Language of document : ECLI:EU:T:2018:210

Kawża T561/14

European Citizens’ Initiative One of Us et

vs

IlKummissjoni Ewropea

“Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej – Politika ta’ riċerka – Saħħa pubblika – Kooperazzjoni fl-iżvilupp – Finanzjament mill-Unjoni ta’ attivitajiet li jimplikaw il-qerda ta’ embrijuni umani – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 – Rikors għal annullament – Locus standi in judicio – Att kontestabbli – Inammissibbiltà parzjali – Stħarriġ ġudizzjarju – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It‑Tieni Awla Estiża) tat-23 ta’ April 2018

1.      Proċedura ġudizzjarja – Eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku – Eżami ex officio mill-qorti

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 129)

2.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Locus standi – Rikors ta’ entità msejħa “inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej” u li ma għandhiex personalità ġuridika – Inammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 211/2011)

3.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ id-deċiżjoni tagħha li ma tippreżentax proposta ta’ att ġuridiku bħala tweġiba għal inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej – Inklużjoni

(Artikolu 11(4TUE; Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 211/2011, Artikolu 10(1)(c))

4.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Deċiżjoni ta’ rifjut – Inklużjoni – Kundizzjoni

(Artikolu 263 TFUE)

5.      Ċittadinanza tal-Unjoni – Drittijiet taċ-ċittadin – Preżentazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini – Regolament Nru 211/2011 – Obbligu għall-Kummissjoni li tieħu l-azzjoni speċifika prevista minn inizjattiva taċ-ċittadini – Assenza

(Artikol11(4) TUE u 17(1) sa (3) TUE;Artikoli 225 TFUE, 241 TFUE u 289 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 211/2011, premessa 1 u Artikoli 4 u 10(1)(c))

6.      Atti tal-istituzzjonijiet – 77792 / Preambolu – 81560 / Valur legali vinkolanti – Assenza

7.      Ċittadinanza tal-Unjoni – Drittijiet taċ-ċittadin – Preżentazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini – Regolament Nru 211/2011 – Eżami mill-Kummissjoni – Obbligu li l-konklużjonijiet legali u politiċi jiġu ppreżentati separatament – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 211/2011, premessa 20 u Artikolu 10(1)(c))

8.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont iċ-ċirkustanzi tal-każ

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE)

9.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ id-deċiżjoni tagħha li ma tippreżentax proposta ta’ att ġuridiku bħala tweġiba għal inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 211/2011, Artikolu 10(1)(c))

10.    Rikors għal annullament – Motivi – Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Motiv distint minn dak li jirrigwarda l-legalità fuq il-mertu

(Artikoli 263 TFUE u 296 TFUE)

11.    Ċittadinanza tal-Unjoni – Drittijiet taċ-ċittadin – Preżentazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini – Regolament Nru 211/2011 – Eżami mill-Kummissjoni – Komunikazzjoni li ssaħħaħ id-deċiżjoni tagħha li ma tissottomettix proposta ta’ att ġuridiku lil-leġiżlatur tal-Unjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Artikolu 17(1) TUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 211/2011, Artikolu 10(1)(c))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 53)

2.      Mill-formulazzjoni stess tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li huma l-persuni fiżiċi u l-entitajiet li għandhom personalità ġuridika biss li jistgħu jippreżentaw rikors għal annullament skont din id-dispożizzjoni. Madankollu, f’ċerti każijiet partikolari, entità li ma għandhiex personalità ġuridika skont id-dritt ta’ Stat Membru jew ta’ Stat terzi tista’ madankollu titqies bħala persuna ġuridika, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u tiġi ammessa sabiex tippreżenta rikors għal annullament abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta, fl-atti jew fl-aġir tagħhom, l-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha jittrattaw lill-entità inkwistjoni bħala suġġett separat, li jista’ jkollu drittijiet li jkunu speċifiċi għalih jew ikun suġġett għal obbligi jew għal restrizzjonijiet.

