Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Settembru 2015 – Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-507/15)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1119 tat-22 ta’ Ġunju 2015 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (notifikata bid-dokument C(2015) 4076) (ĠU L 182 tal-10.7.2015, p. 39), sa fejn teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea l-ammonti ta’ EUR 142 446.05 u ta’ EUR 55 375 053.74, minfuqa mill-korp tal-ħlas akkreditat tar-Repubblika tal-Polonja;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2012  u l-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, minħabba l-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji ibbażati fuq konstatazzjonijiet fattwali żbaljati u fuq interpretazzjoni żbaljata tal-liġi, minkejja li l-ispejjeż saru mill-awtoritajiet Pollakki konformement mad-dispożizzjonijiet tal-UE.It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 minħabba l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ ammont manifestament eċċessiv fir-rigward tar-riskju potenzjali ta’ telf finanzjarju għall-baġit tal-Unjoni.

____________

1 Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).