondi (inkluż l-interessi) ta’ depożitant li jinsabu f’bank, fergħa ta’ bank jew bank kooperattiv taħt kuntratt ta’ depożitu u/jew kont bankarju, u fondi oħra li d-depożitatur ikollu dritt ta’ kreditu fuqhom, li joriġina mill-impenn tal-istituzzjoni ta’ kreditu li twettaq tranżazzjonijiet bil-fondi tad-depożitant jew li tipprovdi servizzi ta’ investiment.

[…]

11.      ‘Investitur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun tat fondi jew titoli lid-detentur ta’ polza sabiex tibbenefika minn servizzi ta’ investiment amministrati minn dan tal-aħħar. Meta grupp ta’ persuni jkun, taħt kuntratt, detentur ta’ drittijiet ta’ kreditu fuq il-fondi jew titoli, kull waħda minn dawk il-persuni għandha titqies bħala investitur u t-titoli jew il-fondi għandhom jinqasmu ugwalment bejniethom, sakemm il-kuntratti li joħolqu l-krediti tagħhom jew deċiżjoni tal-qorti ma jipprovdux mod ieħor. Meta persuna li tkun tat il-fondi jew titoli (esklużi l-kumpanniji ta’ ġestjoni li jamministraw fondi komuni ta’ investiment jew fondi ta’ pensjoni) taġixxi fuq titolu fiduċjarju, il-fiduċjant għandu jitqies bħala investitur.

12.      ‘Obbligi fir-rigward tal-investitur’ tfisser obbligu tad-detentur ta’ polza li jipprovdi servizzi ta’ investiment lil investitur sabiex jagħti lura lil dan tal-aħħar il-fondi jew titoli li jappartjenu lilu”.

21.      Skont l-Artikolu 3(1), id-depożiti fil-munita lokali jew barranija għandhom ikunu suġġetti għal garanzija. Il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jistipula li ma jistgħux ikunu suġġetti għal garanzija, inter alia, l-istrumenti ta’ dejn maħruġa mill-assigurat innifsu.

22.      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 9(1) tal-LGD, id-dritt għal kumpens għall-garanzija għandu jibda favur l-investitur fil-jum li fih iseħħ il-fatt assigurat, biss jekk il-persuna assigurata tkun ittrasferixxiet jew użat il-valuri u (jew) il-fondi tal-investitur mingħajr il-kunsens ta’ dan tal-aħħar.

II.    Fatti

A.      Kawża C-688/15

23.      Fil-21 ta’ Diċembru 2010, fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ BBA bankas Snoras (iktar ’il quddiem, “Snoras”) huma qablu li jżidu l-kapital azzjonarju tagħhom permezz ta’ offerta pubblika ta’ akkwist u sottoskrizzjoni ta’ ishma ġodda.

24.      Fit-3 ta’ Frar 2011, il-Vertybinių popierių komisija (kummissjoni tas-suq tat-titoli) approvat il-prospett tal-ħruġ.

25.      Fl-1 ta’ Marzu 2011, infetaħ kont f’isem Snoras fl-AB bankas FINASTA (iktar ’il quddiem, “FINASTA”), sabiex jiġu kkonsenjati fih l-ammonti tal-klijenti maħsuba sabiex jixtru l-azzjonijiet li għandhom jinħarġu.

26.      Bejn id-9 ta’ Marzu u s-16 ta’ Mejju 2011, Agnieszka Anisimovienė u 256 klijent ieħor ta’ Snoras iffirmaw diversi kuntratti ta’ sottoskrizzjoni ta’ ishma ma’ dan il-bank. Permezz ta’ dawn il-kuntratti, Snoras kiseb id-dritt li jitlob l-ammont tal-ishma fil-kontijiet li Agnieszka Anisimovienė u l-klijenti l-oħra kellhom miftuħin f’Snoras stess, sabiex jiġu ttrasferiti fil-kont miftuħ f’isem Snoras f’FINASTA. Agnieszka Anisimovienė u l-oħrajn setgħu jagħmlu wkoll id-dħul korrispondenti direttament f’dan il-kont.

27.      Fil-5 ta’ Mejju 2011, Snoras talab lil Lietuvos Bankas (Bank tal-Litwanja) awtorizzazzjoni sabiex il-bidliet statutorji konsekuttivi jiddaħħlu fil-ftehim taż-żieda fil-kapital.

28.      Fis-16 ta’ Novembru 2011, il-Bank tal-Litwanja ddeċieda li jimponi moratorju fuq it-tranżazzjonijiet ta’ Snoras, sas-16 ta’ Jannar 2012, kif ukoll l-esproprjazzjoni tal-azzjonijiet ta’ ta’ Snoras għal raġunijiet ta’ interess pubbliku.

29.      Il-Bank tal-Litwanja rrifjuta, fit-22 ta’ Novembru 2011, ir-reġistrazzjoni tal-bidliet statutorji msemmija iktar ’il fuq, u, permezz ta’ riżoluzzjoni tal-24 ta’ Novembru 2011, irrevoka l-liċenzja bankarja ta’ Snoras.

30.      Fis-7 ta’ Diċembru 2011, inbdiet il-proċedura ta’ insolvenza ta’ Snoras, b’effett mill-20 ta’ Diċembru 2011.

31.      Agnieszka Anisimovienė u l-oħrajn affettwati rrikorrew għal Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnius, il-Litwanja), sabiex tirrikonoxxi l-istatus tagħhom bħala depożitanti ta’ dak il-bank. It-talba tagħhom ġiet miċħuda fis-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2014, peress li l-qorti kienet tal-fehma li dawn kellhom jitqiesu bħala investituri u li l-ammonti mħallsa minnhom sabiex jixtru l-azzjonijiet ma kinux kisbu l-istatus ta’ depożiti.

32.      L-appell ippreżentat ġie miċħud mil-Lietuvos apeliacinis teismas (qorti tal-appell, il-Litwanja) bis-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2015, li ġiet ikkontestata fil-kassazzjoni quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema).

B.      Il-Kawża C-109/16

33.      Il-Kummissjoni tas-suq tat-titoli Litwana approvat, permezz tar-riżoluzzjonijiet tas-16 ta’ Ġunju u tal-14 ta’ Lulju 2011, prospett tal-ħruġ ta’ obbligazzjonijiet ġodda minn Snoras.

34.      Skont dan il-prospett, Snoras seta’ jagħmel diversi ħruġ fuq terminu medju trasferibbli, suġġett għall-pubblikazzjoni minn qabel tal-kundizzjonijiet finali applikabbli għal kull ħruġ.

35.      Il-prospett imsemmi jipprovdi li: 1) l-individwi setgħu jixtru l-bonds fil-fergħat, aġenziji u servizzi oħra ta’ Snoras; 2) il-prezz tal-bonds kellu jkun pagabbli fil-jum tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ sottoskrizzjoni, sabiex ix-xerrej kellu jkollu l-ammont korrispondenti f’kont miftuħ fi Snoras u jawtorizza lil dan il-bank sabiex jiddebitah fih; 3) id-data ta’ twettiq murija fil-kundizzjonijiet finali tal-ħruġ tkun dik tal-ħruġ tal-obbligazzjonijiet; u 4) dawn tal-aħħar kellhom ikunu rreġistrati f’kont ta’ titoli miftuħa f’ Snoras f’isem ix-xerrej.

36.      Fit-2 ta’ Novembru 2011, Snoras ippubblika l-kundizzjonijiet finali tal-ħdax il-ħruġ ta’ obbligazzjonijiet fit-terminu medju u b’rata ta’ interessi fissa.

37.      Fl-10 u l-11 ta’ Novembru 2011, Alvydas Raišelis iffirma kuntratti ma’ Snoras li kienu kuntratti ta’ sottoskrizzjoni ta’ obbligazzjonijiet li jikkorrispondu għal tali ħruġ, li l-prezz totali tagħhom kien jitqiegħed fil-kont bankarju personali tiegħu miftuħ fi Snoras. Il-kuntratti kienu jinkludu klawżola li tawtorizza lill-bank sabiex jiddebita l-ammont iddebitat, mingħajr ma jkun meħtieġ kuntratt ġdid, sabiex jiġu mħallsa l-obbligazzjonijiet mixtrija.

38.      Snoras ittrasferixxa, skont il-kuntratti ffirmati, l-ammonti ipprovduti minn Alvydas Raišelis f’kont f’isem il-bank innifsu.

39.      Bħala riżultat tal-kriżi ta’ Snoras, li diġà sar riferiment għaliha, l-obbligazzjonijiet sottoskritti minn Alvydas Raišelis ma nħarġux.

40.      Alvydas Raišelis irrikorra għand il-Vilniaus miesto 2-asis apylinkės teismas (qorti distrettwali numru 2 ta’ Vilnius, il-Litwanja) sabiex jiġi rrikonoxxut id-dritt tiegħu għal kumpens tal-garanzija minn Indėlių ir investicijų draudimas VĮ (impriża pubblika li għandha l-għan li tiżgura l-protezzjoni ta’ depożiti u ta’ investimenti fil-każ ta’ insolvenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji; iktar ’il quddiem, “IDD”).

41.      Il-qorti distrettwali ċaħdet it-talba tar-rikorrent b’sentenza tas-7 ta’ Settembru 2012. Hija kkunsidrat li, minkejja li ma seħħx il-ħruġ tal-obbligazzjonijiet, Alvydas Raišelis ikun intitolat biss għall-kumpens tal-garanzija f’każ li Snoras kien ittrasferixxa jew uża it-titoli u/jew il-fondi tal-investitur mingħajr il-kunsens ta’ dan tal-aħħar, li ma seħħx. Hija żiedet li l-istrumenti tad-dejn maħruġa minn Snoras ma setgħux ikunu suġġetti għal garanzija.

42.      Is-sentenza tal-ewwel istanza ġiet annullata mill-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnius) fis-17 ta’ Ottubru 2013, li rrikonoxxiet lill-appellant id-dritt għall-kumpens mitlub.

