Language of document : ECLI:EU:C:2005:250

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Awla Manja)

26 ta’ April 2005 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Immaniġġjar ta’ l-iskart – Direttiva 75/442/KEE, kif emendata mid-Direttiva 91/156/KE – Artikoli 4, 5, 8, 9, 10, 12, 13 u 14”

Fil-kawża C-494/01,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-20 ta’ Diċembru 2001,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn R. Wainwright u X. Lewis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

L-Irlanda, irrappreżentata minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn P. Charleton, SC, u A. Collins, BL, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann (Relatur), C. W. A. Timmermans u A. Rosas, Presidenti ta’ Awla,  J.‑P. Puissochet u R. Schintgen, N. Colneric, S. von Bahr, J.N. Cunha Rodrigues, M. Ilešič, J. Malenkovský, U. Lõhmus u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratrur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Lulju 2004,

wara li semgħet  il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Settembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li:

–        billi ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji biex tiżgura implementazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 4, 5, 8, 9, 10, 12, 13 u 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU L 194, p. 39), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta’ Marzu 1991 (ĠU L 78, p. 32, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”), l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-imsemmija dispożizzjonijiet;

–        billi ma rrispondietx b’mod komplet u sodisfaċenti għal talba għal informazzjoni, ta’ l-20 ta’ Settembru 1999, dwar xogħol relattiv għal skart f’Fermoy, fil-Kontea ta’ Cork, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 10 KE.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 4 tad-Direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw illi l-iskart jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma jipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr l-użu ta’ proċessi jew ta’ metodi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent, u b’mod partikolari:

–        mingħajr riskju għall-ilma, l-arja, il-ħamrija u l-pjanti u l-annimali,

–        mingħajr ma jikkawżaw irritazzjoni permezz tal-ħsejjes u bl-irwejjaħ,

–        mingħajr ma jaffettwaw ħażin il-kampanja u l-postijiet ta’ interess speċjali.

L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprojbixxu l-abbandun, it-tfigħ u r-rimi mhux ikkontrollat ta’ l-iskart.”

3        Skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa, f’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri l-oħra, fejn ikun meħtieġ jew fuq parir, li jistabbilixxu xibka ta’ komunikazzjoni integrata u adekwata ta’ l-istallazzjonijiet tar-rimi ta’ l-iskart, filwaqt li jagħmlu użu ta’ l-aħħar teknoloġija disponibblili li ma tinvolvix spejjeż eċċessivi. Ix-xibka ta’ komunikazzjoni għandha tgħin lill-Komunità kollha biex issir aktar suffiċjenti fiha nfisha fir-rimi ta’ l-iskart u lill-Istati Membri biex jimxu lejn din il-mira individwalment, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi ġeografiċi jew il-ħtieġa ta’ stallazzjonijiet speċjalizati għal ċerti tipi ta’ skart.

2.      Ix-xibka ta’ komunikazzjoni trid tgħin ukoll sabiex l-iskart jiġi mormi f’waħda mill-eqreb stallazzjoni xierqa, permezz ta’ l-iktar metodi u teknoloġiji xierqa sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent u ta’ protezzjoni għas-saħħa pubblika.”

4        L-Artikolu 8 tad-Direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-pussessur ta’ l-iskart:

–        ikun qandlu permezz ta’ kollettur privat jew pubbliku ta’ l-iskart jew permezz ta’ impriża li twettaq ix-xogħlijiet imniżżla fil-lista fl-Annes II A jew B

         jew

–        ikopri jew jiddisponi minnu huwa nnifsu b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5        L-Artikolu 9 tad-Direttiva jaqra kif ġej:

“1.      Għall-għanijiet biex jiġu implimentati l-Artikoli 4, 5 u 7, kull stabbiliment jew impriża li jwettqu x-xogħlijiet speċifikati fl-Anness II A għandhom jiksbu permess mingħand l-awtorità kompetenti riferita fl-Artikolu 6.

Dan il-permess għandu jkopri:

–        it-tipi u l-kwantitajiet ta’ l-iskart,

–        il-ħtiġiet tekniċi,

–        il-prekawzjonijiet tas-sigurtà li jridu jittieħdu,

–        il-post tar-rimi,

–        il-metodu tat-trattament.

2.      Il-permessi jistgħu jingħataw għal perijodu speċifikat ta’ żmien, jistgħu jiġġeddu, jistgħu ikunu suġġetti għal kondizzjonijiet u obbligi, jew, notabbilment, jekk il-metodu maħsub għar-rimi ma jkunx aċċettabbli mil-lat tal-ħarsien ta’ l-ambjent, jistgħu jiġu rrifjutati.”

6        L-Artikolu 10 tad-Direttiva jipprovdi:

“Għall-għanjiet ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 4, kull stabbiliment jew impriża li jwettqu x-xogħlijiet imsemmija fl-Anness II B iridu jiksbu permess.”

7        Skond l-Artikolu 12 tad-Direttiva:

“L-istabbilimenti jew l-impriżi li jiġbru jew iġorru l-iskart fuq bażi professjonali jew li jagħmlu arranġamenti għall-ġbir jew il-ġarr ta’ l-iskart fuq bażi professjonali f’ isem ħaddieħor (negozjanti jew sensara), u ma kienux suġġetti għall-awtorizzazzjoni, għandhom jiġu rreġistrati ma’ l-awtoritajiet kompetenti.”

8        L-Artikolu 13 tad-Direttiva jipprovdi:

“L-istabbilimenti jew l-impriżi li jwettqu x-xogħlijiet imsemmija fl-Artikoli 9 sa 12 għandhom ikunu suġġetti għal spezzjonijiet xierqa perjodikament mill-awtoritajiet kompetenti.”

9        Skond l-Artikolu 14 tad-Direttiva:

"L-istabbilimenti jew l-impriżi kollha imsemmija fl-Artikoli 9 u 10 għandhom:

–        iżommu reġistru dwar il-kwantità, in-natura, l-oriġini u, fejn rilevanti, id-destinazzjoni, il-frekwenza tal-ġbir, il-mod tal-ġarr u l-metodu tat-trattament rigward l-iskart irriferit fl-Anness I u dwar ix-xogħlijiet imsemmija fl-Anness II A jew B,

–        jagħmlu dan it-tagħrif disponibbli, fuq talba, lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 6.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jeħtieġu lill-produtturi li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu."

10      L-Annessi II A u B tad-Direttiva jinkludu, rispettivament, lista tax-xogħlijiet ta’ rimi ta’ l-iskart u lista tax-xogħlijiet ta’ rkupru ta’ l-iskart kif jiġu mwettqa fil-prattika.

 Il-proċedura prekontenzjuża

11      Il-Kummissjoni rċeviet tliet ilmenti li jikkonċernaw l-Irlanda. L-ewwel wieħed kien jirrigwarda t-tfigħ ta’ skart ta' kostruzzjoni u ta’ demolizzjoni f’art mistagħdra li tinsab fit-territorju tal-belt ta’ Limerick (iżjed ’il quddiem l-“ilment 1997/4705”). It-tieni kien jittratta l-ħżin ta’ skart organiku f’xi għadajjar f’Ballard, Fermoy, fil-Kontea ta’ Cork, u r-rimi ta’ dan l-iskart permezz ta’ tifrix minn operatur privat li ma kellux permess (iktar ’il quddiem l-“ilment 1997/4792”). It-tielet kien jirrigwarda l-ħżin ta’ diversi tipi ta' skart f’Pembrokestown, Whiterock Hill, fil-Kontea ta’ Wexford, minn operatur privat li ma kellux permess (iktar ’il quddiem l-“ilment 1997/4847”).

12      Fit-30 ta’ Ottubru 1998, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Irlanda fir-rigward ta’ l-imsemmija lmenti. Din ġiet segwita b’opinjoni motivata, fl-14 ta’ Lulju 1999, dwar l-ilmenti 1997/4705 u 1997/4792 biss, li takkuża lil dan l-Istat Membru bi ksur tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4, ta’ l-Artikolu 9 u ta' l-Artikolu 10 tad-Direttiva. Dan ta’ l-aħħar ġie mitlub jieħu l-miżuri neċessarji biex jikkonforma ruħu ma’ l-imsemmija opinjoni fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tagħha.

13      Fir-risposti tagħha tas-7 ta’ Ottubru u tat-23 ta’ Novembru 1999, l-Irlanda ċaħdet li b'xi mod naqset li twettaq l-obbligi tagħha fir-rigward taż-żewġ ilmenti msemmija fil-punt preċedenti.

14      Il-Kummissjoni rċeviet ukoll ħames ilmenti oħra li jikkonċernaw l-Irlanda. L-ewwel wieħed kien jirrigwarda t-tħaddim mingħajr permess, mill-1975, ta' miżbla muniċipali f’Powerstown, fil-Kontea ta’ Carlow (iktar ’il quddiem l-“ilment 1999/4351”). It-tieni kien jirrigwarda t-tfigħ ta’ skart (ġebel) u t-tħaddim, mingħajr permess, ta’ installazzjoni privata ta’ trattament ta’ l-iskart f’żona ħadra li tinsab fil-peniżola ta’ Poolbeg, f’Dublin (iktar ’il quddiem l-“ilment 1999/4801”). It-tielet kien jikkonċerna t-tħaddim, mingħajr permess, ta’ żewġ miżbliet muniċipali li jinsabu waħda fi Tramore u l-oħra f’Kilbarry, mill-1939 u mill-1970, rispettivament, liema miżbliet jikkonfinaw jew jidħlu fuq żoni protetti (iktar ’il quddiem l-“ilment 1999/5008”). Ir-raba’ kien jikkonċerna t-tħaddim, mis-snin 80, minn operatur privat li ma kellux permess, ta’ installazzjonijiet ta’ trattament ta’ l-iskart f’barrieri mhux użati f’Lea Road u f'Ballymoris, Portarlington, fil-Kontea ta’ Laois (iktar ’il quddiem l-“ilment 1999/5112”). Fir-rigward tal-ħames ilment, dan kien jikkonċerna t-tħaddim, mingħajr permess, ta’ miżbla muniċipali fi Drumnaboden, fil-Kontea ta’ Donegal (iktar ’il quddiem l-“ilment 2000/4408”).

15      Abbażi ta' l-imsemmija lmenti u fuq l-informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni ta' dawn l-ilmenti, il-Kummissjoni, fil-25 ta’ Ottubru 2000, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Irlanda.

16      Barra minn hekk, il-Kummissjoni rċiviet erba’ lmenti oħra kontra l-Irlanda, l-ewwel wieħed dwar it-tħaddim, mingħajr permess, ta’ installazzjoni privata ta’ ħżin u ta’ trattament ta’ l-iskart f’Cullinagh, Fermoy, fil-Kontea ta’ Cork (iktar ’il quddiem l-“ilment 1999/4478”). It-tieni kien jikkonċerna d-depożitu ta’ skart ta’ demolizzjoni u ta’ kostruzzjoni minn operatur privat, mill-1990, f’żona li tinsab f'xatt il-baħar f’Carlingford Lough, Greenore, fil-Kontea ta’ Louth (iktar ’il quddiem l-“ilment 2000/4145”). It-tielet kien jirrigwarda l-ġbir ġeneralizzat ta’ skart minn impriżi mhux awtorizzati jew mhux irreġistrati u li ma kinux suġġetti għal kontroll, fi Bray, fil-Kontea ta’ Wicklow (iktar ’il quddiem l-“ilment 2000/4157”). Fir-rigward tar-raba’ lment, dan kien jirrigwarda d-depożitu ta’ diversi tipi ta' skart, prinċipalment ta’ demolizzjoni u ta’ kostruzzjoni, f’erba’ artijiet mistagħdra li jinsabu fil-Kontea ta’ Waterford, f’Ballynattin, f’Pickardstown, f’Ballygunner Bog u f’Castletown (iktar ’il quddiem l-“ilment 2000/4633”).

17      Fis-17 ta’ April 2001, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni ġdida lill-Irlanda li fiha rreferiet għal dawn l-aħħar erba’ lmenti u fakkret l-ittra ta' intimazzjoni tal-25 ta’ Ottubru 2000.

18      Barra minn hekk, peress li ma rċeviet l-ebda risposta għal talba għal informazzjoni ta’ l-20 ta’ Settembru 1999 u mibgħuta lill-Irlanda fir-rigward ta’ l-ilment 1999/4478, il-Kummissjoni nnotifikat lil dan l-Istat Membru fit-28 ta’ April 2000, b’ittra ta’ intimazzjoni li tinvoka ksur ta’ l-Artikolu 10 KE.

