Language of document : ECLI:EU:C:2023:535

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fid-29 ta’ Ġunju 2023 (1)

Kawża C497/22

EM

vs

Roompot Service BV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjonijiet esklużivi – L-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 24 – Tilwim li jirrigwarda l-kiri ta’ proprjetajiet immobbli – Prenotazzjoni ta’ bangalow li jinsab f’park tal-btala – Trasferiment tal-użu jew tqegħid għad-dispożizzjoni għal żmien qasir konkluż bejn individwu u professjonist tat-turiżmu li jopera dan il-park – Servizzi oħra”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (2).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn EM, b’domiċilju fil-Ġermanja, u Roompot Service BV, li s-sede tagħha hija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, li topera park tal-btala li jinkludi akkomodazzjoni turistika, li jinsab f’dan l-Istat Membru, fir-rigward tar-rimbors tal-ammont tal-prezz imħallas għall-użu għal żmien qasir ta’ waħda mill-bangalows ta’ dan il-park, miżjuda bl-interessi u l-ispejjeż.

3.        Ser nesponi r-raġunijiet għalfejn inqis, prinċipalment, li t-tilwima tirrigwarda kuntratt kumpless li, konsegwentement, ma jaqax taħt il-kompetenza esklużiva prevista mir-Regolament Nru 1215/2012 fil-qasam tal-kirjiet ta’ proprjetà immobbli. B’mod sussidjarju, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-kuntratt inkwistjoni jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, inqis li t-talba ppreżentata fil-kawża prinċipali hija marbuta ma’ dan il-kuntratt u taqa’ wkoll taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

II.    Ilkuntest ġuridiku

4.        It-Taqsima 6 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, intitolata “Ġurisdizzjoni esklużiva”, tipprovdi, fil-punt 1 tal-Artikolu 24:

“Dawn il-qrati li ġejjin ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva, independentement mid-domiċilju tal-partijiet:

1)      fi proċedimenti li l-objettiv tagħhom ikunu drittijiet in rem fi proprjetà immobbli jew kirjiet ta’ proprjetà immobbli, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinstab il-proprjetà.

Madankollu, fi proċedimenti li jkollhom bħala l-objettiv tagħhom kirjiet ta’ proprjetà immobbli li jkunu konklużi għal użu privat temporanju għal perijodu massimu ta’ sitt xhur konsekuttivi, il-qrati tal-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konvenut għandhom ukoll ikollhom il-ġurisdizzjoni, dment li l-kerrej ikun persuna fiżika u li s-sid tal-kera u l-kerrej ikunu domiċiljati fl-istess Stat Membru.”

III. Ilfatti talkawża prinċipali u ddomanda preliminari

5.        EM, b’domiċilju fil-Ġermanja, ipprenotat, fit‑23 ta’ Ġunju 2020, permezz tal-internet fuq is-sit ta’ Roompot Service (3), li s-sede tagħha hija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, bangalow fil-park tal-btala “Waterpark Zwartkruis” (4), li jinsab f’dan l-Istat Membru f’Noardburgum, għall-perijodu bejn il‑31 ta’ Diċembru 2020 sal‑4 ta’ Jannar 2021 u għal grupp ta’ disa’ persuni provenjenti minn żewġ familji differenti.

6.        Il-prenotazzjoni, għall-prezz ta’ EUR 1 902.80 li EM ħallset kompletament, kienet tinkludi l-provvista ta’ bjankerija tas-sodda u tindif fi tmiem il-btala.

7.        Il-Waterpark Zwartkruis huwa park tal-ilma li jinkludi bangalows li jinsabu direttament f’tarf il-lag, fejn kull akkomodazzjoni għandha l-pontun tagħha. B’żieda fil-prezz, kien possibbli li jinkrew xi dgħajjes u kenuri.

8.        Roompot Service informat lil EM permezz ta’ posta elettronika, qabel il-wasla tagħha u fuq talba tagħha, li l-Waterpark Zwartkruis kien miftuħ matul il-perijodu tal-prenotazzjoni, minkejja l-pandemija tal-COVID-19, iżda li, skont il-leġiżlazzjoni Olandiża, kien possibbli biss li wieħed jirrisjedi mal-familja tiegħu u ma’ massimu ta’ żewġ persuni ta’ familja oħra f’bangalow. Barra minn hekk, kien propost lilha li tbiddel il-prenotazzjoni tagħha għal soġġorn f’data sussegwenti.

9.        EM ma marritx għas-soġġorn u ma biddlitx il-prenotazzjoni tagħha. Hija ġiet irrimborsata minn Roompot Service sa EUR 300.

10.      EM adixxiet lill-Amtsgericht Neuss (il-Qorti Distrettwali ta’ Neuss, il-Ġermanja) b’talba kontra Roompot Service intiża għar-rimbors tal-bilanċ tal-prezz fl-ammont ta’ EUR 1 602.80, flimkien mal-interessi u l-ispejjeż. Din tal-aħħar ikkontestat il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi. B’deċiżjoni tal‑1 ta’ Ottubru 2021, din it-talba ġiet miċħuda bħala infondata.