43.      Skont il-qorti tal-appell, għalkemm l-obbligazzjonijiet inħarġu u ġew elenkati biss fil-kont tat-titoli personali ta’ Alvydas Raišelis fid-data ppjanata ta’ effettività tal-ħruġ tat-titoli (l-1 ta’ Diċembru 2011), dan il-ħruġ ma sarx u ma wassal għal ebda effetti minħabba r-riżoluzzjoni tal-Bank tal-Litwanja li rrevokat b’mod permanenti l-liċenzja bankarja ta’ Snoras. Il-qorti reġjonali ddikjarat li r-rikorrenti kellha tiġi rikonoxxuta l-istatus ta’ investitur u li l-fondi miżmuma fil-kont ta’ Snoras, fid-data tal-avveniment assigurat, kellhom jiġu kklassifikati bħala depożiti garantiti, u għalhekk Alvydas Raišelis kien intitolat għall-kumpens li talab.

44.      IDD appellat mis-sentenza tal-appell quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema).

III. Domanda preliminari

45.      Il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema) ressqet żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari, irreġistrati fil-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fil-21 ta’ Diċembru 2015 (C‑688/15) u fil-25 ta’ Frar 2016 (C‑109/16), li jipprovdu kif ġej:

A.      Kawża C688/15

“1)      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva depożiti għandhom jiġu interpretati fis-sens li jistgħu jitqiesu bħala depożiti, taħt din id-direttiva, fondi ddebitati bil-qbil mal-persuni jew ittrasferiti jew imħallsa minn dawn l-istess persuni fuq kont miftuħ f’isem istituzzjoni ta’ kreditu li tinsab f’istituzzjoni oħra ta’ kreditu?

2)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva depożiti moqrija flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva għandhom ikunu interpretati fis-sens li l-garanzija ta’ depożiti sal-ammont previst fl-Artikolu 7(1) għandha tkopri kull persuna li l-kreditu tagħha jista’ jiġi stabbilit qabel il-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 1(3)(i) u (ii) tad-Direttiva depożiti?

3)      Id-definizzjoni ta’ ‘transazzjoni bankarja normali’ hija importanti, fis-sens tad-Direttiva depożiti, sabiex il-kunċett ta’ depożitu jiġi interpretat bħala bilanċ ta’ kreditu minn tranżazzjonijiet bankarji? Fid-dawl ta’ din id-definizzjoni, il-kunċett ta’ depożitu tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva depożiti għandu jiġi interpretat ukoll?

4)      Jekk ir-risposta għat-tielet domanda hija affermattiva, kif għandhom jinftiehem u jiġi interpretat il-kunċett ta’ tranżazzjoni bankarja normali użat fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva depożiti:

a)      Liema tranżazzjonijiet bankarji għandhom jitqiesu bħala normali jew skont liema kriterji għandu jiġi evalwat jekk tranżazzjoni bankarja speċifika hijiex normali?

b)      Il-kunċett ta’ tranżazzjonijiet bankarji normali għandu jiġi interpretat skont l-għan tat-tranżazzjonijiet bankarji magħmula jew skont l-operaturi li bejniethom dawn it-tranżazzjonijiet bankarji huma eżegwiti?

c)      Il-kunċett ta’ depożitu kif użat fid-Direttiva depożiti, bħala bilanċ ta’ kreditu li jirriżulta minn tranżazzjonijiet bankarji normali, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi biss il-każijiet fejn it-tranżazzjonijiet kollha fl-oriġini tal-formazzjoni ta’ dan il-bilanċ jiġi kklassifikati bħala normali?

5)      Fil-każ li l-fondi li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ depożitu skont id-Direttiva depożiti, u fejn l-Istat Membru jkun għażel metodu ta’ traspożizzjoni tad-Direttivi depożitu u investituri fid-dritt nazzjonali li jipprevedi li l-fondi li fuqhom id-depożitant għandu kreditu li ġej mill-impenn ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li tipprovdi servizzi ta’ investiment jitqiesu wkoll depożiti, il-protezzjoni tal-garanzija tad-depożiti tista’ tapplika biss jekk ikun stabbilit li istituzzjoni ta’ kreditu aġixxiet fil-każ speċifiku bħala impriża ta’ investiment u li l-fondi kienu ġew fdati lilha sabiex teżerċita attività ta’ investiment, fis-sens tad-Direttivi investituri u d-[Direttiva 2004/39]?”

B.      Kawża C109/16

“1.      Meta istituzzjoni ta’ kreditu teżerċita funzjonijiet ta’ impriża ta’ investiment, li jiġu ttrasferiti lilha fondi bl-għan li jiġu akkwistati strumenti ta’ dejn maħruġa mill-istituzzjoni ta’ kreditu stess, iżda dan il-ħruġ ma jkunx seħħ u dawn l-istrumenti ma jkunux saru l-proprjetà tal-persuna li ħarġet il-fondi, filwaqt li dawn il-fondi jkunu diġà ġew ittrasferiti mill-kont bankarju ta’ din il-persuna f’kont miftuħ f’isem l-istituzzjoni ta’ kreditu u ma jkunux jistgħu jitħallsu lura, u, barra minn hekk, il-volontà tal-leġiżlatur nazzjonali fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ skema ta’ protezzjoni speċifika f’din is-sitwazzjoni ma tkunx ċara, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19 u l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 97/9 jistgħu jiġu applikati direttament sabiex tiġi ddeterminata l-iskema ta’ protezzjoni applikabbli għal dawn il-fondi, u l-użu intiż tagħhom huwa, f’dan ir-rigward, il-kriterju prinċipali? Id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq huma suffiċjentement ċari, preċiżi u inkundizzjonati u joħolqu drittijiet suġġettivi sabiex ikunu jistgħu jiġu invokati minn individwi quddiem il-qorti nazzjonali insostenn tat-talbiet tagħhom għal kumpens kontra l-organu ta’ garanzija stabbilit mill-Istat?

2.      L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 97/9, li jiddetermina l-pretensjonijiet koperti mill-iskema ta’ kumpens għall-investituri, għandu jinftiehem u jiġi interpretat fis-sens li dan ikopri wkoll talbiet għar-rimbors ta’ fondi li l-impriża ta’ investiment għandha tħallas lill-investituri u li ma humiex miżmuma minnha f’isem dawn tal-aħħar?

3.      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 97/9, li jispeċifika l-pretensjonijiet koperti mill-iskema ta’ kumpens, huwa suffiċjentement ċar, preċiż u inkundizzjonat u joħloq drittijiet suġġettivi li jistgħu jiġu invokati minn individwi quddiem il-qorti nazzjonali insostenn tat-talbiet tagħhom għal kumpens kontra l-organu ta’ garanzija stabbilit mill-Istat?

4.      L-Artikolu 1.1 tad-Direttiva 94/19 għandu jinftiehem u jiġi mifhum u interpretat fis-sens li jista’ jiġi kkunsidrat bħala depożitu, skont din id-direttiva, it-trasferiment ta’ fondi mill-kont personali ta’ persuna bil-kunsens tagħha, f’kont miftuh fi ħdan l-istituzzjoni ta’ kreditu u f’isem din tal-aħħar u li huwa intiż għall-ħlas ta’ strumenti ta’ dejn futuri ta’ dan l-istabbiliment?

5.      Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 94/19 għandhom jinftiehmu u jiġu interpretati fis-sens li l-kumpens bħala garanzija għad-depożiti għandu jitħallas, fil-limitu tas-somma indikata fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 94/19, lil kull persuna li d-dritt ta’ kreditu tagħha jista’ jiġi stabbilit qabel id-data li fiha issir il-konstatazzjoni jew tingħata d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 1(3)(i) u (ii) tad-Direttiva 94/19?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

46.      IID, il-Gvern Litwan u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-Kawżi C‑688/15 u C‑109/16. Agnieška Anisimovienė u l-256 persuna l-oħra ppreżentawhom fil-Kawża C‑688/15.

47.      Fis-seduta pubblika konġunta taż-żewġ kawżi, tat-30 ta’ Marzu 2017, dehru Agnieška Anisimovienė u oħrajn, IID, il-Gvern Litwan u l-Kummissjoni.

V.      Analiżi

48.      F’dan ir-rinviju preliminari, il-kwistjoni hija liema klassifikazzjoni jixirqilhom, rigward il-kopertura eventwali tagħhom mid-Direttivi 94/19 u 97/9, l-ammonti mogħtija minn xi klijenti lil istituzzjoni ta’ kreditu (Snoras) sabiex jinkisbu kemm azzjonijiet ta’ dan il-bank (Kawża C‑688/15), kif ukoll obbligazzjonijiet maħruġa minnha (Kawża C‑109/16).

49.      Fl-ewwel każ, il-fondi tal-klijenti tqiegħdu f’kont miftuħ minn Snoras f’istituzzjoni ta’ kreditu oħra (FINASTA), jew direttament minnhom jew inkella, bil-kunsens tagħhom, permezz ta’ trasferimenti magħmula minn Snoras billi ġew iddebitati l-kontijiet miftuħa fl-istess entità minn dawn l-individwi.

50.      Fit-tieni każ, il-fondi ġew ittrasferiti, ukoll bil-kunsens tal-klijent, mill-kont li dan kellu fi Snoras lil kont ieħor miftuħ f’din l-istess entità f’isem il-bank innifsu.

51.      F’ebda wieħed miż-żewġ każijiet ma setgħet titwettaq it-tranżazzjoni intiża, peress li fl-2011 Snoras tilef il-liċenzja bankarja tiegħu u kien is-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza.

52.      Issa, għandu jiġi stabbilit, fl-ewwel lok, jekk kemm il-fondi maħsuba għax-xiri tal-azzjonijiet ta’ Snoras (Kawża C‑688/15), kif ukoll is-sottoskrizzjoni tal-obbligazzjonijiet ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu (Kawża C‑109/16) jistgħux jiġu kklassifikati bħala “depożitu”, fis-sens tad-Direttiva 94/19.

53.      Imbagħad (u biss fir-rigward tal-Kawża C‑109/16) għandu jiġi deċiż jekk l-ammonti mħallsa għas-sottoskrizzjoni tal-obbligazzjonijiet jistħoqqilhomx il-protezzjoni li d-Direttiva 97/9 tipprovdi lill-investituri.

54.      Iż-żewġ domandi jitqajmu fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet f’liġi waħda kemm id-Direttiva depożiti (94/19) kif ukoll id-Direttiva dwar l-investituri (97/9).

55.      Id-domandi magħmula mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema), fil-fehma tiegħi, jistgħu jingħaqdu u jiġu rriformulati fi tliet domandi.