19      Fis-26 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Irlanda li terġa' tirreferi għall-eżami tat-tnax-il ilment imsemmija ’il fuq, billi tirreferi għall-ittri ta' intimazzjoni tat-30 ta’ Ottubru 1998, tat-28 ta’ April u tal-25 ta’ Ottubru 2000, u tas-17 ta’ April 2001, kif ukoll għall-opinjoni motivata ta’ l-14 ta’ Lulju 1999. Il-Kummissjoni akkużat lil dan l-Istat Membru li naqas milli twettaq l-obbligi tiegħu li jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura l-implementazzjoni korretta ta’ l-Artikoli 4, 5, 8, 9, 10, 12, 13 u 14 tad-Direttiva kif ukoll dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 10 KE, filwaqt li stidnitu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jikkonforma ruħu ma’ l-imsemmija opinjoni fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tiegħu.

20      F'din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni speċifikat li l-imsemmija lmenti ma kinux jikkostitwixxu l-uniċi każijiet ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-Direttiva u li hija kienet qed tirriżerva, b’mod partikolari, id-dritt li ssemmi eżempji oħra sabiex turi n-nuqqasijiet ġenerali fl-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li bihom hija takkuża lill-awtoritajiet Irlandiżi.

21      Billi qieset li l-Irlanda ma kinitx ikkonformat ruħha ma’ l-opinjonijiet motivati ta’ l-14 ta’ Lulju 1999 u tas-26 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni ressqet il-preżenti rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq il-ksur tad-Direttiva

 Fuq is-suġġett tar-rikors, fuq id-data li fiha għandha tiġi evalwata l-eventwali eżistenza ta’ l-allegat nuqqasijiet ta' twettiq ta' obbligi u fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti lmenti invokati mill-Kummissjoni

22      Il-Kummissjoni tesponi, preliminarjament, li, wara proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li nbdiet fir-rigward ta’ l-Irlanda u wara l-adozzjoni sussegwenti tal-Waste Management Act 1996 (Att ta’ l-1996 dwar l-immaniġġjar ta’ l-iskart, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ l-1996”) kif ukoll tar-regolamenti ta’ implementazzjoni tiegħu, liema Att kien intiż b’mod partikolari biex jissuġġetta x-xogħlijiet relatati ma’ l-immaniġġjar ta’ skart ġestiti mill-awtoritajiet lokali (iktar ’il quddiem l-“iskart muniċipali”) għal sistema ta’ permessi maħruġa mill-Environmental Protection Agency (Aġenzija għall-ħarsien ta’ l-ambjent, iktar ’il quddiem l-“EPA”), il-kuntest ġuridiku ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart f’dan l-Istat Membru tjieb sostanzjalment. Ħlief għal nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 12 tad-Direttiva, din il-proċedura hija għaldaqstant prinċipalment intiża sabiex jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet Irlandiżi ma ssodisfawx l-obbligi tagħhom li jiksbu riżultat minħabba li huma mhumiex qed jiżguraw l-implementazzjoni konkreta tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

23      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tispeċifika wkoll li r-rikors huwa intiż biex jiġi kkonstatat nuqqas ta' twettiq ta' obbligu mhux biss minħabba nuqqasijiet irrilevati fis-sitwazzjonijiet speċifiċi msemmija mit-tnax-il ilment imsemmija fil-punti 11, 14 u 16 ta’ din is-sentenza, iżda, ukoll u b’mod iżjed fundamentali, minħabba n-natura ġenerali u persistenti tan-nuqqasijiet li jikkaratterizzaw l-implementazzjoni konkreta tad-Direttiva fl-Irlanda, li tagħhom is-sitwazzjonijiet speċifiċi msemmija f’dawn l-ilmenti jikkostitwixxu eżempji. Jeħtieġ li jiġi żgurat li tiġi kompletament rikonoxxuta u implementata f’dan l-Istat Membru l-katina mhux interrotta tar-responsabbiltajiet li tistabbilixxi d-Direttiva fir-rigward ta’ l-iskart, billi jkun meħtieġ li l-pussessuri ta' l-iskart jarmuh għand operaturi partikolari, li l-operaturi li jiġbru jew jittrattaw dan l-iskart ikunu suġġetti għal sistema ta’ permessi jew ta’ reġistrazzjoni kif ukoll għal spezzjoni u li jiġi pprojbit l-abbandun, it-tfigħ jew ir-rimi mhux ikkontrollat ta’ dan l-iskart.

24      Skond il-Kummissjoni, il-fatt li r-rikors huwa għalhekk intiż b’mod partikolari biex jilmenta kontra prassi amministrattivi defiċjenti sistematiċi jfisser li hija ġustifikata li tipproduċi elementi ġodda ta’ prova biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ l-imsemmija prassi u l-kontinwità tagħhom fuq perijodu twil ta' żmien. Bl-istess mod, il-fatt li, f’uħud mill-każijiet konkreti li l-Kummissjoni tilmenta kontrihom, permess finalment inħareġ jew ittieħdu ċerti passi qabel ma skada t-terminu ffissat fl-opinjoni motivata, m'għandux effett determinanti fuq in-nuqqas marbut ma’ l-eżistenza ta' tali prassi.

25      Min-naħa tiegħu, il-Gvern Irlandiż iqis li t-tnax-il ilment li għalihom tirreferi l-Kummissjoni fl-imsemmija opinjoni motivata għandhom jiddelimitaw is-suġġett tal-kontroversja. Minn naħa, fatti oħra jew ilmenti mhux ikkomunikati lill-Irlanda waqt il-proċedura prekontenzjuża ma jistgħux jiġu invokati in sostenn tar-rikors u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni mhijiex awtorizzata biex mill-eżami ta’ lmenti speċifiċi hija tiġbed konklużjonijiet ġenerali billi tippreżumi allegati nuqqasijiet sistematiċi ta’ dan l-Istat Membru.

26      L-eżistenza ta’ eventwali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu għaldaqstant jiġi evalwat b'referenza għas-sitwazzjoni fis-seħħ fid-data ta’ l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn mogħti fl-opinjoni motivata tas-26 ta’ Lulju 2001.

27      F'dak li għandu x'jaqsam ma’ dawn id-diversi osservazzjonijiet, għandu jiġi indikat, l-ewwel nett, fir-rigward tas-suġġett ta’ din il-kawża, li, mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Kummissjoni li tissodisfa, f’kull każ, l-oneru tal-prova li jistrieħ fuqha, xejn ma jwaqqafha a priori milli tfittex simultanjament li jiġu kkonstatati n-nuqqasijiet li jitwettqu l-obbligi li joħorġu mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva minħabba l-imġiba ta' l-awtoritajiet ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet konkreti, li huma identifikati b’mod speċifiku, u li jiġu kkonstatati n-nuqqasijiet għall-imsemmija dispożizzjonijiet minħabba li dawn l-awtoritajiet ikunu adottaw prassi ġenerali li tmur kontrihom ġiet adottata minn dawn l-awtoritajiet, li tagħhom l-imsemmija sitwazzjonijiet speċifiċi jikkostitwixxu, jekk ikun il-każ, l-eżempju.

28      Huwa fil-fatt aċċettat li prassi amministrattiva tista' tkun is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu meta hija tippreżenta ċertu livell ta’ kostanza u ta’ ġeneralità (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-387/99, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      It-tieni nett, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni ta’ l-Istat Membru fl-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-446/01, Ġabra p. I-6053, punt 15).

30      F’dan il-każ, minkejja li ġie allegat li l-Irlanda ma kkonformatx ruħha ma’ l-opinjonijiet motivati ta’ l-14 ta’ Lulju 1999 u tas-26 ta’ Lulju 2001 fit-terminu stipulat minnhom, il-Kummissjoni indikat, b’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, li t-tieni waħda minn dawn opinjonijiet kienet intiża biex tikkonsolida u tgħaqqad l-elementi u l-argumenti kollha skambjati preċedentement bejn il-partijiet u li, għaldaqstant, issostitwiet l-ewwel waħda.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqasijiet allegati mill-Kummissjoni għandhom jiġu evalwati fid-dawl tas-sitwazzjoni kif kienet fl-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn stipulat fl-opinjoni motivata tas-26 ta’ Lulju 2001 (iktar ’il quddiem l-“opinjoni motivata ta’ l-2001”).

32      Bla dubju, minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tikkonstata li l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mid-Direttiva fir-rigward ta’ sitwazzjoni konkreta partikolari jekk jiġi stabbilit li, fid-data ta' l-iskadenza ta' l-imsemmi terminu, hija kienet irrimedjat in-nuqqasijiet li l-Kummissjoni takkużaha bihom. Min-naħa l-oħra, kif issostni ġustament din ta’ l-aħħar, safejn ir-rikors ifittex li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ natura ġenerali min-naħa ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-fatt li jkunu ġew irrimedjati n-nuqqasijiet rilevati f'każ partikolari jew ieħor ma jfissirx neċessarjament li tkun waqfet l-imġiba ġenerali u kontinwa ta’ dawn l-awtoritajiet, li tagħha tali nuqqasijiet speċifiċi, jekk ikun il-każ, ikunu xhieda.

33      It-tielet nett, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-fażi prekontenzjuża għandha bħala għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-okkażjoni, minn naħa, li jikkonforma ruħu ma’ l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju u, min-naħa l-oħra, li jsostni utilment il-motivi ta' difiża tiegħu kontra l-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ l-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-350/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      L-iżvolġiment xieraq ta’ din il-proċedura jikkostitwixxi garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat mhux biss għall-ħarsien tad-drittijiet ta’ l-Istat Membru kkonċernat, iżda wkoll biex jiġi żgurat li l-eventwali proċedura kontenzjuża jkollha bħala suġġett kontroversja li tkun iddefinita b’mod ċar (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Is-suġġett ta’ rikors imressaq skond l-Artikolu 226 KE huwa għaldaqstant iddelimitat mill-proċedura prekontenzjuża prevista minn din id-dispożizzjoni. L-opinjoni motivata tal-Kummissjoni u r-rikors għandhom ikunu bbażati fuq l-istess motivi u argumenti, b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżamina lment li ma tqajjimx fl-opinjoni motivata, li għandu jkun fiha stqarrija koerenti u dettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni biex ikollha l-konvinzjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas minn waħda mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Minn dan isegwi, bla dubju, li l-Kummissjoni ma tistax tippretendi li tikseb il-konstatazzjoni ta’ nuqqas speċifiku ta’ l-Irlanda milli twettaq l-obbligi tagħha skond id-Direttiva fir-rigward ta’ sitwazzjoni fattwali partikolari li ma ġietx imqajma fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża. Fil-fatt, it-tali lment speċifiku bilfors irid jiġi invokat fi stadju prekontenzjuż, sabiex l-Istat Membru kkonċernat ikollu l-possibbiltà li jirrimedja s-sitwazzjoni konkreta li dwarha jkun sar l-ilment jew sabiex isostni utilment il-motivi ta' difiża tiegħu f’dan ir-rigward, liema difiża tista' b’mod partikolari twassal lill-Kummissjoni biex tirrinunzja għall-imsemmi lment u/jew tikkontribwixxi biex jiġi ddelimitat is-suġġett tal-kontroversja li 'l quddiem ser titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

37      Min-naħa l-oħra, safejn ir-rikors ikun intiż biex iqajjem nuqqas ta’ natura ġenerali li jitwettqu l-obbligi li joħorġu mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, ibbażat b’mod partikolari fuq l-imġiba sistematika u kostanti ta' tolleranza mill-awtoritajiet Irlandiżi fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li mhumiex konformi ma’ din id-Direttiva, il-produzzjoni ta’ provi addizzjonali intiżi, fl-istadju tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, biex isostnu l-ġeneralità u l-kostanza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hekk allegat ma jistax, fil-prinċipju, jiġi eskluż.

38      Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni tista' tikkjarifika l-ilmenti inizjali tagħha fir-rikors tagħha, sakemm, madankollu, ma tibdilx is-suġġett tal-kontroversja. Issa billi tipproduċi provi ġodda intiżi biex tikkjarifika permezz ta' eżempji l-ilmenti mqajma fl-opinjoni motivata, ibbażati fuq nuqqas ta’ natura ġenerali li jitwettqu l-obbligi li joħorġu mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, il-Kummissjoni ma tkunx qed tibdel is-suġġett tal-kontroversja (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 32 u 36).

39      F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Irlandiż, minkejja li ma ġewx imsemmija waqt il-proċedura prekontenzjuża, il-fatti relatati mat-tfigħ illegali ta' kwantità kbira ta’ skart, kultant perikoluż, fil-Kontea ta’ Wicklow, li l-Kummissjoni saret taf bih wara l-ħruġ ta’ l-imsemmija opinjoni motivata, setgħu validament jiġu ċċitati minnha biex issostni r-rikors tagħha, għall-finijiet li tagħti eżempji tan-nuqqasijiet ta’ natura ġenerali li jitwettqu obbligi li hija tilmenta dwarhom.

