Language of document : ECLI:EU:F:2009:128

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

29 ta’ Settembru 2009 (*)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Stabbiltà tal-impjieg – Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Riżerva medika – Artikolu 39 KE − Moviment liberu tal-ħaddiema”

Fil-Kawżi magħquda F‑69/07 u F‑60/08,

li għandhom bħala suġġett rikorsi ppreżentati skont l-Artikoli 236 KE u 152 EA,

O, membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn S. Orlandi, A. Coolen, J.‑N. Louis u É. Marchal, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn D. Martin u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat inizjalment, fil-Kawża F‑69/07, minn I. Šulce u M. Simm, bħala aġenti, u fil-Kawża F‑60/08 minn I. Šulce u K. Zieleśkiewicz, bħala aġenti, u sussegwentement, fiż-żewġ kawżi msemmija iktar ’il fuq, minn K. Zieleśkiewicz u M. Bauer, bħala aġenti,

intervenjent,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla),

komposta minn H. Kanninen, President tal-Awla, I. Boruta u S. Van Raepenbusch (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Frar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Ir-rikorrenti ressqet żewġ rikorsi li waslu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza b’faks, fit-12 ta’ Lulju 2007 u fil-25 ta’ Ġunju 2008 rispettivament (il-preżentata tal-oriġinali saret fit-13 ta’ Lulju 2007 u fl-1 ta’ Lulju 2008 rispettivament). Dawn ir-rikorsi għandhom bħala suġġett l-annullament:

–        fil-Kawża F‑69/07, tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-impjieg tar-rikorrenti bħala membru tal-persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji sa fejn jinkludu riżerva medika, kif previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Impjegati Oħra tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-Impjieg”), u sa fejn jillimitaw it-tul tal-kuntratt tar-rikorrenti sal-15 ta’ Settembru 2009;

–        fil-Kawża F‑60/08, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ Settembru 2007, li tapplika, fir-rigward tar-rikorrenti, ir-riżerva medika prevista fl-Artikolu 100 imsemmi iktar ’il fuq.

 Il-kuntest ġuridiku

1.     Fir-rigward tat-tul tal-kuntratt

2        Skont l-Artikolu 3a (1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg:

“[...], ‘persunal bil-kuntratt’; ifisser persunal mhux assenjat għal posizzjoni inkluż fil-lista tal-posizzjonijiet mehmuża mat-taqsima ta’ l-estimi relatati ma’ l-istituzzjoni kkonċernata u mqabbdin biex jaqdu d-dmirijiet full-time jew part-time;

a)      f’istituzzjoni li twettaq kompiti ta’ servizz manwali jew amministrattiv ta’ appoġġ,

[…]”

3        Skont l-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg:

“[...], ‘persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji’; tfisser persunal imqabbad biex jaħdem [f’istituzzjoni] [...]:

a)      biex iwettaq dmirijiet full-time jew part-time minbarra dawk riferuti fl-Artikolu 3a(1)(a), mingħajr ma jkun assenjat għal posizzjoni inkluż fil-lista tal-posizzjonijiet mehmuża mat-taqsima ta’ l-estimi relatati ma’ l-istituzzjoni kkonċernata,

b)      wara li l-possibiltajiet ta’ ingaġġ temporanju ta’ uffiċjali minn ġewwa l-istituzzjoni jkunu eżaminati, biex jibdel ċerti persuni li għalissa ma jistgħux jaqdu d-dmirijiet tagħhom, jiġifieri:

i)      uffiċjali jew persunal temporanju fil-grupp tal-funzjoni ta’ l-AST;

ii)      bħala eċċezzjoni, uffiċjali jew persunal temporanju fil-grupp tal-funzjoni ta’ l-AD, li jokkupaw posizzjoni għolja speċjaliżżata, għajr Kapijiet ta’ Dipartiment, Diretturi, Diretturi Ġenerali u funzjonijiet ekwivalenti.

L-użu ta’ persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji huwa eskluż fejn japplika l-Artikolu 3a.”

4        L-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprovdi wkoll:

“Fil-każ tal-persunal bil-kuntratt riferuti fl-Artikolu 3b:

a)      il-kuntratti jkunu konklużi għal perjodu stabbilit; ikunu jiġġeddu;

b)      il-perjodu attwali ta’ l-impieg f’istitituzzjoni, inkluż kull perjodu għat-tiġdid, ma jaqbiżx it-tliet snin.

Il-perjodi koperti minn kuntratt bħala membru tal-persunal bil-kuntratt riferuti fl-Artikolu 3a m’għandhomx jingħaddu għall-iskopijiet tal-konklużjoni jew tiġdid tal-kuntratti taħt dan l-Artikolu.”

5        Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368) implementat il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 bejn l-organizzazzjonijiet interprofessjonali ġenerali (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”). Skont il-klawżola 5 tal-ftehim qafas:

“1. Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss, wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

a)      raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

b)      iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

c)      in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2. L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:

a)      għandhom jitqiesu bħala ‛suċċessivi’;

b)      għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit.”

2.     Fir-rigward tar-riżerva medika

6        L-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprovdi:

“Meta l-eżami mediku li sar qabel ikun ingaġġat membru tal-persunal bil-kuntratt, juri li qed isofri minn mard jew invalidità, l-awtorità riferuta fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 6, sa fejn jidħlu r-riskji li jinqalgħu mit-tali mard jew invalidità, tista’ tiddeċiedi li tagħtih benefiċċji garantiti dwar il-benefiċċji jew mewt biss wara perjodu ta’ ħames snin mid-data ta’ meta jidħol fis-servizz ta’ l-istituzzjoni.

Il-membru tal-persunal bil-kuntratt jista’ jappella kontra din id-deċiżjoni lill-Kumitat ta’ l-Invalidità pprovdut fil-paragrafu [10](b) ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolamenti tal-Persunal [tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej].”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        Ir-rikorrenti kienet impjegata mal-Kummissjoni mill-1 ta’ Mejju 2001 sal-15 ta’ Settembru 2003 bħala membru tal-persunal lokali. Fis-16 ta’ Settembru 2003, ġiet innominata bħala membru tal-persunal awżiljarju b’kuntratt għal perijodu determinat, li ġie estiż għaxar darbiet sal-15 ta’ Settembru 2006.

8        Peress li kienet ser tiġi impjegata mill-ġdid bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, ir-rikorrenti kienet suġġetta għal eżami mediku. Abbażi ta’ dan l-eżami, is-servizz mediku esprima riżerva fit-12 ta’ Settembru 2006.

9        Fl-14 ta’ Settembru 2006, ir-rikorrenti ffirmat kuntratt bħala membru tal-persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji skont l-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għall-perijodu li kien ser jintemm fil-15 ta’ Settembru 2009.

10      F’ittra tal-14 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni ġibdet “l-attenzjoni [tar-rikorrenti] dwar il-fatt li din l-offerta ta’ xogħol [kienet] suġġetta għall-applikazzjoni tar-riżerva medika msemmija fl-Artikolu 100 tal-[Kondizzjonijiet tal-impjieg]”.

11      Ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem l-Awtorità inkarigata li tikkonkludi l-kuntratti (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-kuntratti”) permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Diċembru 2006. F’din l-ittra, hija kkontestat, l-ewwel nett, il-fatt li l-kuntratt tagħha tal-14 ta’ Settembru 2006 jista’ jkun kuntratt għal perijodu determinat. It-tieni nett, hija kkritikat l-applikazzjoni, fir-rigward tagħha, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Konsegwentement, hija talbet lill-Awtorità tal-kuntratti “tikkonstata li l-kuntratt tagħha ġie konkluż għal perijodu indeterminat u li ma kienx hemm lok għall-applikazzjoni tar-riżerva medika prevista fl-artikolu” msemmi iktar ’il fuq. Fl-istess ittra, u “[s]a fejn neċessarju, hija appellat mid-deċiżjoni [li tiġi applikata riżerva medika fir-rigward tagħha] quddiem il-Kumitat ta’ Invalidità previst fl-Artikolu 9[1][b], tar-Regolamenti tal-Persunal [tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej] skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg”. Fl-14 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti kkompletat l-ilment tagħha permezz ta’ lment addizzjonali (iktar ’il quddiem l-“ilment tal-11 u tal-14 ta’ Diċembru 2006”).

12      Fit-30 ta’ Marzu 2007, l-Awtorità tal-kuntratti qieset li ma setgħetx taċċetta l-argumenti tar-rikorrenti mressqa kontra t-tul tal-kuntratt tagħha u kontra d-deċiżjoni li tiġi applikata riżerva medika fir-rigward tagħha. Konsegwentement, l-Awtorità tal-kuntratti ddeċidiet li ma tilqax l-ilment. Billi ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, meta ressqet l-ilment, ir-rikorrenti kienet appellat ukoll minn din id-deċiżjoni quddiem il-Kumitat tal-Invalidità, l-Awtorità nnotifikat dan l-appell lis-servizz mediku wkoll.

13      Fit-12 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, irreġistrat bin-numru F‑69/07, kontra d-deċiżjonijiet li tiġi impjegata biss permezz ta’ kuntratt għal perijodu determinat u li tiġi applikata riżerva medika fir-rigward tagħha.

14      Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kumitat ta’ Invalidità, l-Awtorità tal-kuntratti ddeċidiet, fis-7 ta’ Settembru 2007, li tagħti lir-rikorrenti “benefiċċji ggarantiti għall-invalidità jew għall-mewt biss wara perijodu ta’ ħames snin mid-data tad-dħul tagħha fis-servizz tal-Kummissjoni bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, fir-rigward ta’ riskji jew konsegwenzi tal-mard jew tal-invalidità li kienu s-suġġett ta’ riżerva medika li ġiet ikkonstatata wara l-eżami mediku ta’ kapaċità”.

15      Ir-rikorrenti ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni fit-23 ta’ Novembru 2007. L-Awtorità tal-kuntratti ċaħdet dan l-ilment fl-14 ta’ Marzu 2008.

16      Fil-25 ta’ Ġunju 2008 (il-preżentata tal-oriġinal saret fl-1 ta’ Lulju 2008), ir-rikorrenti ressqet rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, irreġistrat bin-numru F‑60/08, kontra d-deċiżjoni tas-7 ta’ Settembru 2007.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

17      Fil-Kawża F‑69/07, ir-rikorrenti titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet tal-impjieg tar-rikorrenti bħala membru tal-persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji sa fejn jinkludu, minn naħa, riżerva medika, kif previst fl-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg u sa fejn jillimitaw, min-naħa l-oħra, it-tul tal-kuntratt għall-perijodu ta’ bejn is-16 ta’ Settembru 2006 u l-15 ta’ Settembru 2009;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-istanza.

18      Il-Kummissjoni titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

–        jiddeċiedi fuq l-ispejjeż skont il-liġi.

19      Permezz ta’ ittra li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-21 ta’ Settembru 2007 permezz ta’ faks (il-preżentata tal-oriġinal saret fil-24 ta’ Settembru 2007), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab li jintervjeni fil-Kawża F‑69/07 insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

20      B’digriet tal-President tat-Tieni Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tat-22 ta’ Ottubru 2007, il-Kunsill ġie ammess jintervjeni fil-Kawża F‑69/07 insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

21      Permezz tan-nota ta’ intervent tiegħu, li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-29 ta’ Novembru 2007 permezz ta’ faks (il-preżentata tal-oriġinal saret fit-3 ta’ Diċembru 2007), il-Kunsill talab lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiċħad l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fir-rikors kontra l-Artikoli 88 u 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, bħala manifestament inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondata.

22      L-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar in-nota ta’ intervent waslu fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-15 ta’ Jannar 2008 (il-preżentata tal-oriġinal saret fit-22 ta’ Jannar 2009). Ir-rikorrenti talbet lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jilqa’ t-talbiet tagħha, kif esposti fir-rikors tagħha, u jordna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż tiegħu. Il-Kummissjoni ma ppreżentatx osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ intervent.