56.      Fl-ewwel lok, għandu jiġi analizzat: a) jekk il-fondi fil-Kawża C‑688/15 jikkostitwixxux “depożitu” fis-sens tad-Direttiva 94/19, liema domanda jsir riferiment għaliha fid-domandi 1, 3, 4 u 5 tal-qorti tar-rinviju, kif ukoll, b’mod aċċessorju, id-domanda 2; u b) jekk il-fondi fil-Kawża C-109/16 jistgħux ukoll jiġu kklassifikati bħala “depożitu” fis-sens tad-Direttiva 94/19 (domanda 4 fil-Kawża C-109/16). Fl-ipoteżi biss li xi wħud mill-fondi kienu koperti mid-Direttiva 94/19, għandu jiġi deċiż liema jkunu l-benefiċjarji tal-garanzija (domanda 2 fil-Kawża C‑688/15 u d-domanda 5 fil-Kawża C‑109/16).

57.      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk is-somom tal-Kawża C‑109/16 humiex koperti mid-Direttiva 97/9, peress li l-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk l-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, japplikax għall-fondi dovuti lill-investituri minn impriża ta’ investiment.

58.      Fl-aħħar nett, id-domandi 1 u 3 tal-Kawża C‑109/16 jikkonċernaw l-effett dirett possibbli tad-Direttivi 94/19 u 97/9.

A.      Fuq il-kunċett ta’ “depożitu” fis-sens tad-Direttiva 94/19, u fuq il-benefiċjarju tal-garanzija tiegħu (domandi 1 sa 5 fil-Kawża C688/15 u domandi 4 u 5 fil-Kawża C109/16)

1.      L-argumenti tal-partijiet

59.      Agnieška Anisimovienė u r-rikorrenti l-oħra jsostnu li d-Direttiva 94/19 tkopri l-fondi mogħtija lil Snoras taħt kuntratti ta’ sottoskrizzjoni tal-ishma. Fil-fehma tagħhom, l-ammonti tagħhom kellhom jiġu mħallsa lura lilhom meta dawn il-kuntratti kienu mingħajr skop, wara li l-Bank tal-Litwanja rrifjuta r-reġistrazzjoni taż-żieda tal-kapital ta’ Snoras.

60.      Għar-rikorrenti ġiet prodotta “sitwazzjoni temporanja” li bħala riżultat tagħha l-fondi li kellha tagħtihom lura Snoras ma kinux irritornati lilhom, minħabba d-diffikultajiet finanzjarji ta’ dan il-bank. Fi kliem ieħor, is-sitwazzjoni ta’ Snoras impedixxiet li ssir “transazzjoni bankarja normali”, bħalma hija dik tat-trasferiment lil Agnieška Anisimovienė u lill-oħrajn l-ammonti li, iddepożitati fil-kont ta’ Snoras, ma setgħux jiġu applikati għall-akkwist tal-azzjonijiet.

61.      Fil-fehma tagħhom, interpretazzjoni restrittiva tar-regoli applikabbli kienet se ċċaħħadhom mhux biss minn kumpens bħala investituri, iżda wkoll minn kumpens bħala depożitanti. Fil-fehma tagħhom, meta depożitant li jixtieq isir investitur ma jwettaqx dan (dan huwa l-każ tiegħu), għandu jiġi protett mid-Direttiva 94/19.

62.      Barra minn hekk, huma jargumentaw li għandu jitqies bħala depożitant id-detentur ta’ kreditu ta’ ħlas lura tal-fondi fid-data tar-riżoluzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3)(i) u (ii) tad-Direttiva 94/19.

63.      Kemm IID kif ukoll il-Gvern Litwan u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-fondi inkwistjoni fiż-żewġ proċeduri ma humiex depożiti fis-sens tad-Direttiva 94/19.

64.      IID issostni, bl-istess raġunament tal-Kummissjoni, li l-fondi tal-Kawża C‑688/15 jikkostitwixxu pjuttost depożitu ta’ Snoras f’FINASTA (u mhux depożitu ta’ Agnieška Anisimovienė u l-oħrajn), peress li l-ammonti korrispondenti, kif ġie ddikjarat ġudizzjarjament f’kawża oħra, kienu ġew ttrasferiti lil Snoras, li sar is-sid tagħhom, b’tali mod li ma kinux koperti mid-Direttiva 94/19.

65.      Għal IID, il-Gvern Litwan u l-Kummissjoni, dawk il-fondi ma kinux jibbenefikaw mill-garanzija tad-Direttiva 94/19, minħabba li ma kinux iddepożitati fil-kontijiet ta’ Agnieška Anisimovienė u tal-oħrajn u lanqas ma kienu rrappreżentati b’titoli ta’ kreditu maħruġa minn Snoras. L-unika ħaġa li kellha tiġi deċiża, għalhekk, hija jekk dawn jistgħux jiġu attribwiti għal “sitwazzjonijiet temporanji li joħorġu minn transazzjonijiet bankarji normali”. Dan ma huwiex il-każ, minħabba li l-kunċett ta’ “transazzjoni bankarja normali” ma jkoprix ir-riċeviment, minn bank, ta’ kapital għall-akkwist tal-azzjonijiet tiegħu.

66.      IDD tiċħad li d-Direttiva 94/19 tista’ tkun applikabbli għall-fondi tal-Kawża C‑688/15 minħabba l-fatt li Snoras aġixxa bħala impriża tal-investiment u rċieva fondi sabiex twettaq tranżazzjonijiet ta’ investiment. Fil-fehma tagħha, iż-żewġ skemi ta’ garanzija inkwistjoni huma ta’ natura differenti. Għalkemm jista’ jkun hemm trikkib, dan ma seħħx f’dan il-każ, peress li r-rikorrenti ttrasferixxew il-fondi sabiex iwettqu investiment li finalment ma rnexxiex. It-trasferiment ta’ dawn il-fondi ma kienx depożitu protett mid-Direttiva 94/19, u lanqas ir-riskju tal-investiment tagħhom ma kien kopert mid-Direttiva 97/9.

67.      Fir-rigward tal-Kawża C‑688/15, il-Gvern Litwan isostni li l-leġiżlatur nazzjonali għażel li japplika l-garanzija tad-depożiti tad-Direttiva 94/19 meta istituzzjoni ta’ kreditu timpenja ruħha li tipprovdi servizzi ta’ investiment. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħu, id-domanda dwar id-destinazzjoni tal-fondi miżmuma minn Snoras tkun hija ipotetika. Fi kwalunkwe każ u b’mod sussidjarju, il-fondi mogħtija lil istituzzjoni ta’ kreditu sabiex jakkwista strumenti finanzjarji, jew għal għanijiet oħra, jistgħu jwasslu, jekk dan kellu jsir insolventi, għal kumpens skont id-Direttiva 94/19, jekk ikun possibbli li jiġi kkunsidrat li dawk il-fondi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

68.      Il-Kummissjoni ssostni, fir-rigward tal-Kawża C‑688/15, li d-Direttivi 94/19 u 97/9 ma jiżgurawx l-armonizzazzjoni totali tas-suġġett tagħhom. L-Istati Membri jista’ jkollhom protezzjoni ikbar, sakemm ma jiġix imdgħajjef l-effet utli tad-Direttivi u ma jkunx hemm interferenza fl-ambiti armonizzati minn dispożizzjonijiet Ewropej oħra.

69.      Għall-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu jestendu il-protezzjoni tal-iskema ta’ garanzija ta’ depożiti għal fondi li ma huma koperti minn ebda waħda miż-żewġ Direttivi. Jekk f’din il-protezzjoni jiġu inklużi l-krediti li jirriżultaw mill-impenn ta’ entità bankarja li tipprovdi servizzi ta’ investiment lill-klijenti tagħha, ma jkunx neċessarju li din l-entità tkun aġixxiet, fil-każ, bħala impriża ta’ investiment skont it-tifsira tad-Direttiva 97/9.

70.      Fl-ipoteżi li l-fondi inkwistjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala depożiti, il-Gvern Litwan isostni li l-kumpens ma għandux jingħata lid-detentur tal-kont, iżda lis-sid ta’ dawn il-fondi, li l-identità tiegħu għandha tkun akkreditata qabel id-data tas-sitwazzjoni ta’ insolvenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

71.      IID tenfasizza, f’dan ir-rigward, li r-revoka tal-liċenzja bankarja ta’ Snoras seħħet fl-24 ta’ Novembru 2011, id-data li fiha la din l-entità u lanqas FINASTA ma kellhom l-obbligu li jagħtu lura l-fondi, u għalhekk id-deċiżjoni mogħtija sabiex jiżdied il-kapital kienet valida sal-20 ta’ Diċembru 2011, f’liema mument Snoras kellu jagħti lura l-fondi lil Agnieška Anisimovienė u l-oħrajn.

72.      F’dak li jirrigwarda speċifikament il-fondi tal-Kawża C‑109/16, IID, il-Gvern Litwan u l-Kummissjoni sostanzjalment jaqblu li dawn ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala depożiti. Għal dawn il-partijiet, dawn huma fondi ttrasferiti, bil-kunsens tal-persuna kkonċernata, f’kont ta’ Snoras għal aċċess għal ħruġ fil-futur ta’ obbligazzjonijiet ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu, liema każ ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “depożitu” tad-Direttiva 94/19.

2.      Analiżi tad-domanda

a)      Fuq il-kunċett ta’ depożitu fid-Direttiva 94/19. Kunsiderazzjonijiet ġenerali

73.      Il-kunċett ta’ “depożitu” jinkludi, skont il-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19 minn naħa waħda, “xi bilanċ ta’ kreditu li jirriżulta minn fondi li jitħallew f’kont jew minn sitwazzjonijiet temporanji li joħorġu minn transazzjonijiet bankarji normali u li l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tħallas skond il-kondizzjonijiet legali u kontrattwali applikabbli”; u, min-naħa l-oħra, “xi dejn b’xhieda ta’ ċertifikat maħruġ mill-istituzzjoni ta’ kreditu”.

