Language of document : ECLI:EU:T:2014:909

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Ottubru 2014 (*)

“Rikors għal annullament — Programm ta’ sostenn għall-istabbiltà ta’ Ċipru — Dikjarazzjoni tal-grupp tal-euro dwar ir-ristrutturazzjoni tas-settur bankarju f’ Ċipru — Isem żbaljat tal-konvenuta fir-rikors — Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑327/13,

Konstantinos Mallis, residenti f’Larnaka (Ċipru),

Elli Konstantinou Malli, residenti f’Larnaka,

irrappreżentati minn E. Efstathiou, K. Efstathiou u K. Liasidou, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Smulders, J.‑P. Keppenne u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

u

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn A. Sáinz de Vicuña Barroso, N. Lenihan u F. Athanasiou, bħala aġenti, assistiti minn W. Bussian, W. Devroe u D. Arts, avukati,

konvenuti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-dikjarazzjoni tal-grupp tal-euro tal-25 ta’ Marzu 2013 dwar, b’mod partikolari, ir-ristrutturazzjoni tas-settur bankarju f’Ċipru,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President, I. Pelikánová u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 It-Trattat MES

1        Fit-2 ta’ Frar 2012, ġie konkluż fi Brussell (il-Belġju) it-Trattat li jistabbilixxi l-mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika tas-Slovakkja u r-Repubblika tal-Finlandja (iktar ʼil quddiem it-“Trattat MES”). Skont l-Artikoli 1, 2 u 32(2) tiegħu, il-partijiet kontraenti għal dan it-Trattat, jiġifieri l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, għandhom jistabbilixxu bejniethom istituzzjoni finanzjarja internazzjonali, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilità (MES), li għandha jkollha personalità ġuridika. It-Trattat MES daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Settembru 2012.

2        Il-premessa 1 tat-Trattat MES hija redatta kif ġej:

“Fis-17 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Ewropew qabel dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jistabbilixxu mekkaniżmu permanenti ta’ stabbiltà. [Il-MES] ser jassumi l-kompiti li bħalissa huma mwettqa mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (‘FESF’) u mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (‘MESF’) fl-għoti, fejn ikun meħtieġ, ta’ assistenza finanzjarja lill-Istati Membri taż-żona tal-euro.”

3        L-Artikolu 3 tat-Trattat MES jiddeskrivi l-għan ta’ dan tal-aħħar kif ġej:

“L-għan tal-MES huwa l-mobilizzazzjoni tal-finanzjament u l-għoti ta’ sostenn għall-istabbiltà taħt kondizzjonalità stretta, adegwata għall-istrument ta’ assistenza finanzjarja magħżul, għall-benefiċċju tal-Membri fil-MES li jkunu għaddejjin, jew jinsabu mhedda, minn problemi serji ta’ finanzjament jekk dan ikun indispensabbli għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament u tal-Istati Membri tagħha. Għal dan il-għan, il-MES għandu jkun intitolat jiġġenera fondi billi joħroġ strumenti finanzjarji jew billi jidħol fi ftehimiet jew arranġamenti finanzjarji jew ta’ xort’oћra ma’ Membri fil-MES, istituzzjonijiet finanzjarji jew partijiet terzi oħra.”

4        L-Artikolu 4 tat-Trattat MES jistabbilixxi:

“1. Il-MES għandu jkollu Bord tal-Gvernaturi u Bord tad-Diretturi, kif ukoll Direttur Maniġerjali u persunal tiegħu stess ieħor li jitqies li jkun meħtieġ.

[…]

3. L-adozzjoni ta’ deċiżjoni bi qbil reċiproku teħtieġ l-unanimità tal-membri li jkunu qegћdin jieħdu sehem fil-vot. L-astensjonijiet ma jżommux milli deċiżjoni tiġi adottata bi qbil reċiproku.

4. B’deroga mill-paragrafu 3, għandha tintuża proċedura ta’ votazzjoni ta’ emerġenza f’każijiet fejn kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-[Bank Ċentrali Ewropew] jikkonkludu li nuqqas li urġentement tiġi adottata deċiżjoni ta’ għoti jew implimentazzjoni ta’ assistenza finanzjarja, kif definit fl-Artikoli 13 sa 18, jipperikola s-sostenibbiltà ekonomika u finanzjarja taż-żona tal-euro. […]”

5        L-Artikolu 5(3) tat-Trattat MES jipprovdi li “[l]-Membru tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-affarijiet ekonomiċi u monetarji u l-President tal-[Bank Ċentrali Ewropew], kif ukoll il-President tal-Grupp tal-Euro (jekk ma jkunx il-President jew Gvernatur), jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi [tal-MES] bħala osservaturi”.

6        L-Artikolu 6(2) tat-Trattat MES jipprovdi li “[l]-Membru tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-affarijiet ekonomiċi u monetarji u l-President tal-[Bank Ċentrali Ewropew] jistgħu jaħtru osservatur kull wieħed [fil-Kunsill tal-Amministrazzjoni tal-MES]”.

7        L-Artikolu 12 tat-Trattat MES jiddefinixxi l-prinċipji li huwa suġġett għalihom is-sostenn għall-istabbiltà u jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk ikun indispensabbli għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament u tal-Istati Membri tagħha, il-MES jista’ jipprovdi sostenn għall-istabbiltà lil Membru fil-MES soġġett għal kondizzjonalità stretta, adegwata għall-istrument ta’ assistenza finanzjarja magħżul. Tali kondizzjonalità tista’ tvarja minn programm ta’ aġġustament makroekonomiku sal-osservanza kontinwa ta’ kondizzjonijiet prestabbiliti ta’ eliġibbiltà.”