 Fuq l-oneru tal-prova

40      Fid-difiża tiegħu, il-Gvern Irlandiż qajjem diversi kontestazzjonijiet relatati ma’ l-oneru tal-prova. B’mod partikolari huwa qiegħed fid-dubju l-veraċità ta’ numru ta’ fatti allegati mill-Kummissjoni fi tmiem l-investigazzjoni tat-tnax-il ilment li kienu tressqulha. L-imsemmi Gvern sostna wkoll li l-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikata li mill-eżami ta’ dawn l-ilmenti speċifiċi hija tiġbed konklużjonijiet ġenerali billi tippreżumi allegati nuqqasijiet sistematiċi ta’ l-Irlanda milli twettaq l-obbligi tagħha.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza ta’ l-allegat nuqqas. Hija hi li trid tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji sabiex din ta' l-aħħar tkun tista' tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, mingħajr ma tista' tibbaża ruħha fuq kwalunkwe allegazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, 96/81, Ġabra p. 1791, punt 6, u tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, Ġabra p. I-6417, punt 15).

42      Madankollu, l-Istati Membri għandhom, skond l-Artikolu 10 KE, jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Kummissjoni, li tikkonsisti, b’mod partikolari, skond l-Artikolu 211 KE, li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet bis-saħħa tat-Trattat (is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, tal-25 ta’ Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 7, u tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 16).

43      F’din il-perspettiva, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li, fir-rigward tal-verifika ta’ l-applikazzjoni korretta fil-prattika tad-dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi biex jiżguraw l-implementazzjoni effettiva tad-Direttiva, il-Kummissjoni li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, m’għandhiex setgħat ta’ investigazzjoni tagħha proprji f'dan il-qasam, tiddipendi, fil-biċċa l-kbira, fuq informazzjoni pprovduta minn min eventwalment jagħmel ilment u mill-Istat Membru kkonċernat (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

44      Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li meta l-Kummissjoni tkun ipprovdiet biżżejjed provi li juru li seħħu ċerti fatti fit-territorju ta’ l-Istat Membru konvenut, huwa dan ta’ l-aħħar li għandu jikkontesta fis-sustanza u fid-dettall l-informazzjoni hekk imressqa u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, imsejħa “San Rocco”, C-365/97, Ġabra p. I-7773, punti 84 u 86).

45      Fit-tali ċirkustanzi, fil-fatt, huma l-ewwel nett l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom iwettqu l-verifiki neċessarji fuq il-post, fi spirtu ta’ kooperazzjoni leali, konformement mad-dmir ta’ kull Stat Membru, imfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, li jiffaċilita l-missjoni ġenerali tal-Kummissjoni (is-sentenza San Rocco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 85).

46      Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni tinvoka lmenti dettaljati li juru nuqqasijiet ripetuti ta' twettiq tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, għandu jkun l-Istat Membru kkonċernat li jikkontesta b’mod konkret il-fatti allegati f’dawn l-ilmenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, 272/86, Ġabra p. 4875, punt 19).

47      Bl-istess mod, meta l-Kummissjoni tkun ipprovdiet biżżejjed provi li juru li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru żviluppaw prassi ripetuta u persistenti li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva, huwa dan l-Istat Membru li għandu jikkontesta fis-sustanza u fid-dettall l-informazzjoni hekk imressqa u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21, u San Rocco, iċċitata iktar ’il fuq, punti 84 u 86).

 Fuq il-fatti relattivi għall-ilmenti eżaminati mill-Kummissjoni

48      Kif jirriżulta mill-punti 11 sa 21 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni tibbaża r-rikors tagħha b’mod partikolari fuq l-imġiba ta' l-awtoritajiet Irlandiżi f’diversi sitwazzjonijiet konkreti eżaminati wara tnax-il ilment imressqa minn individwi. Billi ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom il-Kummissjoni tfittex li tistrieħ ġew ikkontestati mill-Irlanda, għandu jiġi vverifikat jekk dawn ġewx ipprovati suffiċjentement skond il-liġi.

–       It-tfigħ ta’ skart f’Limerick (ilment 1997/4705)

49      Il-Kummissjoni ssostni li, fl-1997, il-Limerick Corporation, awtorità lokali inkarigata mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fuq l-iskart, ittollerat tfigħ ta’ skart ta' kostruzzjoni u ta’ demolizzjoni f’art mistagħdra f’Limerick. Barra minn hekk, hija tirrileva li l-EPA affermat, f’ittra tat-23 ta’ Jannar 1998, li tali tfigħ kien jikkostitwixxi xogħlijiet ta’ rkupru li għalihom ma kienx meħtieġ permess. Barra minn hekk, l-imsemmi skart ma kienx tneħħa totalment, filwaqt li kompla jsir tfigħ f’din l-art u f’artijiet mistagħdra oħra viċin din ta’ l-aħħar.

50      Il-Kummissjoni f’dan ir-rigward tibbaża ruħha fuq l-ilment 1997/4705. Minbarra l-imsemmija ittra ta’ l-EPA, hija tippreżenta negattivi ta' ritratti pprovduti minn min għamel l-ilment u li juru munzelli ta’ materjal f'nofs veġetazzjoni f’art mistagħdra, artikoli ta’ l-istampa li juru li l-każ ta’ tfigħ ta’ skart mingħajr permess fl-artijiet mistagħdra f’Limerick kien magħruf mill-pubbliku, kif ukoll ritratti meħuda fl-2002 ipprovduti minn persuni li għamlu lmenti u li juru l-preżenza ta’ skart ta’ demolizzjoni u ta’ kostruzzjoni fl-imsemmija artijiet mistagħdra.

51      Il-Gvern Irlandiż iwieġeb li, skond il-Limerick Corporation, kienu biss tliet tagħbijiet ta' trakk li, bi żball, intefgħu fiż-żona msemmija mill-ilment 1997/4705, fix-xahar ta’ Ottubru 1997, u li l-iskart tneħħa ftit sigħat wara dan it-tfigħ. Il-fatti li dwarhom sar l-ilment ma ġewx ipprovati, b'mod partikolari fid-data ta’ l-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata ta’ l-2001. Fir-rigward tat-tfigħ iżjed riċenti li sar fl-art imsemmija minn dan l-ilment, l-imsemmi Gvern isostni li l-ammont li ntefa' jidher li kien żgħir u jassigura li ser jitneħħa mill-aktar fis. It-tfigħ l-ieħor allegat mill-Kummissjoni mhuwiex rilevanti fil-kuntest ta’ din il-proċedura u sar għall-finijiet ta’ rdim u ta’ żvilupp. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ proġett ta’ rdim bil-għan li jiġu żviluppati infrastrutturi sportivi, il-pożizzjoni ta’ l-EPA kienet konformi mal-leġiżlazzjoni Irlandiża li, sa l-20 ta’ Mejju 1998, ma kinitx teħtieġ permess fil-każ ta’ rkupru ta’ skart.

52      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, fid-dawl tan-natura dettaljata ta’ l-ilment 1997/4705 u tal-provi ppreżentati mill-Kummissjoni, il-Gvern Irlandiż ma jistax, kif jirriżulta mill-punti 42 sa 47 ta’ din is-sentenza, jinħeba wara l-affermazzjonijiet tal-Limerick Corporation li ma ġewx sostnuti mod ieħor , u lanqas ma jillimita ruħu li jsostni li l-fatti allegati ma ġewx ipprovati jew li t-tfigħ ta’ skart inkriminat sar fil-kuntest ta’ politika kkontrollata ta’ rkupru jew ta’ żvilupp ta’ infrastrutturi, mingħajr ma jikkontesta fis-sustanza u fid-dettall l-informazzjoni hekk ippreżentata mill-Kummissjoni u mingħajr ma jikkorrobora l-allegazzjonijiet tiegħu permezz ta’ provi konkreti.

53      Kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi l-Gvern Irlandiż, il-provi kollha ppreżentati mill-Kummissjoni huma, barra minn hekk, rilevanti sabiex jiġi sostnut l-ilment magħmul minnha bbażat fuq l-imġiba ta’ tolleranza persistenti ta’ l-awtoritajiet lokali fir-rigward tat-tfigħ ta’ skart mingħajr permess fl-artijiet mistagħdra li jinsabu f’Limerick.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li jirriżulta suffiċjentement skond il-liġi mill-provi msemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza li, fl-1997, l-awtorità lokali kompetenti ttollerat tfigħ mingħajr permess ta’ skart ta’ kostruzzjoni u ta’ demolizzjoni f’art mistagħdra f’Limerick, li tali tfigħ kompla jsir fl-art ikkonċernata, b’mod partikolari waqt din il-proċedura, u li tfigħ ieħor kien ukoll seħħ f’żewġ artijiet mistagħdra oħra viċini ħafna. Ġie wkoll stabbilit li l-EPA qalet f’ittra tat-23 ta’ Jannar 1998 lill-Limerick Corporation li, skond il-leġiżlazzjoni Irlandiża li kienet fis-seħħ dak iż-żmien, tali tfigħ ma kienx suġġett għal permess jekk dan kien sar għall-finijiet ta’ rkupru.

55      Il-fatt li l-artijiet mistagħdra in kwistjoni kienu ta’ interess ekoloġiku partikolari mhuwiex ikkontestat mill-Gvern Irlandiż u jirriżulta biżżejjed mill-proċess, b’mod partikolari mill-fatt li kien l-intenzjoni li waħda minnhom tiġi kklassifikata bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni bis-saħħa tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p. 7). Barra minn hekk, jirriżulta mir-ritratti u mill-artikoli ta’ l-istampa ppreżentati mill-Kummissjoni, kif ukoll minn ittra tad-Department of Arts, Heritage, Gaeltacht and the Islands, tat-8 ta’ Diċembru 1997, li l-artijiet mistagħdra kkonċernati ġew serjament iddanneġġati.

–       Ix-xogħlijiet mingħajr permess ta' lagunaġġ u ta' tifrix ta’ skart f’Ballard, Fermoy, fil-Kontea ta’ Cork (ilment 1997/4792)

56      Il-Kummissjoni ssostni li l-Kunsill tal-Kontea ta’ Cork, awtorità kompetenti fil-qasam ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart, ittollera sa mill-1990 li operatur privat mingħajr permess iwettaq xogħlijiet ta’ ħżin fuq skala kbira ta’ skart organiku f’għadajjar li jinsabu f’Ballard u xogħlijiet ta' rimi ta' dan l-iskart permezz ta’ tifrix, mingħajr ma żgura li dawn ix-xogħlijiet waqfu u ġew sanzjonati. Barra minn hekk, l-infrastrutturi kkonċernati nbnew mingħajr il-permess tal-bini meħtieġ u dan ta’ l-aħħar ingħata fl-1998, ħaġa li ffaċilitat it-tkomplija ta’ l-imsemmija xogħlijiet.

57      Fir-risposta tiegħu, il-Gvern Irlandiż jirrikonoxxi li x-xogħlijiet ta’ ħżin u ta’ tifrix imwettqa mill-operatur ikkonċernat kienu jeħtieġu li dan ta' l-aħħar ikollu permess. Huwa jqis, madankollu, li l-Kunsill tal-Kontea ta’ Cork adotta mġiba xierqa. Din l-awtorità kienet fil-fatt ikkonstatat, f’April 1992, li dan kien temm l-attivitajiet li dwarhom sar l-ilment. Peress li dawn reġgħu bdew, l-imsemmija awtorità ħadet miżuri, waqt is-sena 1996, biex tiżgura li ma jsirx iżjed tfigħ fl-għadajjar ikkonċernati. Billi madankollu kkonstata, waqt ispezzjoni li saret fix-xahar ta’ Awwissu 2001, li x-xogħlijiet ta’ lagunaġġ kienu reġgħu bdew, il-Kunsill tal-Kontea ta’ Cork beda proċeduri legali li f’Marzu 2002, wasslu biex min kien qed jikser il-liġi ġie kkundannat għal multa ta’ EUR 1 800. Minn dak iż-żmien kull tfigħ illegali waqaf wara dan il-każ u l-iskart li kien għadu preżenti tneħħa.

58      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li x-xogħlijiet ikkonċernati qatt ma waqfu. Hija tippreżenta diversi ittri f’dan ir-rigward, uħud minnhom mibgħuta mill-Kunsill tal-Kontea ta’ Cork stess, li minnhom jirriżulta li nfeta' skart f’Ballard ta’ l-inqas sax-xahar ta’ Ġunju 2002. Barra minn hekk, l-unika sanzjoni imposta fuq l-operatur responsabbli kienet għal nuqqas li jikkomunika informazzjoni lill-imsemmi Kunsill.