74.      Kif ipprovda l-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-konklużjonijiet tal-(ewwel) kawża Indėlių ir investicijų draudimas y Nemaniūnas (9), “[i]ż-żewġ każijiet jinvolvu dejn li l-istituzzjoni ta’ kreditu hija obbligata li tħallas lura, kemm jekk, f’każ wieħed, lid-detentur ta’ kont li fih jinżammu fondi li wasslu għal bilanċ ta’ kreditu jew li fih ikunu saru tranżazzjonijiet bankarji normali li ġġeneraw sitwazzjonijiet tranżitorji li minnhom jirriżulta wkoll bilanċ ta’ kreditu, kif ukoll jekk, f’każ ieħor, lid-detentur ta’ ċertifikat ta’ depożitu.” (10)

75.      L-obbligu tal-ħlas lura, għalhekk, huwa essenzjali fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “depożitu” (11). Dan ġie kkonfermat fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 94/19, skont liema l-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fil-punt 1 huma “intrapriża [/intrapriżi] li n-negozju tagħha jkun li tirċievi [mill-pubbliku] depożiti jew fondi oħra ri-pagabbli” (12).

76.      It-tieni element ewlieni tal-kunċett ta’ “depożitu” fis-sens tad-Direttiva 94/19 huwa, preċiżament, li d-depożitarju għandu jkun istituzzjoni tal-kreditu.

77.      Fl-aħħar nett, it-tielet element ta’ dan il-kunċett jinvolvi l-kwalità tad-depożitant. Mingħajr preġudizzju għall-esklużjonijiet previsti fid-Direttiva 94/19 (13) jew permessi minnha (14), id-depożitanti jkunu bażikament “dawk li jfaddlu”, li l-protezzjoni tagħhom hija waħda mill-għanijiet ta’ din id-direttiva, skont kif ipprovdut fl-ewwel premessa tagħha (15).

78.      Ma hemm ebda argument dwar il-fatt li fit-tilwim fl-oriġini ta’ dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jeżistu tnejn minn dawn it-tliet elementi: hemm ammonti mħallsa lil istituzzjoni ta’ kreditu minn ċerti individwi (dawk li jfaddlu, fis-sens wiesa’), li ma humiex esklużi, bħala prinċipju, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 94/19. Jifdal li jiġi eżaminat jekk hemmx ukoll it-tielet wieħed, li l-identifikazzjoni tiegħu hija iktar problematika.

79.      Fost il-bilanċi ta’ kreditu msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19 hemm dawk li huma fdati lil istituzzjoni ta’ kreditu taħt kuntratt ta’ depożitu f’kont kurrenti jew ta’ tfaddil, liema kunċetti ma humiex ta’ kumplessità partikolari. Lanqas ma naħseb li huwa diffiċli li jiġi ddeterminat —mingħajr preġudizzju għall-problemi lingwistiċi li se nirreferi għalihom iktar tard— x’għandu jfisser it-terminu “ċertifikati ta’ depożitu” li huwa msemmi fl-aħħar inċiż tal-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni (16). Ebda waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji ma hija preżenti fil-Kawża C‑688/15, kif ser nuri iktar ’il quddiem.

80.      Huwa iktar ikkumplikat li wieħed jikkaratterizza l-bilanċi li joriġinaw minn “sitwazzjonijiet temporanji li joħorġu minn transazzjonijiet bankarji normali”, jiġifieri, dawk imsemmija fit-tieni każ imsemmi fil-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19.

81.      Fil-prinċipju, jista’ jiġi miftiehem li t-“transazzjonijiet bankarji normali” huma dawk imwettqa mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-eżerċizzju tal-attività tipika tagħhom, li prinċipalment jikkonsisti fir-“[riċeviment ta’] fondi ripagabbli mill-pubbliku, sew jekk f’għamla ta’ depożiti jew f’għamliet oħra bħalma hu l-ħruġ fuq bażi kontinwa ta’ bonds u titoli komparabbli oħra u li jagħtu krediti għall-kont tagħhom” (17).

82.      Ċertament, kif enfasizza fl-att tas-seduta r-rappreżentant proċedurali ta’ Agnieška Anisimovienė u l-partijiet l-oħra fil-Kawża C‑688/15, fil-premessa 6 tagħha, id-Direttiva 2006/48 tiffavorixxi kunsiderazzjoni “[wiesgħa] kemm jista’ jkun” tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ħidmiet tal-koordinazzjoni fil-qasam tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Iżda dan tagħmlu fis-sens li f’dan il-qasam għandhom jiġu inklużi “l-istituzzjonijiet kollha li x-xogħol tagħhom huwa li jirċievu fondi ripagabbli [rimborsabbli] mill-pubbliku” (18), u wara li fil-premessa 5 tagħmel riferiment espliċiti għall- “[protezzjoni ta’] t-tfaddil.” Konsegwentement, minkejja li llum il-ġurnata hemm ħafna kompiti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fis-sens tad-Direttiva 94/19, l-attività rilevanti tista’ tkun biss dik tipikament bankarja, jiġifieri, dik relatata mar-riċeviment ta’ fondi rimborsabbli u mal-għoti ta’ krediti.

83.      F’dak li jirrigwarda s-“sitwazzjonijiet temporanji” li huma r-riżultat ta’ dan it-tip ta’ tranżazzjonijiet normali, wieħed jista’ jippreżumi li dawn huma dawk li jseħħu matul iż-żmien li fihom tali “transazzjonijiet” jitwettqu. Għalhekk, dawn ikunu s-sitwazzjonijiet temporanji bejn żewġ sitwazzjonijiet ta’ kontabbiltà, li d-differenza bejniethom tirriżulta mit-tranżazzjoni bankarja li saret bejniethom u li fiha t-tnejn li huma jsibu kontinwità perfetta.

84.      Għalhekk, fl-ewwel approssimazzjoni, id-“depożiti” ggarantiti permezz tad-Direttiva 94/19 għandhom ikunu, minbarra l-bilanċi ta’ kreditu li jistgħu jirriżultaw f’dawn is-sitwazzjonijiet temporanji, il-bilanċi ta’ kreditu li joriġinaw minn kull tranżazzjoni bankarja normali jew tipika (imwettqa fuq, jew fuq il-bażi ta, il-“fondi li jitħallew f’kont”) u d-dejn b’xhieda ta’ ċertifikat maħruġ mill-istituzzjoni ta’ kreditu.

85.      Madankollu, għandi ntenni li, fid-delimitazzjoni tal-kunċett ta’ “depożitu” użat mid-Direttiva 94/19, il-punt ewlieni huwa l-obbligu ta’ ħlas lura. Huwa inerenti għall-kuntratt tad-depożitu li wieħed jirċievi l-oġġett ta’ ħaddieħor bl-obbligu li jżommu u jirrestitwixxih. Wieħed ma għandux jinsa, madankollu, li d-Direttiva 94/19, fundamentalment, għandha l-għan li tipproteġi lil dawk li jfaddlu fil-każ tal-għeluq ta’ istituzzjoni ta’ kreditu insolventi (19). Għalhekk, jiġi ggarantit, l-ewwel u qabel kollox, li din l-insolvenza ma tagħmilx impossibbli l-irkupru lil dawk li jfaddlu (sa ċertu limitu, mill-inqas) tal-fondi tagħhom, li l-istituzzjoni ta’ kreditu impenjata kienet legalment marbuta li tħallashom lura.

86.      Mill-perspettiva tal-protezzjoni ta’ dawk li jfaddlu, inqis għalhekk li id-depożiti ggarantiti mid-Direttiva 94/19 huma dawk mogħtija (mill-klijenti) lil istituzzjoni ta’ kreditu, bil-fiduċja u s-sigurtà li jistgħu jiġu rkuprati fi kwalunkwe ħin, mingħajr kundizzjonijiet oħra għajr dawk inerenti f’tranżazzjoni ordinarja ta’ irkupru.

87.      Finalment, dawn huma fondi li l-proprjetarju tagħhom iħallihom f’kont, sabiex nużaw l-espressjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19, sabiex jibqgħu jkunu hemm sakemm jiddeċiedi jeħodhom lura. Naturalment, id-detentur jista’ jużahom ukoll, sakemm jibqgħu jinżammu f’dan il-kont, għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas (ħlas ta’ fatturi u affarijiet simili) li, bi qbil mal-bank, jixtieq li jħallas minnu.

88.      Id-Direttiva 94/19 għandha l-għan li ssostni l-fiduċja ta’ dawk li jfaddlu sabiex jistgħu jirkupraw il-fondi li jitħallew f’istituzzjoni ta’ kreditu, anki meta din tal-aħħar issir insolventi. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk jipprova jevita l-ispiża “li tirriżulta minn ġbir massiv ta’ depożiti fil-bank mhux biss mill-istituzzjoni ta’ kreditu f’diffikultajiet imma wkoll mill-instituzzjonijiet b’saħħithom, wara li jkun hemm telf ta’ fiduċja tad-depożitaturi fis-sodizza [sodezza] tas-sistema bankarja” (20).

89.      Hija din il-fiduċja speċifika, u mhux dik li b’mod ġeneriku jistħoqqlu kull negozju legali, li għandha tiġi żgurata mid-Direttiva 94/19. Din ma tiżgurax il-ħlas lura tal-fondi mogħtija bħala korrispettiv ta’ xi obbligu kuntrattwali, iżda, strettament l-irkupru ta’ dawk fdati minn dawk li jfaddlu lil istituzzjoni ta’ kreditu fiċ-ċertezza li jkunu jistgħu jiġu rkuprati fi kwalunkwe ħin.

90.      Ovvjament, il-fondi applikati għat-twettiq ta’ xi obbligazzjoni mwettqa taħt kwalunkwe relazzjoni kuntrattwali oħra jgawdu l-protezzjoni ġenerali li l-ordinament ġuridiku jagħti lill-kuntratti konklużi b’mod validu. Iżda din il-protezzjoni (ġenerali) għandha tiġi infurzata permezz tal-mezzi stabbiliti f’kull każ sabiex tiġi attribwita r-responsabbiltà legali ta’ min ma josservax l-obbligi ex contracto tiegħu, li ma jinkludux dawk imsemmija fid-Direttiva 94/19.

b)      Fuq il-klassifikazzjoni possibbli bħala “depożitu” tal-fondi kontenzjużi fil-Kawża C688/15

91.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b’mod ċar fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016 (21) li l-akkwist ta’ azzjonijiet ta’ kumpanniji ma huwiex iggarantit mid-Direttiva 94/19. Fil-kuntest ta’ dik il-proċedura kellu jiġi stabbilit jekk din id-direttiva kinitx tinkludi l-protezzjoni ta’ ishma f’soċjetatajiet ta’ kooperattivi rrikonoxxuti li joperaw fis-settur finanzjarju. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “[l]-akkwist ta’ tali ishma jixbah b’dan il-mod iktar l-akkwist ta’ azzjonijiet ta’ kumpanniji, fir-rigward ta’ liema d-Direttiva 94/19 ma tipprevedi l-ebda garanzija, milli depożitu fuq kont bankarju” (22).