3.      Għandu għalhekk jiġi ddikjarat inammissibbli rikors ippreżentat minn entità msejħa “inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej” li ma għandhiex personalità ġuridika skont id-dritt ta’ Stat Membru jew ta’ Stat terzi u li ma ġietx ittrattata bħala suġġett separat. F’dan ir-rigward, ma jirriżultax mir-Regolament Nru 211/2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, li dan jagħti l-personalità ġuridika lil inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej billi jittrattaha bħala suġġett separat. Tali entità ma għandhiex locus standi in judicio quddiem il-qorti tal-Unjoni.

(ara l-punti 58 sa 63)

4.      Ir-rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE jista’ jiġi ppreżentat kontra l-atti kollha meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, irrispettivament min-natura jew mill-forma, li jkunu intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod serju s-sitwazzjoni legali tiegħu.

5.      Dan huwa l-każ fir-rigward ta’ komunikazzjoni adottata skont l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, li permezz tagħha l-Kummissjoni tieħu l-pożizzjoni definittiva li ma tippreżentax proposta ta’ att ġuridiku bħala tweġiba għal inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Fil-fatt, din il-komunikazzjoni tippreżenta l-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni, billi din tal-aħħar iddeċidiet li ma tippreżentax proposta ta’ att ġuridiku bħala tweġiba għall-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej inkwistjoni u, iktar ġeneralment, li ma tieħu ebda azzjoni bħala tweġiba għaliha. Minbarra dan, din il-komunikazzjoni tikkostitwixxi l-ilħiq tal-proċedura speċifika mibdija u applikata mill-organizzaturi tal-inizjattiva fuq il-bażi tar-Regolament Nru 211/2011 u l-adozzjoni tagħha tikkostitwixxi obbligu għall-Kummissjoni. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-komunikazzjoni tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tal-organizzaturi, billi jbidlu b’mod serju s-sitwazzjoni legali tagħhom.

Barra minn hekk, id-dritt taċ-ċittadini, ibbażat fuq l-Artikolu 11(4) TUE, huwa intiż li jsaħħaħ iċ-ċittadinanza Ewropea u jtejjeb il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni, fejn l-għan aħħari huwa li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini għall-ħajja demokratika u li l-Unjoni ssir iktar aċċessibbli. In-nuqqas ta’ sottomissjoni tar-rifjut tal-Kummissjoni li tissuġġetta lil-leġiżlatur tal-Unjoni proposta ta’ att ġuridiku, ifformulat fil-komunikazzjoni prevista mill-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011 għal stħarriġ ġudizzjarju jikkomprometti t-twettiq ta’ dan l-għan, sa fejn ir-riskju ta’ arbitraġġ min-naħa tal-Kummissjoni jiddisswadi kull riferiment għall-mekkaniżmu tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej fir-rigward, ukoll, tal-proċeduri u tal-kundizzjonijiet eżiġenti li dan il-mekkaniżmu huwa suġġett għalihom.

(ara l-punti 68, 71, 77, 93)

6.      Fir-rigward li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, meta att tal-Kummissjoni jkollu natura negattiva, għandu jiġi evalwat skont in-natura tat-talba li għaliha jikkostitwixxi tweġiba. B’mod partikolari, rifjut huwa att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, peress li l-att li l-istituzzjoni tirrifjuta li tieħu seta’ ġie kkontestat skont din id-dispożizzjoni. Madankollu, is-sitwazzjoni tkun differenti meta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni sseħħ fi proċedura preċiżament iddefinita minn regolament tal-Unjoni, li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni hija obbligata li tagħti deċiżjoni dwar talba mressqa minn individwu skont dan ir-regolament.

(ara l-punti 85, 86)

7.      Il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tieħu l-azzjoni speċifika proposta minn inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Fil-fatt, is-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva rrikonoxxuta lill-Kummissjoni mill-Artikolu 17(2) TUE u mill-Artikolu 289 TFUE timplika, li bħala prinċipju, hija l-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi li tippreżenta, jew le, proposta ta’ att leġiżlattiv u, skont il-każ, li tiddetermina s-suġġett, l-iskop u l-kontenut tiegħu. Dan il-kważi monopolju tal-inizjattiva leġiżlattiva mogħti mit-Trattati lill-Kummissjoni huwa spjegat mill-funzjoni tagħha, skont l-Artikolu 17(1) TUE, li huwa li jiġi promoss l-interess ġenerali tal-Unjoni, kif ukoll mill-indipendenza li hija tgawdi, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(3) TUE, fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tagħha.

