Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Ġunju 2013 – CN vs Il-Parlament

(Kawża T-343/13)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: CN (Brumath, Franza) (rappreżentant: M. Velardo, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tar-rikorrent

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew iħallsu lir-rikorrent is-sommaa’ EUR 1 000 għad-danni materjali mġarrba, flimkien mal-interessi kkalkolati bir-rata ta’ 6.75 %;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew iħallsu lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 40 000 għad-danni morali mġarrba, flimkien mal-interessi kkalkolati bir-rata ta’ 6.75 %;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan ir-rikors CN, ex uffiċjal tal-Kunsill bil-pensjoni, ifittex li jikseb kumpens għad-danni materjali u morali mġarrba wara l-pubblikazzjoni fis-sit internet istituzzjonali tal-Parlament Ewropew, aċċessibbli anki minn barra, ta’ silta minn petizzjoni ppreżentata mir-rikorrent fejn kienet tidher serje ta’ data personali fosthom anki informazzjoni dwar l-istat ta’ saħħa tiegħu u l-preżenza fil-familja tiegħu ta’ persuna b’diżabbiltà.

It-tixrid tad-data allegatament sar b’mod wiesa’, jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li jekk issir riċerka fuq l-isem tar-rikorrent fil-mutur ta’ riċerka Google kien possibbli li tinstab is-silta mill-petizzjoni ppubblikata mill-Parlament.

Minkejja t-talba tar-rikorrent, il-Parlament ma rtirax il-pubblikazzjoni tad-data personali u għamel dan biss iktar tard wara l-intervent ta’ avukat.

Insostenn tal-illegittimità tal-aġir tal-Parlament Ewropew ir-rikorrent jinvoka:

il-ksur tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali;

il-ksur tal-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

il-ksur tal-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, adottata fit-13 ta’ Diċembru 2006 u rratifikata mill-Unjoni Ewropea fit-23 ta’ Diċembru 2010;

il-ksur tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102).