92.      Peress li dak il-każ kellu jiġi ċċarat biss jekk l-akkwist ta’ dawn l-ishma speċifiċi setax jiġi inkluż fil-kunċett ta’ “depożitu” tad-Direttiva 94/19, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex għalfejn telabora fuq l-eżaminazzjoni tal-figura tas-sottoskrizzjoni tal-azzjonijiet, u llimitat ruħha għall-esklużjoni tagħha mid-Direttiva 94/19. Il-kwistjoni titqajjem f’dan il-każ, għall-kuntrarju, b’mod ewlieni, u għalhekk huwa meħtieġ li jsir riferiment għar-raġunijiet sottostanti, b’mod konkret, tad-dikjarazzjoni tant enfatika mill-Qorti tal-Ġustizzja.

93.      Fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi tal-Kawża C‑688/15, kif stipulat fid-digriet tar-rinviju, nemmen li l-fondi inkwistjoni hemm ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “depożitu” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19.

94.      Infakkar li dawn kienu ammonti li ddaħħlu f’kont miftuħ f’istituzzjoni ta’ kreditu (FINASTA) f’isem oħra (Snoras) u maħsuba għax-xiri ta’ azzjonijiet ġodda maħruġa minn din tal-aħħar. Id-dħul sar jew direttament (mill-individwi) fil-kont miftuħ minn Snoras f’FINASTA, jew permezz ta’ trasferimenti ta’ Snoras għal dan il-kont, mill-kontijiet li l-klijenti tiegħu (li ppermettew dan) kellhom miftuħa fi Snoras. Qabel ma jkun jista’ jiġi legalizzat l-akkwist tal-azzjonijiet, il-Gvern Litwan qabel li ssir l-esproprjazzjoni ta’ Snoras għal raġunijiet ta’ interess pubbliku.

95.      Fil-fehma tiegħi, ammonti suġġetti għal dawn it-tranżazzjonijiet ma humiex “fondi li jitħallew f’kont […] u li l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tħallas.” Fil-fatt, il-fondi lanqas ma tħallew fil-kontijiet tal-individwi, iżda fil-kont li Snoras kellu miftuħ f’FINASTA, b’tali mod li, kif jirrilevaw IID u l-Kummissjoni, kieku kellu jkun hemm xi depożitu, ikun biss dak ta’ Snoras f’FINASTA.

96.      Wieħed jista’ jargumenta, madankollu, li l-ammonti “depożitati” minn Snoras f’FINASTA baqgħu jappartjenu, fir-realtà, lill-individwi li kienu daħħluhom. Il-garanzija mogħtija mill-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 94/19, konsegwentement, kellha tipproteġi lir-rikorrenti. Madankollu, huma tnejn ir-raġunijiet li jopponu din id-dikjarazzjoni.

97.      Fl-ewwel lok, il-fondi mdaħħla f’FINASTA jistgħu jkunu s-suġġett biss, fejn applikabbli, tal-garanzija tad-Direttiva 94/19 jekk FINASTA stess, bħala depożitarju, tinstab fi stat ta’ insolvenza u ma tkunx tista’, għalhekk, tħallashom lura, li ma huwiex il-każ.

98.      Fit-tieni lok (u irrispettivament mill-fatt li ġudizzjarjament jidher li ġie ddeterminat li l-fondi inkwistjoni huma proprjetà ta’ Snoras) (23), l-obbligu ta’ ħlas lura li jista’ jaqa’ fuq Snoras jirriżulta min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ akkwist tal-azzjonijiet iffirmat bejn dan il-bank u l-klijenti tiegħu. Dan l-obbligu ma jistax jiġi konfuż ma’ dak tal-ħlas lura tal-fondi fdati lil istituzzjoni ta’ kreditu bis-sigurtà li jistgħu jiġu rkuprati fi kwalunkwe ħin, li hija l-karatteristika ewlenija ta’ dawk protetti mid-Direttiva 94/19.

99.      Fi kliem ieħor, il-fondi li Agnieška Anisimovienė u r-rikorrenti l-oħra taw lil Snoras ma kinux bil-fiduċja li dan kien obbligat li jħallashom lura fi kwalunkwe ħin fil-futur, fuq talba tagħhom, iżda meta kienu jafu li dawn tħallsu bħala korrispettiv (ħlas tal-prezz) għall-akkwist tal-proprjetà ta’ ċertu numru ta’ azzjonijiet ta’ Snoras. Il-fatt li dan l-akkwist ma setax finalment jiġi konkluż jista’ jagħti lok għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, li l-kumpens għalih għandha ssegwi l-l-mod stabbilit bil-leġiżlazzjoni ċivili jew kummerċjali Litwana, iżda mhux il-mezz tal-protezzjoni mogħti mid-Direttiva 94/19 għad-depożiti bankarji.

100. Is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-ksur tal-obbligi ta’ Snoras skont il-kuntratti ta’ sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet lanqas ma tista’ taqa, fil-fehma tiegħi, taħt is-“sitwazzjonijiet temporanji” li jagħmel riferiment għalihom l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19.

101. Ir-rikorrenti jsostnu li Snoras kien obbligat li jħallas lura l-fondi fdati lilu, peress li l-għoti tagħhom kien jinvolvi “transazzjoni bankarja normali”, anki jekk din ma setgħetx tiġi konkluża peress li, bejn id-dħul tal-fondi u l-ħlas lura tagħhom (“sitwazzjoni temporanja”), seħħ moratorju fuq it-tranżazzjonijiet ta’ Snoras, l-ewwel, u l-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza, wara.

102. Nemmen, madankollu, li jekk Snoras kellu jħallas lura l-fondi rċevuti bħala korrispettiv għall-ħruġ ta’ azzjonijiet, li sussegwentement ma rnexxiex, dan ma kienx isir permezz tat-twettiq ta’ “transazzjoni bankarja normali” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19. Kif diġà spjegajt, il-kwalifika “normali” huwa attribwit għat-tranżazzjonijiet imwettqa mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-eżerċizzju tal-attività tipika tagħhom (riċeviment ta’ fondi ripagabbli u l-għoti ta’ krediti mill-kont tagħhom), iżda mhux għas-sottoskrizzjoni ta’ azzjonijiet.

103. F’dan il-każ, il-fondi ma kinux irċevuti bħala tali fondi rimborsabbli, iżda bħala ammonti monetarji li rċieva Snoras sabiex jespandi l-kapital soċjali tiegħu, liema espansjoni hija riflessa fl-azzjonijiet ġodda li akkwistaw il-klijenti. L-ammonti mogħtija minn Agnieška Anisimovienė u r-rikorrenti l-oħrajn kienu, għalhekk, il-ħlas ta’ korrispettiv separat mill-kustodja, il-manteniment u, fejn xieraq, il-ħlas lura ta’ depożitu.

104. Is-“sitwazzjoni temporanja” imsemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19, nirrepeti, hija dik li ssir bejn tranżazzjonijiet bankarji “normali”, u mhux dik li ssir bejn il-bidu ta’ obbligu bħala riżultat tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ akkwist ta’ azzjonijiet, minn naħa, u l-eżekuzzjoni effettiva ta’ dan l-obbligu, min-naħa l-oħra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma humiex żewġ “transazzjonijiet bankarji normali” li bejniethom seħħet “sitwazzjoni temporanja” iżda, pjuttost, riflessjoni tal-interazzjoni fiż-żmien ta’ ksur tal-kuntratt u t-twettiq tal-konsegwenza legali korrispondenti tiegħu.

105. Finalment, naħseb li ma hemmx wisq dubju li l-fondi kkontestati fit-tilwima lanqas ma jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “dejn b’xhieda ta’ ċertifikat maħruġ [minn] istituzzjoni ta’ kreditu”, b’tali mod li dawk ma jaqgħux taħt it-tielet wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19.

106. Fil-qosor, fil-fehma tiegħi, il-fondi kontenzjużi fil-Kawża C‑688/15 ma jikkostitwixxux depożitu skont id-Direttiva 94/19.

107. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll, minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ttrasponiet id-Direttivi 94/19 u 97/9 f’test legali wieħed (24), jekk il-leġiżlatur nazzjonali jistax jinkorpora fil-kunċett ta’ “depożitu” dawk “il-fondi li d-depożitatur ikollu dritt ta’ kreditu fuqhom, li jirriżulta mill-impenn tal-istabbiliment finanzjarju li jwettaq tranżazzjonijiet bil-fondi tad-depożitant jew li jipprovdi servizzi ta’ investiment”. Skont il-qorti a quo, dan huwa pprovdut fl-Artikolu 2(4) tal-LGD.

108. Skont il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ din id-dispożizzjoni l-leġiżlatur Litwan kellu l-għan li jestendi l-garanzija tas-sistema tad-depożiti lill-fondi kollha miżmuma f’kontijiet bankarji, irrispettivament mill-għan ta’ dawk akkreditati f’kull kont. Dan jinkludi, għalhekk, ukoll il-fondi marbutin ma’ servizzi ta’ investiment ipprovduti mill-banek lill-klijenti tagħhom.

109. Jiena naqbel mal-Kummissjoni li, peress li d-Direttiva 94/19 pprevediet biss armonizzazzjoni minima, l-Istati Membri huma liberi li jżidu l-livell ta’ protezzjoni ggarantit, taħt il-kundizzjoni li ma “tikkomprometti[x] l-effikaċja prattika tal-iskema ta’ garanzija għal depożiti li l-imsemmija direttiva teżiġi li huma jistabbilixxu” (25).

110. Permezz ta’ din l-eċċezzjoni speċifika, jekk il-leġiżlatur nazzjonali jiddeċiedi jikklassifika bħala “depożitu” il-fondi marbutin mal-provvista ta’ servizzi ta’ investiment, id-Direttiva 94/19 ma timpedixxix dan. Bl-istess mod, sabiex japplika l-leġiżlazzjoni interna tiegħu, ma għandux ikun meħtieġ li jiġi interpretat x’għandha tfisser attività ta’ investiment fit-termini preċiżi tad-Direttiva 97/9.