8.      Dan il-kważi monopolju ma huwiex affettwat mid-dritt tal- inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej previst mill-Artikolu 11(4) TUE. F’dan ir-rigward, l-intenzjoni tas-setgħa kostituttiva tal-Unjoni li ma tagħtix setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva lill-mekkaniżmu tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej hija kkonfermata fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 211/2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, li tassimila, essenzjalment, id-dritt mogħti lill-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej ma’ dak mogħti lill-Parlament, skont l-Artikolu 225 TFUE, u lill-Kunsill, skont l-Artikolu 241 TFUE. Issa, talba li ġejja mill-Parlament jew mill-Kunsill ma ġġiegħelx lill-Kummissjoni li tissottometti proposta ta’ att ġuridiku. Din l-intenzjoni tas-setgħa kostituttiva hija kkonfermata wkoll fil-formulazzjoni stess tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011. Tali konklużjoni ma hijiex, barra minn hekk, ikkontestata minħabba l-eżistenza tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, prevista fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

9.      Il-mekkaniżmu tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej għandu bħala għan li jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-attribuzzjonijiet tagħha, li tissottometti proposta ta’ att, il-fatt li hija tkun tista’ tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali sinjifikattiva fl-eżerċizzju ta’ setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva tagħha ma jippreġudikax dan l-għan.

(ara l-punti 109 sa 111, 113, 114, 116, 124)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 128)

11.    Sa fejn l-obbligu ta’ preżentazzjoni separata tal-konklużjonijiet legali u politiċi tal-Kummissjoni dwar inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, imsemmija fil-premessa 20 tar-Regolament Nru 211/2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, ma jinsabx fit-test tal-Artikolu 10(1)(c) ta’ dan ir-regolament, huwa l-kontenut tiegħu li għandu jieħu preċedenza. Isegwi li l-Kummissjoni ma hijex suġġetta għal tali obbligu waqt il-formulazzjoni tal-komunikazzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżuppost li l-Kummissjoni hija legalment obbligata għal tali obbligu, dan l-obbligu huwa ta’ forma pura, billi l-ksur tiegħu ma jistax iwassal għall-annullament tal-komunikazzjoni prevista mill-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011.

(ara l-punti 130, 131)

12.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 141, 142, 144, 145)

13.    Sa fejn komunikazzjoni adottata skont l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, tikkostitwixxi att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, din hija suġġetta għall-obbligu ta’ motivazzjoni previst mill-Artikolu 296 TFUE, u għandha, għalhekk, tippermetti lill-organizzaturi ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej li jiddeterminaw jekk hijiex ivvizzjata minn difetti u għall-qorti tal-Unjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, tesponi r-raġunijiet legali, politiċi jew oħrajn li kienu wassluha sabiex tiddeċiedi li ma tiħux azzjoni għall-proposti ta’ atti ġuridiċi mressqa permezz tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej inkwistjoni. L-obbligu għall-Kummissjoni li tesponi, fil-komunikazzjoni adottata skont l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, ir-raġunijiet li hija għandha sabiex tieħu jew ma tiħux azzjoni wara inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej jikkostitwixxi l-espressjoni speċifika tal-obbligu ta’ motivazzjoni mogħti fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni.

(ara l-punti 143, 147)

14.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 146)

15.    Komunikazzjoni adottata skont l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, li ssaħħaħ id-deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni li ma tissottomettix proposta ta’ att ġuridiku lil-leġiżlatur tal-Unjoni, għandha tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ristrett min-naħa tal-qorti tal-Unjoni, intiż sabiex tiġi vverifikata, minbarra s-suffiċjenza tal-motivazzjoni tagħha, l-eżistenza, b’mod partikolari, ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw din id-deċiżjoni. Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva tagħha, il-Kummissjoni għandha tibbenefika minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, sa fejn, permezz ta’ dan l-eżerċizzju, hija mitluba, skont l-Artikolu 17(1) TUE, tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni billi twettaq, eventwalment, arbitraġġi diffiċli bejn interessi diverġenti. Isegwi li l-Kummissjoni għandha tibbenefika minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi jekk tiħux jew le azzjoni wara inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

(ara l-punti 169, 170)