8        Il-proċedura tal-għoti ta’ sostenn għall-istabbiltà lil membru tal-MES hija deskritta fl-Artikolu 13 tat-Trattat MES kif ġej:

“1. Membru fil-MES jista’ jindirizza talba għal sostenn għall-istabbiltà lill-President tal-Bord tal-Gvernaturi. Tali talba għandha tindika l-istrument jew strumenti ta’ assistenza finanzjarja li għandhom jiġu kkunsidrati. Meta jirċievi tali talba, il-President tal-Bord tal-Gvernaturi għandu jinkariga lill-Kummissjoni Ewropea, f’koordinazzjoni mal-[Bank Ċentrali Ewropew], bil-kompiti li ġejjin:

a)       l-istima tal-eżistenza ta’ riskju għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament jew tal-Istati Membri tagħha, sakemm il-[Bank Ċentrali Ewropew] ma jkunx diġà preżenta analiżi taħt l-Artikolu 18[2];

b)       l-istima jekk id-dejn pubbliku huwiex sostenibbli. Fejn xieraq u possibbli, tali stima hija mistennija li ssir flimkien mal-[Fond Monetarju Internazzjonali];

c)       l-istima tal-ħtiġijiet attwali jew potenzjali ta’ finanzjament tal-Membru konċernat fil-MES.

2. Abbażi tat-talba mill-Membru fil-MES u l-istima msemmija fil-paragrafu 1, il-Bord tal-Gvernaturi jista’ jiddeċiedi li jagħti, fil-prinċipju, sostenn għall-istabbiltà lill-Membru konċernat fil-MES fil-forma ta’ faċilità ta’ assistenza finanzjarja.

3. Jekk tiġi adottata deċiżjoni skont il-paragrafu 2, il-Bord tal-Gvernaturi għandu jinkariga lill-Kummissjoni Ewropea — f’koordinazzjoni mal-[Bank Ċentrali Ewropew] u, kull fejn possibbli, flimkien mal-[Fond Monetarju Internazzjonali] — bil-kompitu li tinnegozja mal-Membru konċernat fil-MES, memorandum ta’ qbil (‘MoU’) li jispeċifika f’dettal il-kondizzjonalità marbuta mal-faċilità ta’ assistenza finanzjarja. Il-kontenut tal-MoU għandu jirrifletti s-severità tad-dgħufijiet li għandhom jiġu inidrizzati u l-forma magħżula tal-assistenza finanzjarja. Fl-istess waqt, id-Direttur Maniġerjali tal-MES għandu jħejji proposta għal ftehim dwar faċilità ta’ assistenza finanzjarja, inklużi l-pattijiet finanzjarji u l-kondizzjonijiet u l-għażla ta’ strumenti, li għandhom jiġu adottati mill-Bord tal-Gvernaturi.

Il-MoU għandu jkun gћal kollox konsistenti mal-miżuri ta’ koordinazzjoni ta’ politika ekonomika previsti fit-TFUE, partikolarment ma’ kull att fil-liġi tal-Unjoni Ewropea, inkluża kull opinjoni, twissija, rakkomandazzjoni jew deċiżjoni indirizzata lill-Membru fil-MES konċernat.

4. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiffirma l-MoU f’isem il-MES, soġġett għall-konformità minn qabel tal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 u l-approvazzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi.

5. Il-Bord tad-Diretturi għandu japprova l-ftehim dwar faċilità ta’ assistenza finanzjarja li jkun jispeċifika f’dettal l-aspetti finanzjarji tas-sostenn għall-istabbiltà li gћandu jingħata u, fejn applikabbli, il-ħlas tal-ewwel parti tal-assistenza.

[…]

7. Il-Kummissjoni Ewropea — f’koordinazzjoni mal-[Bank Ċentrali Ewropew] u, kull fejn possibbli, flimkien mal-[Fond Monetarju Internazzjonali] — għandha tkun inkarigata timmonitorja l-konformità mal-kondizzjonalità marbuta mal-faċilità ta’ assistenza finanzjarja.”

 Diffikultajiet finanzjarji tar-Repubblika ta’ Ċipru u miżuri adottati inizjalment

9        Matul l-ewwel xhur tas-sena 2012, fallew ċerti banek stabbiliti f’Ċipru, fosthom Cyprus Popular Bank Public Co Ltd (Laïki). Ir-Repubblika ta’ Ċipru qieset bħala neċessarja r-rikapitalizzazzjoni tagħhom u għal dan l-għan ippreżentat quddiem il-president tal-grupp tal-euro talba għal assistenza finanzjarja mill-faċilità Ewropea ta’ stabbiltà finanzjarja (FESF) jew mill-MES.

10      Permezz ta’ dikjarazzjoni tas-27 ta’ Ġunju 2012, il-grupp tal-euro indika li l-assistenza finanzjarja mitluba kellha tiġi pprovduta jew mill-FESF jew mill-MES, fil-kuntest ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku li kellu jiġi kkonkretizzat fi protokoll ta’ ftehim li n-negozjati għalih ser jitmexxew, minn naħa, mill-Kummissjoni Ewropea, b’mod konġunt mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), u, min-naħa l-oħra, mill-awtoritajiet Ċiprijotti.