111. Għalhekk, jekk il-qorti tar-rinviju temmen li, irrispettivament mid-Direttiva 97/9, Snoras aġixxa bħala impriża ta’ investiment u li l-fondi inkwistjoni ngħataw lilu sabiex jiġu investiti, għandu jiġi deċiż jekk, skont id-dritt nazzjonali, dan huwiex biżżejjed sabiex jingħataw protezzjoni li, mingħajr ma tkun dik iggarantita mid-Direttiva 94/19, ma għandhiex tagħmel ħsara lis-sistema ta’ din tal-aħħar.

c)      Fuq il-klassifikazzjoni possibbli bħala “depożitu” tal-fondi inkwistjoni fil-Kawża C109/16

112. Fil-Kawża C‑109/16, Alvydas Raišelis xtaq jissottoskrivi obbligazzjonijiet b’ interessi fissi u fuq tul medju maħruġa minn Snoras, fejn ippermetta li jiġu ttrasferiti ċerti fondi minn kont li kien is-sid tagħha (fi Snoras) lejn kont ieħor ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, dawk il-fondi jistgħux jiġu kklassifikati bħala “depożitu”, b’mod konformi mal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19.

113. Fl-opinjoni tiegħi, ir-raġunijiet li jwasslu għaċ-ċaħda tal-kundizzjoni ta’ depożitu tal-fondi fil-Kawża C‑688/15 huma applikabbli bl-istess mod għal dawk fil-Kawża C‑109/16.

114. Dan il-każ ukoll ma kienx jinvolvi depożiti li tħallew fil-kont ta’ Alvydas Raišelis, minħabba li fiż-żmien li fih ġiet revokata l-liċenzja ta’ Snoras u nbdiet il-proċedura ta’ insolvenza, il-fondi kienu diġà ddaħħlu f’kont f’isem din l-istituzzjoni ta’ kreditu. Għalhekk, irrid nirrepeti hawnhekk dak li spjegajt dwar in-natura tal-obbligu ta’ restituzzjoni li jista’ jkun applikabbli għal Snoras.

115. Bl-istess mod, għandhom japplikaw ir-raġunijiet imsemmija iktar 'il fuq dwar il-kunċett ta’ “sitwazzjoni temporanja” li għandha sseħħ bejn il-bidu ta’ din l-obbligazzjoni ex contracto u l-implementazzjoni effettiva tagħha.

116. Il-fondi ta’ dan ir-rinviju lanqas ma jistgħu jiġu kkatalogati bħala “dejn b’xhieda ta’ ċertifikat”, għalkemm din l-affermazzjoni teħtieġ iktar spjegazzjonijiet, peress li, għall-kuntrarju tal-fatti fil-Kawża C‑688/15, Alvydas Raišelis ma pprovax jakkwista azzjonijiet ta’ Snoras, iżda li jissottoskrivi obbligazzjonijiet (26) maħruġa minn din l-istituzzjoni.

117. Permezz tal-fondi inkwistjoni kien hemm l-għan li jiġi ffurmat tip ta’ “dejn issekurizzat”, liema espressjoni hija użata fil-punt 18 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39 fejn tissemma’ ċerta kategorija ta’ titoli trasferibbli fis-suq kapitali (“il-kambjali jew għamliet oħra ta’ dejn issekurizzat, inklużi l-irċevuti depożitarji rigward dawn it-titoli”).

118. Dan il-fatt jista’ jkun rilevanti għall-finijiet tad-Direttiva 94/19, peress li fost id-dejn li jirreferi għalih l-Artikolu 1(1), fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “depożitu”, hemm preċiżament dak li jikkorrispondi għal dak “b’xhieda ta’ ċertifikat [ċertifikati ta’ depożitu]”.

119. F’sens materjali, huwa ċar li d-dejn kien jeżisti mill-mument li fih Alvydas Raišelis u Snoras iffirmaw il-kuntratti ta’ sottoskrizzjoni u dak daħħal fil-kont tal-istituzzjoni ta’ kreditu l-prezz totali tal-obbligazzjonijiet.

120. Madankollu, huwa ċert li, f’termini strettament formali, id-dejn ma ġiex “issekurizzat”, għalkemm dan kien dak li kien maħsub. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, m’aħniex qed naffaċċjaw is-sitwazzjoni fattwali msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19.

121. Madankollu nammetti li, ipotetikament, tkun konċepibbli interpretazzjoni inqas riġida tad-dispożizzjoni sabiex wieħed jargumenta li, permezz tar-rekwiżit li d-dejn ikun “b’xhieda [ippruvat permezz]” ta’ ċertifikat ta’ depożitu, id-Direttiva 94/19, finalment, għandha l-għan li tiżgura (sa ċertu limitu) id-djun li l-eżistenza tagħhom hija akkreditata b’mod suffiċjenti.

122. Fir-rigward tal-għan tal-protezzjoni ta’ dawk li jfaddlu li diġà semmejt preċedentement, interpretazzjoni wiesgħa tat-terminu “b’xhieda [ippruvat permezz]”, forsi, tinkludi kull “akkreditazzjoni suffiċjenti” tar-realtà ta’ dejn li l-istituzzjoni ta’ kreditu hija obbligata li tħallas lura.

123. Iżda, anki minn din il-perspettiva, hija l-qorti nazzjonali dik li għandha tevalwa jekk, permezz tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ sottoskrizzjoni ta’ obbligazzjonijiet bejn Alvydas Raišelis u Snoras u permezz tal-fatt li dak tal-ewwel issodisfa l-obbligu kuntrattwali tiegħu li jagħti lit-tieni wieħed il-fondi stipulati, tistax titqies bħala akkreditata l-eżistenza ta’ dejn fl-istess termini daqslikieku l-għoti tal-fondi minn Alvydas Raišelis lil Snoras sar permezz ta’ ċertifikat ta’ depożitu.

124. Barra minn hekk, fuq il-bażi ta’ din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19, għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni Litwana, permezz tal-użu tal-possibbiltà offruta mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 94/19 stess, ma tinkludix il-garanzija taċ-ċertifikati ta’ depożitu maħruġa minn istituzzjoni ta’ kreditu (27).

125. L-interpretazzjoni funzjonali li għadni kif semmejt, probabbilment, taqbeż il-limiti li fihom il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel id-definizzjoni tas-sitwazzjoni fattwali msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19. Fih hu jitkellem dwar “dejn b’xhieda ta’ ċertifikat”, jiġifieri, dejn li ma jeżistix biss materjalment bħala tali, iżda li jista’ jiġi akkreditat formalment permezz ta’ titolu speċifiku.

126. Il-verżjoni Spanjola tad-dispożizzjoni forsi hija partikolarment rigoruża fid-definizzjoni ta’ dan it-titolu, li għandu jkun “ċertifikat ta’ depożitu”. Verżjonijiet lingwistiċi oħrajn jidhru inqas restrittivi: il-verżjoni Franċiża, pereżempju, tirreferi għal “toute créance représentée par un titre de créance” (28). Madankollu, xorta jirreferi għal “titolu”, jiġifieri, għal dokument, li għandu “jirrappreżenta” kreditu, jiġifieri, iħalli jiċċertifikah formalment.

127. Finalment, ma jidhirx li huwa biżżejjed li l-eżistenza tal-kreditu tista’ tiġi nnotata b’mod differenti apparti milli bil-produzzjoni ta’ dokument. Għall-kuntrarju, hija eskluża l-akkreditazzjoni sempliċi tar-rieda li jiġi fformalizzat il-kreditu jew, fil-każ li jikkonċernana hawnhekk, it-twettiq tal-impenn għall-ħlas minn min jagħmel is-sottoskrizzjoni tal-obbligazzjonijiet maħruġa mill-istituzzjoni ta’ kreditu (29).

128. Fil-qosor, nemmen li l-fondi fil-Kawża C‑109/16 lanqas ma jistgħu jiġu kklassifikati bħala “depożitu” fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19, minkejja li din id-direttiva ma topponix li, filwaqt li tiġi rrispettata l-effettività tal-iskema ta’ garanzija stabbilita, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tittratta bħala depożiti kemm dawn il-fondi kif ukoll dawk imsemmija fil-Kawża C‑688/15.

B.      Fuq il-kopertura tas-sistema ta’ kumpens tal-investituri tad-Direttiva 97/9 (domanda 2 fil-Kawża C109/16)

129. Il-premessa 9 tad-Direttiva 97/9 tirrikonoxxi li, f’ċerti ċirkustanzi, tista’ “tkun diffiċli biex tiddistingwixxi bejn depożiti koperti bid-Direttiva [94/19] u flus miżmuma b’konnessjoni man-negozju tal-investiment”. Barra minn hekk, ċerti krediti għandhom ikunu eliġibbli għall-protezzjoni kemm skont id-Direttiva 94/19 kif ukoll id-Direttiva 97/9. L-Artikolu 2(3) ta’ din tal-aħħar jipprekludi, għal din l-ipoteżi, il-kumpens għal iktar minn darba.

130. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fondi kontenzjużi fil-Kawża C‑109/16 li, kif diġà għidt, ma jikkostitwixxux depożitu skont id-Direttiva 94/19 humiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/9.

1.      L-argumenti tal-partijiet

131. IID issostni li dawn il-fondi ma humiex koperti mid-Direttiva 97/9. Snoras ma aġixxiex bħala impriża tal-investiment, iżda bħala entità li toħroġ obbligazzjonijiet, b’tali mod li l-ħsara li ġarrbu l-klijenti tirriżulta mit-twettiq tar-riskju ta’ investiment, eskluż bħala tali mill-kopertura ta’ din id-direttiva.

132. Bl-istess mod, għall-Gvern Litwan, Snoras ma jistax jitqies bħala kumpannija li tipprovdi servizzi ta’ investiment, minħabba li ma jaqax taħt il-profil rikjest mid-Direttiva 2004/39, peress li aġixxa bħala emittent ta’ obbligazzjonijiet u mhux bħala impriża ta’ servizzi ta’ investiment. Id-dannu mġarrab minn Alvydas Raišelis huwa dak inerenti fir-riskju ta’ kwalunkwe investiment.

133. Il-Kummissjoni ssostni li, minkejja l-interpretazzjoni litterali tal-verżjoni Litwana, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 97/9 għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jiżgura l-kopertura tal-krediti li jirriżultaw mill-inabbiltà ta’ impriża tal-investiment li tirritorna lill-investituri l-fondi dovuti lilhom jew li jappartjenu lilhom u li jkollha depożitat fil-kont tagħha b’konnessjoni ma’ tranżazzjoni ta’ investiment. Ma jkunx rilevanti li l-fondi jkunu iddepożitati f’kont f’isem l-impriża tal-investiment jew tal-investitur.