11.      EM ippreżentat appell quddiem il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), li tistaqsi dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali esklużiva tal-qrati tal-Pajjiżi l-Baxxi biex jieħdu konjizzjoni tal-kawża prinċipali, skont l-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012.

12.      Din il-qorti tesponi li mit-tliet deċiżjonijiet rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kiri ta’ djar tal-btala barra mill-pajjiż, li jinterpretaw il-punt 1 tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (5), li l-kontenut tagħha baqa’ essenzjalment identiku fir-Regolament Nru 1215/2012, jiġifieri s-sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 1985, Rösler (6), tas‑26 ta’ Frar 1992, Hacker (7), u tas‑27 ta’ Jannar 2000, Dansommer (8), jirriżulta li dawn il-kuntratti jaqgħu, fil-prinċipju, taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-post fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ikun hemm eċċezzjoni biss meta l-kuntratt ikun ta’ natura kumplessa inkwantu jinkludi numru ta’ servizzi bħala korrispettiv għal prezz globali mħallas mill-klijent (9).

13.      L-imsemmija qorti tirrileva, minn naħa, li, f’dan il-każ, is-servizzi supplimentari huma l-offerta fis-sit internet ta’ Roompot Service, taħt it-taqsima “Informazzjoni u pariri”, ta’ diversi bangalows mgħammra b’mod differenti, il-prenotazzjoni magħmula minn EM, ir-riċeviment fuq il-post u l-konsenja taċ-ċwievet, il-provvista ta’ bjankerija tas-sodda u t-tindif fi tmiem il-btala. Skont l-interpretazzjoni tagħha tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn is-servizzi, meħudin fit-totalità tagħhom, għandhom ikollhom importanza sinjifikattiva biex jagħtu lill-kuntratt natura kumplessa.

14.      Min-naħa l-oħra, skont parti mid-dottrina Ġermaniża, is-servizzi aċċessorji minuri, bħalma huwa l-manutenzjoni tal-proprjetà jew it-tindif tagħha, it-tibdil tal-bjankerija tas-sodda jew ir-riċeviment fuq il-post, huma ta’ inqas importanza, b’mod li s-servizzi supplimentari inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex suffiċjenti biex ikunu jistgħu juru l-eżistenza ta’ kuntratt kumpless.

15.      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li ngħatat interpretazzjoni differenti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) (10). Filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenza Hacker kif ukoll fuq is-sentenza Dansommer, din il-qorti tqis li d-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012 tiddependi biss mill-punt dwar jekk l-organizzatur professjonali tal-vjaġġi huwiex obbligat li jagħmel disponibbli l-użu ta’ dar tal-btala li tappartjeni lil terzi. F’tali sitwazzjoni, din id-dispożizzjoni ma tapplikax. Min-naħa l-oħra, jekk l-organizzatur professjonali tal-vjaġġ iservi biss bħala intermedjarju ta’ kirja konkluża mal-proprjetarju, l-imsemmija dispożizzjoni tkun applikabbli.

16.      Il-qorti tar-rinviju tiddubita mill-kompatibbiltà ta’ din l-interpretazzjoni mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

17.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-ewwel sentenza tal-Artikolu 24(1) [l-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 24] tar-Regolament [Nru 1215/2012] għandha tiġi [għandu jiġi] interpretat[] fis-sens li l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-post fejn tinsab il-proprjetà mikrija għandha tapplika għal kuntratt, konkluż bejn persuna privata u sid il-kera kummerċjali li jikri proprjetà għall-btala, li jirrigwarda t-trasferiment tal-użu għal żmien qasir ta’ bangalow f’park tal-btala operat minn sid il-kera, li, b’żieda mas-sempliċi trasferiment tal-użu, jipprovdi għat-tindif finali u għall-provvista ta’ bjankerija tas-sodda bħala servizzi addizzjonali, indipendentement minn jekk il-bangalow tal-btala hijiex proprjetà ta’ sid il-kera jew ta’ terz?”

18.      EM u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

IV.    Analiżi

19.      Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kriterji rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex kuntratt dwar l-użu għal żmien qasir ta’ bangalow f’park tal-btala jiġi kklassifikat bħala kuntratt ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012, jew bħala kuntratt kumpless li jirrigwarda sensiela ta’ servizzi.

20.      Id-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament huma ekwivalenti għal dawk tal-Artikolu 16(1) li sar (1)(a) (11), tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tal-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 (12), b’mod li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għal dak li jikkonċerna lil dawn tal-aħħar tapplika wkoll għall-interpretazzjoni ta’ dawk tal-ewwel (13).