11      Ir-Repubblika ta’ Ċipru u l-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro waslu għal ftehim politiku dwar abbozz ta’ protokoll f’Marzu tal-2013. Permezz ta’ dikjarazzjoni tas-16 ta’ Marzu 2013, il-grupp tal-euro laqa’ dan il-ftehim u semma ċerti miżuri ta’ aġġustament previsti, fosthom l-istabbiliment ta’ taxxa fuq id-depożiti bankarji. Il-grupp tal-euro indika li, fid-dawl ta’ dan il-kuntest, huwa kien iqis li l-għoti ta’ assistenza finanzjarja li tista’ tiżgura l-istabbiltà finanzjarja tar-Repubblika ta’ Ċipru u taż-żona tal-euro kien, bħala prinċipju, ġġustifikat u stieden lill-partijiet ikkonċernati sabiex iħaffu n-negozjati pendenti.

12      Fit-18 ta’ Marzu 2013, ir-Repubblika ta’ Ċipru ordnat l-għeluq tal-banek fil-ġranet ta’ xogħol tad-19 u tal-20 ta’ Marzu 2013. Permezz ta’ dikjarazzjoni tal-istess ġurnata, il-president tal-grupp tal-euro indika li t-taxxa fuq id-depożiti bankarji, flimkien mal-assistenza finanzjarja mitluba, ser jintużaw sabiex tiġi rrestawrata l-vijabbiltà tas-settur bankarju Ċiprijott u, għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja ta’ Ċipru. Madankollu, huwa indika li l-grupp tal-euro kien tal-opinjoni li d-depożiti ż-żgħar kellhom jibbenefikaw minn trattament differenti minn dak tad-depożiti l-kbar, billi enfasizza l-importanza li jiġi ggarantiti b’mod sħiħ id-depożiti ta’ taħt l-ammont ta’ EUR 100 000. Fl-aħħar, il-president tal-grupp tal-euro, f’isem dan tal-aħħar, inkoraġġixxa lill-awtoritajiet u lill-Parlament Ċiprijotti sabiex jimplementaw rapidament il-miżuri maqbula.

13      L-awtoritajiet Ċiprijotti ddeċidew li jestendu l-għeluq tal-banek sat-28 ta’ Marzu 2013 bil-għan li tiġi evitata ġirja għall-iżbank.

14      Fid-19 ta’ Marzu 2013, il-Parlament Ċiprijott ċaħad l-abbozz tal-liġi tal-Gvern Ċiprijott relatat mal-istabbiliment ta’ taxxa fuq id-depożiti bankarji kollha ta’ Ċipru. Għaldaqstant, il-Gvern Ċiprijott ipprepara abbozz ġdid li jipprevedi biss ir-ristrutturazzjoni taż-żewġ banek, it-Trapeza Kyprou Dimosia Etairia Ltd (BoC) u l-Laïki.

15      Fit-22 ta’ Marzu 2013, il-Parlament Ċiprijott adotta l-O peri exiyiansis pistotikon kai allon idrimaton nomos [liġi dwar l-istabbilizzazzjoni ta’ stabbilimenti ta’ kreditu u ta’ stabbilimenti oħra, iktar ʼil quddiem il-“liġi tat-22 ta’ Marzu 2013”, EE, Anness I(I), Nru 4379, 22.3.2013, p. 117]. Skont il-punt 3(1) u l-punt 5(1) ta’ din il-liġi, il-Bank Ċentrali Ċiprijott (BĊĊ) kien responsabbli għall-istabbilizzazzjoni tal-istabbilimenti previsti mill-imsemmija liġi, b’mod konġunt mal-Ministeru tal-Finanzi. Għal dan l-għan, il-punt 12(1) tal-Liġi tat-22 ta’ Marzu 2013 jipprevedi, minn naħa, li l-BĊĊ jista’, permezz ta’ digriet, jirristruttura d-djun u l-obbligi ta’ stabbiliment suġġett għal proċedura ta’ riżoluzzjoni, inkluż permezz ta’ tnaqqis, ta’ tibdil, ta’ skalar jew ta’ tiġdid tal-kapital nominali jew tal-bilanċ ta’ kull tip ta’ debiti eżistenti jew futuri li jiggravaw lil dan l-istabbiliment jew permezz ta’ konverżjoni tat-titoli tad-dejn f’fondi proprji. Min-naħa l-oħra, dan il-punt jipprevedi li d-“depożiti ggarantiti”, fis-sens tal-ħames paragrafu tal-punt 2 tal-liġi tat-22 ta’ Marzu 2013, huma esklużi minn dawn il-miżuri. Huwa paċifiku bejn il-partijiet li s-suġġett jittratta depożiti inferjuri għal EUR 100 000.

 Dikjarazzjoni kkontestata

16      Permezz ta’ dikjarazzjoni tal-25 ta’ Marzu 2013 (iktar ʼil quddiem id-“dikjarazzjoni kkontestata”), il-grupp tal-euro indika li kien wasal għal ftehim mal-awtoritajiet Ċiprijotti dwar l-elementi essenzjali ta’ programm futur makroekonomiku ta’ aġġustament li jkollu l-appoġġ tal-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro kif ukoll tal-Kummissjoni, tal-BĊE u tal-FMI. Barra minn hekk, il-grupp tal-euro laqa’ l-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni tas-settur finanzjarju msemmija fl-anness ta’ din id-dikjarazzjoni.

17      L-anness tad-dikjarazzjoni kkontestata huwa redatt kif ġej:

“Wara preżentazzjoni tal-proġetti politiċi tal-awtoritajiet [tar-Repubblika ta’ Ċipru], li ntlaqgħu ampjament mill-grupp tal-euro, intalaħaq ftehim fuq dan li ġej:

1. Il-Laïki hija magħluqa immedjatament — b’kontribuzzjoni sħiħa tal-azzjonisti, tad-detenturi tal-bonds u tad-depożitanti mhux assigurati — skont riżoluzzjoni tal-[BĊĊ] bl-użu tal-qafas ta’ riżoluzzjoni bankarju l-ġdid.

