Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-22 ta’ Marzu 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas - il-Litwanja) – proċeduri mibdija minn Agnieška Anisimovienė et (C-688/15) vs “Indėlių ir investicijų draudimas” VĮ (C-109/16)

(Kawżi magħquda C-688/15 u C-109/16) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Skemi ta’ garanzija għal depożiti u ta’ kumpens għal investituri – Direttiva 94/19/KE – Artikolu 1(1) – Depożiti – Sitwazzjonijiet tranżitorji ġejjin minn tranżazzjonijiet bankarji normali – Direttiva 97/9/KE – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) – Fondi dovuti lil investitur jew li jappartjenu lilu jew miżmuma f’ismu minn impriża ta’ investiment relata ma’ tranżazzjonijiet ta’ investiment – Istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ titoli trasferibbli – Fondi ttrasferiti minn individwi lil din l-istituzzjoni għas-sottoskrizzjoni ta’ titoli trasferibbli futuri – Applikazzjoni tad-Direttiva 2004/39/KE – Falliment tal-imsemmija istituzzjoni qabel il-ħruġ tat-titoli trasferibbli inkwistjoni – Impriża pubblika responsabbli mill-iskemi ta’ garanzija għal depożiti u ta’ kumpens għall-investituri – Invokabbiltà tad-Direttivi 94/19/KE u 97/9/KE kontra din l-impriża)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos Aukščiausiasis Teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Agnieška Anisimovienė et

fil-preżenza ta’: bankas “Snoras” AB, fi stralċ, “Indėlių ir investicijų draudimas” VĮ, bankas “Finasta” AB (C-688/15)

“Indėlių ir investicijų draudimas” VĮ

fil-preżenza ta’: Alvydas Raišelis, bankas “Snoras” AB, fi stralċ (C-109/16)

Dispożittiv

Minn naħa, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 1997 dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur, u min-naħa l-oħra, dawk tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti, kif emendata bid-Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li talbiet relatati ma’ fondi, iddebitati lil kontijiet li individwi kienu intitolati għalihom ma’ istituzzjoni ta’ kreditu u li jirrigwardaw il-kreditu ta’ kontijiet miftuħa f’isem din l-istituzzjoni, bħala s-sottoskrizzjoni ta’ titoli mobbli futuri li din tal-aħħar kellha tkun l-emittent, f’ċirkustanzi li fihom il-ħruġ ta’ dawn it-titoli ma kienx finalment twettaq minħabba l-falliment tal-imsemmija istituzzjoni, jaqgħu kemm fl-iskemi ta’ kumpens għall-investituri previsti mid-Direttiva 97/9 kif ukoll fl-iskemi ta’ garanzija għad-depożiti previsti mid-Direttiva 94/19.

L-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 97/9 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn it-talbiet jaqgħu kemm taħt l-iskemi ta’ garanzija għad-depożiti previsti mid-Direttiva 94/19, kif ukoll l-iskemi ta’ kumpens għall-investituri previsti mid-Direttiva 97/9, u li fihom il-leġiżlatur nazzjonali ma imputax tali talbiet għal skema li taqa’ taħt waħda jew oħra minn dawk id-direttivi, il-qorti adita ma tistax tiddeċiedi hija stess, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, dwar l-iskema li dawk intitolati għall-imsemmija talbiet jistgħu jibbenefikaw minnha. Min-naħa l-oħra, f’tali sitwazzjoni, huwa dawn tal-aħħar li għandhom jagħżlu skema waħda jew oħra prevista fid-dritt nazzjonali sabiex timplimenta dawn iż-żewġ direttivi.

Minn naħa, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 94/19, kif emendat bid-Direttiva 209/14, u min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1(4) kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 97/9, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jistgħu jiġu invokati minn individwi quddiem il-qorti nazzjonali insostenn ta’ talbiet għal kumpens kontra impriża pubblika responsabbli, fi Stat Membru, minn skemi ta’ garanziji ta’ depożiti u kumpens ta’ investituri.

____________

1     ĠU C 106, 21.3.2016.

    ĠU C 156, 2.5.2016.