59      Mingħajr ma jikkontesta din l-aħħar allegazzjoni tal-Kummissjoni, il-Gvern Irlandiż jindika, fil-kontroreplika tiegħu ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Jannar 2003, li l-Kunsill tal-Kontea ta’ Cork kien qed jeżamina l-opportunità li jieħu passi legali kontra l-operatur ikkonċernat. It-tneħħija ta’ l-iskart li għadu preżenti fis-sit ikkonċernat hija, barra minn hekk, imminenti.

60      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li ġie pprovat suffiċjentement skond il-liġi li baqgħu jsiru xogħlijiet sinjifikattivi ta' lagunaġġ u/jew ta' tifrix ta' skart mingħajr permess bl-inizjattiva ta’ operatur privat f’Ballard, fil-Kontea ta’ Cork, ta' l-inqas bejn l-1990 u x-xahar ta’ Ġunju 2002, mingħajr ma l-awtoritajiet kompetenti kienu ħadu l-miżuri xierqa biex itemmu dawn ix-xogħlijiet u mingħajr ma dawn taw lok għal sanzjonijiet. Barra minn hekk, mhuwiex ikkontestat li l-infrastrutturi neċessarji għal tali xogħlijiet kienu nżammu, meta huma ma kellhomx il-permess ta’ l-ippjanar meħtieġ, u li l-awtoritajiet kompetenti, fl-1998, kienu taw tali permess li bih awtorizzaw iż-żamma ta' tali infrastrutturi.

–       Ix-xogħlijiet mingħajr permess ta’ ħżin ta’ skart f’Pembrokestown, Whiterock Hill, fil-Kontea ta’ Wexford (ilment 1997/4847)

61      Il-Kummissjoni ssostni li operatur privat wettaq, bejn l-1995 u l-2001, xogħlijiet ta’ ħżin ta’ skart fuq sit li jinsab f’Pembrokestown, minkejja tliet deċiżjonijiet tad-District Court, ta’ l-1996 u ta’ l-1997, li f'dan ir-rigward ikkundannawh suċċessivament għal multi ta’ IEP 100, u wara ta’ IEP 400 għal darbtejn, ħaġa li turi b’mod partikolari li s-sanzjonijiet imposti ma kinux adegwati. Minbarra dan, dawn ix-xogħlijiet esponew lill-abitanti ta' dawk l-inħawi għal inkonvenjenti sinjifikattivi li l-Kunsill tal-Kontea ta’ Wexford kien jaf bihom, kif jirriżulta b’mod partikolari mit-termini tad-deċiżjoni tagħha tat-23 ta’ Frar 1996 li ċaħdet applikazzjoni għal permess ta’ l-ippjanar relattiv għas-sit ikkonċernat, liema deċiżjoni ġiet prodotta mill-Kummissjoni.

62      Skond il-Gvern Irlandiż, dawn il-multi kienu konformi mad-dispożizzjonijiet ta' l-European Communities (Waste) Regulations (1979), li kienu fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti kkonċernati, li kienu jipprovdu li setgħu jiġu imposti, fuq kundanna sommarja, multi li jammontaw għal massimu ta’ IEP 600 u/jew priġunerija għal massimu ta’ sitt xhur. Barra minn hekk, minħabba n-natura intermittenti ta’ l-imsemmija xogħlijiet, il-Kunsill tal-Kontea ta’ Wexford qies li kien għal xejn li jikseb ordni fil-konfront ta' l-operatur ikkonċernat sabiex dawn ix-xogħlijiet jiġu impeduti. Fl-aħħar, dawn ix-xogħlijiet kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, ta’ l-24 ta’ Jannar 2001, prodotta mill-imsemmi Gvern.

63      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li mill-atti tal-proċess jirriżulta suffiċjentement skond il-liġi li bejn l-1995 u x-xahar ta' Jannar 2001 twettqu xogħlijiet ta’ ħżin ta’ skart f'sit privat, li jinsab f’Pembrokestown, f’kundizzjonijiet li kienu ta' ħsara għar-residenti, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe permess, mingħajr ma ttieħdu l-miżuri xierqa mill-awtoritajiet kompetenti sabiex itemmu dawn ix-xogħlijiet u mingħajr ma dawn ix-xogħlijiet kienu s-suġġett ta’ sanzjonijiet suffiċjentement effikaċi biex ikollhom effett dissważiv. Ġie wkoll stabbilit li l-permess previst mill-Att ta’ l-1996 ingħata mill-EPA lill-operatur ta’ dan is-sit fl-24 ta’ Jannar 2001.

–       It-tħaddim mingħajr permess tal-miżbla muniċipali ta’ Powerstown, fil-Kontea ta’ Carlow (ilment 1999/4351)

64      Il-Kummissjoni ssostni, fit-talba tagħha, li l-miżbla muniċipali ta’ Powerstown, fil-Kontea ta’ Carlow, topera mingħajr permess sa mill-1975 u li, minkejja li kienet saret applikazzjoni għal permess fis-27 ta’ Frar 1998 abbażi ta' l-Att ta’ l-1996, l-ebda deċiżjoni ma kienet għadha ttieħdet sat-23 ta’ Frar 2000, filwaqt li l-installazzjoni baqgħet tiffunzjona minn meta tressqet din l-applikazzjoni.

65      Mingħajr ma jikkontesta dawn l-allegazzjonijiet, il-Gvern Irlandiż jipproduċi deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni dwar l-imsemmija miżbla, adottata mill-EPA fl-24 ta’ Marzu 2000.

–       It-tħaddim mingħajr permess ta’ installazzjoni ta’ ħżin u ta’ trattament ta’ l-iskart f’Cullinagh, Fermoy, fil-Kontea ta’ Cork (ilment 1999/4478)

66      Il-Kummissjoni ssostni li l-Kunsill tal-Kontea ta’ Cork ittollera, sa mill-1991, li operatur privat mingħajr permess iħaddem installazzjoni ta’ ħżin u ta’ trattament ta’ l-iskart f'sit li jinsab f’Cullinagh, f’żona li fiha jinsab l-ilma taħt l-art, mingħajr ma żgura li dawn ix-xogħlijiet jitwaqqfu u jiġu sanzjonati, minkejja li l-applikazzjonijiet għal permessi ta’ l-ippjanar imressqa minn dan l-operatur bejn l-1991 u l-1994 ġew suċċessivament miċħuda.

67      Il-Gvern Irlandiż jafferma li, fix-xahar ta’ April 2002, ġiet adottata deċiżjoni biex tawtorizza l-imsemmija impriża biex twettaq xogħlijiet ta’ rkupru ta' 6 500 tunnellata ta’ skart fis-sena. Madankollu, din id-deċiżjoni ma ġietx prodotta. Skond l-imsemmi Gvern, l-ebda kontaminazzjoni ta’ l-ilmijiet ta’ taħt l-art mill-installazzjoni kkonċernata ma ġiet ipprovata u d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni teżiġi l-implementazzjoni ta’ proċedura ta’ sorveljanza u ta’ evalwazzjoni tal-kwalità tagħhom. Fir-rigward tal-permessi ta’ l-ippjanar, dawn ingħataw mill-Kunsill tal-Kontea ta’ Cork, u wara ġew annullati mill-awtorità ta' l-appell.

68      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li ġie pprovat suffiċjentement skond il-liġi li t-tħaddim mingħajr permess ta’ sit ta’ ħżin u ta’ trattament ta’ l-iskart baqa' jseħħ, mill-inqas bejn l-1991 u x-xahar ta’ April 2002, f’żona li fiha r-riskju ta’ kontaminazzjoni ta’ l-ilmijiet ta’ taħt l-art ma setax jiġi eskluż, mingħajr ma ttieħdu l-miżuri xierqa mill-awtoritajiet kompetenti sabiex itemmu dan it-tħaddim u mingħajr ma dan it-tħaddim ta lok għal sanzjonijiet. Kif jirriżulta mill-punt preċedenti, il-Gvern Irladiż barra minn hekk jammetti li l-imsemmija awtoritajiet ħarġu permessi ta’ l-ippjanar lil dawn l-installazzjonijet fi żmien fejn dawn ma kellhomx il-permess previst mid-Direttiva.

–       It-tfigħ ta’ skart u t-tħaddim mingħajr permess ta’ installazzjonijiet tat-trattament ta’ l-iskart fil-peniżola ta’ Poolbeg, f’Dublin (ilment 1999/4801)

69      Il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li l-awtoritajiet kompetenti tal-belt ta’ Dublin ittolleraw, sa mill-1997, it-tfigħ ta’ skart ta’ kostruzzjoni u ta’ demolizzjoni f’żona ħadra, li tinsab fil-peniżola ta’ Poolbeg, mingħajr ma żguraw li dan it-tfigħ jitwaqqaf u li jiġi sanzjonat u li l-iskart ikkonċernat jitneħħa. Min-naħa l-oħra, dawn l-istess awtoritajiet ittolleraw it-tħaddim ta’ żewġ installazzjonijiet ta’ trattament ta’ skart metalliku mingħajr permess fuq l-imsemmija peniżola, mingħajr ma żguraw il-waqfien jew is-sanzjoni ta' tali tħaddim, u saħansitra waslu biex ippermettew lill-installazzjonijiet ikkonċernati jgawdu minn għajnuna finanzjarja Komunitarja.

70      Fir-rigward taż-żewġ installazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-Gvern Irlandiż indika, fl-ittri tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2000 u tas-26 ta’ Ġunju 2001 b'risposta għal talbiet għal informazzjoni li l-Kummissjoni kienet bagħtitlu, li, wara applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ppreżentati rispettivament fit-23 ta’ Settembru u fil-15 ta’ Ottubru 1998, ingħataw permessi lil dawn l-installazzjonijiet b'deċiżjonijiet tat-3 ta’ Awwissu 2000 u ta' l-1 ta’ Marzu 2001. Fir-rigward ta’ l-għajnuna Komunitarja, l-imsemmi Gvern isostni, fir-risposta tiegħu, li dawn kienu ngħataw bi żball.

71      Barra minn hekk, il-Gvern Irlandiż isostni li kien hemm biss każ wieħed ta’ tfigħ illegali fil-passat u li s-sit kien ġie rijabilitat qabel l-iskadenza taż-żmien stipulat fl-opinjoni motivata ta’ l-2001, u ma kien fadal ebda ħjiel ta' ħsara ambjentali f'dan is-sit. Billi min wettaq it-tfigħ ma ġiex identifikat, dan ma setax jiġi ssanzjonat.

72      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li mill-informazzjoni dettaljata li rċeviet minn persuni li għamlu l-ilmenti li kellhom kuntatti regolari mad-Dublin Port Company, li hija inkarigata mill-peniżola ta’ Poolbeg, u mad-Dublin Corporation, li hija l-awtorità responsabbli fil-qasam ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart, kif ukoll minn ritratti li hija tipproduċi, jirriżulta li t-tfigħ ta’ skart baqa' jseħħ sal-bidu tas-sena 2000 u li s-sit ikkonċernat ġie effettivament rijabilitat mill-awtoritajiet Irlandiżi biss fl-aħħar ta’ l-istess sena.

73      Fil-kontroreplika tiegħu, il-Gvern Irlandiż jikkontesta dawn l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni u jikkunsidra li r-ritratti prodotti minn din ta’ l-aħħar mhumiex biżżejjed biex isostnuhom.

74      Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, minn naħa, li, fl-ittri tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2000 u tas-26 ta’ Ġunju 2001, il-Gvern Irlandiż irrikonoxxa li fil-passat kien seħħ tfigħ sinjifikattiv ta’ ġebel fiż-żona kkonċernata u indika li dan il-ġebel kien ġie llivellat biex iservi bħala pedament għal pjattaforma għal xogħlijiet ta’ mmuntar ta’ pajpijiet. Min-naħa l-oħra, l-affermazzjonijiet ta’ min għamel l-ilment u r-ritratti li tipproduċi l-Kummissjoni huma ta' natura suffiċjentement preċiża u dettaljata li l-imsemmi Gvern ma jistax, kif ġie mfakkar fil-punti 42 sa 47 ta’ din is-sentenza, jillimita ruħu li jsostni li l-fatti li dwarhom sar l-ilment mhumiex ipprovati mingħajr ma jikkontesta fis-sustanza u fid-dettall l-informazzjoni hekk imressqa mill-Kummissjoni u mingħajr ma jikkorrobora l-allegazzjonijiet tiegħu permezz ta' provi konkreti.

