Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' Ġunju 2009 - Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-212/09)

Lingwa tal-kawża: Id-Daniż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju tad-Danimarka (rappreżentanti: J. Bering Liisberg, aġent, assistit minn P. Biering u J. Pinborg, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha

prinċipalment, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2009 li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG), sa fejn tikkonċerna l-esklużjoni mill-finanzjament Komunitarju tal-infiq iddikkjarat mid-Danimarka;

sussidjarjament, tannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2009, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG), sa fejn tikkonċerna l-esklużjoni mill-finanzjament Komunitarju tal-infiq iddikkjarat mid-Danimarka, sa fejn l-esklużjoni mill-finanzjament Komunitarju hija bbażata fuq:

allegat ksur tar-regoli dwar il-kontrolli ta' art imserrħa u nuqqas ta' dawn il-kontrolli fl-2002, 2003 u/jew 2004; u/jew

allegat ksur tar-regoli dwar il-kontrolli permezz ta' sorveljanza mill-bogħod jew nuqqas ta' dawn il-kontrolli fl-2003 u/jew 2004.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2009, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG), f'dak li jikkonċerna l-esklużjoni mill-finanzjament Komunitarju tal-infiq iddikkjarat mid-Danimarka1.

Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija bbażata f'diversi punti fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-bażi legali, b'mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni tal-manutenzjoni tal-artijiet imserrħa u tar-rekwiżiti tal-kontrolli permezz ta' kontroll mill-bogħod.

Sussegwentement ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni hija vvizzjata minn nuqqasijiet fil-motivazzjoni u li d-deċiżjoni f'ċerti punti hija kuntrarja għall-prinċipju ta' protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-prinċipju ta' ċertezza legali.

Fl-aħħar nett, huwa rrilevat li d-deċiżjoni tal-korrezzjoni saret kuntrarjament għall-Linji Gwida tal-Kummissjoni, mhijiex suffiċjentement ipprovata fil-mertu u hija sproporzjonata għall-fatt li, f'dan il-każ, il-Fond Ewropew dwar Gwida u Garanzija ma kienx ġie espost għal riskju finanzjarju reali.

____________

1 - ĠU L 75, p. 15; innotifikata bin-numru C(2009) 1945.