Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Awwissu 2022 – Fundación Pedro Barrié de la Maza, Conde de Fenosa vs Il-Kummissjoni et

(Kawża T-475/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Fundación Pedro Barrié de la Maza, Conde de Fenosa (La Coruña, Spanja) (rappreżentant: B. Fernández García, avukata)

Konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Bank Ċentrali Ewropew, Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara b’sentenza r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea minħabba l-aġir illegali u negliġenti tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-fatti msemmija fir-rikors;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea tħallas lir-rikorrenti kumpens li jammonta għal EUR 45 513 972.73 skont il-kalkoli u l-kwantifikazzjoni li jinsabu fil-perizja mehmuża mar-rikors, flimkien mal-interessi legali korrispondenti, b’kundanna espressa tal-konvenuti għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-aġir illegali tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, li jikkonsisti f’dikjarazzjonijiet pubbliċi pessimistiċi u azzjonijiet (b’mod speċjali billi ħalla aħbarijiet jaħarbu) li jikkostitwixxu aġir irresponsabbli li kkawża telf immedjat fil-prezz tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular Español, S.A., u aċċelleraw ir-riżoluzzjoni tiegħu.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-aġir negliġenti min-naħa tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni u tal-Kummissjoni Ewropea, meta adottaw u approvaw ir-riżoluzzjoni tal-Banco Popular Español, S.A., mingħajr ma vverifikaw u aċċertaw, b’konformità mal-leġiżlazzjoni Ewropea, jekk kinux issoddisfatti r-rekwiżiti u l-premessi neċessarji sabiex jiġi applikat l-imsemmi mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni u, ladarba dan il-mekkaniżmu ġie deċiż, talli ma ġietx osservata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-proċedura ta’ riżoluzzjoni u lanqas id-drittijiet tal-proprjetarji tal-azzjonijiet u/jew il-holdings tal-Bank.

It-tielet motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ diliġenza, min-naħa tal-Bank Ċentrali Ewropea, fil-viġilanza, is-superviżjoni, il-previżjoni, ir-regolamentazzjoni u l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi neċessarji sabiex tiġi ggarantita l-likwidità ta’ Banco Popular Español, S.A., u biex tiġi evitata r-riżoluzzjoni tiegħu.

____________