Language of document : ECLI:EU:T:2017:54

Kawża T510/15

Roberto Mengozzi

vs

LUffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea TOSCORO – Indikazzjoni ġeografika protetta preċedenti ‘Toscano’ – Raġuni assoluta għal rifjut – Artikolu 142 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 – Dikjarazzjoni ta’ invalidità parzjali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tat-2 ta’ Frar 2017

1.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti ta’ forma proċedurali – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 177(1)(d))

2.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Eżami mill-ġdid tal-fatti fid-dawl tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemha – Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65)

3.      Trade mark Komunitarja – Ċessjoni, revoka u invalidità – Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq l-eżistenza tal-indikazzjoni ġeografika protetta – Kompatibbiltà tar-Regolament Nru 40/94 mar Regolament Nru 2081/92

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 142; Regolament tal-Kunsill Nru 2081/92, Artikoli 13 u 14(1))

4.      Agrikoltura – Leġiżlazzjonijiet uniformi – Protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel – Regolament Nru 2081/92 – Protezzjoni tad-denominazzjonijiet irreġistrati – Evokazzjoni ta’ denominazzjoni rreġistrata – Kunċett – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 2081/92, Artikolu 13(1)(b))

5.      Agrikoltura – Leġiżlazzjonijiet uniformi – Protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel – Regolament Nru 2081/92 – Protezzjoni tad-denominazzjonijiet irreġistrati – Evokazzjoni ta’ denominazzjoni rreġistrata – Evokazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Toscano” mid-denominazzjoni “Toscoro”

(Regolament tal-Kunsill Nru 2081/92, Artikolu 13(1)(b))

6.      Agrikoltura – Leġiżlazzjonijiet uniformi – Protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel – Regolament Nru 2081/92 – Kunflitt bejn indikazzjonijiet ġeografiċi u trade marks – Rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark li tikkorrispondi għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 u li tirrigwarda l-istess tip ta’ prodott – L-istess tip ta’ prodott – Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 2081/92, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1))

7.      Trade mark Komunitarja – Deċiżjonjiet tal-Uffiċċju – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Prassi deċiżjonali preċedenti tal-Uffiċċju – Prinċipju ta’ legalità – Neċessità ta’ eżami strett u komplet f’kull każ konkret

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 19)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 21)

3.      L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea huwa obbligat japplika r-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, b’mod li ma jaffettwax il-protezzjoni mogħtija lill-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti bir-Regolament Nru 2081/92, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel. B’mod partikolari, l-Uffiċċju għandu, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92, jirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ kull trade mark li tkun tinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tal-istess regolament u li tirrigwarda l-istess tip ta’ prodott u, jekk it-trade mark tkun diġà ġiet irreġistrata, għandu jiddikjaraha invalida.

(ara l-punt 29)

4.      L-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 2081/92 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel jiddisponi li l-ismijiet irreġistrati għandhom ikunu protetti kontra kwalunkwe evokazzjoni, anki jekk l-oriġini vera tal-prodott hija indikata.

Il-kunċett ta’ evokazzjoni jkopri ipoteżi li fiha t-terminu użat sabiex jindika prodott jinkorpora parti minn denominazzjoni protetta, b’mod li meta l-konsumatur jkollu quddiemu l-isem tal-prodott, ix-xbiha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-prodott li d-denominazzjoni tiegħu hija protetta. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-relazzjoni fonetika u viżiva li tista’ teżisti bejn l-ismijiet ta’ bejgħ. Bl-istess mod, skont il-każ, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni il-“prossimità kunċettwali” li teżisti bejn il-kliem f’lingwi differenti. Jista’ jkun hemm evokazzjoni ta’ denominazzjoni protetta anki fl-assenza ta’ kwalunkwe probabbiltà ta’ konfużjoni bejn il-prodotti kkonċernati, peress li dak li huwa importanti, b’mod partikolari, huwa li ma tinħoloqx f’moħħ il-pubbliku assoċjazzjoni ta’ ideat dwar l-oriġini tal-prodott u li operatur ma japprofittax b’mod inġust mir-reputazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika protetta.

(ara l-punti 30, 31)

5.      Teżisti relazzjoni viżiva u fonetika bejn it-trade mark verbali TOSCORO u l-indikazzjoni ġeografika protetta preċedenti Toscano. F’dan ir-rigward, jidher leġittimu li jiġi kkunsidrat li l-kelma “toscoro” tista’ tevoka l-indikazzjoni ġeografika protetta “Toscano” meta l-konsumatur jkun fil-preżenza ta’ prodotti tal-istess tip bħal dak kopert mill-imsemmija indikazzjoni ġeografika protetta. Fil-fatt, ix-xebh viżiv u fonetiku jkunu ta’ natura li x-xbiha li tiskatta f’moħħ il-konsumatur hija dik taż-żejt taż-żebbuġa li jibbenefika mill-indikazzjoni ġeografika protetta “Toscano”, meta jkun fil-preżenza ta’ prodott tal-istess tip bid-denominazzjoni “toscoro”.

(ara l-punti 39, 41)

6.      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel jipprevedi li, meta indikazzjoni ġeografika tkun irreġistrata skont dan ir-regolament, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li tikkorrispondi ma’ waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 u li għandha x’taqsam mal-istess tip ta’ prodott għandha tiġi rrifjutata. Il-prodott inkwistjoni ma għandux għalfejn ikun neċessarjament identiku għall-prodott li huwa s-suġġett tal-indikazzjoni ġeografika protetta, iżda għandu jaqsam miegħu ċerti karatteristiċi komuni.

(ara l-punt 44)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 47)