75      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li huwa pprovat suffiċjentement skond il-liġi li l-awtoritajiet kompetenti tal-belt ta’ Dublin ittolleraw, mill-1997 sa l-2000, il-preżenza mingħajr permess ta’ ġebel mitfugħ f’żona ħadra li tinsab fil-peniżola ta’ Poolbeg, mingħajr ma żguraw il-waqfien ta’ dawn il-prattiċi u t-tneħħija ta’ l-iskart ikkonċernat. L-imsemmija awtoritajiet ittolleraw ukoll it-tħaddim mingħajr permess, fl-imsemmija peniżola, ta’ żewġ installazzjonijiet ta’ trattament ta’ l-iskart, sat-3 ta’ Awwissu 2000 u sa l-1 ta’ Marzu 2001 rispettivament, id-dati li fihom intlaqgħu l-applikazzjonijiet għall-permessi li kienu jikkonċernawhom, mingħajr ma żguraw li jitwaqqaf dan it-tħaddim u li jittieħdu sanzjonijiet kontra l-operatur. Dawn l-installazzjonijiet ibbenefikaw ukoll minn għajnuna finanzjarja Komunitarja.

–       It-tħaddim mingħajr permess ta’ miżbliet muniċipali fi Tramore u f’Kilbarry, fil-Kontea ta’ Waterford (ilment 1999/5008)

76      Jirriżulta mid-dokumenti u min-noti ppreżentati mill-partijiet li l-miżbla ta’ Tramore, li ilha topera sa mis-snin 30, tmiss ma' żona ta’ protezzjoni speċjali fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU L 103, p. 1), u li tinsab parzjalment f’żona li ġiet proposta bħala sit ta’ wirt nazzjonali u bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni fis-sens tad-Direttiva 92/43. Jirriżulta wkoll mill-imsemmija dokumenti li l-applikazzjoni għall-permess li tikkonċerna din il-miżbla, li tressqet biss fit-30 ta’ Settembru 1998, ġiet milqugħa mill-EPA fil-25 ta’ Settembru 2001.

77      Fir-rigward tal-miżbla ta’ Kilbarry, li ilha topera sa mill-bidu tas-snin 70, din tmiss ma’ art mistagħdra li ġiet proposta bħala sit ta’ wirt naturali u tidħol fuq dik li qabel kienet żona ta’ interess xjentifiku. L-applikazzjoni għal permess li tikkonċernaha tressqet fit-30 ta' Settembru 1997 u ġiet milqugħa mill-EPA fid-19 ta’ Ottubru 2001.

78      Barra minn hekk, skond il-Kummissjoni, it-tħaddim mingħajr permess ta’ dawn iż-żewġ miżbliet ikkawża ħsarat u problemi sinjifikattivi lill-ambjent, li kienu jikkonsistu b’mod partikolari fi dħul fuq l-artijiet mistagħdra kontigwi u tnaqqis konsegwenti tal-wiċċ ta’ dawn l-artijiet.

79      F’ittra tiegħu tat-30 ta’ Novembru 2000 lill-Kummissjoni b’risposta għal talba tagħha għal informazzjoni, il-Gvern Irlandiż isostni li t-tnaqqis ta' l-art mistagħdra li tmiss mal-miżbla ta’ Kilbarry seħħ għaxar snin qabel. Fir-rigward ta' l-allegati problemi ambjentali, dan il-Gvern jiċħad li l-miżbla ta' Tramore ħolqot xi impatt negattiv sinjifikattiv fuq iż-żona ta’ protezzjoni speċjali li tmiss magħha, iżda madankollu jirrikonoxxi li l-EPA kienet esprimiet il-preokkupazzjoni tagħha fir-rigward tal-miżbla ta’ Kilbarry.

80      Fir-risposta tiegħu, il-Gvern Irlandiż jispeċifika barra minn hekk li, wara bidla fil-limiti taż-żona ta’ konservazzjoni speċjali proposta fi Tramore mid-Duchas, li hija l-awtorità responsabbli għall-konservazzjoni tan-natura, il-miżbla m'għadhiex iktar tidħol fuq din iż-żona. Huwa jsostni wkoll li l-effetti negattivi fuq l-ambjent u, b’mod partikolari, fuq id-diversi żoni ekoloġikament sensittivi li jmissu mal-miżbliet ikkonċernati issa huma ttrattati b’mod xieraq fid-deċiżjonijiet dwar il-permessi tal-25 ta’ Settembru u tad-19 ta’ Ottubru 2001.

81      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Gvern Irlandiż jirrikonoxxi li l-miżbla ta’ Kilbarry tidħol fuq l-art mistagħdra tal-madwar u li l-wiċċ tagħha konsegwentement tnaqqas.

82      Fir-rigward tal-miżbla ta’ Tramore, jirriżulta minn ittra tad-29 ta’ Mejju 2000 mibgħuta mill-awtorità Irlandiża inkarigata mill-protezzjoni tan-natura li hija takkuża lill-Kunsill tal-Kontea ta’ Waterford kemm bil-fatt li din il-miżbla tidħol fuq iż-żona speċjali ta’ konservazzjoni proposta kif ukoll bid-danni kkawżati lilha. Abbozz ta’ pjan ta’ konservazzjoni adottat minn din l-istess awtorità fl-20 ta’ Lulju 2000, prodott ukoll mill-Kummissjoni, jikkonferma li seħħ dħul fuq din iż-żona wara l-1993, li wassal għal degradazzjoni serja tagħha u għal ħsara fiż-żoni li jmissu ma' l-imsemmija miżbla. Ritratti meħuda f'Mejju 2001, prodotti mill-Kummissjoni, juru wkoll xi skart mad-dawra ta' din il-miżbla u li jibqa' dieħel fl-ambjent naturali tal-madwar.

83      Fl-aħħar nett, ċerti konstatazzjonijiet li saru fir-rapporti ta’ spezzjoni li saru fil-kuntest tal-proċeduri għal permess għal dawn iż-żewġ miżbliet u fid-deċiżjonijiet tal-permessi stess, kif ukoll diversi kundizzjonijiet speċifiċi imposti minn dawn il-permessi, juru li t-tħaddim ta' dawn il-miżbliet ikkawża ħsara sinjifikattiva lill-ambjent, b’mod partikolari lill-ambjent akwatiku. L-osservanza effettiva ta' diversi kundizzjonijiet imposti timplika barra minn hekk l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni u t-twettiq ta' xogħlijiet, b'mod li s-sempliċi ħruġ tal-permessi ma jistax jiggarantixxi li tintemm immedjatament il-ħsara ambjentali li tirriżulta mit-tħaddim taż-żewġ miżbliet ikkonċernati. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkonfermata b’mod partikolari mir-rapport ambjentali annwali mħejji fix-xahar ta’ Ottubru 2002 mill-Kunsill tal-Kontea ta’ Waterford, skond ir-rekwiżiti tad-deċiżjoni ta’ permess relattiva għall-miżbla ta’ Tramore.

84      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li ġie pprovat suffiċjentement skond il-liġi li l-miżbliet muniċipali ta’ Tramor u ta’ Kilbarry, li nħolqu fis-snin 30 u 70, baqgħu jaħdmu mingħajr permess sal-25 ta’ Settembru u sad-19 ta’ Ottubru 2001, id-dati li fihom l-EPA laqgħet l-applikazzjonijiet għall-permess li kienu jikkonċernawhom, ippreżentati fit-30 ta’ Settembru 1998 u t-30 ta’ Settembru 1997 rispettivament. Ġie wkoll stabbilit suffiċjentement skond il-liġi li l-imsemmija miżbliet daħlu fuq artijiet mistagħdra sensittivi u li jippreżentaw interess ekoloġiku partikolari, u b’mod partikolari kkawżaw deterjorament ta’ l-imsemmija żoni u tnaqqis tal-wiċċ tagħhom, u kienu l-kaġun ta’ diversi effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-ambjent li, kif jirriżulta mill-punt preċedenti, ma ntemmux bis-sempliċi fatt li nħarġu l-permessi msemmija iktar ’il fuq.

–       It-tħaddim mingħajr permess ta’ installazzjonijiet ta’ trattament ta’ l-iskart f’Lea Road u f’Ballymorris, fil-Kontea ta’ Laois (ilment 1999/5112)

85      Il-Kummissjoni ssostni li l-awtoritajiet lokali kompetenti ttolleraw li operatur privat iħaddem mingħajr permess, sa mis-snin 80, installazzjonijiet ta’ trattament ta’ l-iskart f’barrieri li m’għadhomx jintużaw f’Lea Road u f’Ballymorris, viċin Portarlington, fil-Kontea ta’ Laois, liema żewġ installazzjonijiet jinsabu fil-baċir għall-ilqugħ ta' l-ilma tax-xmara Barrow, li għandu akwifer importanti, billi l-imsemmija awtoritajiet la żguraw il-waqfien u lanqas is-sanzjoni ta’ dawn l-attivitajiet.

86      Filwaqt li rrikonoxxa, f’ittra mibgħuta lill-Kummissjoni fit-28 ta’ Novembru 2000, li twettqu attivitajiet ta’ mmaniġġjar ta’ l-iskart f'dawn iż-żewġ siti mingħajr il-permess meħtieġ, il-Gvern Irlandiż indika madankollu, fid-difiża tiegħu, li l-Kunsill tal-Kontea ta’ Laois ikkonfermalu, f’Settembru 2001, li fil-frattemp l-attivitajiet kollha fis-sit ta’ Lea Road kienu waqfu. Fir-rigward tas-sit ta’ Ballymorris, huwa jsostni li, fi Frar 2002, l-EPA ppubblikat abbozz ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-permess mitlub.

87      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta li x-xogħlijiet ta’ mmaniġġjar ta’ l-iskart imwettqa f’Lea Road kienu waqfu. Hija tipproduċi, f’dan ir-rigward, diversi rapporti mħejjija wara spezzjonijiet li saru fuq il-post, fosthom rapport tas-6 ta’ Ġunju 2002 li għandu miegħu negattivi ta' ritratti, li juru li attivitajiet sinjifikattivi ta’ mmaniġġjar u ta’ ħżin ta’ skart baqgħu jsiru fis-sit, ta' l-inqas sa din l-aħħar data. Il-Kummissjoni tipproduċi ukoll diversi rapporti ta’ spezzjoni u negattivi ta' ritratti li juru l-firxa tax-xogħlijiet ta’ mmaniġġjar ta’ l-iskart li saru f’Ballymorris.

88      Fil-kontroreplika tiegħu, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Jannar 2003, il-Gvern Irlandiż jindika li deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal permess relattiv għas-sit ta’ Ballymorris hija mistennija li tingħata fix-xahar ta’ Marzu 2003.

89      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li ġie pprovat suffiċjentement skond il-liġi li l-awtoritajiet Irlandiżi kompetenti ttolleraw li operatur privat iħaddem, sa mis-snin 80, mingħajr permess, żewġ installazzjonijiet sinjifikattivi ta’ trattament ta’ l-iskart fil-barrieri li m’għandhomx jintużaw ta’ Lea Road u ta’ Ballymorris, viċin Portarlington, fil-Kontea ta’ Laois, liema installazzjonijiet jinsabu t-tnejn li huma fil-baċir għall-ilqugħ ta' l-ilma tax-xmara Barrow, li għandha akwifer importanti, billi l-imsemmija awtoritajiet la żguraw il-waqfien u lanqas is-sanzjoni ta’ dawn l-attivitajiet. Fil-każ tas-sit ta’ Lea Road, din is-sitwazzjoni damet għall-inqas sas-6 ta’ Ġunju 2002 u, fil-każ tas-sit ta’ Ballymorris, sa l-10 ta’ Jannar 2003.

–       It-tħaddim mingħajr permess tal-miżbliet muniċipali ta’ Drumnaboden, ta’ Muckish u ta’ Glenalla, fil-Kontea ta’ Donegal (ilment 2000/4408)

90      Mhuwiex ikkontestat bejn il-partijiet li, wara li l-miżbla muniċipali ta’ Drumnaboden kienet is-suġġett ta' applikazzjoni għal permess, imressqa fit-30 ta’ Settembru 1998 skond l-Att ta’ l-1996, ġie ordnat l-għeluq ta’ din il-miżbla b’deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Donegal tas-26 ta’ April 1999. Minħabba f'hekk, din l-awtorità waslet biex tiddeċiedi li jitkomplew l-attivitajiet tal-miżbliet muniċipali ta’ Muckish u ta’ Glenalla, li kienu għalqu ftit qabel l-1 ta’ Marzu 1999, li kienet id-data ta’ skadenza għal kull miżbla muniċipali eżistenti sabiex tressaq applikazzjoni għal permess skond l-imsemmi Att. Għaldaqstant, l-attivitajiet ta’ mmaniġġjar ta’ l-iskart reġgħu bdew f’dawn l-aħħar żewġ miżbliet, filwaqt li l-applikazzjonjiet għal permess li kienu jikkonċernawhom ġew ippreżentati biss fil-5 ta’ Ottubru 1999. Minkejja li dawn l-applikazzjonijiet ġew ippreżentati tard, l-EPA m'għamlet l-ebda oġġezzjoni għat-tkomplija ta' l-attivitajiet ta' dawn il-miżbliet.