2. Il-Laïki hija diviża f’bank tajjeb u f’bank ħażin. Il-bank ħażin għandu jispiċċa progressivament.

3. Il-bank tajjeb huwa integrat fil-[BoC] bl-għajnuna tal-qafas ta’ riżoluzzjoni bankarju u wara konsultazzjoni tal-kunsilli ta’ amministrazzjoni tal-BoC u ta’ Laïki. Dan għandi jipprovdi [għajnuna ta’ urġenza f’każ ta’ kriżi ta’ likwidità (ELA)] li tammonta għal EUR [disa’] biljuni. Huma biss id-depożiti mhux iggrantiti tal-BoC li għandhom jibqgħu iffriżati sa meta tkun tlestiet ir-rikapitalizzazzjoni u sussegwentement ikunu jistgħu jiġu ssuġġettati għal kundizzjonijiet adegwati.

4. Il-kunsill regolatorju tal-BĊE għandu jipprovdi likwiditajiet lil BoC filwaqt li josserva r-regoli applikabbli.

5. Il-BoC għandha tiġi rrikapitalizzata permezz ta’ konverżjoni tad-depożiti mhux iggarantiti f’fondi proprji b’kontribuzzjoni sħiħa tal-azzjonisti u tad-detenturi tal-bonds.

6. Il-konverżjoni għandha ssir b’mod li tiżgura perċentwali mill-kapital ta 9 % fl-aħħar tal-programm.

7. Id-detenturi kollha tad-depożiti ggarantiti fil-banek kollha għandhom jibbenefikaw minn protezzjoni totali bi qbil mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-[Unjoni].

8. Il-baġit tal-programme (sa EUR [għaxar] biljuni) mhux ser iservu sabiex jiġu rrikapitalizzati l-Laïki jew il-[BoC].”

 Miżuri ta’ ristrutturazzjoni bankarja adottati f’Ċipru

18      Fil-25 ta’ Marzu 2013, il-kunsill regolatorju tal-BĊĊ issuġġetta lil BoC u lill-Laïki għal proċedura ta’ stabbilizzazzjoni. Fid-29 ta’ Marzu 2013 u għal dan il-għan, ġew ippubblikati żewġ digrieti abbażi tal-liġi tat-22 ta’ Marzu 2013, jiġifieri:

–        it-to peri diasosis me idia mesa tis Trapezas Kyprou Dimosias Etaireias Ltd Diatagma tou 2013, Kanonistiki Dioikitiki Praxi Nru 103 [Digriet tal-2013 dwar l-istabbilizzazzjoni permezz ta’ mezzi proprji tal-BoC, att amministrattiv regolatorju Nru 103, iktar ʼil quddiem id-“Digriet Nru 103”, EE, Anness III(I), Nru 4645, 29.3.2013, p. 769 sa 780];

–        it-to Peri tis Polisis Orismenon Ergasion tis Cyprus Popular Bank Public Co Ltd Diatagma tou 2013, Kanonistiki Dioikitiki Praxi Nru 104 [Digriet tal-2013 dwar il-bejgħ ta’ ċerti attivitajiet tal-Laïki, att amministrattiv regolatorju Nru 104, iktar ʼil quddiem id-“Digriet Nru 104”, EE, Anness III(I), Nru 4645, 29.3.2013, p. 781 sa 788].

19      Id-Digriet Nru 103 jipprevedi rikapitalizzazzjoni tal-BoC, li l-ispejjeż tagħha għandhom jiġu sostnuti, b’mod partikolari, mid-depożitanti mhux iggarantiti tagħha, mill-azzjonisti tagħha u mill-kredituri obbligatorji tagħha, bil-għan li din tkun tista’ tkompli tipprovdi servizzi bankarji. Għalhekk, id-depożiti mhux iggarantiti ġew ikkonvertiti f’azzjonijiet tal-BoC, jiġifieri 37.5 % ta’ kull depożitu mhux iggarantit, f’titoli konvertibbli mill-BoC f’azzjonijiet jew f’depożiti, jiġifieri 22.5 % ta’ kull depożitu mhux iggarantit, u f’titoli li jistgħu jiġu kkonvertiti f’depożiti mill-BĊĊ, jiġifieri 40 % ta’ kull depożitu mhux iggarantit. Id-Digriet Nru 103, skont il-punt 10 tiegħu, daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Marzu 2013, fis-6 ta’ filgħodu.

20      Fir-rigward tad-Digriet Nru 104, id-dispożizzjonijiet magħquda tal-punti 2 u 5 ta’ dan tal-aħħar jipprevedu, fid-29 ta’ Marzu 2013, fis-6.10 ta’ filgħodu, it-trasferiment ta’ ċerti elementi tal-attiv u tal-passiv tal-Laïki lil BoC, inklużi d-depożiti inferjuri għal EUR 100 000. Id-depożiti li huma superjuri għal EUR 100 000 baqgħu miżuma minn Laïki, sakemm issir il-likwidazzjoni tagħha.

21      Waqt id-dħul fis-seħħ tad-Digrieti Nri 103 u 104, ir-rikorrenti, K. Mallis u E. Malli, kienu proprjetarji tad-depożiti ma Laïki.

22      L-applikazzjoni tal-miżuri previsti mid-Digriet Nru 104 ipprovokat tnaqqis sostanzjali tal-valur ta’ dawn id-depożiti. Ir-rikorrenti jsostnu li kienu tilfu kull ammont superjuri għal EUR 100 000 li jammonta preċiżament għat-telf subit.