23      Fil-Kawża F‑60/08, ir-rikorrenti titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħha bħala membru tal-persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji sa fejn din tipprevedi l-applikazzjoni tar-riżerva medika prevista fl-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri.

24      Fil-Kawża F‑60/08, il-Kummissjoni titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

25      Permezz ta’ ittra li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-29 ta’ Lulju 2008 permezz ta’ faks (il-preżentata tal-oriġinal saret fil-31 ta’ Lulju 2008), il-Kunsill talab jintervjeni fil-Kawża F‑60/08 insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

26      B’digriet tal-President tat-Tieni Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-4 ta’ Settembru 2008, il-Kunsill ġie ammess jintervjeni fil-Kawża F‑60/08 insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

27      Permezz ta’ ittra li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-25 ta’ Ġunju 2008 permezz ta’ faks (il-preżentata tal-oriġinal saret fl-1 ta’ Lulju 2008), ir-rikorrenti talbet li jingħaqdu l-Kawżi F‑69/07 u F‑60/08 għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza finali. Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Lulju 2008, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talab lill-Kummissjoni tagħti l-fehma tagħha rigward l-għaqda tal-kawżi. Il-Kummissjoni ma oġġezzjonatx f’dan ir-rigward. Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-4 ta’ Settembru 2008, il-Kawżi F‑69/07 u F‑60/08 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza finali.

28      Permezz tan-nota ta’ intervent, li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-14 ta’ Novembru 2008 permezz ta’ faks (il-preżentata tal-oriġinal saret fid-19 ta’ Novembru 2008), il-Kunsill jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu jiċħad l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fir-rikors kontra l-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, bħala manifestament inammissibbli, u fi kwalunkwe każ, bħala infondata.

29      Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ġew mistiedna, b’mod partikolari, jirrispondu għal din in-nota waqt is-seduta u sabiex, fl-istess okkażjoni, jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-konsegwenza tal-possibbiltà ta’ ammissibbiltà tar-rikors F‑69/07 fuq dik tar-rikors F‑60/08.

30      Fis-seduta tal-10 ta’ Frar 2009, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talab lill-partijiet jeżaminaw il-possibbiltà li jintlaħaq ftehim bonarju dwar il-parti tal-kawża relatata mal-applikazzjoni tar-riżerva medika. Konsegwentement, huwa ssospenda l-għeluq tal-proċedura orali u d-deliberazzjoni tal-kawża. Permezz ta’ ittra li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-25 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni indikat li ma setgħetx tissodisfa din it-talba. Fil-11 ta’ Marzu 2009, il-President tat-Tieni Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għalaq il-proċedura orali u fetaħ id-deliberazzjoni tal-kawża.

 Id-dritt

1.     Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors F‑69/07

 L-argumenti tal-partijiet

31      Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li r-rikorrenti ddekadiet mid-dritt tagħha li tikkontesta l-legalità tat-tul tal-kuntratti preċedenti li permezz tagħhom hija kienet impjegata bħala membru tal-persunal lokali jew membru tal-persunal awżiljarju.

32      I-Kummissjoni tosserva, it-tieni nett, li l-Awtorità tal-kuntratti ħabbret, fid-deċiżjoni tagħha tat-30 ta’ Marzu 2007, li hija kienet qiegħda tibgħat lis-servizz mediku l-appell tar-rikorrenti kontra r-riżerva medika espressa matul il-konklużjoni tal-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji, sabiex dan is-servizz jistabbilixxi Kumitat ta’ Invalidità sabiex jagħti deċiżjoni rigward il-kwistjoni. Minn dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li hija ssodisfat lir-rikorrenti u li r-rikors huwa inammissibbli fir-rigward ta’ din ir-riżerva jekk l-ittra tagħha, tal-11 ta’ Diċembru 2006, kellha tiġi interpretata bħala talba, ibbażata fuq l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), sabiex il-każ tagħha jitressaq quddiem il-Kumitat ta’ Invalidità.

33      Il-Kummissjoni ssostni, it-tielet nett, li r-rikors ikun intempestiv jekk l-ittra tal-11 ta’ Diċembru 2006 tar-rikorrenti tiġi interpretata bħala lment kontra d-deċiżjoni li tiġi applikata riżerva medika fir-rigward tagħha. Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li f’din is-sitwazzjoni, tali lment kien ikun ġie ppreżentat qabel it-tmiem tal-proċedura tal-appell quddiem il-Kumitat ta’ Invalidità kif previst fil-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Il-Kunsill huwa tal-istess fehma.

34      Ir-rikorrenti twieġeb, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent, li d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-kuntratti, tal-14 ta’ Settembru 2006, li tordna l-applikazzjoni ta’ riżerva medika fir-rigward tar-rikorrenti mal-iffirmar tal-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji hija deċiżjoni definittiva. Barra minn hekk, l-għan tal-Awtorità tal-kuntratti li tressaq il-każ quddiem il-Kumitat ta’ Invalidità ma kienx li dan il-kumitat jeżamina, minn perspettiva legali, jekk l-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg setax validament japplika fir-rigward tar-rikorrenti. Fil-fatt, il-Kumitat ta’ Invalidità jista’ biss jittratta kwistjonijiet mediċi. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-kuntratti tas-7 ta’ Settembru 2007 favur ir-riżerva medika fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tal-imsemmi kumitat hija purament konfermatorja.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

35      Mis-suġġett u mit-talbiet tar-rikors F‑69/07 jirriżulta li r-rikorrenti ma tikkritikax it-tul tal-kuntratti preċedenti tagħha li permezz tagħhom hija kienet impjegata bħala membru tal-persunal lokali jew bħala membru tal-persunal awżiljarju. Hija lanqas ma titlob l-annullament ta’ allegat rifjut li l-każ tagħha jitressaq quddiem il-Kumitat ta’ Invalidità. Minn dan isegwi li ż-żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda.

36      Tibqa’ li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-kap tat-talba tar-rikors F‑69/07 intiż kontra r-riżerva medika huwiex intempestiv peress li l-ilment relatat ma’ din il-kwistjoni ġie ppreżentat qabel it-tmiem tal-proċedura tal-appell quddiem il-Kumitat ta’ Invalidità.

37      Għandu jitfakkar li, bħal kull kumitat mediku (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Jannar 1987, Rienzi vs Il-Kummissjoni, 76/84, Ġabra p. 315, punti 9 sa 12 ; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 1997, S vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑4/96, Ġabra p. II‑1125, punti 41 u 59), il-Kumitat ta’ Invalidità previst fl-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal huwa biss kompetenti sabiex jagħti opinjoni dwar l-elementi rilevanti li jirriżultaw minn evalwazzjoni ta’ natura medika, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe evalwazzjoni legali. Barra minn hekk, l-Awtorità tal-kuntratti hija suġġetta, minn perspettiva medika, għall-konstatazzjonijiet ta’ dan il-kumitat (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Diċembru 1986, Suss vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. 3929, punt 6, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ġunju 1992, V vs Il-Parlament, C‑18/91 P, Ġabra p. I‑3997, punt 26).

38      Għaldaqstant, l-appell quddiem il-Kumitat ta’ Invalidità previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jista’ biss ikollu bħala suġġett kontestazzjoni ta’ natura medika u membru tal-persunal ma jistax jiġi ordnat jeżawrixxi din il-proċedura jekk il-kritika tiegħu mhijiex ta’ natura medika.

39      Madankollu, mill-ittra tagħha tal-11 ta’ Diċembru 2006, iċċitata fil-punt 11 iktar ’il fuq, jirriżulta li r-rikorrenti, minn naħa, ressqet ilment quddiem l-Awtorità tal-kuntratti sostnut minn kunsiderazzjonijiet legali kontra t-tul determinat tal-kuntratt tagħha u kontra r-riżerva medika pprovduta fl-istess kuntratt u li, min-naħa l-oħra, hija “tappella wkoll” quddiem il-Kumitat ta’ Invalidità, anki jekk biss “sa fejn huwa neċessarju”.

40      Fid-deċiżjoni tagħha tat-30 ta’ Marzu 2007, l-Awtorità tal-kuntratti ċaħdet il-kap tal-ilment intiż kontra t-tul tal-kuntratt tar-rikorrenti. Hija kkonstatat ukoll l-eżistenza tal-appell quddiem il-Kumitat ta’ Invalidità u indikat li kienet għamlet dak kollu neċessarju sabiex tirreferi din il-kwistjoni quddiem l-imsemmi kumitat. Madankollu, l-Awtorità tal-kuntratti ddeċidiet fuq il-kap tal-ilment intiż kontra l-validità legali tar-riżerva medika f’din id-deċiżjoni. Wara raġunament legali ta’ natura finali, l-Awtorità tal-kuntratti kkonkludiet li “l-argumenti [tar-rikorrenti] ma [setgħux] jintlaqgħu”.

41      Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-kuntratti tas-7 ta’ Settembru 2007, li tirrifletti l-konklużjonijiet tal-Kumitat ta’ Invalidità, hija bbażata fuq l-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u mhux fuq l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, li għalih il-Kummissjoni kellha normalment tirreferi kieku kkunsidrat li din id-deċiżjoni ttieħdet insegwitu għall-ilment tal-11 u tal-14 ta’ Diċembru 2006.

42      Minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti użat żewġ rimedji legali distinti li għandhom suġġetti differenti u li l-Kummissjoni qisithom bħala tali.

43      Konsegwentement, l-ilment tal-11 u tal-14 ta’ Diċembru 2006 u r-rikors sussegwenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistgħux jitqiesu intempestivi abbażi tal-fatt li dan l-ilment tressaq qabel it-tmiem tal-proċedura prevista fl-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

44      Madankollu, għandhom jiġu eżaminati ex officio l-konsegwenzi tal-ammissibbiltà tar-rikors F‑69/07 fuq dik tar-rikors F‑60/08.

2.     Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors F‑60/08

45      Għandu jitfakkar li att tal-Awtorità tal-kuntratti li jippreġudika lill-membru tal-persunal jista’ jkun suġġett ta’ lment wieħed biss, li jitressaq kontra l-Awtorità tal-kuntratti mill-membru kkonċernat. Meta żewġ ilmenti jkollhom l-istess suġġett, huwa biss wieħed fosthom, jiġifieri dak li tressaq l-ewwel, li jikkostitwixxi lment skont l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li l-ieħor, li jitressaq sussegwentement, għandu jiġi kkunsidrat bħala sempliċement att li jsostni l-ewwel wieħed u ma jistax ikollu l-effett li jipproroga l-proċedura (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ġunju 1991, Weyrich vs Il-Kummissjoni, T‑14/91, Ġabra p. II-235, punt 41, u tal-25 ta’ Frar 1992, Torre vs Il-Kummissjoni, T‑67/91, Ġabra p. II-261, punt 32; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Diċembru 2007, Sack vs Il-Kummissjoni, T‑66/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 37 u 41).

46      Issa, fl-allegat ilment tat-22 ta’ Novembru 2007 kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-kuntratti tas-7 ta’ Settembru 2007, li imponiet mill-ġdid ir-riżerva medika inkwistjoni fir-rigward tar-rikorrenti, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kumitat ta’ Invalidità, ir-rikorrenti tenniet l-argumenti legali li kienet ifformulat fl-ilment tagħha tal-11 u tal-14 ta’ Diċembru 2006.

47      Minn dan isegwi li l-allegat ilment tat-22 ta’ Novembru 2007 kellu l-istess suġġett bħall-ilment tal-11 u tal-14 ta’ Diċembru 2006 u li kien intiż kontra deċiżjoni li kienet sempliċement iddeduċiet il-konsegwenzi mill-konklużjonijiet mediċi tal-Kumitat ta’ Invalidità, mingħajr ma tirreferi għall-kwistjonijiet legali deċiżi fit-30 ta’ Marzu 2007 u li, fihom infushom, kienu ta’ natura, skont l-Awtorità tal-kuntratti, li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tar-riżerva medika fir-rigward tar-rikorrenti.