–       It-tfigħ u d-depożitu ta' skart mingħajr permess fi Greenore, fil-Kontea ta’ Louth (ilment 2000/4145)

91      Il-Kummissjoni ssostni li l-awtoritajiet Irlandiżi ttolleraw, sa mis-sena 1990, it-tfigħ mingħajr permess ta’ skart ta' kostruzzjoni u ta’ demolizzjoni f’żona li tinsab f'xatt il-baħar, f’Carlingford Lough, Greenore, fil-Kontea ta’ Louth, mingħajr ma żgurat il-waqfien jew is-sanzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet jew li dan l-iskart jitneħħa.

92      Il-Gvern Irlandiż indika, f’ittra mibgħuta lill-Kummissjoni fid-9 ta’ April 2001, li d-Department of the Marine and Natural Resources kien ikkunsidra li l-kwistjoni ta’ dan l-iskart kien se tiġi riżolta fil-kuntest ta’ proġett ta’ żvilupp lokali li kien qed jiġi eżaminat. Barra minn hekk, id-Department of the Environment and Local Government għadda lill-Kummissjoni kopja ta’ rapport, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li fih l-iskart iddepożitat f’Carlingford Lough huwa identifikat bħala ġebel ta’ demolizzjoni.

93      Fid-difiża tiegħu, il-Gvern Irlandiż isostni madankollu li din l-aħħar evalwazzjoni hija żbaljata. Wara li , fix-xahar ta’ Jannar 2002, ittieħdu xi kampjuni minn fuq il-post fuq talba tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Louth, irriżulta li l-materjal li jinsab fis-sit kien jikkonsisti fi blat kif ukoll f'ġebel li nqala' minn barriera u ġie ddepożitat f’dan is-sit mill-impriża Greenore Port għall-finijiet ta’ riklamazzjoni ta’ l-art, b'mod li ma kienx hemm rimi ta’ l-iskart. Barra minn hekk, fil-preżent hemm l-intenzjoni li dan il-materjal jintuża għall-kostruzzjoni ta’ diga.

94      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li mill-provi prodotti mill-Kummissjoni, fosthom, b’mod partikolari, ittri mibgħuta minn persuni li għamlu l-ilment u mid-Department of the Marine and Natural Resources, żewġ rapporti ta’ spezzjoni mħejjija minn uffiċjali ta’ dan il-ministeru wara spezzjonijiet magħmula fuq il-post fl-1993 u fl-1997, kif ukoll diversi ritratti meħuda f'Jannar 2002, jirriżulta li l-iskart ikkonċernat jikkonsisti tabilħaqq fi skart ta’ demolizzjoni u, b’mod partikolari, f'konkrit u f'biċċiet tal-ħadid. Jirriżulta wkoll suffiċjentement skond il-liġi mill-imsemmija provi li, sa mill-1990, tali skart ta’ demolizzjoni u ta’ kostruzzjoni ġie effettivament mitfugħ u maħżun minn operatur privat mingħajr permess fiż-żona li tinsab f'xatt il-baħar, f’Carlingford Lough, u li din is-sitwazzjoni ġiet ittollerata mill-awtoritajiet Irlandiżi kompetenti għall-inqas sax-xahar ta’ Jannar 2002, mingħajr ma dawn ta’ l-aħħar żguraw il-waqfien u s-sanzjoni ta’ dawn l-attivitajiet, jew li l-iskart ikkonċernat jitneħħa.

–       Il-ġbir ta’ skart minn impriżi privati mingħajr permess jew mhux irreġistrati, fi Bray, fil-Kontea ta’ Wicklow (ilment 2000/4157)

95      Il-Kummissjoni ssostni li, fix-xahar ta’ Jannar 2000, il-Kunsill Muniċipali ta’ Bray iddeċieda li jieqaf jiġbor l-iskart domestiku u stieden lill-abitanti biex jagħmlu użu minn operaturi privati li jidhru f'lista li ġiet ikkomunikati lilhom. Issa, skond il-Kummissjoni, dawn ta’ l-aħħar ma kinux irreġistrati jew awtorizzati fis-sens ta’ l-Artikolu 12 tad-Direttiva, minħabba n-nuqqas ta’ transpożizzjoni ta' din id-dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni Irlandiża.

96      Fl-ittra tiegħu ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000 mibgħuta lill-Kummissjoni, il-Gvern Irlandiż jindika, minn naħa, li l-Komun ta’ Bray kellu reġistru tal-kolletturi kollha ta’ l-iskart li joperaw fit-territorju tiegħu. Min-naħa l-oħra, huwa jinforma lill-Kummissjoni bl-adozzjoni fil-ġejjieni ta’ leġiżlazzjoni li tissuġġetta l-ġbir ta’ l-iskart fl-Irlanda għal sistema ta’ permessi.

–       Id-depożiti ta' skart mingħajr permess fis-siti ta’ Ballynattin, ta’ Pickardstown, ta’ Ballygunner Bog u ta’ Castletown, fil-Kontea ta’ Waterford (ilment 2000/4633)

97      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Kunsill tal-Kontea ta’ Waterford ittollera, mill-inqas sax-xahar ta’ Diċembru 2001, iddepożiti mingħajr permess ta’ diversi tipi ta' skart, prinċipalment ta’ skart tal-kostruzzjoni u ta’ demolizzjoni, f’diversi artijiet mistagħdra ta’ l-imsemmija Kontea, fosthom fis-siti ta’ Ballynattin, ta’ Pickardstown, ta’ Ballygunner Bog u ta’ Castletown, mingħajr ma żgura l-waqfien u s-sanzjoni ta’ dawn l-attivitajiet, jew it-tneħħija ta’ dan l-iskart.

98      Fid-difiża tiegħu, ippreżentata fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Awwissu 2002, il-Gvern Irlandiż isostni li, fid-data ta' skadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata ta’ l-2001, kull tfigħ fis-siti ta’ Pickardstown, ta’ Castletown u ta’ Ballygunner Bog kien waqaf. Barra minn hekk, kienu ttieħdu miżuri mill-Kunsill tal-Kontea ta’ Waterford biex issir it-tneħħija ta’ l-iskart iddepożitat fl-ewwel żewġ siti. Fir-rigward tat-tielet sit, dan kien, fil-frattemp, inkesa bil-ħaxix u, skond l-imsemmi Kunsill, it-tneħħija ta’ l-iskart ma jippermettix li l-art mistagħdra kkonċernata terġa' tiġi rrestawrata fl-istat li kienet fih fil-bidu. Barra minn hekk, dan il-Gvern isostni li fix-xahar ta’ Jannar 2002 ittieħdu proċeduri fir-rigward tas-sit ta’ Ballynattin, wara li ordni mill-imsemmi Kunsill, f’Ġunju 2000, li ordnat li jieqaf it-tfigħ kollu u jitneħħa l-iskart, ma kellha ebda effett.

99      In sostenn tar-replika tagħha, il-Kummissjoni tipproduċi negattivi ta' ritratti meħuda f'Settembru 2002 li juru l-preżenza ta’ skart ta’ demolizzjoni fis-siti ta’ Ballynattin, ta’ Pickardstown u ta’ Castletown kif ukoll kostruzzjoni li kienet qed isseħħ fl-ewwel waħda minn dawn is-siti.

100    Fil-kontroreplika tiegħu, ippreżentata fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Jannar 2003, il-Gvern Irlandiż isostni li t-tfigħ ta’ skart f’Ballynattin, f’Pickardstown, f’Ballygunner Bog u f’Castletown sar fuq medda art li kienet tirrappreżenta, rispettivament, 0.1, 0.8, 0.4 u 1 ettaru, jiġifieri 0.15 %, 27 %, 6 % u 17 % ta’ l-artijiet mistagħdra kkonċernati. Fil-każ tas-sit ta’ Ballynattin, digriet tas-Circuit Court ordna t-tneħħija ta’ l-iskart kif ukoll id-demolizzjoni tal-kostruzzjoni li kienet qegħda ssir u f'Diċembru 2002 tressaq quddiem l-imsemmija qorti rikors sabiex il-proprjetarju tas-sit jintbagħat il-ħabs. Billi reċentement ġie informat li kien seħħ tfigħ mill-ġdid ta’ skart fis-sit ta’ Castletown, il-Kunsill tal-Kontea ta’ Waterford esprima l-intenzjoni tiegħu li jeżiġi t-tneħħija ta’ skart iddepożitat f'dan is-sit kif ukoll f'dak ta’ Pickardstown.

101    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li ġie pprovat suffiċjentement skond il-liġi li seħħu depożiti ta’ skart, prinċipalment skart ta' kostruzzjoni u ta’ demolizzjoni, f’diversi artijiet mistagħdra tal-Kontea ta’ Waterford, fis-siti ta’ Ballynattin, ta’ Pickardstown, ta’ Ballygunner Bog u ta’ Castletown, fuq l-inizjattiva ta’ operaturi privati, u li, fid-data ta' l-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata ta’ l-2001, l-awtorità lokali kompetenti ma kinitx żgurat il-waqfien u s-sanzjoni ta’ dan it-tfigħ u lanqas it-tneħħija ta’ l-iskart ikkonċernat, sitwazzjoni li kompliet saħansitra wara li tressaq dan ir-rikors.

 Fuq il-ksur ta’ l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva

–       L-argumenti tal-partijiet

102    Il-Kummissjoni ssostni li, skond l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva, ix-xogħlijiet kollha ta’ trattament ta’ l-iskart għandhom, mill-1977, ikunu koperti b’permess. Tali permess, li jinħareġ għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva u li jrid jispeċifika l-kundizzjonjiet li għandhom jissodisfaw l-imsemmija xogħlijiet sabiex jiġi mħares l-ambjent, għandu assolutament jinħareġ minn qabel.

103    Skond il-Kummissjoni, numru sinjifikattiv ta’ xogħlijiet ta’ trattament ta’ skart muniċipali madankollu jitwettaq mingħajr permess fl-Irlanda, kif juru, per eżempju, il-każijiet tal-miżbliet ta’ Powerstown kif ukoll ta’ Tramore u ta’ Kilbarry, msemmija rispettivament mill-ilmenti 1999/4351 u 1999/5008.

104    Barra minn hekk, id-dewmien fl-ipproċessar ta’ l-applikazzjonijiet għal permess imressqa skond l-Att ta’ l-1996 huwa eċċessiv, fir-rigward ta’ l-installazzjonijiet eżistenti, filwaqt li dawn sistematikament jibqgħu jaħdmu waqt il-proċedura għal permess. Fil-fatt, ir-risposta mibgħuta mill-Gvern Irlandiż lill-Kummissjoni fit-23 ta’ Frar 2000 tindika li, minn 137 applikazzjoni għal permess ta’ dan it-tip, 102 kienu għadhom pendenti sat-2 ta’ Frar 2000. Fil-każ tal-miżbliet ta’ Muckish u ta’ Glenalla, li huma msemmija fl-ilment 2000/4408, l-EPA saħansitra ttollerat li t-tħaddim ikompli fin-nuqqas ta’ applikazzjoni għal permess imressqa fit-termini previsti mill-imsemmija Att.

105    Skond il-Kummissjoni, l-Irlanda tonqos ukoll milli twettaq l-obbligi tagħha billi ma tissuġġettax il-miżbliet muniċipali li waqfu joperaw qabel ma skadew l-imsemmija termini għall-proċedura ta’ permess prevista mill-Artikolu 9 tad-Direttiva.