23      Wara l-adozzjoni tad-Digrieti Nri 103 u 104, il-Kummissjoni bdiet diskussjonijiet ġodda mal-awtoritajiet Ċiprijotti bil-għan li jiġi ffinalizzat il-protokoll ta’ ftehim.

 Għoti ta’ assistenza finanzjarja lir-Repubblika ta’ Ċipru

24      Waqt il-laqgħa tiegħu tal-24 ta’ April 2013, il-kunsill regolatorju tal-MES:

–        ikkonferma, min-naħa, li l-Kummissjoni u l-BĊE kienu inkarigati jwettqu l-evalwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(1) tat-Trattat MES u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-BĊE u mal-FMI, ġiet inkarigata tinnegozja l-protokoll ta’ ftehim mar-Repubblika ta’ Ċipru;

–        iddeċieda li jagħti appoġġ għall-istabbiltà lir-Repubblika ta’ Ċipru fil-forma ta’ faċilità ta’ assistenza finanzjarja (iktar ʼil quddiem il-“FAF”), b’mod konformi mal-proposta tad-Direttur Maniġerjali tal-MES;

–        approva l-abbozz ta’ protokoll ta’ ftehim; u

–        inkariga lill-Kummissjoni li tiffirma dan il-protokoll f’isem il-MES.

25      Il-protokoll ta’ ftehim ġie ffirmat fis-26 ta’ April 2013 mill-Ministru tal-finanzi tar-Repubblika ta’ Ċipru, mill-Gvernatur tal-BĊĊ u minn O. Rehn, Viċi President tal-Kummissjoni, f’isem din tal-aħħar.

26      Fit-8 ta’ Mejju 2013, il-Bord tad-Diretturi tal-MES approva l-ftehim relatat mal-FAF kif ukoll proposta dwar il-modalitajiet tal-ħlas tal-ewwel parti tal-għajnuna lir-Repubblika ta’ Ċipru. Din il-parti ġiet diviża f’żewġ ħlasijiet imwettqa, rispettivament, fit-13 ta’ Mejju 2013, fl-ammont ta’ EUR 2 biljuni, u fis-26 ta’ Ġunju 2013, fl-ammont ta’ EUR 1 biljun. It-tieni parti tal-għajnuna, fl-ammont ta’ EUR 1.5 biljun, tħallset fis-27 ta’ Settembru 2013.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

27      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ġunju 2013, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-dikjarazzjoni kkontestata, “li kisbet il-forma definittiva tagħha permezz tad-[Digriet Nru 104] tal-Gvernatur tal-[BĊĊ], li qed jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ rappreżentant tas-[Sistema Ewropea tal-banek ċentrali], li permezz tagħha ġie deċiż “il-bejgħ ta’ ċeti attivitajiet tal-[Laïki]” u li tikkostitwixxi essenzjalment deċiżjoni komuni tal-[BĊE] kif ukoll tal-Kummissjoni”;

–        sussidjarjament, tiddikjara li, indipendentement mill-forma u mit-tip tagħha, id-dikjarazzjoni kkontestata tikkostitwixxi, essenzjalment, “deċiżjoni komuni tal-[BĊE] u/jew tal-Kummissjoni”;

–        iktar sussidjarjament, tannulla d-dikjarazzjoni kkontestata, “indipendentament mill-forma u mit-tip tagħha”;

–        iktar sussidjarjament, “tannulla d-deċiżjoni komuni tal-[BĊE] u/jew tal-Kummissjoni […] adottata permezz tal-grupp tal-euro, indipendentament mill-forma u mit-tip tagħha”;

–        tikkundanna lill-BĊE u/jew lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28      Permezz ta’ atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 u fid-9 ta’ Ottubru 2013 rispettivament, il-Kummissjoni u l-BĊE invokaw eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Huma jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

29      Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni u tal-BĊE fl-4 ta’ Diċembru 2013.

 Id-dritt

30      Skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk parti tagħmel talba għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, il-proċedura titkompla oralment, sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiħux deċiżjoni kuntrarja. Skont il-paragrafu 4 tal-istess artikolu, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi fuq it-talba jew iżżidha mal-mertu.

31      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li l-atti tal-proċess jipprovdulha biżżejjed informazzjoni, u li ma hemmx lok li jingħata bidu għall-proċedura orali.

32      Qabel xejn, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-ewwel, tat-tielet u tar-raba’ talba u, sussegwentement, dik tat-tieni talba.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel, tat-tielet u tar-raba’ talba

33      Hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel, tat-tielet u tar-raba’ talba tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-dikjarazzjoni kkontestata.

34      Il-Kummissjoni u l-BĊE jsostnu li din it-talba hija inammissibbli u jippreżentaw diversi argumenti f’dan is-sens, li huma kkontestati mir-rikorrenti.

35      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 44(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors previst fl-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jinkludi l-isem tal-parti li kontriha dan jiġi ppreżentat.

36      L-isem fir-rikors, bi żball, ta’ konvenuta li ma tkunx l-awtur tal-att ikkontestat ma jwassalx għall-inammissibbiltà tar-rikors, jekk dan tal-aħħar ikun jinkludi elementi li jippermettu l-identifikazzjoni mingħajr ambigwità tal-parti li kontriha dan ikun ġie ppreżentat, bħall-isem tal-att ikkontestat u tal-awtur tiegħu. F’tali każ, l-awtur tal-att ikkontestat għandu jitqies li huwa l-konvenut, minkejja li dan ma jkunx jissemma fil-parti introduttiva tar-rikors. Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn dan il-każ u dak li fih ir-rikorrenti tippersisti bl-isem tal-konvenuta msemmi fil-parti introduttiva tar-rikors, meta tkun konxja mill-fatt li din ma hijiex l-awtur tal-att ikkontestat. F’dan l-aħħar każ, jeħtieġ li jittieħed kont tal-konvenuta indikata fir-rikors u, jekk ikun il-każ, li jinsiltu l-konsegwenzi ta’ din l-indikazzjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors (Digriet tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ottubru 2006, Aisne u Nature vs Il-Kummissjoni, T‑173/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 17 u 18, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Novembru 1990, Mommer vs Il-Parlament, T‑162/89, Ġabra p. II‑679, punti 19 u 20).