48      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat, minn naħa, li l-allegat ilment tat-22 ta’ Novembru 2007 kien sempliċement att li jsostni l-ewwel wieħed u mhux ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dan l-allegat ilment hija biss konfermatorja u għalhekk ma tistax tiġi kkontestata.

49      Din il-konklużjoni ma tistax tkun invalidata mill-fatt li l-Awtorità tal-kuntratt ċaħdet it-tieni allegat ilment fl-14 ta’ Marzu 2008 abbażi ta’ argumenti iktar dettaljati minn dawk li jidhru, fir-rigward tar-riżerva medika, fid-deċiżjoni tagħha tat-30 ta’ Marzu 2007 li jiċħdu l-ilment tal-11 u tal-14 ta’ Diċembru 2006. Għalkemm id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-kuntratti tal-14 ta’ Marzu 2008 ittieħdet wara l-konklużjonijiet tal-Kumitat ta’ Invalidità, li eżamina mill-ġdid l-istat ta’ saħħa tar-rikorrenti, ir-raġunament li huwa inkluż f’din id-deċiżjoni fir-rigward tar-riżerva medika tar-rikorrenti ma jimplikax eżami veru tal-validità tar-riżerva medika. Dan ir-raġunament sempliċement jikkostitwixxi estensjoni tal-motivi tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2007 li tiċħad l-ewwel ilment. Fil-fatt, fid-deċiżjoni tagħha tal-14 ta’ Marzu 2008, l-Awtorità tal-kuntratti tindika li hija ttenni r-raġunament fir-risposta tagħha fil-Kawża F‑69/07, imressqa wara ċ-ċaħda tal-ewwel ilment. Issa, deċiżjoni li tinkludi biss dettalji addizzjonali sempliċement tirrileva l-motivi li għalihom ġiet ikkonfermata d-deċiżjoni preċedenti u ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ġunju 2005, Cavallaro vs Il-Kummissjoni, T‑375/02, ĠabraSP p. I‑A‑151 u II‑673, point 65).

50      Il-konklużjoni iktar ’il fuq ma tistax tiġi kkonfutata permezz tal-ġurisprudenza li tipprovdi li rikors għal annullament intiż kontra deċiżjoni konfermatorja huwa inammissibbli biss jekk id-deċiżjoni kkonfermata tkun saret definittiva fir-rigward tal-parti kkonċernata, mingħajr ma jkun sar rikors kontenzjuż fit-terminu previst fir-rigward tagħha, filwaqt li, fil-każ kuntrarju, ir-rikorrent jista’ jikkontesta kemm id-deċiżjoni kkonfermata, kemm id-deċiżjoni konfermatorja u kif ukoll it-tnejn li huma. Fil-fatt, din is-soluzzjoni ma tistax tapplika meta, bħal fil-każ ineżami, id-deċiżjoni kkonfermata u d-deċiżjoni konfermatorja jkunu kkontestati permezz ta’ żewġ rikorsi differenti u r-rikorrent ikun jista’ jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu u jsostni l-argumenti tiegħu fil-kuntest tal-ewwel waħda fosthom (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2001, Métropole télévision-M6 vs Il-Kummissjoni, T‑354/00, Ġabra, p. II‑3177, punt 35).

51      Konsegwentement, hemm lok li jiġi miċħud ir-rikors F‑60/08 bħala inammissibbli.

3.     Fuq il-mertu tar-rikors F‑69/07

52      Ir-rikorrenti tikkontesta, minn naħa, il-limitu tat-tul tal-kuntratt tagħha għall-perijodu ta’ bejn is-16 ta’ Settembru 2006 u l-15 ta’ Settembru 2009 u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tar-riżerva medika prevista fl-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

 Fuq ir-rikors sa fejn huwa intiż kontra t-tul tal-kuntratt

 L-argumenti tal-partijiet

53      Insostenn tar-rikors tagħha, sa fejn huwa intiż kontra t-tul tal-kuntratt tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka żewġ motivi. Hija ssostni, fl-ewwel motiv prinċipali, li d-deċiżjoni li tillimita t-tul tal-kuntratt tagħha tikser id-dritt tagħha għall-istabbiltà tal-impjieg u li ċ-ċaħda tal-ilment mhijiex suffiċjentement motivata. Sa fejn huwa neċessarju, hija tqajjem, fit-tieni motiv, eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

54      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni, fir-rigward tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-26 ta’ Ottubru 2006, Landgren vs ETF (F‑1/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑123 u II‑A‑1‑459, li hija suġġetta għall-appell quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza [li saret il-Qorti Ġenerali b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009], Kawża T‑404/06 P), li, minħabba l-evoluzzjoni tal-protezzjoni tal-ħaddiema, il-kuntratti għal perijodu indeterminat jikkostitwixxu l-forma ġenerali tal-kuntratti ta’ xogħol. Min-naħa l-oħra, huwa biss f’ċerti ċirkustanzi li l-kuntratti għal perijodu determinat jistgħu jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema.

55      Fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti ilha impjegata mal-Kummissjoni mill-1 ta’ Mejju 2001, bis-saħħa ta’ ħmistax-il kuntratt għal perijodu determinat mogħtija suċċessivament, hija tiddeduċi li l-Kummissjoni abbużat minn tali forma ta’ kuntratt u kisret id-dritt għall-istabbiltà tal-impjieg.

56      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li hija bbażat l-ilment tagħha tal-11 u tal-14 ta’ Diċembru 2006 fuq id-dritt għall-istabbiltà tal-impjieg kif ukoll fuq id-dispożizzjonijiet tal-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit-18 ta’ Ottubru 1961, u fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1; iktar ’il quddiem il-“Karta tad-Drittijiet Fundamentali”). Hija ssostni li l-Kummissjoni ma rrispondietx għall-argumenti tagħha meta ċaħdet l-ilment tagħha. Il-Kummissjoni ma tat ebda spjegazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw il-fatt li ngħataw suċċessivament ħmistax-il kuntratt għal perijodu determinat u ma indikatx kif tali kuntratti suċċessivi kienu jissodisfaw il-bżonnijiet taż-żewġ partijiet.

57      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni li tistabbilixxi t-terminazzjoni tal-impjieg tagħha fil-15 ta’ Settembru 2009 hija bbażata fuq l-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u li dan tal-aħħar huwa fih innifsu illegali peress li “jikser il-prinċipji tad-dritt dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema”.

58      Fl-osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ intervent tal-Kunsill, ir-rikorrenti tippreċiża li prinċipju ġenerali ta’ stabbiltà tar-relazzjonijiet tax-xogħol jirriżulta mid-Direttiva 1999/70. Din id-direttiva u l-ftehim qafas anness magħha huma intiżi li japplikaw għall-kuntratti ta’ xogħol konklużi ma’ entita’ rregolata mid-dritt pubbliku internazzjonali. Barra minn hekk, ċittadin Komunitarju ma jitlifx l-istatus tiegħu ta’ ħaddiem meta jokkupa kariga f’tali organizzazzjoni.

59      Ir-rikorrenti tqis li l-Kondizzjonijiet tal-impjieg u d-Direttiva 1999/70 huma regoli legali ekwivalenti, u ebda waħda minn fosthom ma tieħu preċedenza. Madankollu, hija ssostni wkoll li, fil-każ fejn tali regoli jistgħu jipproduċu effetti kuntrarji, għandha tapplika r-regola li tissodisfa r-rekwiżit ta’ motivazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 253 KE.

60      Issa, il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jispjegawx għal xiex ir-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal previst fl-Artikolu 3b huwa limitat għal tliet snin. Dawn lanqas ma jiġġustifikaw id-differenza fit-trattament bejn dan il-persunal u l-persunal irreklutat abbażi tal-Artikolu 3a, li jista’ jkollhom l-kuntratt tagħhom estiż għal perijodu indeterminat. Minbarra dan, il-Kondizzjonijiet tal-impjieg lanqas ma jiġġustifikaw id-differenza fit-trattament mogħtija lill-membri tal-persunal bil-kuntratt li, bħar-rikorrenti, huma rreklutati skont l-Artikolu 3b wara li jkunu ġew impjegati mal-istituzzjoni inkwistjoni wara kuntratti għal perijodu determinat mogħtija suċċessivament sabiex iwettqu kompiti allegatament permanenti. Barra minn hekk, la l-Kondizzjonijiet tal-impjieg u lanqas id-deċiżjoni li tillimita t-tul tal-kuntratt tagħha ma jiġġustifikaw id-differenza fit-trattament bejn il-membri tal-persunal imsemmija iktar ’il fuq u l-ħaddiema li jwettqu tali kompiti fi Stat Membru. Ir-rikorrenti tissokta tgħid li l-Kondizzjonijiet ta’ impjieg ma jagħtux raġunijiet għalfejn huwa possibbli li ssir deroga mill-klawżola 5 tal-ftehim qafas u li jiġu rreklutati membri tal-persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji għal perijodu determinat sabiex iwettqu kompiti permanenti relatati mal-attività normali tal-istituzzjoni.

61      Il-Kunsill jikkontesta l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità intiża kontra l-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, inkwantu r-rikors ma jipprovdi ebda argument insostenn ta’ din l-eċċezzjoni. B’mod partikolari, l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija bbażata fuq prinċipji ġenerali tad-dritt dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mingħajr ma tipprovdi informazzjoni addizzjonali f’dan ir-rigward.

62      Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni u l-Kunsill iqisu li ebda prinċipju ġenerali tal-istabbiltà tal-impjieg ma japplika għall-membri tal-persunal suġġetti għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Huma biss l-uffiċjali li jibbenefikaw minn dan il-prinċipju. Min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi li, f’ċerti ċirkustanzi, il-kuntratti għal perijodu determinat jistgħu jissodisfaw kemm il-bżonnijiet ta’ min iħaddem kif ukoll tal-ħaddiema. Għalhekk, l-użu ta’ uffiċjali rregolati mir-Regolamenti tal-Persunal jew ta’ membri tal-persunal impjegati taħt kategoriji differenti ta’ kuntratti jikkorrispondi għall-bżonnijiet leġittimi tal-amministrazzjoni Komunitarja u għan-natura tal-kompiti, kemm jekk permanenti kif ukoll jekk temporanji, li hija għandha twettaq.

63      F’dan ir-rigward, il-Kunsill jenfasizza li l-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jippreċiża li l-membri tal-persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji jistgħu jiġu impjegati biss sabiex iwettqu kompiti differenti mill-kompiti ta’ servizz manwali jew amministrattivi ta’ appoġġ imsemmija fl-Artikolu 3a jew sabiex jissostitwixxu temporanjament persuni li fil-frattemp ma jistgħux iwettqu xogħolhom.

64      Fl-aħħar nett, il-Kunsill josserva li, billi jillimita għal tliet snin it-tul tal-impjieg tal-membri tal-persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji, l-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprekludi l-użu abbużiv kuntratti għal perijodu determinat mogħtija suċċessivament.

65      Il-Kummissjoni u l-Kunsill jikkonkludu li hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra l-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg peress li fil-kawża inkwistjoni, il-prinċipju tal-istabbiltà tal-impjieg invokat kontra l-imsemmi artikolu, ma japplikax.

66      Il-Kummissjoni tissokta billi tikkonstata li l-limitu tal-kuntratt tar-rikorrenti għal tliet snin huwa konformi mal-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

67      Minkejja li l-eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg hija biss imqajma b’mod sussidjarju, din għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok.

–       Fuq l-eċċezzjoni tal-illegalità mqajma kontra l-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg

68      Ir-rikorrenti tallega, fir-rikors tagħha, li l-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jikser il-prinċipji tad-dritt dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema. Hija ssostni wkoll, fl-osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ intervent tal-Kunsill, li l-imsemmi artikolu mhuwiex immotivat skont l-Artikolu 253 KE.