21.      Jeħtieġ li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja:

–        għal dak li jirrigwarda l-għan imfittex minn dawn id-dispożizzjonijiet, ir-raġuni essenzjali tal-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab il-proprjetà immobbli hija l-fatt li l-qorti tal-post fejn tkun tinsab din il-proprjetà tkun fl-aħjar pożizzjoni sabiex, fid-dawl tal-prossimità, ikollha konoxxenza tajba tas-sitwazzjonijiet fattwali u sabiex tapplika r-regoli u l-użanzi li, b’mod ġenerali, ikunu dawk tal-Istat fejn tinsab il-proprjetà immobbli, u

–        il-ġurisdizzjoni esklużiva fil-qasam tal-kiri tal-proprjetà immobbli hija ġġustifikata mill-kumplessità tar-relazzjoni proprjetarju-kerrej, li tinkludi sensiela ta’ drittijiet u ta’ obbligi, minbarra dak relatat mal-kera. Din ir-relazzjoni hija rregolata minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi partikolari, fosthom xi wħud b’natura imperattiva, tal-Istat fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli li hija s-suġġett tal-kirja, bħal dawk li jiddeterminaw il-persuna responsabbli għall-manutenzjoni tal-proprjetà immobbli u għall-ħlas tat-taxxi fuq il-proprjetà immobbli, dawk li jirregolaw id-dmirijiet tal-okkupant tal-immobbli fil-konfront tal-ġirien, kif ukoll dawk li jikkontrollaw jew jillimitaw id-dritt tal-proprjetarju li jieħu lura l-pussess tal-proprjetà immobbli fi tmiem il-kirja (14).

22.      Skont l-Artikolu 25(4) tar-Regolament Nru 1215/2012, ma jistax isir ftehim biex tiġi eskluża din il-ġurisdizzjoni esklużiva.

23.      Id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali fil-qasam tal-kiri tad-djar tal-btala kienet is-suġġett ta’ tliet sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri s-sentenzi Rösler, Hacker u Dansommer (15), u ta’ żewġ modifiki leġiżlattivi (16). Dawn ħolqu deroga mill-ġurisdizzjoni esklużiva prevista fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament meta ż-żewġ partijiet fil-kawża ikollhom id-domiċilju fl-istess Stat Membru (17). Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-emenda leġiżlattiva li introduċiet it-tieni paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament ma taqbilx kompletament, f’dak li jikkonċerna l-kiri li jirrigwarda d-djar, mal-ġustifikazzjoni tar-regola prinċipali li fittxet il-Qorti tal-Ġustizzja u li tfakkret fil-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet (18).

24.      Għaldaqstant, din hija s-sistema li ilha tapplika għal kważi għoxrin sena għall-kirjiet turistiċi għal żmien qasir, mingħajr ma l-qrati nazzjonali ressqu, sa llum, diffikultajiet ta’ interpretazzjoni ġodda għall-konjizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

25.      Minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012 jippreżumi li jkunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, jeħtieġ li t-tilwima tkun tirrigwarda kuntratt ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fit-tieni lok, jekk dan huwa l-każ, jeħtieġ li t-tilwima jkollha bħala suġġett id-drittijiet u l-obbligi li joħorġu minn dan il-kuntratt. Jekk l-ewwel kundizzjoni ma tkunx issodisfatta, ma hemm lok li tiġi eżaminata t-tieni waħda.

A.      Fuq ilklassifikazzjoni talkuntratt

26.      Mill-aħħar żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenzi Hacker u Dansommer, jirriżulta li l-klassifikazzjoni bħala kuntratt ta’ kiri teħtieġ l-assenza ta’ servizzi aċċessorji għall-obbligu prinċipali li jirrigwarda l-użu ta’ dar tal-btala (19).

27.      Id-domandi tal-qorti tar-rinviju jitnisslu mill-evalwazzjoni tar-rabtiet kuntrattwali fil-kawża prinċipali meta pparagunati ma’ dawk li joħorġu mis-sentenza Hacker. Dawn jitfakkru fil-punt 31 tas-sentenza Dansommer b’dan il-mod: “Il-kuntratt inkwistjoni fil-[kawża li wasslet għas-sentenza Hacker] kien ġie konkluż bejn organizzatur professjonali ta’ vjaġġi u l-klijent tiegħu fuq il-post fejn huma kellhom is-sede u d-domiċilju rispettiv tagħhom u, anki jekk kien jipprevedi servizz li jirrigwarda l-użu ta’ dar tal-btala għal żmien qasir, kien jinkludi wkoll servizzi oħra, bħalma huma l-informazzjoni u pariri li permezz tagħhom l-organizzatur tal-vjaġġi jipproponi lill-klijent firxa ta’ għażliet għall-btala, il-prenotazzjoni ta’ dar għall-perijodu magħżul mill-klijent, il-prenotazzjoni ta’ postijiet għat-trasport, ir-riċeviment fuq il-post u, eventwalment, l-assigurazzjoni għall-kanċellament tal-vjaġġ (sentenza Hacker […], punt 14)”.

