Language of document : ECLI:EU:F:2009:10

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

11 ta’ Frar 2009

Kawża F-7/08

Peter Schönberger

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Attribuzzjoni ta’ punti ta’ mertu – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”

Suġġett: Rikors, ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 EA, li permezz tiegħu P. Schönberger jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal‑Parlament, tal-15 ta’ Jannar 2007, li permezz tagħha l‑Parlament irrifjuta li jagħti t-tielet punt ta’ mertu fil-proċedura ta’ evalwazzjoni 2003.

Deċiżjoni: Id-deċiżjonijiet li bihom il-Parlament irrifjuta li jagħti t-tielet punt ta’ mertu lir-rikorrent fil-proċedura ta’ evalwazzjoni 2003 huma annullati. Il-Parlament huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

2.      Uffiċjali – Ugwaljanza fit-trattament – Kunċett

1.      Sabiex jiġu evalwati l-merti li għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ promozzjoni taħt l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, l‑Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, filwaqt li l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu jkun limitat għal deċiżjoni dwar jekk, fid-dawl tal-metodi u tal‑motivi li setgħu jwasslu lill-awtorità amministrattiva għall‑evalwazzjoni tagħha, hija żammitx ma’ limiti korretti u jekk użatx is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat. It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku għalhekk ma jistax jissostitwixxi l‑evalwazzjoni tiegħu tal-kwalifiki u tal-merti għal dik tal-Awtorità tal-Ħatra.

Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali hekk irrikonoxxuta lill-awtorità amministrattiva hija limitata bil-ħtieġa li jsir eżami komparattiv tal-merti tal‑uffiċjali b’reqqa u b’imparzjalità, fl-interess tas-servizz u skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil‑prattika, dan l-eżami għandu jsir b’mod ugwali u abbażi ta’ sorsi ta’ informazzjoni u dettalji paragunabbli.

Il-ħtieġa li jsir tali eżami b’mod ugwali kif ukoll in-natura limitata tal-ammont ta’ punti ta’ mertu disponibbli jimponu illi dawn il-punti jingħataw lill-uffiċjali li l‑iktar jistħoqqilhom, skont l-ordni dejjem jonqos ta’ mertu, sakemm tinħela l‑kwota tal-punti. Jekk jiġi kkonstatat illi, matul l-eżami komparattiv tal-merti hekk imwettaq, ċerti uffiċjali għandhom merti ekwivalenti, jeħtieġ li l-imsemmija uffiċjali jingħataw punti ta’ mertu identiċi. Fil-każ ta’ ammont mhux biżżejjed ta’ punti, l-għażla bejn diversi ex aequo għandha ssir skont kunsiderazzjonijiet inċidentali bħall-anzjanità.

(ara l-punti 42 sa 44)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 3 ta’ April 2003, Il-Parlament vs Samper, C‑277/01 P, Ġabra p. I‑3019, punt 35

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ Novembru 1993, Tsirimokos vs Il-Parlament, T‑76/92, Ġabra p. II‑1281, punt 21; 6 ta’ Ġunju 1996, Baiwir vs Il-Kummissjoni, T‑262/94, ĠabraSP p. I‑A‑257 u II‑739, punt 66; 9 ta’ April 2003, Tejada Fernández vs Il-Kummissjoni, T‑134/02, ĠabraSP p. I‑A‑125 u II‑609, punt 41; 13 ta’ April 2005, Nielsen vs Il-Kunsill, T‑353/03, ĠabraSP p. I‑A‑95 u II‑443, punt 58; 19 ta’ Ottubru 2006, Buendía Sierra vs Il-Kummissjoni, T‑311/04, Ġabra p. II‑4137, punt 93

2.      Ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta żewġ kategoriji ta’ persuni li s-sitwazzjonijiet fattwali u legali tagħhom ma jkunux essenzjalment differenti jingħataw trattament differenti u meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod. B’hekk, ir-rekwiżit illi uffiċjal, sabiex ikun jista’ jikseb l‑istess ammont ta’ punti ta’ mertu bħall-uffiċjali li magħhom ġie mqabbel, għandu juri li l-merti tiegħu huma aħjar minn dawk tal-uffiċjali l-oħra, jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

(ara l-punti 45 u 49 sa 59)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Il-Qorti tal-Ġustizzja 4 ta’ Frar 1982, Buyl et vs Il‑Kummissjoni, 817/79, Ġabra p. 245, punt 29; 11 ta’ Lulju 1985, Appelbaum vs Il-Kummissjoni, 119/83, Ġabra. p. 2423, punt 25

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 7 ta’ Frar 1991, Tagaras vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑18/89 u T‑24/89, Ġabra p. II‑53, punt 68