37      Id-dikjarazzjoni kkontestata tippreżenta ruħha bħala dokument li fih il-grupp tal-euro jsemmi, minn naħa, il-ftehim li wasal għalih mal-awtoritajiet Ċiprijotti u, min-naħa l-oħra, ċerti osservazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward. Ir-rikorrenti ma ppreżentawx ir-rikors tagħhom kontra l-grupp tal-euro, iżda insistew fuq dan il-punt fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, kontra l-Kummissjoni u l-BĊE. Għaldaqstant hemm lok li jiġi eżaminat jekk, kif isostnu r-rikorrenti, id-dikjarazzjoni kkontestata tistax effettivament tiġi imputata lill-Kummissjoni u lill-BĊE b’tali mod li dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li huma l-awturi tagħha u, għaldaqstant, bħala l-partijiet li kontrihom kellu jiġi ppreżentat ir-rikors.

38      Għaldaqstant jeħtieġ li jiġu analizzati l-karatteristiċi tal-grupp tal-euro kif ukoll ir-rapporti tiegħu mal-Kummissjoni u mal-BĊE fid-dawl tal-kontenut tad-dikjarazzjoni kkontestata.

39      Il-grupp tal-euro jissemma fl-Artikolu 137 TFUE li jipprevedi li l-modalitajiet tal-laqgħat bejn il-Ministri tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro huma stabbiliti mill-Protokoll Nru 14 dwar il-grupp tal-euro.

40      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-protokoll, dawn huma redatti kif ġej:

“Artikolu 1

Il-Ministri ta’ l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jiltaqgħu informalment. Dawn il-laqgħat għandhom iseħħu, skond il-ħtieġa, sabiex ikunu diskussi kwistjonijiet marbuta mar-responsabbiltajiet speċifiċi li huma jaqsmu fejn tidħol il-munita unika. Il-Kummissjoni għandha tieħu sehem fil-laqgħat. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkun mistieden jieħu sehem f'dawn il-laqgħat, li għandhom ikunu preparati mir-rappreżentanti tal-Ministri responsabbli għall-finanzi ta’ l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u tal-Kummissjoni.

Artikolu 2

Il-Ministri ta’ l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jeleġġu president għal sentejn u nofs, bil-maġġoranza ta’ dawk l-Istati Membri.”

41      Fl-ewwel lok, minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-grupp tal-euro huwa forum ta’ diskussjoni, fil-livell ministerjali, tar-rappreżentanti tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, u mhux organu deċiżjonali. Dan il-forum informali, li l-għan tiegħu huwa li jiffaċilita l-iskambju ta’ opinjonijiet dwar ċerti kwistjonijiet speċifiċi ta’ interess komuni għall-Istati Membri li jifformaw parti minnu, għandu ċerta struttura istituzzjonali, sa fejn huwa għandu president elett għal perijodu ddeterminat. Issa, ma hemm l-ebda raġuni sabiex din l-istruttura titqies li hija integrata f’dik tal-Kummissjoni jew f’dik tal-BĊE.

42      Fit-tieni lok, hemm lok li jiġi osservat li, minkejja li l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni u tal-BĊE fil-laqgħat tal-grupp tal-euro hija prevista fl-Artikolu 1 tal-protokoll dwar dan tal-aħħar, fejn il-Kummissjoni tista’ wkoll tikkontribwixxi għall-preparazzjoni tal-imsemmija laqgħat, il-grupp tal-euro jikkostitwixxi laqgħa informali tal-Ministri tal-Istati Membri kkonċernati.

43      Fit-tielet lok, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, mir-regoli dwar il-grupp tal-euro ma jirriżultax li din l-entità rċeviet delega tal-kompetenza mill-Kummissjoni jew mill-BĊE, u lanqas li dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jeżerċitaw kompetenzi ta’ kontroll fir-rigward tagħha jew li jressqulha xi rakkomandazzjonijiet, u wisq inqas xi istruzzjonijiet vinkolanti.

44      Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, ma huwiex possibbli li jitqies li l-grupp tal-euro huwa kkontrollat mill-Kummissjoni jew mill-BĊE, u lanqas li dan jaġixxi bħala mandatarju ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

45      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet adottati mill-grupp tal-euro, bħad-dikjarazzjoni kkontestata, ma jistgħux jiġu imputati lill-Kummissjoni jew lill-BĊE. Hemm lok li jiżdied li ma hemm l-ebda att tal-proċess li jista’ jwassal għall-konklużjoni li d-dikjarazzjoni kkontestata għandha titqies li hija dikjarazzjoni stabbilita fir-realtà mill-Kummissjoni jew mill-BĊE.

46      Sussegwentement, hemm lok li jiġi osservat li l-argumenti tar-rikorrenti jistgħu wkoll jiġu interpretati fis-sens li, fl-opinjoni tagħhom, id-dikjarazzjoni kkontestata hija fi kwalunkwe każ imputabbli lill-MES u li, peress li din tal-aħħar hija allegatament ikkontrollata mill-Kummissjoni u mill-BĊE, id-dikjarazzjoni kkontestata tista’, finalment, tiġi imputata lill-istituzzjonijiet.