28.      Mill-perspettiva tiegħi, minn dawn iż-żewġ sentenzi jirriżulta li, għall-finijiet li tingħata deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni tagħha, il-qorti għandha tevalwa r-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni fit-totalità tagħha u l-kuntest tagħha, sabiex tiddetermina jekk din għandhiex bħala suġġett biss l-użu ta’ dar tal-btala jew l-impenn li din tkun imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-persuna flimkien ma’ servizzi intiżi għas-soġġorn fil-btala (20). Is-servizzi, bħalma huma t-tindif, il-provvista tal-bjankerija, jew affarijiet oħra, li jistgħu jiġu pprovduti fi kwalunkwe proprjetà mikrija minn individwu jew minn professjonist, fil-fehma tiegħi ma għandhom ebda effett fuq il-klassifikazzjoni tal-kuntratt, peress li huma aċċessorji għall-okkupazzjoni tiegħu.

29.      L-istess japplika għall-kwistjoni dwar jekk id-dar tal-btala tkun ġiet mikrija mill-proprjetarju direttament jew għan-nom tiegħu. Fil-fehma tiegħi, fis-sentenza Dansommer, il-Qorti tal-Ġustizzja ma riditx tbiddel il-kriterji li għandhom jiġu adottati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali (21). L-obbligu kuntrattwali li għandu bħala suġġett l-użu ta’ oġġett huwa suffiċjenti (22). Fil-fatt, huwa preżunt li min jagħti b’kiri huwa awtorizzat għal dan il-għan. Il-kerrej ta’ dar tal-btala ma għandux ikun obbligat jivverifika minn huwa l-proprjetarju tad-dar tal-btala, speċjalment jekk jiddeċiedi li jaġixxi ġudizzjarjament.

30.      Min-naħa l-oħra, bħal fil-każ ta’ soġġorn organizzat (23), il-provvista ta’ akkomodazzjoni f’postijiet organizzati speċifikament għall-btala, bħalma huwa l-“Waterpark Zwartkruis” operat minn Roompot Service (24), tippreżenta karatteristiċi partikolari li jiġġustifikaw, fil-fehma tiegħi, jekk jiġu nnotati mill-qorti tar-rinviju, li l-kuntratt inkwistjoni jiġi kklassifikat bħala “kuntratt kumpless”.

31.      Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi vverifikat fuq liema bażi ġiet stabbilita r-relazzjoni kuntrattwali. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma semmiet la l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ kiri, kif isir bil-miktub f’każ ta’ kiri ta’ dar individwali (25), u lanqas il-kontenut tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-ħlas tas-somma totali tal-prezz. B’mod iktar preċiż, ma ġiex ippreċiżat jekk il-prenotazzjoni kellhiex bħala suġġett bangalow identifikata minn qabel (26). Issa, ġewwa park ta’ proprjetajiet immobbli, li jinkludi strutturi għall-akkomodazzjoni strandardizzati li jifformaw grupp omoġeneu u, jekk ikun il-każ, binjiet għal użu kollettiv, l-obbligi tal-użu ta’ waħda mill-akkomodazzjonijiet mgħammra bl-għamara jidhru li jittieħdu, bħal f’kumpless ta’ lukanda, taħt ir-responsabbiltà tal-operatur tal-park, li normalment jaġixxi bħala interlokutur għall-ilmenti.

32.      It-tieni, għandu jiġi rrilevat li din it-tip ta’ organizzazzjoni ta’ akkomodazzjoni tal-btala hija mfassla fid-dawl tal-offerta għall-organizzazzjoni tas-soġġorn fit-totalità tiegħu. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-akkomodazzjoni mikrija tinsab f’park akkwatiku li huwa organizzat preċiżament biex jiġu pprovduti lill-persuni akkomodati fuq il-post servizzi relatati mad-divertiment (27). Konsegwentement, minn dan jista’ jiġi dedott li min ikun fuq btala jistenna wkoll ċertu livell ta’ kumdità u ta’ pariri u dan ikun irreklamat waqt il-prenotazzjoni ta’ tali akkomodazzjoni. F’dan il-kuntest, il-kwalità professjonali tal-organizzatur tas-soġġorn f’park tal-btala hija, fil-fehma tiegħi, determinanti (28) kif ukoll l-eventwali konstatazzjoni li l-offerta ta’ akkomodazzjoni hija disponibbli matul is-sena kollha, mingħajr limitazzjoni ta’ żmien, fejn dawn il-kriterji jippermettu li jiddistingwixxuha minn dik ta’ kirjiet staġjonali.

33.      Fit-tielet lok, il-prezz globali tas-soġġorn (29) huwa wkoll element li għandu jiġi evalwat. Fil-fatt, jidhirli li huwa neċessarju li jiġi stabbilit jekk dan jinkludix diversi servizzi jew l-offerta ta’ servizzi previsti f’tali park tal-btala, minħabba l-kwalità tagħhom jew l-importanza tagħhom, ħaġa li tiġġustifika li dan il-prezz ma jkollu ebda relazzjoni diretta ma’ dak tal-kiri ta’ akkomodazzjoni waħda fis-suq tal-kiri lokali ta’ djar tal-btala li jappartjenu lill-individwi (30), iżda pjuttost iffissat skont il-livell ta’ kumdità standardizzat bħal f’lukanda. Għaldaqstant, ma jkunx suġġett għal-leġiżlazzjoni imperattiva paragunabbli ma’ dik li tista’ tirregola l-kirjiet residenzjali.