69      Fl-ewwel lok, minn naħa, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kunsill li jipprovdi li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra l-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, inkwantu dan l-artikolu jikser “il-prinċipji tad-dritt dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema”, hija inammissibbli abbażi tal-fatt li tali eċċezzjoni mhijiex żviluppata fir-rikors.

70      Fil-fatt, billi ssostni li l-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg huwa illegali fuq din il-bażi, ir-rikorrenti tirreferi għal allegat dritt tal-istabbiltà tal-impjieg, u mill-ksur ta’ dan id-dritt hija tiddeduċi direttament l-illegalità tad-deċiżjoni li tillimita t-tul tal-kuntratt tagħha. Għalhekk, hija tinvoka l-istess argument insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-Kunsill interpretawha b’dak il-mod u rrispondew għaliha.

71      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra l-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, sa fejn dan l-artikolu mhuwiex motivat, hija ammissibbli, minkejja li tqajmet waqt il-proċedura mir-rikorrenti, inkwantu hija bbażata fuq ilment ta’ ordni pubbliku li jista’ jitqajjem f’kull stadju tal-proċedura u li, fi kwalunkwe każ, jista’ jiġi eżaminat ex officio mill-qorti Komunitarja.

72      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat, it-tieni nett, jekk l-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jiksirx il-prinċipju tal-istabbiltà tal-impjieg.

73      Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti ma tallegax li l-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg imur kontra d-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas bħala tali. Hija ssostni li, billi adotta din id-direttiva, il-Kunsill irrenda d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi ftehim qafas obbligatorji fl-Istati Membri kollha u li dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tad-dritt li jorbtu lill-istituzzjonijiet u li l-iktar wieħed importanti fosthom huwa d-dritt għall-istabbiltà tal-impjieg.

74      Issa, minkejja li skont il-punt 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas, dan tal-aħħar jinkludi “prinċipji ġenerali, ħtiġiet minimi u dispożizzjonijiet”, mill-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 u kif ukoll mit-tielet paragrafu tal-preambolu tal-ftehim qafas, mill-punt 9 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali u mill-klawżoli 1 u 4 tiegħu, jirriżulta li l-prinċipji inkwistjoni huma l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, fosthom dak tat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, u l-prinċipju tal-projbizzjoni tal-abbuż tad-dritt. Fir-rigward tal-punt 1 tal-klawżola 5 tal-ftehim qafas, li fuqu tibbaża ruħha r-rikorrenti, dan jistabbilixxi l-kundizzjonijiet minimi intiżi sabiex jillimitaw l-użu suċċessiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal perijodu determinat, u sabiex b’dan il-mod jevitaw l-użu abbużiv ta’ dawn il-kuntratti u l-instabbiltà tal-istatus tal-benefiċjarji ta’ tali kuntratti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punt 63; u tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 73, u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ April 2009, Koukou, C‑519/08, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 53). Tabilħaqq, dawn id-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni minima jikkostitwixxu regoli tad-dritt soċjali Komunitarju li għandhom importanza partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, Ġabra p. I‑7109, punt 27), iżda madankollu ma jistabbilixxux l-istabbiltà tal-impjieg bħala prinċipju ġenerali tad-dritt li fid-dawl tiegħu għandha tiġi evalwata l-legalità ta’ att ta’ istituzzjoni.

75      Fil-fatt, anki jekk l-istabbiltà tal-impjieg titqies bħala element importanti tal-protezzjoni tal-ħaddiema (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C‑144/04, Ġabra p. I-9981, punt 64; tal-15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 87, u Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 105), mill-ftehim qafas ma jirriżultax li din ġiet stabbilita bħala dispożizzjoni legali vinkolanti. Barra minn hekk, il-premessi 6 u 7 tad-Direttiva 1999/70, kif ukoll l-ewwel paragrafu tal-preambolu u l-punt 5 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas, jenfasizzaw il-bżonn li jintlaħaq bilanċ aħjar bejn “il-flessibbiltà tal-ħin tax-xogħol u s-sigurtà tal-ħaddiema”. Għandu jingħad ukoll li, kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-ftehim qafas ma jistabbilixxix obbligu ġenerali li, wara numru ta’ tiġdid ta’ kuntratti għal perijodu determinat jew wara li jgħaddi ċertu perijodu ta’ xogħol, dawn il-kuntratti jsiru kuntratti għal perijodu indeterminat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Adeneler et, punt 91, u Angelidaki et, punt 183, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino, C‑53/04, Ġabra p. I‑7213, punt 47, kif ukoll id-digriet Koukou, iċċitat iktar ’il fuq, punt 85).

76      Għalhekk, filwaqt li l-istabbiltà tal-impjieg ma tistax tiġi kkunsidrata bħala prinċipju ġenerali, min-naħa l-oħra, din tikkostitwixxi għan mixtieq mill-partijiet kontraenti tal-ftehim qafas, li l-klawżola 1(b) tiegħu tipprovdi li dan għandu bħala għan “li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss” (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 2009, Aayhan et vs Il-Parlament, F‑65/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 114 u 115).

77      Fi kwalunkwe każ, mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Adjemian et vs Il-Kummissjoni (F‑134/07 u F‑8/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 119 sa 136), jirriżulta li, fid-dawl tal-karatteristiċi inerenti għall-attivitajiet li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, l-Artikolu 88 tal-imsemmija Kundizzjonijiet tal-impjieg ma jippreġudikax l-għanijiet tal-ftehim qafas u r-rekwiżiti minimi tal-klawżola 5 tiegħu. Fil-fatt, il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas tipprovdi biss li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jintroduċu fis-sistema legali tagħhom miżura waħda jew iktar minn dawk elenkati fis-subparagrafi (a) sa (ċ), li jinkludu, fil-paragrafu (a), ir-“raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet”. Issa, kull impjieg ta’ aġent bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji għandu, skont l-Artikolu 3b imsemmi iktar ’il fuq, jissodisfa b’mod konkret il-bżonnijiet temporanji jew intermettenti. Barra minn hekk, f’amministrazzjoni b’persunal kbir bħal dak tal-Kummissjoni, huwa inevitabbli li tali bżonnijiet jirrepetu ruħhom minħabba, b’mod partikolari, l-indisponibbiltà tal-uffiċjali, iż-żieda tax-xogħol dovuta għaċ-ċirkustanzi jew in-neċessità, għal kull Direttorat Ġenerali, li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu persuni li għandhom kwalifiki speċifiċi jew għarfien speċifiku, u dawn iċ-ċirkustanzi kollha jikkostitwixxu raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw kemm il-perijodu determinat tal-kuntratti ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji u kif ukoll l-estensjoni ta’ tali kuntratti meta jkun hemm il-bżonn.

78      Minn dak li ntqal jirriżulta li ebda prinċipju ġenerali tal-istabbiltà tal-impjieg ma jista’ jservi ta’ bażi għal eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li, barra minn hekk, ma jindikax li jista’ jippreġudika l-għanijiet jew ir-rekwiżiti minimi tal-ftehim qafas anness mad-Direttiva 1999/70.

79      It-tielet nett, jifdal li jiġi eżaminat l-argument li skontu l-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg mhuwiex immotivat, skont l-Artikolu 253 KE.

80      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni. Meta, bħal fil-każ preżenti, att ikun ta’ portata ġenerali, il-motivazzjoni tista’ tkun limitata sabiex tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni sħiħa li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li huma mixtieqa minn tali att. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet diversi drabi li, jekk att ta’ portata ġenerali jiżvela l-għan essenzjali li jrid jintlaħaq mill-istituzzjoni, ikun eċċessiv li tkun meħtieġa motivazzjoni speċifika għall-għażliet tekniċi differenti li jkunu saru (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-23 ta’ Jannar 2007, Chassagne vs Il-Kummissjoni, F‑43/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 105 u 106, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

81      Fil-kawża inkwistjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku diġà ddeċieda li l-premessa 36 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130) tiġġustifika b’mod suffiċjenti l-għan mixtieq mill-ħolqien ta’ kategoriji ġodda ta’ kuntratti tal-persunal li hemm referiment għalihom fl-Artikoli 3a u 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies ukoll li l-Kunsill ma jistax ikun ikkritikat abbażi tal-fatt li ma ġġustifikax l-għażliet tiegħu b’riferiment għall-Klawżola 5 tal-ftehim qafas, peress li mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE jirriżulta li l-uniċi destinatarji tad-direttivi huma l-Istati Membri (sentenza Adjemian et vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punti 139 sa 142). Fl-aħħar nett, għandu jingħad li kien hemm wisq inqas bżonn li tingħata motivazzjoni speċifika peress li mill-punt 77, iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jippreġudikax l-għanijiet u r-rekwiżiti minimi tal-ftehim qafas.

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi kkritikat il-Kunsill abbażi tal-fatt li ma mmotivax l-allegata deċiżjoni tiegħu li jidderoga mill-klawżola 5 tal-ftehim qafas. Barra minn hekk, ikun eċċessiv ukoll li l-Kunsill jiġi kkritikat abbażi tal-fatt li ma mmotivax b’mod speċifiku r-raġunijiet għall-għażliet tekniċi tiegħu fir-rigward tad-diversi kategoriji ta’ persunal jew ħaddiema nazzjonali identifikati mir-rikorrenti fil-punt 60 iktar ’il fuq.

83      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti kontra l-Artikolu 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq l-ilmenti intiżi direttament kontra d-deċiżjoni li tillimita t-tul tal-kuntratt tar-rikorrenti

84      Ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ilha timpjegaha mill-1 ta’ Mejju 2001, bis-saħħa ta’ ħmistax-il kuntratt suċċessiv għal perijodu determinat, sabiex twettaq kompiti permanenti relatati mal-attività normali tal-istituzzjoni. Hija tikkritika lill-Kummissjoni peress li ma impjegathiex għal perijodu indeterminat bħala membru tal-persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji tal-14 ta’ Settembru 2006.

85      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ppreżentatx, fl-atti tagħha, provi konkreti u rilevanti insostenn tad-dikjarazzjoni tagħha li skontha hija effettivament tassumi karigi permanenti relatati mal-attività normali tal-Kummissjoni barra s-sitwazzjoni li hemm riferiment għaliha fl-Artikolu 3b(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar li huwa ma għandux ifittex u jidentifika fid-dokumenti annessi mar-rikors jekk jeżistux provi li jistgħu jimlew tali lakuna, peress li dawn l-annessi sempliċement għandhom funzjoni probatorja u strumentali (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Ottubru 2001, X vs Il-Bank Ċentrali Ewropew, T‑333/99, Ġabra p. II‑3021, punt 190, u tal-15 ta’ Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlament, T‑345/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 75).

86      Għandu jiġi mfakkar ukoll li mill-punti 73 sa 76 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-klawżola 5 tal-ftehim qafas ma tinvolvix prinċipju ġenerali tad-dritt u li lanqas l-istabbiltà tal-impjieg ma hija prinċipju ġenerali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li s-serje ta’ kuntratti ma tissodisfax il-bżonnijiet speċifiċi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 77 iktar ’il fuq u kellhom bħala għan li jissodisfaw il-bżonnijiet permanenti u sostenibbli tal-istituzzjoni.

87      Isegwi li l-ewwel ilment invokat mir-rikorrenti kontra l-kuntratt bħala membru tal-persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji tal-14 ta’ Settembru 2006, sa fejn jikkonċerna t-tul tal-imsemmi kuntratt, għandu jiġi miċħud.

88      Ir-rikorrenti tallega, it-tieni nett, li l-Awtorità tal-kuntratti ma rrispondietx, fid-deċiżjoni tagħha tat-30 ta’ Marzu 2007, għall-argumenti li hija kienet ibbażat, fl-ilment tagħha tal-11 u tal-14 ta’ Diċembru 2006, fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-Karta Soċjali Ewropea u d-dritt għall-istabbiltà tal-impjieg. Skont ir-rikorrenti, l-Awtorità tal-kuntratti lanqas ma spjegat kif ħmistax-il kuntratt ta’ perijodu determinat suċċessivi ssodisfaw il-bżonnijiet tal-partijiet kontraenti u x’inhu dak li jiġġustifika d-differenza fit-trattament li tiegħu hija kienet vittma meta mqabbla ma’ ħaddiema impjegati fis-setturi pubbliċi jew privati ta’ Stat Membru.