47      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 4, 5, 6 u 8 iktar ʼil fuq, it-Trattat MES jikkonferixxi ċerti kompiti lill-Kummissjoni u lill-BĊE marbuta mal-implementazzjoni tal-għanijiet stabbiliti fih. Madankollu, l-ebda dispożizzjoni tat-Trattat MES ma tippermetti li jitqies li l-MES irċieva delega tal-kompetenza mingħand dawn l-istituzzjonijiet, u lanqas li dawn jistgħu jeżerċitaw kompetenzi ta’ kontroll fir-rigward tiegħu jew jagħtuh ordnijiet.

48      Dan li ntqal huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li, minn naħa, il-funzjonijiet mogħtija lill-Kummissjoni u lill-BĊE fil-kuntest tat-Trattat MES ma jinkludu l-ebda setgħa deċiżjonali proprja u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet eżerċitati minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet fil-kuntest tal-istess Trattat jikkonċernaw biss lill-MES (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, punt 161).

49      Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt li d-dikjarazzjoni kkontestata tista’ tiġi attribwita lill-MES u mhux lill-grupp tal-euro, tali ċirkustanza ma tippermettix li jitqies li l-Kummissjoni jew il-BĊE taw bidu għall-adozzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni.

50      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li d-dikjarazzjoni kkontestata ma tistax tiġi imputata lill-konvenuti. Skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 36 iktar ʼil fuq, l-ewwel, it-tielet u r-raba’ talba għandhom jiġi miċħuda bħala inammissibbli.

51      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat, għall-finijiet ta’ kompletezza, li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu, li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263TFUE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9, u tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, Ġabra p. I‑1375, punt 62; Digriet tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Novembru 2003, Kronoply vs Il-Kummissjoni, T‑130/02, Ġabra p. II‑4857, punt 43).

52      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi ddeterminat jekk att jew deċiżjoni tipproduċix effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu, hemm lok li tingħata importanza lis-sustanza tagħha (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 1991, Sunzest vs Il‑Kummissjoni, C‑50/90, Ġabra p. I‑2917, punt 12, u digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 2009, US Steel Košice vs Il-Kummissjoni, T‑22/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 41).

53      Fir-rigward tas-sustanza tad-dikjarazzjoni kkontestata, għandu jitfakkar li grupp tal-euro ma jistax jitqies li huwa organu deċiżjonali. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-funzjonament tiegħu ma jawtorizzawhx li jadotta atti legalment vinkolanti. Għaldaqstant, bħala prinċipju, dikjarazzjoni tal-grupp tal-euro ma tistax titqies bħala att li huwa maħsub li jipproduċi effetti legali fil-konfront ta’ terzi (ara f’dan is-sens, u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑301/03, Ġabra p. I‑10217, punt 28; Digrieti tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Novembru 2008, Srinivasan vs L-Ombudsman, T‑196/08, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 11 u 12; u tat-3 ta’ Diċembru 2008, RSA Security Ireland vs Il-Kummissjoni, T‑210/07, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 53 sa 55).

54      Il-kontenut tad-dikjarazzjoni kkontestata, moqri f’dan il-kuntest, jistabbilixxi li din id-dikjarazzjoni ma tistax tipproduċi tali effetti legali.

55      Fil-fatt, permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, il-grupp tal-euro, b’mod partikolari:

–        indika li kien wasal għal ftehim mal-awtoritajiet Ċiprijotti dwar ċerti elementi ta’ programm futur ta’ aġġustament (l-ewwel paragrafu tad-dikjarazzjoni kkontestata);

–        laqa’ diversi miżuri li, fl-opinjoni tiegħu, ġew maqbula ma’ dawn l-awtoritajiet (it-tielet, il-ħames u s-sitt paragrafu tad-dikjarazzjoni kkontestata);

–        ikkunsidra ċerti impenji adottati mill-imsemmija awtoritajiet (id-disa’ u l-għaxar paragrafu tad-dikjarazzjoni kkontestata);

–        inkoraġġixxa l-implementazzjoni immedjata tal-ftehim bejn ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika ta’ Ċipru (is-seba’ paragrafu tad-dikjarazzjoni kkontestata);

–        talab lill-awtoritajiet Ċiprijotti u lill-Kummissjoni jiffinalizzaw il-protokoll ta’ ftehim (it-tmien paragrafu tad-dikjarazzjoni kkontestata);

–        ikkonferma li, kif kien indika fis-16 ta’ Marzu 2013, ir-Repubblika ta’ Ċipru tista’ tibbenefika, bħala prinċipju, minn FAF fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti (il-ħdax-il paragrafu tad-dikjarazzjoni kkontestata);

–        speċifika li kien qed jistenna li l-kunsill regolatorju tal-MES ikun f’pożizzjoni li japprova formalment il-proposta ta’ FAF matul it-tielet ġimgħa ta’ April 2013, b’riżerva għall-ikkompletar tal-“proċeduri nazzjonali” (it-tnax-il paragrafu tad-dikjarazzjoni kkontestata);

–        elenka l-miżuri li, fl-opinjoni tiegħu, kienu s-suġġett ta’ qbil fi ħdanu wara l-preżentazzjoni tal-pjanijiet tal-awtoritajiet Ċiprijotti (anness tad-dikjarazzjoni kkontestata, ara l-punt 17 iktar ʼil fuq).