34.      Konsegwentement, jien tal-fehma li huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tivverifika l-kundizzjonijiet kuntrattwali kollha u d-dettalji tal-offerta ta’ akkomodazzjoni għal soġġorn ta’ żmien qasir f’park tal-btala, bħalma huwa, f’dan il-każ, il-“Waterpark Zwartkruis”. It-tiftix ta’ sensiela ta’ elementi li jirrigwardaw is-servizzi tal-operatur ta’ park tal-btala, ikklassifikat bħala “sid il-kera kummerċjali li jikri l-proprjetà għall-btala” mill-qorti tar-rinviju, jippermetti li jinqabżu l-limiti imposti minn analiżi tal-każistika bħalma hija dik suġġetta għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew diskussa fid-dottrina (31). Barra minn hekk, dan jiżgura prevedibbiltà suffiċjenti.

35.      Tali approċċ huwa wkoll addattat għad-diversità fl-offerta ta’ akkomodazzjoni turistika li żviluppat f’diversi Stati Membri (32). Nosserva, f’dan ir-rigward, li dan jimmanifesta ruħu permezz tat-terminoloġija tal-lingwa Franċiża f’dan il-qasam. Għaldaqstant, hemm distinzjoni bejn parks tad-divertiment residenzjali u residenzi turistiċi u villaġġi tal-btala, skont it-tip ta’ akkomodazzjoni jew kiri turistiku bl-għamara, bħalma hija dar, appartament, bangalow, residenza tad-divertiment mobbli, abitazzjoni tad-divertiment ħafifa, kif ukoll it-tip ta’ servizzi pprovduti assoċjati mad-divertiment.

36.      Barra minn hekk, l-aċċess għal din il-multipliċità ta’ offerti llum kiber ħafna bl-effett tal-użu dejjem jikber ta’ prenotazzjonijiet fuq is-siti internet (33). Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, wara d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Rösler, Hacker u Dansommer, il-kuntest leġiżlattiv u ġurisprudenzjali fid-dritt tal-Unjoni evolva ħafna fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi (34) u fil-qasam tal-btajjel speċjalment (35). Fid-dritt nazzjonali wkoll ġew adottati sistemi legali speċifiċi għall-akkomodazzjoni turistika (36).

37.      Għaldaqstant, fil-kuntest partikolari tal-kirjiet ta’ akkomodazzjonijiet li jinsabu fil-parks tal-btala, il-ġustifikazzjoni tal-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istati Membri tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli li l-użu tagħha jiġi ttrasferit għal żmien qasir (37) ma jidhirlix li hija rilevanti, ħaġa li timmilita favur risposta lill-qorti tar-rinviju konformi mal-prinċipju tal-interpretazzjoni stretta tal-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012 (38).

38.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, bħal fis-sentenza Hacker, li ma jaqax taħt l-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament it-tqegħid għad-dispożizzjoni, minn professjonist tat-turiżmu, ta’ akkomodazzjoni f’park tal-btala għall-użu personali għal żmien qasir, peress li r-relazzjoni kuntrattwali għandha tkun ikklassifikata bħala “kuntratt kumpless” fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza.

39.      Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-kuntratt inkwistjoni jirrigwarda esklużivament il-kiri ta’ akkomodazzjoni tal-btala, bħal fis-sentenza Dansommer, ikun jeħtieġ għaldaqstant li tiġi analizzata t-talba ta’ EM li biha tinsab adita l-qorti tar-rinviju.

B.      Fuq issuġġett tattalba

40.      It-talba ta’ EM titnissel mill-fatt li hija pprenotat fix-xahar ta’ Ġunju 2020 akkomodazzjoni għal iktar minn żewġ familji li jikkonsistu f’total ta’ disa’ persuni, iżda li hija ma kinitx awtorizzata minn Roompot Service biex tirrisjedi hemmhekk b’effett mill‑31 ta’ Diċembru 2020 ħlief mal-familja tagħha u ma’ żewġ persuni minn familja oħra (39). Fid-deċiżjoni tar-rinviju jinsab iddikjarat li EM qedha titlob ir-rimbors “tal-bilanċ tal-kera” wara li Roompot Service rrimborsat parti mill-ammont tal-“kera” (40).

41.      F’dan il-każ, it-terminu “kera” jirreferi għall-prezz tas-soġġorn li kien tħallas kollu. Ma ġiex ippreċiżat jekk dan il-prezz ikopri xi spejjeż partikolari li ma għandhomx relazzjoni diretta mal-użu tal-akkomodazzjoni, bħal pereżempju l-ispejjeż tal-prenotazzjoni, ħaġa li kienet tispjega għalfejn ingħata rimbors parzjali lil EM (41).