106    Fir-rigward tat-trattament ta’ l-iskart minn operaturi privati, il-Kummissjoni ssostni li l-awtoritajiet Irlandiżi, fuq diversi livelli, jittolleraw ukoll li jkomplu jitwettqu xogħlijiet mingħajr permess għal żmien twil, f'numru kbir ta’ postijiet fit-territorju, mingħajr ma jiżguraw il-waqfien jew is-sanzjoni tagħhom, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-investigazzjoni ta’ l-ilmenti 1997/4705, 1997/4792, 1999/4478, 1999/4801, 1999/5112, 2000/4145 u 2000/4633. Barra minn hekk, is-sanzjonijiet, meta eċċezzjonalment jiġu imposti, m'għandhom l-ebda effett dissważiv kif juri b’mod partikolari l-eżami ta’ l-ilment 1997/4847. L-operaturi insensittivi huma wkoll imħeġġin, wara li jagħmlu sempliċi kalkolu ekonomiku, biex ikomplu bl-attivitajiet illegali tagħhom, filwaqt li l-kompetituri tagħhom li jikkonformaw ruħhom ma’ dak li titlob id-Direttiva huma ppenalizzati.

107    Fil-każ ta’ applikazzjonijiet għal permess jew għal permessi ta’ l-ippjanar relattivi għal installazzjonijiet illegali eżistenti, l-awtoritajiet Irlandiżi kompetenti jittolleraw barra minn hekk it-tkomplija ta’ l-attivitajiet ikkonċernati, u l-permess li finalment jingħata jkopri f'tali każijiet l-irregolaritajiet preċedenti, kif juri l-eżami b’mod partikolari ta’ l-ilmenti 1997/4792, 1999/4478, 1999/4801, 1999/5112 u 2000/4145. Fil-każ imsemmi mill-ilment 1997/4705, l-EPA saħansitra aċċettat li attività ta’ rdim f’art mistagħdra tammonta għal irkupru u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ebda permess m’huwa meħtieġ skond id-dritt nazzjonali.

108    Fid-difiża tiegħu, il-Gvern Irlandiż isostni, fir-rigward tax-xogħlijiet relatati ma’ l-iskart muniċipali, li, fl-aħħar tax-xahar ta’ Settembru 2001, erbatax-il miżbla muniċipali operattivi biss kien għad irid jinħarġilhom il-permess u li s-sitwazzjoni ġiet kompletament regolarizzata fid-29 ta’ Novembru 2002, id-data li fiha nħareġ l-aħħar permess. Id-dewmien fl-ipproċessar ta’ l-applikazzjonijiet huwa, f’dan ir-rigward, normali, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni n-numru ta’ applikazzjonjiet simultanji relattivi għal installazzjonijiet eżistenti, il-kumplessità tal-fajls u kemm huwa komplikat il-proċess tal-ħrug ta’ permessi. Fir-rigward tal-każ tal-miżbliet ta’ Glenalla u ta’ Muckish, dan huwa eċċezzjonali.

109    Barra minn hekk, skond il-Gvern Irlandiż, l-Artikolu 9 tad-Direttiva ma jeħtieġx li installazzjoni li waqfet topera qabel ma skada t-terminu legali li fih kellha titressaq applikazzjoni għal permess għandha tiġi retroattivament suġġetta għal permess.

110    Fir-rigward ta’ l-iskart ittrattat mis-settur privat, l-imsemmi Gvern jikkontesta li hemm tendenza ġenerali ta’ l-awtoritajiet Irlandiżi biex jittolleraw xogħlijiet mingħajr permess. Fil-fatt, bejn ix-xahar ta’ Mejju 1998 u dak ta’ Awwissu 2002, 651 applikazzjoni għal permess għal xogħol relatat ma’ attivitajiet eżistenti jew ippjanati ġew imressqa u nħarġu 384-il permess.

111    Barra minn hekk, l-Att ta’ l-1996 jipprovdi pieni ta’ multi u ta’ priġunerija xierqa u l-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att jagħti effettivament lok għal sanzjonijiet. Fir-risposta tiegħu ppreżentata fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Awwissu 2002, il-Gvern Irlandiż isostni li minn informazzjoni li huwa ma jipproduċix, iżda li ġiet ikkomunikata lilu minn 33 mill-34 awtoritajiet lokali kompetenti jirriżulta li, mix-xahar ta’ Mejju 1996, inħarġu iżjed minn 930 avviż li jordnaw li jieqfu x-xogħlijiet mingħajr permess u li l-iskart ikkonċernat jiġi ttrasferit lejn installazzjoni awtorizzata, kif ukoll 76-il avviż li jordnaw azzjonijiet oħra, filwaqt li l-imsemmija awtoritajiet itterminaw 111-il proċediment mill-1998, u 84-il proċediment għadhom pendenti. Fir-rigward ta’ l-EPA, hija bdiet 14-il proċediment taħt l-Att ta’ l-1996.

112    Il-qrati wkoll taw diversi sentenzi kontra l-akkużati. Biex isostni din l-allegazzjoni, il-Gvern Irlandiż jipproduċi sentenza tal-High Court, tal-31 ta’ Lulju 2002, li tikkundanna lil min kiser il-liġi sabiex jirrijabilita sit, li jinsab fil-Kontea ta’ Wicklow, li fih kien intrema illegalment skart perikoluż li kien ġej minn sptarijiet. Huwa jibbaża ruħu wkoll fuq sentenza li ngħatat min-Naas District Court, li tat tliet pieni ta’ priġunerija għaż-żamma illegali ta’ skart.

113    Fir-rigward tal-każijiet konkreti mqajma fl-ilmenti mibgħuta lill-Kummissjoni, il-Gvern Irlandiż jikkontesta, safejn dawn il-fatti huma rilevanti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li l-awtoritajiet Irlandiżi urew nuqqas ta’ inizjattiva. Barra minn hekk, id-Direttiva ma tipprojbixxix li xogħlijiet ta’ rkupru, li ma jikkawżaw l-ebda dannu sinjifikattiv lill-ambjent, ikomplu jsiru waqt il-proċedura għal permess. Fir-rigward ta’ l-ittra ta’ l-EPA ta’ l-20 ta’ Marzu 1998, din kienet sempliċement tirrifletti l-istat tal-leġiżlazzjoni Irlandiża dak iż-żmien, billi l-attivitajiet ta’ rkupru ta’ skart kienu suġġetti għal permess biss taħt il-Waste Management (Licensing) (Amendment) Regulations 1998, li daħlu fis-seħħ fid-19 ta’ Mejju 1998.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

114    Preliminarjament, għandu jiġi rilevat li, fl-Irlanda, l-iskart muniċipali ma kienx suġġett għal sistema ta’ permess sa ma ġew adottati l-Att ta’ l-1996 u r-regolamenti ta’ implementazzjoni tiegħu. Fir-rigward ta’ l-iskart immaniġġjat minn operaturi privati, ċerti affermazzjonijiet tal-Gvern Irlandiż jissuġġerixxu li t-tneħħija tiegħu ilu suġġett għal tali sistema mill-1980, filwaqt li l-irkupru tiegħu ġie hekk suġġett biss mill-1998.

115    Kif jirriżulta mill-punti 22 u 23 ta’ din is-sentenza, ir-rikors huwa madankollu intiż biex jiġi kkonstatat li, fid-data ta' l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn mogħti fl-opinjoni motivata ta’ l-2001, l-Irlanda ma kinitx qed tirrispetta l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva, jiġifieri li tiżgura li x-xogħlijiet kollha ta’ trattament ta’ l-iskart ikunu effettivament koperti b'permess.

116    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar mill-bidu li, skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 249 KE, id-direttivi jorbtu lil kull Stat Membru li lilu jkunu indirizzati, f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb. Issa, f’dan il-każ, l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva jimponu fuq l-Istati Membri obbligi li jinkiseb riżultat partikolari, ifformulati b’mod ċar u inekwivoku, li skondhom l-impriżi jew stabbilimenti li jagħmlu xogħlijiet ta’ tneħħija jew ta’ rkupru ta’ skart fit-territorju ta’ dawn l-Istati għandu jkollhom permess. Minn dan isegwi li Stat Membru jissodisfa l-obbligi tiegħu fir-rigward ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet biss jekk, minbarra t-transpożizzjoni korretta ta' dawn id-dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni interna, l-operaturi kkonċernati jkollhom il-permess hekk meħtieġ [ara, b’analoġija, fir-rigward tal-permessi minn qabel għat-tħaddim ta’ impjanti għall-ħruq ta' skart imsemmija mill-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/369/KEE tat-8 ta’ Ġunju 1989, dwar il-prevenzjoni ta’ tniġġis ta’ l-arja minn impjanti ġodda għall-ħruq ta’ skart muniċipali (ĠU L 163, p. 32), is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-139/00, Ġabra p. I-6407, punt 27].

117    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 27 sa 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, huma għalhekk l-Istati Membri li għandhom jiżguraw li s-sistema ta’ permessi implementata hija effettivament applikata u rrispettata, b’mod partikolari billi jagħmlu kontrolli xierqa għal dan l-iskop u jiżguraw il-waqfien u s-sanzjoni effettivi tax-xogħlijiet magħmula mingħajr permess.

118    Barra minn hekk, għandu jiġi rilevat li s-sistemi ta’ permessi msemmija fl-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva huma intiżi, kif jirriżulta mill-kliem stess ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex jippermettu l-applikazzjoni korretta ta’ l-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva, b’mod partikolari billi jiżguraw li x-xogħlijiet ta’ rimi u ta’ rkupru li jsiru taħt tali permessi jissodisfaw id-diversi rekwiżiti stabbiliti minn din l-aħħar dispożizzjoni. Għal dan il-għan, l-imsemmija permessi għandhom jinkludu ċertu numru ta’ dettalji u kundizzjonjiet, kif inhu previst, barra minn hekk, mill-Artikolu 9 tad-Direttiva fir-rigward tax-xogħlijiet ta’ rimi. Minn dan isegwi li l-proċeduri tal-permessi li għalihom jirreferu l-imsemmija Artikoli 9 u 10 għandhom neċessarjament ikunu tali li jippreċedu x-xogħlijiet kollha ta’ rimi jew ta’ rkupru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-230/00, Ġabra p. I-4591, punt 16). Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Irlandiż, is-sempliċi tressiq ta’ applikazzjoni għal permess ma jistax, għaldaqstant, ikollu l-effett li jirrendi tali xogħlijiet konformi mar-rekwiżiti ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet.

119    F’dan ir-rigward, l-argument tal-Gvern Irlandiż li l-implementazzjoni fil-prattika ta’ sistema ta’ permessi introdotta minn leġiżlazzjoni nazzjonali teħtieġ perijodu ta’ tranżizzjoni li matulu l-installazzjonijiet eżistenti għandhom ikunu jistgħu jibqgħu joperaw ma jistax jirnexxi fil-kuntest ta' dan ir-rikors.

120    Fil-fatt, skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 75/442, l-Istati Membri kienu marbuta li jdaħħlu fis-seħħ il-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ruħhom magħha fi żmien erbgħa u għoxrin xahar mid-data tan-notifika tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva ssostitwew l-Artikolu 8 tad-Direttiva 75/442 u, f’perspettiva ta’ tkomplija ta’ l-obbligi preeżistenti, saħħew dawn l-obbligi, li kienu diġà jipprovdu għal sistema ta’ permessi għall-installazzjonijiet ta’ trattament, ta’ ħżin jew ta’ depożitu ta’ skart (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza San Rocco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

121    Kien għaldaqstant il-Gvern Irlandiż li kellu jibda fi żmien xieraq il-proċeduri neċessarji biex jittrasponi fis-sistema legali nazzjonali, l-ewwel nett, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 75/442, imbagħad, it-tieni nett, l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva, b'mod li dawn il-proċeduri jkunu ntemmu fit-termini preskritti minn dawn id-direttivi u jkunu ġew sodisfatti l-obbligi li jinkiseb riżultat partikolari, ifformulati b’mod ċar u inekwivoku fl-imsemmija dispożizzjonijiet, jiġifieri li l-xogħlijiet ikkonċernati jitwettqu biss sakemm ikollhom il-permessi meħtieġa. Peress li l-miżuri ta’ transpożizzjoni adottati mill-Irlanda ttieħdu tardivament, dawn ma jistgħux jiġu invokati biex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, C-60/01, Ġabra p. I-5679, punti 33, 37 u 39).

122    Fid-dawl ta’ dawn il-kjarifiki preliminari, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-miżbliet muniċipali, jirriżulta mill-punt 108 ta’ din is-sentenza li l-Gvern Irlandiż stess ammetta li, fid-data li fiha skada t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata ta’ l-2001, erbatax-il miżbla li kienu qed joperaw ma kellhomx permess.

123    L-imsemmi Gvern jammetti wkoll li, fl-iskadenza ta’ l-imsemmi terminu, l-awtoritajiet Irlandiżi kellhom il-prassi sistematika li jittolleraw li l-installazzjonijiet eżistenti jkomplu bl-attivitajiet tagħhom waqt il-perijodu mid-data li fiha tressqet l-applikazzjoni għall-permess sad-data tad-deċiżjoni meħuda wara l-eżami ta’ din l-applikazzjoni. Kif jirriżulta mill-punt 84 ta’ din is-sentenza, dan kien b’mod partikolari l-każ tal-miżbliet ta’ Tramore u ta’ Kilbarry.