2.      Eżami tad-domanda

134. Id-Direttiva 97/9, kif juri t-titolu tagħha (30), ma għandhiex l-għan li tipproteġi l-investimenti, jiġifieri, ma għandhiex l-għan li tkopri jew telimina r-riskju finanzjarju inerenti fl-investiment fit-titoli kollha. L-għan tagħha huwa li jipproteġi lill-investituri. B’mod iktar konkret, jew b’mod partikolari, “l-investitur żgħir”, skont il-premessa 4 ta’ din id-direttiva.

135. Fil-fatt, għandu jiġi żgurat ir-riskju li “ditta[impriża] tal-investiment ma tkunx tista’ tilħaq l-obligazzjonijiet tagħha ma’ klijenti investituri” (31), jiġifieri, li dawn jiġu protetti kontra n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi “li jipprovdu servizzi tal-investiment” jew “iwettqu attivitajiet ta’ investiment” (32). Dan huwa ekwivalenti għall-protezzjoni tal-investitur kontra l-possibbiltà li l-impriża, li jkun fittex l-għajnuna professjonali tagħha sabiex jinvesti, iġġarrab insolvenza jew, b’mod ġenerali, “[…] ma tkunx tista’ tilħaq l-obligazzjonijiet tagħha ma’ klijenti investituri”.

136. Fil-qosor, huwa ggarantit li dawk li jfaddlu (jew, mill-inqas, xi wħud minnhom) (33) ikunu jistgħu jinvestu bil-fiduċja li teżisti skema ta’ garanzija li tipproteġihom, sa ċerti limiti, u li tkopri “flus u strumenti miżmuma minn ditta [impriża] tal-investiment” (34), meta din ma tkunx tista’ tonora l-obbligi tagħha.

137. Għalhekk, hija garanzija sovrapposta, għal darb’oħra, fuq l-użu tal-mekkaniżmi komuni li l-liġi ċivili, jew kummerċjali, tipprevedi lill-partijiet f’kuntratt. Apparti mir-responsabbiltà kuntrattwali jew mhux kuntrattwali tal-impriżi tas-servizzi ta’ investiment li ma jaġixxux mal-klijenti tagħhom bl-onestà, l-imparzjalità u l-professjonaliżmu rikjest, jew li jipprovdu informazzjoni ambigwa jew qarrieqa dwar ir-riskji li jieħdu, l-iskema ta’ garanzija tad-Direttiva 97/9 tapplika f’termini oġġettivi. Għaldaqstant inħoloq ir-riskju li l-investiment, ladarba jitwettaq, ibati r-rigorożità tal-loġika tas-suq.

138. Il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema) tidher li hija tal-fehma, kif fil-fatt huwa pprovat, li, fiċ-ċirkustanzi tal-Kawża C‑109/16, Snoras aġixxa bħala impriża tal-investiment (35) Id-dubji tagħha huma relatati speċifikament mal-klassifikazzjoni ta’ Alvydas Raišelis bħala investitur u, konsegwentement, mad-dritt eventwali tiegħu għall-protezzjoni tad-Direttiva 97/9.

139. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tassumi, għalhekk, sabiex tirrispondi għad-domanda speċifika li ssirilha mill-qorti tar-rinviju, li Snoras f’dan il-każ issodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jiġi kklassifikat bħala impriża tal-investiment (36).

140. Skont dak li hemm hawn fuq, għandu jiġi enfasizzat li t-tranżazzjoni finanzjarja li pprova jwettaq Alvydas Raišelis ma setgħetx titlesta minħabba l-insolvenza ta’ entità (Snoras) li, simultanjament, kienet toħroġ l-obbligazzjonijiet li l-klijent tagħha kellu l-għan li jissottoskrivihom u impriża ta’ investiment li dan kien ta lilha dik it-tranżazzjoni.

141. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa diffiċli li jiġi magħruf jekk it-telf ekonomiku mġarrab minn Alvydas Raišelis kienx dovut għal wieħed mir-rwoli assunti minn Snoras relatat miegħu. Il-qorti tar-rinviju għandha tkun dik li tiddetermina liema wieħed minn dawn il-każijiet huwa dak taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. Jekk finalment tqis, fl-ewwel lok, li Snoras aġixxiet bħala impriża tal-investiment u, it-tieni, li s-sottoskrizzjoni tal-obbligazzjoni ddaħħlet fil-qafas tal-kuntratt ta’ servizzi finanzjarji konkluż ma’ Alvydas Raišelis, għandha tiddeċiedi sa liema punt l-“inabbiltà” li tinqala ta’ Snoras tiġġenera l-obbligu li jingħata kumpens, li huwa għaliex il-qorti tar-rinviju tistaqsi għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 97/9.

142. Din id-domanda titqiegħed fil-kuntest ta’ differenza notevoli bejn il-kliem Litwan tar-regola u l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. F’dawn tal-aħħar huwa pprovdut li għandha tkun ipprovduta “[k]operta […] għal talbiet li joriġinaw min-nuqqas li ditta [impriża] tal-investiment li tkun tista’: tħallas lura flejjes dovuti minnha jew li jappartienu lill-investituri u miżmuma f’isimhom b’konnessjoni man-negozju tal-investiment” (37). Fit-test Litwan, għall-kuntrarju, huwa msemmi biss il-fondi li jappartjenu lill-investituri, mingħajr ma jissemmew dawk li l-impriża tal-investiment tkun dovuta li tħallas lilhom (38).

143. Sussegwentement, ser nispjega l-kontenut tar-regola applikabbli li tinkludi r-riferiment għall-fondi dovuti lill-investituri (39), li huwa dak li b’mod konkret jinteressa lill-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar, peress li ma sabitx dan ir-riferiment fil-verżjoni Litwana tad-dispożizzjoni, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk għandhiex tiddeduċih permezz ta’ interpretazzjoni.

144. Il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema) tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 97/9 għandux jiġi interpretat “fis-sens li dan ikopri wkoll talbiet għar-rimbors ta’ fondi li l-impriża ta’ investiment għandha tħallas lill-investituri u li ma humiex miżmuma minnha f’isem dawn tal-aħħar” (40).

145. Ir-risposta fl-affermattiv hija imposta, minn naħa waħda, minħabba li hemm qbil fil-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi (ħlief f’dik Litwana) dwar is-sens litterali tar-regola. F’dawn il-każijiet, ma hemmx bżonn li tiġi dedotta, permezz ta’ interpretazzjoni, previżjoni li għandha titqies integrata, mingħajr ekwivoki jew riżervi, fil-kliem tad-dispożizzjoni nnifisha. Min-naħa l-oħra, hija l-iktar soluzzjoni kompatibbli mal-iskop tar-regola tal-protezzjoni tal-investitur.

146. Barra minn hekk, l-artikolu inkwistjoni huwa ċar, preċiż u inkundizzjonat biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi invokat mill-individwi, kif spjegat iktar ’il quddiem.

C.      Fuq l-effett diretta tad-Direttivi 94/19 u 97/9 (domandi 1 u 3 tal-Kawża C109/16)

147. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 97/9 jistax jiġi invokat direttament mill-individwi quddiem il-qrati.

148. Il-Kummissjoni taħseb li iva, u għalhekk ir-riferiment magħmul f’dan l-artikolu jsemmi “kondizzjonijiet legali u kontrattwali kif applikabbli” ma timpedixxix li l-parti tar-regola dwar l-obbligu ta’ rimbors tkun biżżejjed ċara, preċiża, inkundizzjonata u tiġġeneraw drittijiet individwali, peress li dawk il-“kondizzjonijiet” jirrigwardaw biss il-metodu tal-ħlas tal-kumpens.

149. Il-kwistjoni ġiet solvuta permezz tas-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2015, Indėlių ir investicijų draudimas y Nemaniūnas (41), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “d-Direttiva 97/9 hija, sa fejn tirrigwarda d-determinazzjoni tal-każijiet protetti, suffiċjentement ċara, preċiża u inkundizzjonata biex tkun tista’ tiġi invokata direttament mill-individwi”.

150. L-istess japplika għall-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19 u d-definizzjoni ta’ “depożitu” li hija stabbilita fih, li l-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll fuq l-effett dirett tagħha.

151. Fi kwalunkwe każ, kif ġara fil-kawża Indėlių ir investicijų draudimas y Nemaniūnas (42), il-qorti tar-rinviju għandha “tivverifika jekk IID, fejn huwa stabbilit li din għandha l-għan li tiggarantixxi l-protezzjoni tad-depożiti u tal-investimenti fir-rigward tal-investituri f’każ ta’ falliment tal-istituzzjonijiet finanzjarji”, tissodisfax ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti “entitajiet li fil-konfront tagħhom jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jistgħu jkollhom effetti diretti”. Inter alia, li huwa “organu li, tkun xi tkun il-forma ġuridika tiegħu, ikun ġie inkarigat, bis-saħħa ta’ att tal-awtorità pubblika, iwettaq, taħt il-kontroll tagħha, servizz ta’ interess pubbliku u li jkun jiddisponi, għal dan l-għan, minn setgħat eżorbitanti b’relazzjoni mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi” (43).

VI.    Konklużjoni

152. Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lil Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema, il-Litwanja) kif ġej:

“1.      L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 1994, dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti, fil-verżjoni emendata bid-Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li dawn li ġejjin ma humiex inklużi fid-definizzjoni ta’ ‘depożitu’:

– It-trasferiment ta’ fondi mill-kont personali ta’ persuna bil-kunsens tagħha, f’kont miftuh fi ħdan l-istituzzjoni ta’ kreditu u f’isem din tal-aħħar u li huwa intiż għall-ħlas ta’ strumenti ta’ dejn futuri ta’ dan l-istabbiliment.

– Il-fondi ttrasferiti, taħt dawn l-istess kundizzjonijiet, sabiex jiġu akkwistati l-azzjonijiet ta’ bank li kienu s-suġġett ta’ offerta pubblika ta’ xiri.

2.      Id-Direttiva 94/19 ma tipprekludix li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tista’ tipproteġi dawk il-fondi bħala depożiti garantiti, sakemm dan ma jippreġudikax l-effikaċja tal-iskema ta’ protezzjoni stabbilita minn din id-direttiva.