89      Qabelxejn għandu jiġi kkonstatat li, fl-ilment tagħha tal-11 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ċċitat biss l-Artikoli 34 u 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikoli 12 u 13 tal-Karta Soċjali Ewropea f’deskrizzjoni tal-kuntest legali, mingħajr ma ddeduċiet ebda argument u mingħajr ma inkludiet dawk id-dispożizzjonijiet fil-lista ta’ testi u prinċipji invokati “insostenn tal-azzjoni tagħha”.

90      Issa, il-motivazzjoni, mingħajr ma għandha tkun eżawrjenti, għandha tippermetti lill-qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u tipprovdi lill-persuna kkonċernata b’indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex tabilħaqq fondata jew jekk hijiex ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ April 2002, Campolargo vs Il-Kummissjoni, T‑372/00, ĠabraSP p. I‑A‑49 u II‑223, punt 49, u tas-17 ta’ Ottubru 2006, Bonnet vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑406/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑213 u II‑A‑2‑1097, punt 67). L-istituzzjonijiet lanqas ma huma marbuta jiddiskutu l-punti kollha ta’ fatt jew ta’ dritt li ġew invokati, b’mod partikolari jekk dawn ikunu ġew invokati b’mod superfiċjali, matul il-proċedura amministrattiva. Konsegwentement, l-Awtorità tal-kuntratti ma kisritx l-obbligu tagħha li timmotiva ċ-ċaħda tagħha tal-kap tal-ilment intiż kontra t-tul tal-kuntratt tal-membru tal-persunal bil-kuntratt li ġie offrut lir-rikorrenti meta ma ġġustifikatx id-deċiżjoni tagħha fir-rigward tal-artikoli msemmija iktar ’il fuq tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-Karta Soċjali Ewropea. Barra minn hekk, l-Awtorità tal-kuntratti setgħet b’mod leġittimu tikkunsidra li dawn id-dispożizzjonijiet kienu biss iċċitati b’riferiment għat-tieni kap tal-ilment, intiż kontra r-riżerva medika applikata fir-rigward tar-rikorrenti.

91      Barra minn hekk, fl-ilment tagħha tal-11 u tal-14 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ma invokatx espressament differenza li seta’ kien hemm fit-trattament bejnha u bejn il-ħaddiema tas-settur pubbliku jew privat ta’ Stat Membru.

92      Mill-argument fl-ilment addizzjonali tal-14 ta’ Diċembru 2006 jirriżulta wkoll li dan l-ilment ikkompleta l-argument orġinali tar-rikorrenti fir-rigward tar-riżerva medika u mhux tal-kap tal-ilment intiż kontra t-tul tal-kuntratt.

93      Fl-aħħar nett, l-Awtorità tal-kuntratti rrispondiet għall-argumenti li r-rikorrenti ibbażat fuq dritt għall-istabbiltà tal-impjieg billi invokat b’mod partikolari li, filwaqt li huwa paċifiku li l-kuntratti għal perijodu indeterminat joffru stabbiltà ikbar, ma jirriżultax madankollu li l-kuntratti għal perijodu determinat huma illegali. L-Awtorità tal-kuntratti rreferiet ukoll għas-setgħa diskrezzjonali li hija għandha f’dan il-qasam u enfasizzat li l-kuntratti għal perijodu determinat kienu fil-fatt intiżi sabiex jissodisfaw b’mod konkret il-bżonnijiet temporanji, urġenti jew strettament definiti, u għalhekk jirrispondu għall-ilment li r-rikorrenti ddeduċiet min-natura suċċessiva tal-kuntratti ta’ xogħol tagħha.

94      Minn dan isegwi li t-tieni lment invokat mir-rikorrenti kontra l-kuntratt bħala membru tal-persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji tal-14 ta’ Settembru 2006, sa fejn jikkonċerna t-tul tal-imsemmi kuntratt, huwa infondat.

95      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi miċħud ir-rikors sa fejn huwa intiż kontra t-tul tal-kuntratt.

 Fuq ir-rikors sa fejn huwa intiż kontra r-riżerva medika

 L-argumenti tal-partijiet

–       L-argumenti tar-rikorrenti

96      Insostenn tar-rikors tagħha, sa fejn huwa intiż kontra r-riżerva medika, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi. L-ewwel motiv prinċipali huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg; u t-tieni motiv sussidjarju huwa bbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-istess artikolu.

97      Fir-rigward tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tfakkar qabelxejn li, bis-saħħa tal-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, l-Awtorità tal-kuntratti tista’ tiddeċiedi li teskludi membru tal-persunal bil-kuntratt mill-benefiċċji ggarantiti fir-rigward ta’ invalidità jew ta’ mewt, sa fejn dan jikkonċerna riskji li jirriżultaw minn mard żvelat fl-eżami mediku, għal perijodu ta’ ħames snin mid-data tad-dħul fis-servizz tiegħu fl-istituzzjoni.

98      Ir-rikorrenti ssostni li d-dħul fis-servizz imsemmi fl-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg huwa indipendenti min-natura tar-relazzjoni ta’ xogħol bejn l-istituzzjoni u l-membru tal-persunal, kemm jekk din tkun fil-forma ta’ kuntratt kif ukoll jekk tkun irregolata mir-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, il-fatt li jingħataw kuntratti għal perijodu determinat suċċessivi jikkostitwixxi, fir-realtà, relazzjoni ta’ xogħol unika. Konsegwentement, riżerva medika setgħet, f’dan il-każ, tiġi applikata biss għall-perijodu bejn l-1 ta’ Mejju 2001, data tal-ewwel dħul fis-servizz, u t-30 ta’ April 2006.

99      Ir-rikorrenti ssostni, sussegwentement, li r-riżerva medika kellha l-effett li ċċaħħadha minn livell ta’ protezzjoni soċjali xierqa, bi ksur tal-prinċipji ġenerali sottostanti, minn naħa, l-Artikoli 12 u 13 tal-Karta Soċjali Ewropea, dwar id-dritt għas-sigurtà soċjali u d-dritt għall-assistenza soċjali u medika, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-Artikoli 34 u 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, dwar id-dritt għall-aċċess għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, b’mod partikolari, fil-każ ta’ mard, u l-protezzjoni tas-saħħa, rispettivament.

100    Fl-aħħar nett, filwaqt li tafferma mill-ġdid li l-kunċett ta’ dħul fis-servizz użat fl-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg huwa indipendenti mill-affiljazzjoni ma’ sistema tas-sigurtà soċjali, kemm nazzjonali kif ukoll Komunitarja, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni li tiġi applikata riżerva medika fir-rigward tagħha naqset il-livell ta’ protezzjoni kontra r-riskji ta’ mewt u ta’ invalidità li hija kienet tgawdi taħt id-dritt ta’ sigurtà soċjali Ungeriż, u sussegwentement taħt id-dritt Belġjan, meta ħadmet mall-Kummissjoni bħala membru tal-persunal lokali u mbagħad bħala membru tal-persunal awżiljarju. F’dan ir-rigward, hija tosserva li ilha taħdem mal-Kummissjoni, mingħajr interruzzjoni, mill-1 ta’ Mejju 2001 u ssostni li l-istituzzjonijiet Komunitarji, bħal kull persuna oħra li tħaddem, ma jistgħux jissuġġettaw lill-persunal tagħhom għal sistema ta’ sigurtà soċjali prekarja billi kontinwament jeżaminaw l-istat mediku tal-membri tal-persunal ikkonċernati.

101    Fir-rigward tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li, jekk id-deċiżjoni li tiġi applikata r-riżerva medika fir-rigward tagħha kellha tiġi kkunsidrata bħala konformi mal-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, hemm lok li jiġi ddikjarat li dan l-artikolu jikser “il-prinċipji ġenerali tad-dritt dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema”.

102    Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tal-Kunsill, ir-rikorrenti tippreċiża li l-applikazzjoni tal-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni, huma bbażati fuq fictio iuris, peress li l-kuntratti għal perijodu determinat suċċessivi jitqiesu bħala diversi relazzjonijiet ta’ xogħol, kull waħda indipendenti mill-oħra. Madankollu, il-protezzjoni tal-ħaddiema teħtieġ li r-realtà ta’ relazzjoni ta’ xogħol kontinwa tieħu preċedenza sabiex l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jkunux jistgħu jissuġġettaw lill-membri tal-persunal tagħhom għal sistema ta’ sigurtà soċjali prekarja, ikkarratterizzata minn eżami kontinwu tas-sitwazzjoni medika tagħhom.

–       L-argumenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill

103    Fir-rigward tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni ssostni li, peress li l-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg huwa inkluż taħt it-titolu IV “Persunal bil-kuntratt”, Kapitolu 8 “Benefiċċji tas-sigurtà soċjali”, Taqsima B “Assigurazzjoni kontra r-riskju tal-invalidità u l-mewt”, dan jista’ japplika biss għall-membri tal-persunal bil-kuntratt b’effett mir-reklutaġġ tagħhom bħala tali. Barra minn hekk, l-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jirreferi għal eżami mediku li jsir qabel ir-reklutaġġ bħala tali, b’mod li l-perijodu ta’esklużjoni ta’ ħames snin mill-garanziji previsti fil-qasam ta’ invalidità u ta’ mewt jista’ biss jiddekorri wara li jkun sar dan ir-reklutaġġ. Barra minn hekk, ma jkunx jagħmel sens jekk dan il-perijodu japplika retroattivament għal żmien meta d-drittjiet inkwistjoni ma kinux jeżistu. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti l-ewwel nett kienet impjegata bħala membru tal-persunal lokali, affiljata mas-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-pajjiż tagħha, u sussegwentement bħala membru tal-persunal awżiljarju koperta mis-sistema ta’ sigurtà soċjali Belġjana. Kien biss meta kienet impjegata bħala membru tal-persunal bil-kuntratt li hija affiljat ruħha mas-sistema ta’ sigurtà soċjali Komunitarja.

104    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg huwa simili għall-Artikolu 1 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u għall-Artikolu 32 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, applikabbli għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal temporanju rispettivament. Il-Kummissjoni tenfasizza, min-naħa l-oħra, li d-dispożizzjonijiet dwar il-membri tal-persunal lokali u tal-persunal awżiljarju ma huma paragunabbli ma’ ebda artikolu. Din id-differenza hija spjegata mill-fatt li l-Kummissjoni tista’ biss tordna riżerva medika fir-rigward tal-persunal li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sigurtà soċjali Komunitarja.

105    Fir-rigward tat-tieni motiv, il-Kummissjoni u l-Kunsill jikkunsidraw li l-eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg hija inammissibbli inkwantu r-rikors ma jinkludi ebda argument f’dan ir-rigward. Anki jekk l-eċċezzjoni ta’ illegalità titqies bħala li hija bbażata wkoll fuq allegat ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali Komunitarja, tal-Artikoli 12 u 13 tal-Karta Soċjali Ewropea, kif ukoll tal-Artikoli 34 u 35 tal-Karta tad-Drittjiet Fundamentali, l-eċċezzjoni għandha madankollu tiġi miċħuda bħala inammissibbli abbażi tan-natura kompletament astratta tal-argument ippreżentat, peress li dan ma jagħtix informazzjoni ċara u preċiża li tista’ tippermetti lill-partijiet l-oħra jirrispondu għaliha u lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jeżerċita l-istħarriġ tiegħu, bi ksur tal-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej.

106    Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hija neqsa minn valur legali vinkolanti u li l-Karta Soċjali Ewropea ma tapplikax għall-Komunità peress li din tal-aħħar mhijiex inkluża fost il-partijiet firmatarji jew il-membri.