42.      F’każ ta’ talba li għandha bħala suġġett il-ħlas tal-kera, fis-sens ta’ korrispettiv tad-dritt għat-tgawdija tal-proprjetà immobbli, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ġurisdizzjoni esklużiva fil-qasam tal-kiri ta’ proprjetà immobbli tapplika sakemm is-suġġet tat-tilwima jkun marbut direttament mal-użu tal-proprjetà mikrija (42).

43.      Fil-kuntest ta’ din is-sistema legali, hemm żewġ cirkustanzi f’dan il-każ li jimmeritaw attenzjoni partikolari. L-ewwel, in-nuqqas ta’ tgawdija tal-proprjetà mikrija ma jidhirlix li huwa tali li jbiddel il-klassifikazzjoni tat-talba ta’ EM. Dan il-fatt ma jeżentahiex, fil-prinċipju, mill-obbligi tagħha fil-konfront ta’ Roompot Service. It-tieni, it-tibdil fil-kundizzjonijiet tal-kirja tal-proprjetà għandu jiġi analizzat bħala nuqqas ta’ osservanza, minn Roompot Service, tal-obbligi kuntrattwali tagħha, anki jekk dan ikun iġġustifikat mir-restrizzjonijiet imposti mill-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 (43).

44.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istati Membru li fih tkun tinsab il-proprjetà mikrija. Ma jistax ikun mod ieħor ħlief jekk EM tkun talbet, barra mis-somma mitluba, kumpens għad-dannu li huwa marbut indirettament mal-użu tal-proprjetà mikrija (44).

45.      Konsegwentement, b’mod sussidjarju, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li l-kuntratt li jorbot lil EM ma’ Roompot Service jirrigwarda t-trasferiment tal-użu ta’ akkomodazzjoni tal-btala, jidhirli li r-regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva prevista fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012 tkun tapplika wkoll minħabba li t-tilwima għandha bħala suġġett id-drittijiet u l-obbligi li joħorġu minn tali kuntratt.

V.      Konklużjoni

46.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mil-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) bil-mod kif ġej:

L-ewwel paragrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali

għandu jiġi interpretat fis-sens:

b’mod prinċipali, li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-kuntratt li permezz tiegħu titqiegħed għad-dispożizzjoni, minn professjonist tat-turiżmu, akkomodazzjoni tal-btala f’park tal-btala għall-użu personali għal żmien qasir;

b’mod sussidjarju, li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu t-talba għal rimbors ta’ parti mill-prezz imħallas wara tibdil, minn wieħed mill-kontraenti, tal-kundizzjonijiet ta’ kuntratt li jirrigwardaw il-kiri ta’ akkomodazzjoni tal-btala.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2012, L 351, p. 1.


3      Sit internet bil-lingwa Ġermaniża: www.roompot.de.


4      Iktar ’il quddiem il-“Waterpark Zwartkruis”.


5      Konvenzjoni ffirmata fi Brussell fis‑27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-Konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-Adeżjoni ma’ dik il-konvenzjoni ta’ Stati Membri Ġodda (ĠU 1998, C 27, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).


6      241/83, iktar ’il quddiem is-“sentenza Rösler”, EU:C:1985:6.


7      C‑280/90, iktar ’il quddiem is-“sentenza Hacker”, EU:C:1992:92.


8      C-8/98, iktar ’il quddiem is-“sentenza Dansommer”, EU:C:2000:45.


9      Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


10      Fil-fehma tiegħi, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għas-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2012, X ZR 157/11 (punti 11 et seq.), kif ukoll tat-28 ta’ Mejju 2013, X ZR 88/12 (punti 8 et seq.).


11      Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


12      Regolament tal-Kunsill tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).


13      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2022, London Steam-Ship Owners’ Mutual Insurance Association (C‑700/20, EU:C:2022:488, punt 42).


14      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Rösler (punti 19 u 20), kif ukoll tal‑25 ta’ Marzu 2021, Obala i lučice (C‑307/19, EU:C:2021:236, punti 77 u 78, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


15      Dawn is-sentenzi huma miġburin fil-qosor mill-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha. Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


16      Ara, ukoll, għal dak li jirrigwarda t-tibdil tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti konklużi minn konsumaturi li seħħ wara s-sentenza Hacker, l-Artikolu 15(3), in fine, tar-Regolament Nru 44/2001 u l-Artikolu 17(3), in fine, tar-Regolament Nru 1215/2012.


17      Ara t-tieni paragrafu ta’ dan il-punt 1 tal-Artikolu 24, li jirrigwarda l-kiri ta’ inqas minn sitt xhur (ara l-punt 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet), li jippermetti li jattira lill-konvenut quddiem qorti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu. F’dan il-każ, ma huwiex applikabbli. Id-domiċilju ta’ EM u s-sede ta’ Roompot Service ma jinsabux fl-istess Stat Membru. Dwar l-istorja taż-żieda ta’ dan il-paragrafu fil-Konvenzjoni ta’ Brussell wara s-sentenza Rösler, ara Gaudemet-Tallon, H., u Ancel, M.-E., Compétence et exécution des jugements en Europe, Règlements 44/2001 et 1215/2012, Conventions de Bruxelles (1968) et de Lugano (1998 et 2007), Ed. Nru 6, Librairie générale de droit et de jurisprudence, ġabra “Droit des affaires”, Pariġi , 2018, punti 112 sa 114, p. 152 sa 154.


