Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Mejju 2022 – Mariño Pais et vs Il-Kummissjoni u SRB

(Kawża T-294/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Fernando Mariño Pais (Outes, Spanja) u 44 rikorrent ieħor (rappreżentanti: B. Cremades Roman, J. López Useros, S. Cajal Martín u P. Marrodán Lázaro, avukati)

Konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea u Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonstata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-konvenuti u tikkundanna lis-SRB u lill-Kummissjoni jikkumpensaw lir-rikorrenti għad-danni sostnuti wara d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni tal-BPE (Banco Popular Español S.A. u s-sussidjarji tagħha);

tikkundanna lis-SRB u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura;

tordna li s-somom kollha mogħtija lir-rikorrenti jiżdiedu bl-interessi kumpensatorji sa mit-23 ta’ Mejju 2017 (jew, sussidjarjament, sa mis-7 ta’ Ġunju 2017) sad-data tal-għoti tas-sentenza, kif ukoll bl-interessi moratorji mid-data tas-sentenza, ħlief għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura, li jipproduċu interessi moratorji biss sa mid-data tas-sentenza, u

tagħti lir-rikorrenti l-benefiċċji ta’ kull kumpens addizzjonali meqjus xieraq fid-dritt.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-dikjarazzjoni u żvelar ta’ informazzjoni kisru b’mod biżżejjed serju d-dmir ta’ kunfidenzjalità, il-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll il-prinċipju ta’ nemo auditur propiam turpitudinem allegans.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur biżżejjed serju tal-prinċipji ta’ diliġenza, ta’ amministrazzjoni tajba, tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjoni u tan-natura arbitrarja fil-proċess deċiżjonali.

F’dan ir-rigward, huwa indikat li l-kundizzjonijiet għall-finijiet tar-riżoluzzjoni tal-BPE ma kinux sodisfatti, li evalwazzjoni indipendenti raġonevoli, prudenti u reali tal-attiv u tal-passiv ta’ BPE ma kinitx iggarantita u li l-miżura ta’ riżoluzzjoni hija diskriminatorja u arbitrarja.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur biżżejjed serju tad-dritt għall-proprjetà privata u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

____________