Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Lulju 2014 – Ackermann Saatzucht et vs Il-Parlament u Il-Kunsill

(Kawża T-559/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ackermann Saatzucht GmbH & Co. KG (Irlbach, il-Ġermanja); Böhm-Nordkartoffel Agrarproduktion GmbH & Co. OHG (Hohenmocker, il-Ġermanja); Deutsche Saatveredelung AG (Lippstadt, il-Ġermanja); Ernst Benary, Samenzucht GmbH, (Hann. Münden, il-Ġermanja); Freiherr Von Moreau Saatzucht GmbH (Osterhofen, il-Ġermanja); Hybro Saatzucht GmbH & Co. KG (Kleptow, il-Ġermanja); Klemm + Sohn GmbH & Co. KG (Stuttgart, il-Ġermanja); KWS Saat AG (Einbeck, il-Ġermanja); Norddeutsche Pflanzenzucht Hans-Georg Lembke KG (Hohenlieth, il-Ġermanja); Nordsaat Saatzuchts GmbH (Halberstadt, il-Ġermanja); Peter Franck-Oberaspach (Schwäbisch Hall, il-Ġermanja); P.H. Petersen Saatzucht Lundsgaard GmbH (Grundhof, il-Ġermanja); Saatzucht Streng – Engelen GmbH & Co. KG (Uffenheim, il-Ġermanja); Saka Pflanzenzucht GmbH & Co. KG (Hamburg, il-Ġermanja); Strube Research GmbH & Co. KG (Söllingen, il-Ġermanja); Gartenbau und Spezialkulturen Westhoff GbR (Südlohn-Oeding, il-Ġermanja); u W. von Borries-Eckendorf GmbH & Co. KG (Leopoldshöhe, il-Ġermanja) (rappreżentanti: P. de Jong, P. Vlaemminck u B. Van Vooren, avukati)

Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew

Talbiet

tiddikjara li r-rikors għal annullament huwa ammissibbli;

tannulla r-Regolament (UE) Nru 511/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar miżuri ta’ konformità għall-utenti mill-Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta’ Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom fl-Unjoni Test b’relevanza għaż-ŻEE (ĠU L 150, p. 59); u

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

L-ewwel motiv jallega li l-Unjoni Ewropea hija parti kontraenti għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti, implementata fl-Unjoni bir-Regolament dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità 1 . L-Artikolu 15(ċ) ta’ dan ir-regolament jirrikonoxxi l-hekk imsejħa eżenzjoni tal-koltivaturi, jiġifieri li l-portata tad-drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti ma testendix għal “atti magħmula għall-għanijiet ta’ tkabbir, jew għall-iskoperta jew l-iżviluppar ta’ varjetajiet oħrajn.” Il-miżura kkontestata hija restrizzjoni serja tal-eżenzjoni tal-koltivaturi, li tikser obbligu internazzjonali tal-Unjoni li huwa vinkolanti u effettiv direttament. Barra minn hekk, l-eżenzjoni tal-koltivaturi hija rrikonoxxuta fl-Artikolu 27 tal-Ftehim tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi (UPCA). Minkejja li l-Unjoni ma hijiex parti għal dan il-ftehim, il-miżura kkontestata essenzjalment teżiġi li l-Istati Membri jiksru l-obbligi internazzjonali tagħhom li ġejjin mill-Ftehim UPC.

It-tieni motiv jallega li bħala parti kontraenti għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, u skont il-Artikolu 3(5) TUE, l-Unjoni Ewropea għandha obbligu li tappoġġja l-preservazzjoni tal-biodiversità tad-Dinja. Ir-regolament ikkontestat se jkollu effett sinjifikattiv ta’ inibizzjoni fuq l-isforzi kollha għall-protezzjoni tal-biodiversità tal-pjanti, li b’hekk se jħalli effett fuq dan l-obbligu internazzjonali.It-tielet motiv jallega li l-miżura kkontestata hija bbażata unikament fuq l-Artikolu 192(1) TFUE. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi legali ta’ miżura għandha tkun ibbażata fuq fatturi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. Sa fejn il-miżura hija intiża sabiex torganizza miżuri dwar l-osservanza tal-protokoll imsemmi mill-utenti fuq is-suq intern tal-Unjoni, ir-regolament kellu jkun ibbażat fuq l-Artikolu 114 TFUE. L-għażla tal-bażi legali għandha impatt fuq il-kontenut tal-att, peress li l-għanijiet li għalihom jistgħu jintużaw il-bażijiet legali huma kompletament differenti u b’hekk jaffettwaw sostanzjalment il-proċess leġiżlattiv.Ir-raba’ motiv jallega li r-regolament manifestament jikser il-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE sa fejn: l-ewwel nett, fl-evalwazzjoni tal-impatt ma kienx hemm konnessjoni bejn l-informazzjoni kwantitattiva u l-konklużjonijiet li kienu purament ibbażati fuq argumenti “kwalitattivi”; it-tieni nett, manifestiament ma’ ħaditx inkunsiderazzjoni s-settur tal-koltivazzjoni tal-pjanti li jista’ jissubixxi impatt qawwi u distint minħabba l-fatt li r-riżorsi ġenetiċi huma l-essenza proprja tas-settur, u mhux sempliċement parti anċillari tal-attivitajiet tiegħu; it-tielet nett, ir-regolament manifestament jimponi restrizzjonijiet

sproporzjonati tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; ir-raba’ nett, dan jimponi obbligu de facto illimitat fuq is-settur tal-koltivazzjoni tal-pjanti sabiex jiġu rreġistrati u tinżamm informazzjoni fuq l-attivitajiet; l-aħħar nett, jeżistu miżuri inqas onerużi, kif jirriżulta mit-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura (ITPGRFA).Il-ħames motiv jallega li r-regolament ikkontestat joħloq sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ċertezza legali manifesta għall-koltivaturi tal-pjanti sa fejn: l-ewwel nett, il-portata tal-applikazzjoni tiegħu tiddependi fuq jekk l-Istati jagħżlux jew le li jeżerċitaw is-sovran

ità tagħhom fuq ir-riżorsi ġenetiċi, it-tieni nett, dan jiddependi fuq definizzjonijiet li huma miftħin għall-interpretazzjoni li ma jipperemettux li jiġi stabbilit jekk ir-riżorsi ġenetiċi ġewx “użati” jew le; it-tielet nett, il-fatt li din l-interpretazzjoni miftuħa twassal għal applikazzjoni retroattiva de facto; l-aħħar nett, minħabba l-fatt li l-iżvilupp tal-aħjar prattiċi sempliċement “jistgħu” jnaqqsu r-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità għal utenti li jkunu suġġetti għall-miżura kkontestata.