Language of document :

Appell ippreżentat fit-23 ta’ April 2023 minn Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics SAE u Jushi Egypt for Fiberglass Industry SAE mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) fl-1 ta’ Marzu 2023 fil-Kawża T-301/20, Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics u Jushi Egypt for Fiberglass Industry vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-261/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics SAE u Jushi Egypt for Fiberglass Industry SAE (rappreżentanti: B. Servais u V. Crochet, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea u Tech-Fab Europe eV

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata,

tilqa’ l-ewwel, it-tielet u l-ħames parti tal-ewwel motiv tal-ewwel istanza, u

tikkundanna lill-appellata jew lil kwalunkwe intervenjent għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-appellanti kontra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/492 tal-1 ta’ April 2020 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu 1 .

Insostenn ta’ dan l-appell, l-appellanti jressqu tliet aggravji:

L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li peress li l-prezz tal-faxex tal-fibri tal-ħġieġ skont id-dokumenti tal-kontabbiltà ta’ Hengshi ma kienx f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa, dak il-prezz kellu jiġi aġġustat skont it-tieni kundizzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea 1 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Bażiku”).

It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament Bażiku meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata li taġġusta l-prezz tal-faxex tal-fibri tal-ħġieġ ta’ Hengshi fuq “kull bażi raġjonevoli oħra”, u applikat il-liġi b’mod żbaljat meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u aċċettat b’mod żbaljat motivi mressqa għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali.

It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx imponiet dazju antidumping li jeċċedi l-marġni ta’ dumping u, b’hekk, ma kisritx l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Bażiku.

Fir-rigward tal-ewwel aggravju, l-appellanti essenzjalment isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li peress li l-prezz tal-faxex tal-fibri tal-ħġieġ skont id-dokumenti tal-kontabbiltà ta’ Hengshi ma kienx f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa, dak il-prezz ma setax jitqies li jieħu inkunsiderazzjoni b’mod raġjonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott inkwistjoni, u li, konsegwentement, dak il-prezz kellu jiġi aġġustat taħt it-tieni kundizzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament Bażiku. B’mod partikolari, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma waslitx għall-konklużjoni korretta mill-fatt li t-tieni kundizzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament Bażiku għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma waslitx għall-konklużjoni korretta mill-fatt li t-tieni kundizzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament Bażiku għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim antidumping tal-WTO kif interpretat mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

Fir-rigward tat-tieni aggravju, l-appellanti jressqu żewġ argumenti. L-ewwel, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata li taġġusta l-press tal-faxex tal-fibri tal-ħġieġ ta’ Hengshi fuq “kull bażi raġjonevoli oħra” skont l-eċċezzjoni stabbilita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament Bażiku għaliex dik l-eċċezzjoni għandha tiġi interpretata b’mod stress. It-tieni, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali applikat il-liġi b’mod żbaljat meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha talli għamlet l-aġġustament imsemmi iktar ’il fuq għaliex il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat id-dikjarazzjoni rilevanti fir-regolament ikkontestat li allegatament tispjega għalfejn kellha tirrikorri għall-eċċezzjoni stabbilita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament Bażiku u kienet żbaljat meta ddeċidiet li l-motivi relatati mal-“paragunabbiltà” ta’ Hengshi u ta’ Jushi kienu “biss element tal-kuntest”.

Fir-rigward tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu li għar-raġunijiet espressi fl-ewwel u fit-tieni aggravju, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset li l-appellanti ma pprovawx li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi jew żball manifest ta’ evalwazzjoni meta stabbilixxiet il-valur normali maħdum ta’ Hengshi. B’riżultat ta’ dan, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma imponietx dazju antidumping li jeċċedi l-marġni ta’ dumping u, għalhekk, ma kisritx l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Bażiku.

____________

1 ĠU 2020, L 108, p. 1.

1 (ĠU 2016, L 176, p. 21).