107    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ssostni li d-dritt għal-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa msemmi f’dawn iż-żewġ testi huwa osservat. Ir-rikorrenti hija koperta minn assigurazzjoni tal-mard bħal kull uffiċjal ieħor jew membru tal-persunal u hija wkoll koperta fil-każ ta’ mard jew ta’ mewt li jirriżulta minn mard minbarra dak li fir-rigward tiegħu tapplika r-riżerva medika.

108    Il-Kunsill isostni, fi kwalunkwe każ, li l-aċċess għall-benfiċċji tas-sigurtà soċjali jiddependi, skont l-Artikolu 34(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, mill-miżuri adottati mid-dritt Komunitarju u mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew, skont l-Artikolu 12(4) tal-Karta Soċjali Ewropea, mill-miżuri adottati mill-partijiet kontraenti. Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg jistgħu għalhekk jiddefinixxu s-sistema ta’ sigurtà soċjali applikabbli għas-servizz pubbliku Ewropew. Barra minn hekk, l-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jirreferix għall-protezzjoni fil-każ ta’ invalidità jew ta’ mewt. L-istess japplika għall-Artikolu 35 tal-imsemmija karta li jipprovdi biss id-dritt għal kull persuna li jkollha aċċess għall-protezzjoni fil-qasam tas-saħħa u li tibbenefika minn kura medika bil-kundizzjonijiet sabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali. L-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jċaħħadx lir-rikorrenti minn dawn il-garanziji. Barra minn hekk, l-Artikolu 12 tal-Karta Soċjali Ewropea jikkonċerna l-istabbiliment ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali mill-partijiet kontraenti, iż-żamma ta’ din is-sistema fuq livell sodisfaċenti u l-adozzjoni ta’ miżuri sabiex jiġi ggarantit li dawn il-vantaġġi jitgawdew waqt il-kollokament ta’ persuni bejn il-partijiet kontraenti. L-Artikolu 13 tal-istess karta jiggarantixxi d-dritt għall-assistenza soċjali u medika. Għaldaqstant, l-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ artikoli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

109    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikoli 70 u 121 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-membru tal-persunal lokali u l-membru tal-persunal awżiljarju għandhom ikunu affiljati mas-sistema obbligatorja tas-sigurtà soċjali nazzjonali, preferibbilment ma’ dik tal-pajjiż li magħha kienu affiljata l-aħħar jew mas-sistema tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom, fir-rigward ta’ membri tal-persunal awżiljarju, jew mas-sistema tal-pajjiż li fit-territorju tiegħu tali membru tal-persunal jintalab jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, fir-rigward ta’ membri tal-persunal lokali. Għaldaqstant, fil-każ ineżami, ir-rikorrenti kienet affiljata, mill-1 ta’ Mejju 2001 sal-15 ta’ Settembru 2006, taħt il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali Ungeriża u Belġjana suċċessivament, bħala membru tal-persunal lokali u sussegwentement bħala membru tal-persunal awżiljarju.

110    Min-naħa l-oħra, il-membru tal-persunal bil-kuntratt huwa kopert kontra d-diversi riskji soċjali skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 8 “Benefiċċji tas-sigurtà soċjali” tat-Taqsima IV “Membri tal-persunal bil-kuntratt” tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, u b’mod partikolari tal-Artikoli 99 sa 108, fir-rigward ta’ riskji ta’ invalidità u ta’ mewt. Dan ifisser li, minn meta ġiet impjegata bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, fis-16 ta’ Settembru 2006, ir-rikorrenti ma baqgħetx suġġetta għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali Belġjana u bdiet tagħmel parti mis-sistema ta’ sigurtà soċjali kif organizzata mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

111    Fil-qasam ta’ invalidità u ta’ mewt, l-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprovdi, “[m]eta l-eżami mediku li sar qabel ikun ingaġġat membru tal-persunal bil-kuntratt, juri li qed isofri minn mard jew invalidità, l-[Awtorità tal-kuntratti], sa fejn jidħlu r-riskji li jinqalgħu mit-tali mard jew invalidità, tista’ tiddeċiedi li tagħtih benefiċċji garantiti dwar il-benefiċċji jew mewt biss wara perjodu ta’ ħames snin mid-data ta’ meta jidħol fis-servizz ta’ l-istituzzjoni”. Dispożizzjoni simili tinsab fl-Artikolu 1(1) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli għall-uffiċjali, u fl-Artikolu 32 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, applikabbli għall-membri tal-persunal temporanju.

112     Mill-kliem tal-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jirriżulta b’mod ċar li dan jipprovdi biss sempliċi fakultà għall-Awtorità tal-kuntratti li tagħmel riżerva medika, fl-affiljazzjoni tal-membru tal-persunal mas-sistema tas-sigurtà soċjali Komunitarja, fil-każ fejn l-eżistenza ta’ mard jew ta’ invalidità ta’ dan tal-aħħar ikunu rrilevati matul l-eżami mediku tar-reklutaġġ. Barra minn hekk, il-perijodu ta’ esklużjoni tal-assigurazzjoni fil-qasam ta’ invalidità jew ta’ mewt, relatata ma’ dan il-mard jew ma’ din l-invalidità, huwa ta’ ħames snin b’effett “mid-data ta’ meta [l-membru tal-persunal] jidħol fis-servizz ta’ l-istituzzjoni”.

113    Għandu jiġi ppreċiżat x’tifsira għandha tingħata lill-frażi “jidħol fis-servizz ta’ l-istituzzjoni” peress li l-partijiet ma jaqblux dwar it-tifsira li għandha tingħata lil dawn il-kliem. Skont ir-rikorrenti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-bidu tal-perijodu ta’ attività tal-persuna kkonċernata fi ħdan l-istituzzjoni, indipendentement mit-tip ta’ kuntratt li hija għandha ma’ tali istituzzjoni, li, fil-każ ineżami, jikkorrispondi mad-data ta’ meta r-rikorrenti ġiet impjegata bħala membru tal-persunal lokali, jiġifieri l-1 ta’ Mejju 2001. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-data li fiha l-membru tal-persunal b’kuntratt affilja ruħu mas-sistema tas-sigurtà soċjali Komunitarja, jiġifieri, fil-każ ineżami, is-16 ta’ Settembru 2006.

114    F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-test tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet mixtieqa mid-dritt li minnu hija tagħmel parti, kif ukoll id-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, Ġabra p. 3415, punt 20, u tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, Ġabra p. 3781, punt 12 ; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑2/02 u T‑23/02, Ġabra p. II 4065, punt 47).

115    Qabelxejn, it-tifsira normali tat-test użat fl-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għandu jkollha l-effett li d-dħul fis-servizz ta’ istituzzjoni jikkoinċidi mad-data li fiha l-membru tal-persunal ikkonċernat ikun beda l-funzjonijiet tiegħu fl-istituzzjoni, indipendentement min-natura tal-kuntratt li għandu mal-istituzzjoni, li fil-każ ineżami, ikun jimplika li l-perijodu ta’ esklużjoni tal-garanziji pprovduti fil-qasam ta’ invalidità u ta’ mewt beda jiddekorri fl-1 ta’ Mejju 2001. Madankollu, kif enfasizzat il-Kummissjoni, ma jkunx jagħmel sens jekk tali perijodu ta’ esklużjoni jibda jiddekorri qabel ma l-membru tal-persunal ikkonċernat ikun affilja ruħu mas-sistema ta’ sigurtà soċjali Komunitarja.

116    Peress li perijodu ta’ esklużjoni mill-assigurazzjoni kontra riskju soċjali jista’, min-natura tiegħu stess, jibda jiddekorri biss meta s-sistema li tkopri dak ir-riskju hija applikabbli, il-perijodu ta’ esklużjoni mill-garanziji pprovduti fir-rigward ta’ invalidità jew ta’ mewt ma jistax japplika retroattivament għad-data li fiha r-rikorrenti bdiet taħdem mal-Kummissjoni, jiġifieri l-1 ta’ Mejju 2001.

117    Madankollu, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ dan l-artikolu, l-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti, kif ukoll dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju.

118    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kuntest tal-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti, għandu jiġi osservat li l-artikolu inkwistjoni jagħmel parti minn serje ta’ dispożizzjonijiet fil-Kondizzjonijiet tal-impjieg li huma intiżi li jiżguraw li l-membri tal-persunal bil-kuntratt jibbenefikaw minn livell għoli ta’ protezzjoni kontra riskji ta’ sigurtà soċjali tradizzjonali, inkluż ir-riskju ta’ invalidità. Barra minn hekk, fl-atti tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat din il-karatteristika tal-leġiżlazzjoni Komunitarja meta sostniet li dan jirrispondi għall-għanijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-Karta Soċjali Ewropea, fl-oqsma tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà soċjali. Hija sostniet ukoll, matul is-seduta, li l-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma japplikax awtomatikament, iżda sempliċement jipprovdi fakultà, għall-Awtorità tal-kuntratti, sabiex tirrikorri għal riżerva medika.

119    Għandu jiġi sostnut ukoll, li fir-rigward tal-membri tal-persunal bil-kuntratt, kif ukoll saħansitra fir-rigward tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju, il-protezzjoni soċjali, u b’mod partikolari, l-assigurazzjoni kontra r-riskju ta’ invalidità, hija implementata mill-istituzzjoni nfisha skont il-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Meta l-leġiżlatur Komunitarju adotta r-Regolament Nru 723/2004, huwa inkluda fl-Artikolu 52 tal-Kondizzjonijiet għall-impjieg, dispożizzjoni li tipprovdi għat-tneħħija gradwali tal-kuntratti tal-membri tal-persunal awżiljarju sal-31 ta’ Diċembru 2007, bl-intenzjoni, kif jirriżulta mill-premessa 36 tal-imsemmi regolament, li jissostitwixxi l-imsemmija kuntratti b’kuntratti bħala membri tal-persunal bil-kuntratt. Huwa paċifiku li din ir-riforma ma kinitx sostnuta minn miżuri ta’ koordinazzjoni bejn is-sistemi nazzjonali ta’ assigurazzjoni għall-invalidità, li fihom kienu affiljati l-membri tal-persunal awżiljarju, u s-sistema ta’ assigurazzjoni għall-invalidità Komunitarja, li fiha kienu affiljati l-membri tal-persunal bil-kuntratt, bħal kif inhu l-każ fil-kuntest ġenerali tal-moviment liberu tal-ħaddiema ġewwa l-Komunità, skont l-Artikolu 42 KE, jew, b’mod iktar speċifiku, bħal ma huwa previst fl-Artikolu 11 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-qasam tal-assigurazzjoni tax-xjuħija.

120    F’dawn il-kundizzjonijiet, l-amministrazzjoni, billi tapplika l-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg fir-rigward tal-membri tal-persunal awżiljarju, li fuq talba tal-Kummissjoni, jikkonkludu kuntratt ġdid bħala membri tal-persunal bil-kuntratt, ma tistax, meta tistabbilixxi t-tul tal-perijodu ta’ esklużjoni previst fl-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, tinjora l-fatt li l-membri tal-persunal ikkonċernati kienu impjegati fis-servizz tal-istituzzjoni u kienu mġiegħla jaffiljaw ruħhom ma’ sistema ta’ sigurtà soċjali differenti minħabba l-bidla fis-sistema kuntrattwali imposta fuq tali membri tal-persunal minħabba r-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal.

121    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, huwa konsistenti kemm mal-kuntest partikolari tal-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, kemm mal-kuntest iktar ġenerali tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, u kif ukoll mal-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti l-Artikolu 100, li l-artikolu jiġi interpretat b’mod strett, filwaqt li għandu jitfakkar li riżerva medika għandha bħala konsegwenza li ċċaħħad lill-persuna kkonċernata minn kwalunkwe pensjoni ta’ invalidità, anki, fil-prinċipju, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet preċedentement applikabbli, kif ukoll kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni waqt is-seduta, fil-każ ineżami, fil-każ fejn l-inkapaċità li jitwettaq ix-xogħol toriġina, matul il-perijodu ta’ esklużjoni, minn marda identifikata waqt l-eżami mediku tar-reklutaġġ.