18      Ara, għal dak li jirrigwarda l-konsegwenzi li jirrigwardaw il-liġi applikabbli, f’każ ta’ nuqqas ta’ għażla mill-partijiet, l-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6; rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87).


19      Ara s-sentenza Dansommer (punti 30 sa 35). Ara wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, ShareWood Switzerland (C‑595/20, EU:C:2022:86, punti 32 u 33, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


20      L-espressjoni “imqiegħda għad-dispożizzjoni” jidhirli li hija iktar addattata f’każ li fejn tkun saret prenotazzjoni għall-akkomodazzjoni ma’ operatur li huwa professjonist tat-turiżmu. L-espressjoni “trasferiment tal-użu” li tinsab fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li jirrigwardaw il-kirjiet għal żmien qasir, sa mis-sentenza Rösler (punt 25, ara wkoll it-tfakkira, p. 113 ta’ din is-sentenza, li din l-espressjoni tintuża fir-rapport Schlosser dwar il-Konvenzjoni tad‑9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq mal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif ukoll mal-Protokoll li jikkonċerna l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 1979, C 59, p. 71, b’mod partikolari p. 120)), kellha tkun irriżervata għall-każijiet ta’ impenn mill-proprjetarju jew mill-mandatarju tiegħu sabiex jippermetti lill-kokontraent (il-kerrej) biex igawdi b’mod esklużiv proprjetà immobbli indikata fil-kuntratt konkluż mill-partijiet. Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, fil-każ partikolari ta’ park tal-btala, huwa biss l-obbligu tal-użu ta’ waħda mill-akkomodazzjonijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-persuni fuq btala li jkun taħt ir-responsabbiltà ta’ dak li joffriha.


21      Ara l-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza, fejn dan l-aħħar punt jirrigwarda d-dritt tal-aġenzija li tressaq azzjoni li fuqu l-Qorti tal-Ġustizzja kienu sarulha domandi b’mod partikolari mill-qorti tar-rinviju. Ara wkoll, il-kummentarju fuq l-imsemmi sentenza, Huet, A., “Compétence judiciaire. – Bail d’une maison de vacances conclu par un organisateur professionnel de voyages et un client. – Application de l’article 16-1° (oui)”, Journal du droit international (Clunet), LexisNexis, Pariġi, April-Mejju-Ġunju 2000, Nru 2, p. 550 sa 554, b’mod partikolari p. 553, li għandu jitqabbel mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża Hacker (C‑280/90, mhux ippubblikati, EU:C:1991:466, punt 43, punt 1).


22      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Rösler (punt 25), kif ukoll Dansommer (punti 31 u 33).


23      Ara, bħala eżempju, is-sentenza Hacker (punti 2 u 3). Biex titqabbel mas-sentenza Dansommer (punti 7 u 8), fejn ġie ppreċiżat li l-organizzatur tal-vjaġġi kellu rwol limitat għal dak ta’ intermedjarju.


24      Ara s-sit internet: https://www.roompot.fr/destinations/pays-bas/la-frise/waterpark-zwartkruis.


25      Ara, għal dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanzi tal-kirja inkwistjoni, punti 5 u 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li għandhom jitqabblu mas-sentenza Hacker (punt 3). Nosserva li ġie rrilevat f’din is-sentenza, fil-punt 2, li t-tilwima kienet tirrigwarda “kuntratt intitolat ‘kuntratt ta’ kiri’”.


26      Ara, b’analoġija is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2005, Klein (C‑73/04, EU:C:2005:607, punt 24).


27      Ara l-espożizzjoni tal-fatti fid-deċiżjoni tar-rinviju fil-punti 5 u 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża Hacker (C‑280/90, mhux ippubblikati, EU:C:1991:466, punt 25).


29      Ara s-sentenza Hacker (punt 15) u, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2005, Klein (C‑73/04, EU:C:2005:607, punt 27).


30      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża Hacker (C‑280/90, mhux ippubblikati, EU:C:1991:466, punt 30).


31      Ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll Gaudemet-Tallon, H., u Ancel, M.-E., op. cit., punt 115, p. 155.


32      Ara, dwar l-importanza tat-turiżmu fi ħdan l-Unjoni Ewropea, ir-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea, intitolat “Appoġġ mill-UE lit-turiżmu: Ħtieġa għal orjentazzjoni strateġika ġdida u approċċ ta’ finanzjament aħjar”, 2021, disponibbli fis-sit internet li ġej: https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR21_27/SR_EU-invest-tourism_MT.pdf, punti 1 sa 5.