3.      L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 1997, dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur, huwa applikabbli fil-każ ta’ inabbiltà ta’ impriża ta’ investiment li tirrimborsa lill-klijenti tagħha l-fondi dovuta minnha lilhom.

4.      Kemm il-punt 1 tal-l-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19 kif ukoll l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 97/9 huma suffiċjentement ċari, preċiżi u inkundizzjonati sabiex ikunu jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati mill-individwi kontra organi li, irrispettivament mill-forma legali tagħhom, ikunu ġew fdati bit-twettiq ta’ servizz ta’ interess pubbliku u jkollhom, għal dan l-iskop, poteri speċjali meta mqabbla mar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-individwi, li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti nazzjonali.”


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Kawża C‑671/13, EU:C:2015:418.


3      Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 1994, dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 252), kif emendata bid-Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2009 (ĠU 2009, L 68, p. 3).


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Marzu 1997, dwar skemi għall-kumpens tal-investituri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 311).


5      Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE, tal-10 ta’ Mejju 1993, dwar servizzi ta’ investiment fil-qasam ta’ titoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 43).


6      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263).


7      Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (tfassil mill-ġdid) (ĠU 2006, L 177, p. 1).


8      Žin., 2002, n.º 65-2635. Liġi dwar il-garanzija tad-depożiti, li tittrasponi fid-dritt tar-Repubblika tal-Litwanja d-Direttivi 94/19 u 97/9 (iktar ’il quddiem, “LGD”).


9      Kawża C‑671/13, EU:C:2015:129, punt 36.


10      L-Avukat Ġenerali Cruz Villalón kompla jgħid li “Filwaqt li jaqblu minn dan il-lat, id-djun inkwistjoni huma differenti, madankollu, minħabba l-fatt li fil-każ ta’ ċertifikati ta’ depożitu biss huwa involut dejn li jista’ jiġi ttrasferit jew, jekk applikabbli, innegozjat.”


11      Madankollu ma huwiex kruċjali li jkunu strumenti trasferibbli jew mhux trasferibbli. Filwaqt li, fil-prinċipju, l-“l-obbligu ta’ ħlas lura jeskludi l-possibbiltà li d-dejn ikun is-suġġett ta’ trasferiment jew negozjar, peress li, strictu sensu, dan huwa depożitu fdat lill-istituzzjoni” (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-Kawża C‑671/13, EU:C:2015:129, punt 37), il-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19 jikkonċerna wkoll iċ-ċertifikati ta’ depożitu, jiġifieri, speċi tat-tip ta’ “depożitu” ikkaratterizzat preċiżament min-negozjabbiltà tiegħu (konklużjonijiet tal-avukat ġenerali Cruz Villalón fil-Kawża C‑671/13, EU:C:2015:129, punt 39), li, fil-kliem tas-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2015, mogħtija f’din il-kawża (C‑671/13, EU:C:2015:418), punt 36, jagħmel possibbli “iċ-ċirkulazzjoni tad-dritt ta’ kreditu inkorporat”. Il-fatt tan-negozjabbiltà kien sinjifikattiv, barra minn hekk, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun aċċettat li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 94/19, fir-rigward tal-punt 12 tal-Anness I tagħha, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mill-garanzija tad-depożiti ċ-ċertifikati ta’ depożitu maħruġa mill-assigurat innifsu, “bil-kundizzjoni li dawn it-titoli huma trasferibbli” (sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2015, Indėlių ir investicijų draudimas u Nemaniūnas, C‑671/13, EU:C:2015:418, il-punt 38).


12      Bl-istess mod, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/48, rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, jirriżerva għall-“istituzzjonijiet ta’ kreditu milli jwettqu n-negozju ta’ ġbir ta’ depożiti jew fondi ripagabbli oħra mill-pubbliku” (enfasi miżjuda minni).


13      Kif jiġri, f’ċerti ċirkustanzi, mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu nfushom, kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tad-Direttiva.


14      Dawk elenkati fl-Anness I, b’riferiment għall-Artikolu 7(2) tad-Direttiva.


15      Hemm riferiment ukoll għall-protezzjoni tal-“konsumaturi” fid-Direttiva 94/19 fis-sittax-il premessa tagħha.


16      Strumenti finanzjarji li Cortés, L.J.: “Contratos bancarios (II)”, f’Uría, R. u Menéndez, A.: Curso de Derecho Mercantil, vol. II, Civitas, Madrid, 2001, p. 541, iddefinixxew bħala “titoli, li jitħallsu fuq ordni, trasferibbli, permezz ta’ approvazzjoni sabiex id-detentur ikun jista’ jittrasferihom filwaqt li jirkupra l-fondi investiti jew depożitati għal terminu fiss mingħajr ma jiġi annullat jew mitmum il-kuntratt mal-istituzzjoni ta’ kreditu”.


17      Is-sitt premessa tad-Direttiva 2006/48.


18      Enfasi miżjuda minni.


19      L-ewwel u t-tieni premessa tad-Direttiva 94/19.


20      Ir-raba’ premessa tad-Direttiva 94/19.


21      Kawża Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:975), punt 67.


22      Loc. ult. cit.


23      Dan huwa sostnut minn IID fil-punt 70 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fil-Kawża C‑688/15, filwaqt li tiċċita s-sentenza mogħtija mil-Lietuvos aukščiausiasis teismas (qorti suprema) tat-2 ta’ Ottubru 2013 (Kawża Ċivili Nru 3K 3 470/2013). Sar riferiment għal din ukoll mill-Kummissjoni matul is-seduta.


24      Formula li ma hijiex inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “madankollu, kif enfasizzat ukoll fil-premessa 9 tad-Direttiva 97/9, l-iskema stabbilita minn dan l-att għandha tissodisfa r-rekwiżiti taż-żewġ direttivi” (sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2015, Indėlių ir investicijų draudimas u Nemaniūnas, C‑671/13, EU:C:2015:418, punt 45).


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:975), punt 83.


26      L-obbligazzjoni hija strument finanzjarju li permezz tiegħu, sostanzjalment huwa fformalizzat is-self ta’ kapital, li jikkonsisti minn fondi li għandhom jitħallsu lura lil min jislef fid-data u taħt il-kundizzjonijiet stipulati għal dan il-għan.


27      Kif ġie kkonstatat fis-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2015, Indėlių ir draudimas investicijų u Nemaniūnas (C‑671/13, EU:C:2015:418), fil-punt 38 l-Artikolu 3(4) tal-LGD jeskludi mill-garanzija tad-depożitu l-“istrumenti tad-dejn (ċertifikati ta’ depożitu) maħruġa mill-assigurat innifsu”. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat din l-esklużjoni bħala kompatibbli mad-Direttiva 94/19, sal-punt li “dawn it-titoli huma trasferibbli”. Waqt is-seduta, il-Gvern Litwan ikkonferma li l-leġiżlazzjoni Litwana ma nbidlitx f’dak il-punt. Għalhekk, ikun kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk l-obbligi kontenzjużi jissodisfawx din il-kundizzjoni jew le, bl-effett tal-possibbli tagħhom mill-garanzija tad-depożiti.


28      Bl-istess mod, il-verżjoni Taljana u dik Portugiża jitkellmu dwar “debiti rappresentati da titoli” u “dívidas representadas por títulos” rispettivament.


29      Verżjonijiet lingwistiċi oħrajn jikkonfermaw l-importanza tal-forma. Għalhekk, il-verżjoni Ingliża tirreferi għal “any debt evidenced by a certificate” u dik Ġermaniża għal “Forderungen, die das Kreditinstitut durch Ausstellung einer Urkunde verbrieft hat”.


30      Direttiva “dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur”.


31      Premessa 4 tad-Direttiva 97/9.


32      Punt 1 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39.


33      Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 97/9, l-Istat Membru “jista’ jipprovdi li ċerti investituri jkunu esklużi mill-koperta minn skemi jew li jingħataw koperta aktar baxxa. Dawk l-esklużjonijiet għandhom ikunu kif elenkati fl-Anness I”.


34      Premessa 8 tad-Direttiva 97/9.


35      Skont il-punt 22 tad-digriet tar-rinviju, Alvydas Raišelis kien ikkonkluda ma’ Snoras, minbarra l-kuntratt ta’ sottoskrizzjoni ta’ obbligazzjonijiet, kuntratt ta’ servizzi finanzjarji lil klijent mhux professjonali.


36      Il-premessa inkwistjoni ma hijiex elenkata fil-Kawża C‑688/15, li fiha kollox juri li Snoras ma wettaqx servizzi ta’ investiment. Forsi għalhekk il-qorti tar-rinviju ffokat id-domandi ta’ dak ir-rinviju fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 94/19 u fuq il-klassifikazzjoni possibbli bħala “depożitu” tal-fondi kontenzjużi.


37      Għalhekk, fil-verżjoni Spanjola u verżjonijiet oħra, bħal dik Ingliża (“repay money owed to or belonging to investors and held on their behalf in connection with investment business”); il-Franċiża (“rembourser aux investisseurs les fonds leur étant dus ou leur appartenant et détenus pour leur compte en relation avec des opérations d’investissement”); il-Ġermaniża (“Gelder zurückzuzahlen, die Anlegern geschuldet werden oder gehören und für deren Rechnung im Zusammenhang mit Wertpapiergeschäften gehalten werden”); it-Taljana (“rimborsare i fondi dovuti o appartenenti agli investitori e detenuti per loro conto in relazione ad operazioni d’investimento”); jew il-Portugiża (“reembolsar os investidores dos fundos que lhes sejam devidos ou que lhes pertençam e que sejam detidos por sua conta no âmbito de operações de investimento”).


38      “[G]rąžinti pinigus, priklausančius investuotojams ir laikomus jų vardu ryšium su investicine veikla”. L-Artikolu 2(12) tal-LGD ġie redatt ukoll f’dawn it-termini.


39      Kif tfakkar fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 2016, Ambisig (C‑46/15, EU:C:2016:530), il-punt 48, “il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala l-unika bażi għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet redatti fil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diskrepanza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha”.


40      Formulazzjoni tat-tieni domanda fil-Kawża C‑109/16; enfasi miżjuda.


41      Kawża C‑671/13, EU:C:2015:418, punt 58.


42      Sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2015 (C‑671/13, EU:C:2015:418), punt 59.


43      Ibidem.