56      Għaldaqstant, fid-dikjarazzjoni kkontestata, il-grupp tal-euro pproduċa, b’mod ġenerali ħafna, rendikont ta’ ċerti miżuri maqbula fuq il-livell politiku mar-Repubblika ta’ Ċipru bil-għan li tingħata stabbiltà lis-sitwazzjoni finanzjarja ta’ din tal-aħħar u ħabbar negozjati ulterjuri probabbli, kif ukoll inkoraġġixxa negozjati oħra u passi li huwa qies bħala neċessarji jew mixtieqa. Madankollu, f’din id-dikjarazzjoni, il-grupp tal-euro ma esprima l-ebda pożizzjoni definittiva dwar l-għoti tal-FAF lir-Repubblika ta’ Ċipru u lanqas dwar il-kundizzjonijiet li dan l-Istat Membru għandu josserva sabiex jibbenefika mill-assistenza mitluba.

57      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat, minn naħa, li l-grupp tal-euro ma indikax li din l-assistenza kellha tingħata lir-Repubblika ta’ Ċipru biss fil-każ li din tal-aħħar timplementa miżuri ta’ ristrutturazzjoni bankarja bħal dawk previsti mid-Digrieti Nri 103 u 104.

58      Min-naħa l-oħra, filwaqt li, fit-tielet paragrafu tad-dikjarazzjoni kkontestata, il-grupp tal-euro laqa’ l-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni tas-settur finanzjarju speċifikati fl-anness ta’ din id-dikjarazzjoni, huwa ma indikax li dawn il-pjanijiet tqiesu li jifformaw parti mill-programm ta’ aġġustament makroekonomiku li r-Repubblika ta’ Ċipru tista’ tkun obbligata tosserva sabiex tibbenefika minn assistenza finanzjarja, skont l-Artikolu 12(1) tat-Trattat MES.

59      Fl-aħħar nett, b’mod impliċitu iżda neċessarjament, mid-dikjarazzjoni kkontestata jirriżulta li l-grupp tal-euro, filwaqt li bl-ebda mod ma assuma l-fakultà li jagħti jew li jirrifjuta l-assistenza mitluba, qies li din id-deċiżjoni ma kinitx taqa’ taħt il-kompetenza tiegħu, iżda taħt dik tal-kunsill regolatorju tal-MES. Fil-fatt, minn naħa, filwaqt li evita li jikkonferma jekk il-FAF hijiex ser tingħata jew le, il-grupp tal-euro sempliċement indika li kien qiegħed jistenna li l-kunsill regolatorju tal-MES ikun f’pożizzjoni li jipprova formalment l-għoti. Min-naħa l-oħra, il-grupp tal-euro indika, essenzjalment, li din l-approvazzjoni kellha tiġi rratifikata mill-membri tal-MES skont il-proċeduri interni tiegħu.

60      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-dikjarazzjoni kkontestata hija ta’ natura purament informattiva, peress li permezz tagħha l-grupp tal-euro informa lill-pubbliku bl-eżistenza ta’ ċerti ftehim adottati fil-livell politiku, kif ukoll esprima l-opinjoni tiegħu dwar il-probabbiltà tal-għoti tal-FAF mill-MES, iżda ma adottax att li jista’ jipproduċi effetti legali fil-konfront ta’ terzi fuq din il-kwistjoni.

61      Għaldaqstant, għalkemm huwa veru li l-anness tad-dikjarazzjoni kkontestata jinkludi formulazzjonijiet li jistgħu jidhru kategoriċi, partikolarment dawk li jgħidu, minn naħa, li Laïki hija magħluqa immedjatament, b’kontribuzzjoni sħiħa tal-azzjonisti, tad-detenturi tal-obbligi u tad-depożitanti mhux assigurati, u, min-naħa l-oħra, li l-BoC ser tiġi rrikapitalizzata permezz ta’ konverżjoni tad-depożiti mhux iggarantiti f’fondi proprji b’kontribuzzjoni sħiħa tal-azzjonisti u tad-detenturi tal-bonds (ara l-punt 17 iktar ʼil fuq), dawn id-dikjarazzjonijiet ma jistgħux jinqraw b’mod iżolat, iżda għandhom, għall-kuntrarju, jitpoġġew fil-kuntest tagħhom, li juri b’mod ċar il-kontenut purament informattiv tad-dikjarazzjoni kkontestata.

62      Peress li d-dikjarazzjoni kkontestata ma tistax tipproduċi effetti legali fil-konfront ta’ terzi, l-ewwel, it-tielet u r-raba’ talba għandhom jiġu wkoll miċħuda bħala inammissibbli, għar-raġunijiet esposti fil-punti 51 sa 61 iktar ʼil fuq.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni talba

63      Permezz tat-tieni talba tagħhom, ippreżentata b’mod sussidjarju, ir-rikorrenti jitolbu essenzjalment lil Qorti Ġenerali li tikkonstata, b’mod dikjaratorju, li l-awturi tad-dikjarazzjoni kkontestata huma l-BĊE u l-Kummissjoni u mhux il-grupp tal-euro.

64      F’dan ir-rigward, huwa siffiċjenti li jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti sabiex tagħti sentenzi dikjaratorji fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE (ara f’dan is-sens, id-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Diċembru 2003, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑224/03, Ġabra p. I‑14751, punti 20 sa 22).

65      Għandu jiġi kkonstatat li t-tieni talba hija inammissibbli, kif isostni ġustament il-BĊE.

66      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

67      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni u mill-BĊE.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      K. Mallis u E. Malli huma kkundannati kemm għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

Magħmul fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Ottubru 2014.

Reġistratur

 

       Il-President

E. Coulon

 

       H. Kanninen


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.