122    It-tieni nett, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ir-rekwiżiti li jirriżultaw, fil-qasam tas-sigurtà soċjali b’mod partikolari, mill-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema, iggarantit mill-Artikolu 39 KE, li jagħmel parti mill-prinċipji fundamentali tal-Komunità (ara, per eżempju, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, C‑482/01 u C‑493/01, Ġabra p. I-5257, punt 64, u tas-17 ta’ Frar 2005, Oulane, C‑215/03, Ġabra p. I‑1215, punt 16), u li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal jew tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

123    F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ċittadin Komunitarju li jaħdem fi Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu ma jitlifx l-istatus ta’ ħaddiem, fis-sens tal-Artikolu 39(1) KE, meta jokkupa kariga mal-Komunitajiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Ottubru 2000, Ferlini, C‑411/98, Ġabra p. I-8081, punt 42, u tas-16 ta’ Diċembru 2004, My, C‑293/03, Ġabra p. I‑12013, punt 37). Abbażi ta’ dan il-fatt, huwa ma jistax jiġi rrifjutat d-drittijiet u l-vantaġġi soċjali li jingħatawlu minn dan l-artikolu (sentenzi Ferlini, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43, u My, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-19 ta’ Ġunju 2007, Davis et vs Il-Kunsill, F‑54/06, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 96).

124    Madankollu, waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet, billi bbażat ruħha fuq is-sentenza My (iċċitata iktar ’il fuq, punti 38 u 40), li l-Artikolu 39 KE mhuwiex applikabbli għaċ-ċirkustanzi tal-każ, peress li dawn jikkoċernaw aċċess għal kariga fi żmien meta r-rikorrenti kienet diġà ġiet ammessa fit-territorju Belġjan u kienet diġà ħadmet hemmhekk. Skont il-Kummissjoni, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti għandha tiġi mqabbla ma’ sitwazzjoni interna fi Stat Membru.

125    Tali pożizzjoni ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, għandu l-ewwel nett, jitfakkar li l-Artikolu 39 KE jimplika, bħala regola ġenerali, li ċittadini tal-Istati Membri għandhom b’mod partikolari d-dritt li jitilqu mill-Istat ta’ origini tagħhom u jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u jirrisjedu f’tali Stat sabiex jeżerċitaw attività ekonomika hemmhekk (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 95; u tas-27 ta’ Jannar 2000, Graf, C‑190/98, Ġabra p. I‑493, punt 22, u tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon, C‑212/06, Ġabra p. I‑1683, punt 44).

126    Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti, ta’ ċittadinanza Ungeriża, telqet mill-pajjiż ta’ oriġini tagħha, f’Settembru 2003, qabel is-sħubija tar-Repubblika tal-Ungerija fl-Unjoni Ewropea, sabiex tokkupa kariga bħala membru tal-persunal awżiljarju fi ħdan il-Kummissjoni. Huwa ċar li meta seħħew il-fatti, il-kollokament tagħha fil-Belġju ma setax jitqabbel mal-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema skont l-Artikolu 39 KE.

127    Madankollu, b’effett mis-sbuħija, fl-1 ta’ Mejju 2004, tar-Repubblika tal-Ungerija fl-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 39 japplika, fil-prinċipju, b’mod sħiħ għaċ-ċittadini Ungeriżi, skont l-Artikolu 24 tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni, anness mat-Trattat bejn il-ħmistax-il Stat Membru preċedenti u l-għaxar Membri ġodda rigward is-sħubija ta’ dawn tal-aħħar fl-Unjoni Ewropea, iffirmat fis-16 ta’ April 2003 (ĠU L 236, p. 33), u l-punt 1.1 tal-Anness X tiegħu, bla ħsara biss għad-dispożizzjonijiet tranżitorji pprovduti fil-paragrafi 1.2 sa 1.14 tal-imsemmi anness. Minn dan isegwi li, b’effett mis-sħubija tar-Repubblika tal-Ungerija, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati minn ċittadin Ungeriż li, sa minn data qabel is-sħubija tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jeżerċita attività bi ħlas fi Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta’ oriġini (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 1989, Lopes da Veiga, 9/88, Ġabra p. 2989, punti 9 u 10, kif ukoll tas-26 ta’ Mejju 1993, Tsiotras, C‑171/91, Ġabra p. I‑2925, punt 12).

128    Issa, id-dispożizzjonijiet tranżitorji msemmija iktar ’il fuq tal-Anness X tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Ungerija ma jipprekludux li ħaddiem ta’ ċittadinanza Ungeriża, li fid-data tas-sħubija kien legalment jaħdem fi Stat Membru ieħor minbarra l-Istat Membru ta’ oriġini, b’mod partikolari fi ħdan istituzzjoni Komunitarja, ikun jista’, meta jokkupa impjieg ieħor mal-istess persuna li tħaddmu, jinvoka, fit-territorju tal-Istat ospitanti, id-drittijiet u l-vantaġġi mogħtija mill-Artikolu 39 KE, b’mod partikolari fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

129    Is-sentenza My (punt 123 iktar ’il fuq) ma tikkonfutax l-applikabbiltà tal-Artikolu 39 KE fil-kawża preżenti. Kif għadu kemm ġie enfasizzat, ir-rikorrenti, ta’ ċittadinanza Ungeriża, wettqet parti mill-karriera tagħha fl-Istat Membru ta’ oriġini qabel ma stabbilixxiet ruħha fil-Belġju sabiex taħdem f’dan l-Istat bħala membru tal-persunal awżiljarju mal-Kummissjoni u sussegwentement taċċetta kariga bħala membru tal-persunal bil-kuntratt mal-istess istituzzjoni. Dawn iċ-ċirkustanzi jiddistingwu l-kawża preżenti miċ-ċirkustanzi tas-sentenza My, li fiha r-rikorrent fil-kawża prinċipali, ta’ ċittadinanza Taljana, li kien wasal il-Belġju fl-età ta’ disa’ snin, wettaq il-karriera tiegħu kollha fil-Belġju. Fil-każ preżenti, billi aċċettat impjieg ġdid, f’Settembru 2006, fi ħdan il-Kummissjoni, u billi għamlet dan f’ċirkustanzi oħra minn dawk ipprovduti fid-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Ungerija, li llimitaw l-applikazzjoni sħiħa tal-Artikolu 39 KE, ir-rikorrenti għamlet tabilħaqq użu minn wieħed mid-drittijiet li jingħatawlha minn dan l-artikolu, jiġifieri d-dritt li taċċetta impjieg fil-fatt offrut fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, minbarra l-Istat Membru ta’ oriġini.

130    Peress li l-applikabbiltà tal-Artikolu 39 KE hija għaldaqstant stabbilita f’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-metodi tal-eżerċizzju ta’ attività jistgħu jikkundizzjonaw l-aċċess għaliha u li leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju ta’ attività ekonomika tista’ tikkostitwixxi xkiel għall-moviment liberu tal-ħaddiema (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑464/02, Ġabra p. I 7929, punt 37). B’mod partikolari, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan tal-Artikoli 39 sa 42 KE ma jintlaħaqx jekk, bħala konsegwenza tal-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal moviment liberu, ħaddiem jitlef il-vantaġġi tas-sigurtà soċjali li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tiżguralu; tali riżultat jista’ fil-fatt jiskoraġġixxi lill-ħaddiem Komunitarju milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu u għalhekk jikkostitwixxi xkiel għal din il-libertà (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 1994, Drake, C‑12/93, Ġabra p. I‑4337, punt 22, u tat-22 ta’ Novembru 1995, Vougioukas, C‑443/93, Ġabra p. I‑4033, punt 39).

131    Issa, l-applikazzjoni tal-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, tippenalizza lir-rikorrenti u għalhekk hija ta’ natura li tipproduċi tali effett dissważiv, peress li, billi taċċetta li tibqa’ impjegata mas-servizz tal-konvenuta permezz ta’ kuntratt ġdid bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, hija titlef, għal ħames snin, minħabba l-applikazzjoni tar-riżerva medika, il-vantaġġ tal-benefiċċji tal-invalidità ggarantiti lilha mil-leġiżlazzjoni Belġjana li kienet applikabbli preċedentement, mingħajr madankollu ma tikseb dritt għall-benefiċċji Komunitarji tal-invalidità jew tal-mewt li jistgħu jirriżultaw mill-marda identifikata matul l-eżami mediku ta’ reklutaġġ tagħha.

132    Huwa preċiżament sabiex jiżgura li l-eżerċizzju tad-dritt għal moviment liberu li huwa mogħti mit-Trattat ma jkollux l-effett li jċaħħad ħaddiem mill-vantaġġi tas-sigurtà soċjali li kien ikun intitolat għalihom kieku wettaq il-karriera tiegħu fi Stat Membru wieħed, li l-leġiżlatur Komunitarju adotta l-Artikolu 42 KE, u stabbilixxa, b’mod partikolari, ir-regola tal-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni, ta’ residenza jew ta’ xogħol fil-qasam tas-sigurtà soċjali, billi adotta r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35), li ġiet emendata diversi drabi. Għalhekk, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għamlet l-għoti ta’ benefiċċji ta’ invalidità suġġett għal kundizzjoni li, fil-mument meta tibda tapplika l-assigurazzjoni, l-istat ta’ saħħa tal-assigurat ma jkunx tali li jipprevedi inkapaċità tax-xogħol segwita minn invalidità f’qasir żmien, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 1408/71, liema artikolu jinkludi regola ta’ aggregazzjoni fil-qasam ta’ invalidità, jipprekludi li istituzzjoni nazzjonali tikkunsidra bħala d-data effettiva tal-bidu tal-assigurazzjoni skont il-leġiżlazzjoni amministrata minnha bħala d-data li fiha jibdew jiddekorru l-perijodi ta’ assigurazzjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-ħlas ta’ benefiċċji ta’ invalidità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ottubru 1995, Moscato, C‑481/93, Ġabra. p. I‑3525, punt 30; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ottubru 1995, Klaus, C‑482/93, Ġabra p. I‑3560, punt 23).

133    Min-naħa l-oħra, huwa ċar li r-Regolament Nru 1408/71, applikabbli għall-membri tal-persunal awżiljarju, ma japplikax għall-membri tal-persunal bil-kuntratt, u lanqas għall-uffiċjali jew għall-membri tal-persunal temporanju tal-Komunitajiet Ewropej (ara s-sentenzi Ferlini, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u My, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35). Xorta jibqa’ l-fatt li dawn tal-aħħar għandhom l-istatus ta’ ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 39 KE u li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fis-sentenza Moscato (iċċitata iktar ’il fuq, punt 28), li jkun hemm xkiel għal-liberta’ tal-moviment meta korp nazzjonali, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali paragunabbli ma’ dik inkluża fl-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jirrifjuta li jieħu bħala l-uniku punt minn meta tibda tiddekorri l-assigurazzjoni, id-data ta’ meta l-assigurazzjoni tkun saret effettiva taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali li huwa jamministra, filwaqt li jinjora l-perijodi ta’ affiljazzjoni tal-persuna kkonċernata taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor.

134    Għandu jingħad ukoll li, “sabiex jiżgura l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għas-sigurtà soċjali”, l-Artikolu 12(4)(b) tal-Karta Soċjali Ewropea jiggarantixxi “iż-żamma [...] tad-drittijiet għas-sigurtà soċjali permezz ta’ mezzi bħall-aggregazzjoni ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ xogħol imwettqa skont id-dritt ta’ kull wieħed mill-partijiet”. Minkejja li l-Komunità ma sseħbitx ma’ din il-karta, hemm referenza għaliha fir-raba’ premessa tal-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif ukoll fl-Artikolu 136 KE u din tagħmel parti mill-istrumenti internazzjonali li għandhom jiggwidaw l-istituzzjonijiet fl-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, b’mod partikolari dawk li jistgħu jċaħħdu ħaddiem mill-protezzjoni soċjali fundamentali, permezz ta’ sempliċi fakultà mogħtija lill-amministrazzjoni.