33      Ara, f’dan is-sens, il-premessa 2 tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015, L 326, p. 1).


34      Ara d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64). Id-Direttiva 85/577 kienet tikkonċerna l-protezzjoni tal-konsumaturi fil-każijiet ta’ kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju. Id-Direttiva 97/7 kienet tikkonċerna l-protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam ta’ kuntratti mill-bogħod. Nenfasizza li l-kuntratti li għandhom bħala suġġett il-kiri ta’ akkomodazzjoni għal finijiet residenzjali huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83 (ara l-Artikolu 3(f)). Ebda eċċezzjoni ma ġiet prevista għall-kiri għal żmien qasir.


35      Ara d-Direttiva 2015/2302 li tirrigwarda l-pakketti tal-ivvjaġġar [vjaġġi kollox kompriż] u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta. Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, tikkostitwixxi element mis-servizz tal-ivvjaġġar l-akkomodazzjoni li ma tagħmilx parti integrali mit-trasport ta’ passiġġieri u ma għandhiex għan residenzjali. Barra minn hekk, nosserva li l-konklużjoni ta’ kuntratt wieħed biss għall-finijiet ta’ soġġorn għal btala li jinkludi l-akkomodazzjoni u l-kiri ta’ dgħajjes jista’ jaqa’ taħt din id-direttiva. Ara wkoll, id-Direttiva 2008/122/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Jannar 2009 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur rigward ċerti aspetti ta’ kuntratti ta’ timeshare, kuntratti dwar prodotti ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid u kuntratti ta’ skambju (ĠU 2009, L 33, p. 10).


36      Fuq l-osservanza tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-proprjetà immobbli, ara s-sentenza Rösler (punt 22). Bħala eżempju, ara, fid-dritt Franċiż, Painchaux, M., “Bail d’habitation. – Règles particulières à certains baux. – Locations saisonnières”, JurisClasseur Civil Code, LexisNexis, Pariġi, 29 ta’ Lulju 2020, fajl 690, b’mod partikolari l-punt 6; fid-dritt Spanjol, Martínez Nadal, A. L., “Regulación del arrendamiento turístico en el Derecho español”, La regulación del alquiler turístico: una approximación de Derecho comparado, Aranzadi, Cizur Menor, 2022, p. 57 sa 84, b’mod partikolari p. 61, u, fid-dritt Taljan “Le locazioni turistiche nell’ordinamento italiano”, La regulación del alquiler turístico : una approximación de Derecho comparado, op. cit., p. 113 sa 126, b’mod partikolari p. 114, 122 u 123.


37      Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


38      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Obala i lučice (C‑307/19, EU:C:2021:236, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata), għal tfakkira li, minħabba n-natura derogatorja tagħhom, id-dispożizzjonijiet tal-punt 1 tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament ma għandhomx ikunu interpretati f’sens iktar wiesa’ minn dak li jeħtieġ l-għan tagħhom.


39      Ara l-punti 5 u 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan is-sens, is-suġġett tat-tilwima huwa simili għal dak tal-kawża li wasslet għas-sentenza Hacker (ara l-punt 4). Ir-rikorrenti kienet qieset li l-kejl tad-dar tal-btala mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha għas-soġġorn effettiv kien inqas minn dak li kien jidher fir-reklam ta’ Euro-Relais GmbH u kienet talbet b’mod partikolari tnaqqis fil-prezz imħallas.


40      Ara l-punti 6, 9 u 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ir-rimbors jikkorrispondi għal 15.77 % tal-ammont tas-somma mħallsa waqt il-prenotazzjoni. Il-qorti tar-rinviju ma ppreċiżatx għalfejn kien sar dan.


41      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42      Ara s-sentenzi Rösler (punt 29) u Dansommer (punt 25), kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Obala i lučice (C‑307/19, EU:C:2021:236, punt 79). Ara, għal dak li jirrigwarda t-talba għal rimbors tal-ammont totali tas-somom imħallsa bbażata fuq motiv ta’ invalidità tal-kuntratt, meta r-rabta bejn il-kuntratt u l-proprjetà immobbli li tista’ tintuża ma hijiex suffiċjentement stretta biex tiġġustifika l-klassifikazzjoni tal-kuntratt bħala kirja, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2005, Klein (C‑73/04, EU:C:2005:607, punti 17 u 26).


43      Bħala paragun, fl-istess kuntest u fil-kuntest tad-Direttiva 2015/2302 fil-qasam tal-vjaġġi kollox kompriż, ara s-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, FTI Touristik (Pakketti tal-ivvjaġġar għall-gżejjer Kanarji) (C‑396/21, EU:C:2023:10, punt 42), kif ukoll it-talbiet għall-interpretazzjoni attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Tuk Tuk Travel (C‑83/22, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Medina fil-kawża Tuk Tuk Travel (C‑83/22, EU:C:2023:245) inqraw fit‑23 ta’ Marzu 2023) u fil-kawża magħquda DocLX Travel Events (C‑414/22) u Kiwi Tours (C‑584/22), li l-konklużjonijiet tagħha tal-Avukat Ġenerali Medina qegħdin jistennew il-pubblikazzjoni.


44      Ara s-sentenza Rösler (punt 29). Biex titqabbel mas-sentenza Hacker (punt 4).