135    Huwa minnu, barra minn hekk, li l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 132 iktar ’il fuq tikkonċerna sitwazzjonijiet li fihom it-telf ta’ vantaġġi tas-sigurtà soċjali seħħ saħansitra fl-okkażjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu, wara li nbidel il-pajjiż tal-assigurazzjoni, filwaqt li fil-kawża preżenti, l-amministrazzjoni applikat l-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg waqt il-bdil tat-tip ta’ kuntratt ta’ xogħol u tas-sistema tas-sigurtà soċjali applikabbli, li seħħ tliet snin wara li r-rikorrenti waslet fit-territorju Belġjan sabiex teżerċita attività ekonomika hemmhekk.

136    Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma tistax tikkonfuta l-konstatazzjoni li tipprovdi li r-rikorrenti, li telqet mill-Istat ta’ oriġini tagħha fl-2003 sabiex tokkupa kariga fi ħdan il-Kummissjoni, sussegwentement sabet ruħha, minħabba l-bdil tal-kuntratt bħala membru tal-persunal awżiljarju f’kuntratt bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, li kien obbligatorju skont ir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, u minħabba l-bdil sussegwenti tas-sistema ta’ sigurtà soċjali applikabbli:

–        jew f’sitwazzjoni fejn kellha ssofri telf tal-vantaġġ tal-benefiċċji ta’ invalidità li kienet tiggarantilha l-leġiżlazzjoni Belġjana preċedentement applikabbli, mingħajr madankollu ma tikseb dritt għal benefiċċji Komunitarji fir-rigward ta’ invalidità jew ta’ mewt li jistgħu jkunu l-konsegwenzi tal-marda identifikata fl-eżami mediku tar-reklutaġġ tagħha, liema benefiċċji hija setgħet tinvoka kieku ttieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ assigurazzjoni li hija kienet wettqet taħt il-leġiżlazzjoni Belġjana mal-istess persuna li tħaddem,

–        jew li tkun imġiegħla, fi tmiem il-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal awżiljarju, li tirrinunzja l-attività ta’ xogħol tagħha mal-Kummissjoni fil-Belġju, li sabiex teżerċitaha kienet speċifikament telqet mill-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

137    Għandu jiġi mfakkar ukoll, fir-rigward tal-aħħar punt, li skont l-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, riżerva medika tista’ tapplika għal kull membru tal-persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji “mid-data ta’ meta jidħol fis-servizz ta’ l-istituzzjoni” wara “eżami mediku li sar qabel ikun ingaġġat”. B’mod iktar preċiż, il-kuntratt tar-rikorrenti bħala membru tal-persunal awżiljarju ġie fi tmiemu b’mod awtomatiku fil-15 ta’ Settembru 2006 u l-Kummissjoni, billi ttrattatha bħala membru tal-persunal ġdid, applikat ir-riżerva medika inkwisjtoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Għalhekk, fil-każ preżenti, l-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg impona kundizzjonijiet fuq l-aċċess ta’ ħaddiem għas-suq tax-xogħol.

138    Minn dan isegwi li l-applikazzjoni tal-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tippenalizza lir-rikorrenti fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni u tista’ tostakola l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 39 KE, li jikkostitwixxi dispożizzjoni fundamentali għall-Komunità.

139    Issa, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx, u lanqas ippruvat tistabbilixxi, li tali xkiel għall-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 39 KE kien neċessarju sabiex jintlaħaq għan ta’ interess ġenerali, li dan kien xieraq sabiex jiżgura li jintlaħaq dan l-għan u li dan ma marx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon, punt 125 iktar ’il fuq, punti 48, 52 u 55). F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar ukoll, li għanijiet ta’ natura purament ekonomika ma jistgħux jiġġustifikaw xkiel għal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 1997, SETTG, C‑398/95, Ġabra p. I‑3091, punt 23, u tat-28 ta’ April 1998, Kohll, C‑158/96, Ġabra p. I‑1931, punt 41).

140    Barra minn hekk, il-fatt li l-applikazzjoni tal-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tista’ timplika wkoll in-nuqqas ta’ assigurazzjoni tar-riskji ta’ invalidità għaċ-ċittadini Belġjani li kkonkludew ukoll kuntratt bħala membru tal-persunal bil-kuntratt mal-Kummissjoni, wara li kienu impjegati fil-Belġju bħala membri tal-persunal awżiljarju, iżda mingħajr ma qatt eżerċitaw il-libertà tal-moviment tagħhom fi ħdan il-Komunità, ma jistax jipprekludi lil ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jkun għamel użu mid-dritt għall-moviment liberu tiegħu, milli jibbenefika, f’sitwazzjoni paragunabbli, mid-drittijiet u l-vantaġġi soċjali li jagħtih l-Artikolu 39 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon, punt 125 iktar ’il fuq, punti 36 sa 42).

141    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-Awtorità tal-kuntratti ma kellhiex, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami, tirrikorri għall-fakultà prevista fl-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg sabiex ma ċċaħħadx lir-rikorrenti mill-vantaġġi tas-sigurtà soċjali li kienet tkun intitolata għalihom kieku baqgħet affiljata taħt il-leġiżlazzjoni Ungeriża jew Belġjana.

142    Fl-aħħar nett, għandha tingħata risposta għall-argument tal-Kummissjoni li skontu, filwaqt li jibbaża ruħu b’mod partikolari fuq l-Artikolu 39 KE, li ma ġiex invokat mir-rikorrenti fl-atti tagħha, fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-riżerva medika, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jeżamina ex officio l-legalità tal-att amministrattiv tal-Awtorità tal-kuntratti fir-rigward ta’ motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjoni tat-Trattat.

143    Għandu jiġi enfasizzat, preliminarjament u b’mod ġenerali, li l-limitazzjoni tas-setgħa ta’ qorti li tqajjem motiv ex officio hija l-konsegwenza tal-obbligu tagħha li żżomm mas-suġġett tal-kawża u li tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq il-fatti li ġew ippreżentati quddiemha. Din il-limitazzjoni hija ġġustifikata bil-prinċipju li jipprovdi li l-inizjattiva proċesswali tappartjeni lill-partijiet b’mod li l-qorti taġixxi ex officio f’każijiet eċċezzjonali biss, fl-interess pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra p. I‑4233, punti 34 sa 36).

144    Mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi identifikat hawnhekk liema huma l-każijiet li fihom ikun possibbli għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jqajjem motiv ex officio, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, billi tippreċiża l-kuntest ġuridiku li fih għandha tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt derivat, il-qorti Komunitarja ma tiddeċidiex fuq il-legalità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl ta’ regoli tad-dritt supremi, inklużi dawk tat-Trattat, iżda tfittex li tinterpreta d-dispożizzjoni inkwistjoni b’mod li l-applikazzjoni tagħha tkun l-iktar konformi possibbli mal-kuntest ġuridiku li tagħmel parti minnu. Fil-każ ineżami, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, billi interpreta l-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, b’mod partikolari, fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-moviment liberu tal-ħaddiema, stipulat fl-Artikolu 39 KE, ma marx lil hinn mil-limiti tal-kawża kif ċirkoskritti mir-rikorrenti u ma bbażax ruħu fuq fatti jew ċirkustanzi differenti minn dawk li fuqhom ibbażat ir-rikors tagħha r-rikorrenti. Barra minn hekk, l-argument ippreżentat mir-rikorrenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, mingħajr riferiment espress għall-Artikolu 39 KE, u dak inkluż fis-sentenza preżenti rigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg fid-dawl tal-Artikolu 39 KE huma essenzjalment simili ferm.

145    Barra minn hekk, id-drittijiet tad-difiża ġew osservati, sa fejn il-partijiet kollha ġew mistiedna, fir-rapport preliminari, sabiex waqt is-seduta jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw, fil-każ ineżami, mis-sentenzi Moscato (punti 132 iktar ’il fuq), Vougioukas (punt 130 iktar ’il fuq) u My (punt 123 iktar ’il fuq), fir-rigward tal-protezzjoni kontra l-invalidità u r-regola tal-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 42(a) KE.

146    Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku injora l-passività rikjesta minnu inkwantu eżamina l-kawża preżenti mill-perspettiva, b’mod partikolari, tal-Artikolu 39 KE għandu jiġi miċħud.

147    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, mingħajr ma hemm il-bżonn li jiġu eżaminati l-konsegwenzi tal-libertà tal-moviment tal-ħaddiema fi ħdan il-Komunità għall-interpetazzjoni tal-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg f’ċirkustanzi oħra lil hinn minn dawk tal-każ ineżami, l-Awtorità tal-kuntratti ma kellhiex tirrikorri għall-fakultà prevista fl-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg fil-konfront tar-rikorrenti.

148    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma setgħetx timponi riżerva medika fuq ir-rikorrenti billi tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 100 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

149    Għaldaqstant, għandu jintlaqa’ bħala fondat l-ewwel motiv intiż kontra r-riżerva medika u, konsegwentement, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni li timponi r-riżerva medika fir-rigward tar-rikorrenti, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat it-tieni motiv dwar dan is-suġġett li ma jistax iwassalx għal annullament b’portata ikbar.

 Fuq l-ispejjeż

150    Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, id-dispożizzjonijiet tat-tmien kapitolu tat-tieni titolu tal-imsemmija regoli, dwar l-ispejjeż ġudizzjarji, huma biss applikabbli għall-kawżi mressqa quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b’effett mid-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regoli, jiġifieri, fl-1 ta’ Novembru 2007. Id-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza li huma rilevanti fil-qasam għandhom jibqgħu jkunu applikabbli mutatis mutandis għall-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qabel din id-data.

151    Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet dwar l-ispejjeż tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza huma applikabbli għall-kawża F‑69/07.

152    Skont l-Artikolu 87(2) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jaqsam l-ispejjeż jew jiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 88 tal-istess regoli, fil-kawżi bejn il-Komunitajiet u l-membri tal-persunal tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

153    Barra minn hekk, l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jipprovdi li l-istituzzjonijiet li jkunu intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

154    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-Kawża F‑60/08, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-tmien Kapitolu tat-tieni Titolu tal-imsemmija regoli, il-parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

155    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 89(4) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

156    Mill-motivi esposti jirriżulta li r-rikorrenti ngħatat raġun fir-rigward ta’ wieħed mis-suġġetti tar-rikors tagħha fil-Kawża F‑69/07. Għalhekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li, fir-rigward tal-ispejjeż relatati ma’ din il-kawża, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti, filwaqt li din tal-aħħar għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

157    Peress li r-rikorrenti tilfet il-Kawża F‑60/08, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tal-Kummissjoni relatati ma’ din il-kawża.

158    Barra minn hekk, il-Kunsill, intervenjenti, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu fiż-żewġ Kawżi F‑69/07 u F‑60/08.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tal-14 ta’ Settembru 2006 hija annullata inkwantu timponi riżerva medika fir-rigward tar-rikorrenti.

2)      Il-kumplament tar-rikors F‑69/07, O vs Il-Kummissjoni, huwa miċħud bħala infondat.

3)      Ir-rikors F‑60/08, O vs Il-Kummissjoni, huwa miċħud bħala inammissibbli.

4)      Fil-Kawża F‑69/07, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti.

5)      Ir-rikorrenti għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha fil-Kawża F‑69/07, kif ukoll l-l-ispejjeż tagħha u dawk tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fil-Kawża F‑60/08.

6)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu fiż-żewġ kawżi.

Kanninen

Boruta

Van Raepenbusch

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fid-29 ta’ Settembru 2009.

W. Hakenberg

 

      H. Kanninen

Reġistratur

 

      President

It-testi ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Unjoni Ewropea ċċitati fiha huma disponibbli fis-sit internet www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.