124    F’dan ir-rigward, jirriżulta wkoll minn diversi dokumenti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fl-istess żmien, il-perijodi li fil-prattika kienu jiddekorru qabel ma tittieħed deċiżjoni ta' permess jew ta' rifjut fir-rigward ta' tali installazzjonijiet eżistenti kienu ġeneralment pjuttost kunsiderevoli, u l-Gvern Irlandiż stess irrikonoxxa n-natura preokkupanti ta’ dawn il-perijodi fl-ittra tiegħu mibgħuta lill-Kummissjoni fit-30 ta’ Novembru 2000.

125    Artiklu intitolat “Waste Licensing 1997-2002: Lessons from the Application process”, ippubblikat fl-2002 fl-Irish Planning and Environmental Law Journal, prodott mill-Gvern Irlandiż, fil-fatt isemmi li l-perijodu medju li tieħu l-proċedura ta’ eżami ta’ l-applikazzjonijiet għal permessi huwa ta’ 808 jum. Jirriżulta mill-punt 84 ta’ din is-sentenza li l-għoti ta’ permessi relattivi għall-miżbliet muniċipali ta’ Tramore u ta’ Kilbarry, li t-twaqqif tagħhom madankollu jmur lura għas-snin 30 u 70, sar biss wara li ntemmu proċeduri li damu 36 u 48 xahar rispettivament, minkejja li l-imsemmija miżbliet kienu qed jikkawżaw tniġġis ambjentali sinjifikattiv u ħsara lil siti ta' interess ekoloġiku partikolari.

126    Skond l-artiklu msemmi iktar ’il fuq, il-kawżi prinċipali ta' tali dewmien huma n-numru kbir ħafna ta’ applikazzjonijiet mressqa fl-istess żmien relattivi għal siti eżistenti li ta’ spiss jinsabu f’żoni mhux xierqa u li ftit kienu jiġu kkontrollati kif ukoll persunal evidentement insuffiċenti fi ħdan l-EPA. Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta Stat Membru jkun ilu jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu li jikseb ir-riżultat preskritt mill-Artikolu 9 tad-Direttiva għal madwar għoxrin sena, huwa jkun obbligat jagħmel kull ma jista' biex jirrimedja għal dan in-nuqqas malajr kemm jista' jkun.

127    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li, fid-data li fiha skada t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata ta’ l-2001, l-Irlanda ma kinitx għadha ssodisfat l-obbligu tagħha, li bih kienet ilha marbuta sa mill-1977, li tiżgura li l-miżbliet muniċipali kollha jkollhom il-permess meħtieġ. Tali nuqqas, li huwa r-riżultat, kemm ta’ traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva li saret tard ħafna, kemm ta’ nuqqas sistematiku li teżiġi l-waqfien mill-attivitajiet eżistenti mingħajr permess waqt il-pendenza tal-proċedura għal permess kif ukoll ta’ nuqqas ta’ miżuri xierqa biex jiżguraw li l-installazzjonijiet ikunu suġġetti mill-aktar fis għas-sistema interna li finalment ġiet implementata, kien ta' natura kemm ġenerali kif ukoll persistenti fl-imsemmija data.

128    Fir-rigward tal-miżbliet muniċipali li kienu ngħalqu qabel ma skadew it-termini previsti sabiex titressaq applikazzjoni għal permess skond l-Att ta’ l-1996 u r-regolamenti ta’ implementazzjoni tiegħu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni m’allegatx li din il-leġiżlazzjoni kienet għamlet traspożizzjoni inkorretta tad-Direttiva minħabba li ma kienx previst li tali miżbliet kellhom ikunu suġġetti għal permess. Kif jirriżulta mill-punt 22 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni, għall-kuntrarju, speċifikat, kemm waqt il-proċedura prekontenzjuża kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li, bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 12 tad-Direttiva, ir-rikors tagħha ma kienx intiż biex jilmenta kontra nuqqas ta’ traspożizzjoni ta' din id-Direttiva, iżda kontra nuqqasijiet fl-applikazzjoni konkreta tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għall-finijiet ta' tali traspożizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tippretendi li tikseb, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ l-Irlanda minħabba li l-awtoritajiet amminstrattivi tagħha naqsu, fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni ta' l-Att ta’ l-1996 u tar-regolamenti ta’ implementazzjoni tiegħu li ma jipprovdux għal tali possibbiltà, milli jissuġġettaw tali miżbliet li m’għadhomx jintużaw għall-proċedura tal-permessi prevista fl-Artikolu 9 tad-Direttiva.

129    Fir-rigward tat-trattament ta’ l-iskart minn operaturi privati, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 60, 63, 68, 75, 89, 94 u 101 ta’ din is-sentenza, numru ta’ awtoritajiet lokali Irlandiżi wrew tolleranza fir-rigward ta’ xogħlijiet mingħajr permess li jikkonċernaw kwantitajiet sinjifikattivi ta’ skart f'diversi partijiet mit-territorju, spiss għal perijodi twal ħafna, mingħajr ma ħadu miżuri xierqa biex jiżguraw il-waqfien ta' tali xogħlijiet u s-sanzjoni effettiva tagħhom u biex jevitaw li dawn isiru mill-ġdid.

130    Jirriżulta wkoll mill-imsemmija konstatazzjonijiet li din l-attitudni kienet għadha tippersisti fid-data li fiha skada t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata ta’ l-2001.

131    Minn naħa, kif jirriżulta mill-punti 118 u 119 ta’ din is-sentenza, il-fatt li applikazzjoni għal permess, f’ċerti każijiet, ġiet imressqa fir-rigward ta’ installazzjoni eżistenti bl-ebda mod ma jippermetti li jiġi kkunsidrat, kuntrarjament għall-prassi segwita mill-awtoritajiet Irlandiżi, li r-rekwiżiti ta’ l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva ġew sodisfatti u lanqas li t-tkomplija ta’ dawn l-attivitajiet seta' jiġi ttollerat waqt il-proċedura tal-permess.

132    Min-naħa l-oħra, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, il-fatt li, fi tnejn mis-sitwazzjonijiet konkreti li ġew eżaminati, imsemmija fil-punti 63 u 75 ta’ din is-sentenza, permess kien finalment inħareġ qabel ma skada t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata ta’ l-2001 la jaffettwa l-fatt li l-ebda sanzjoni ma ttieħdet fil-passat fir-rigward ta’ x-xogħlijiet mingħajr permess ikkonċernati u lanqas il-konstatazzjoni li, fil-perijodu kkunsidrat, fl-Irlanda kienet teżisti tendenza ġeneralizzata min-naħa ta’ l-awtoritajiet lokali kompetenti li jittolleraw sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ osservanza ta' l-imsemmija dispożizzjonijiet.

133    Billi, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 121 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-attitudni ta' tolleranza kienet turi l-eżistenza ta' problema amministrattiva ta' portata kbira, din l-attitudni kienet tippreżenta livell suffiċjenti ta’ ġeneralità u ta’ tul ta' żmien sabiex ikun jista' jiġi konkluż li kienet teżisti prassi imputabbli lill-awtoritajiet Irlandiżi u li kienet tikkonsisti f'li ma tiżgurax l-implementazzjoni korretta ta’ l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva.

134    Din l-evalwazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata minn diversi dokumenti prodotti mill-Kummissjoni. Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari minn studju analitiku u statistiku partikolarment elaborat, intitolat “Strategic review & outlook for Waste Management capacity and the impact on the Irish Economy”, ta’ Lulju 2002, li, fid-data ta' l-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata ta’ l-2001, in-netwerk Irlandiż ta’ installazzjonijiet tar-rimi ta’ l-iskart kien kważi laħaq il-limitu tal-kapaċità tiegħu u li flimkien ma' din is-sitwazzjoni kienu bdew jidhru ħafna miżbliet u depożiti illegali. L-istess konstatazzjoni saret f’dokument intitolat “National Waste management strategy”, imressaq lill-Gvern Irlandiż f’Jannar 2002 minn The Institution of the Engineers of Ireland, li jenfasizza li mijiet, jekk mhux eluf, ta’ miżbliet illegali kienu nxterdu ftit jew wisq kullimkien fit-territorju Irlandiż.

135    F'dak li jirrigwarda b’mod iżjed speċifiku l-Kontea ta’ Wicklow, artikli ta’ l-istampa ppubblikati bejn it-8 ta’ Diċembru 2001 u d-9 ta’ April 2002, kif ukoll rapport tas-7 ta’ Settembru 2001 mill-Kunsill ta’ l-imsemmija kontea, juru b’mod partikolari li, fiż-żmien meta skada t-terminu mogħti fl-imsemmija opinjoni motivata, ġew magħduda kważi mitt sit illegali f’din il-kontea, li wħud minnhom kienu ta’ daqs kunsiderevoli u kien fihom skart perikoluż li kien ġej b’mod partikolari minn sptarijiet.

136    Billi l-Kummissjoni għaldaqstant ipprovdiet biżżejjed provi li juru li l-awtoritajiet Irlandiżi kellhom attitudni ġenerali u persistenti ta’ tolleranza fir-rigward ta’ ħafna sitwazzjonijiet li jinvolvu ksur tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva, mingħajr ma żguraw il-waqfien u s-sanzjoni effettivi tagħhom, kienet l-Irlanda, kif jirriżulta mill-punti 42 sa 47 ta’ din is-sentenza, li kellha tikkontesta fis-sustanza u fid-dettall dawn il-provi u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom.

137    Għandu jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, l-Irlanda ma ssodisfatx dan ir-rekwiżit billi limitat ruħha li tifformola allegazzjonijiet ġenerali li ma ġewx ikkorroborati mod ieħor, bħalma huma dawk li jinsabu fil-punti 110 sa 112 ta’ din is-sentenza, u li tipproduċi deċiżjoni ta’ qorti li, billi ngħatat wara d-data li fiha skada t-terminu mogħti mill-opinjoni motivata ta’ l-2001, ma tistax, barra minn hekk, tkun rilevanti sabiex tkun tista' tiġi evalwata l-attitudni ta’ l-awtoritajiet Irlandiżi fl-imsemmija data.

138    Barra minn hekk, fil-kontroreplika tiegħu, ippreżentata fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Jannar 2003, il-Gvern Irlandiż stess indika li reċentement huwa kien ħa diversi inizjattivi sabiex isostni approċċ koerenti fl-implementazzjoni ta' l-istandards ambjentali, li b’mod partikolari jinvolvu l-għoti lill-awtoritajiet lokali ta’ fondi intiżi biex jippermettulhom jiżguraw l-osservanza ta’ l-imsemmija standards, li dawn l-awtoritajiet ikunu suġġetti għal sistema ta’ mmaniġġjar ta’ l-ambjent imħejjija mill-EPA, approċċ iżjed strutturat u effettiv fil-qasam ta’ l-ispezzjonijiet, it-tfassil ta’ abbozz ta’ liġi li jinkludi dispożizzjonijiet imsaħħa fil-qasam ambjentali u t-twaqqif ta’ uffiċċju speċjalizzat għal dan l-iskop. F’artiklu ppubblikat fl-14 ta’ Awwissu 2002 fl-Irish Times u prodott mill-Kummissjoni, ġie rappurtat ukoll li l-Ministru ta’ l-Ambjent Irlandiż indika li t-twaqqif tat-tali uffiċċju kien wieħed mill-prijoritajiet tiegħu fid-dawl tal-bżonn manifest li tiġi żgurata osservanza iżjed stretta u sistematika tal-leġiżlazzjoni fuq l-iskart.

139    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, kif ukoll mill-konstatazzjoni magħmula fil-punt 127 ta’ din is-sentenza fir-rigward ta’ l-iskart muniċipali, li huwa ġie pprovat suffiċjentement skond il-liġi li, fid-data li fiha skada t-terminu ta’ xahrejn mogħti fl-opinjoni motivata ta’ l-2001, l-Irlanda kienet qed tonqos b’mod ġenerali u persistenti milli twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura l-implementazzjoni korretta ta’ l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva, b'mod li l-ilment tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward għandu jiġi milqugħ.

 Fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 12 tad-Direttiva

–       L-argumenti tal-partijiet

140    Il-Kummissjoni ssostni li l-Waste Management (Collection Permit) Regulations 2001 (iktar ’il quddiem ir-“Regulations 2001”), li ġew innotifikati lilha fis-27 ta’ Settembru 2001, jittrasponu l-Artikolu 12 tad-Direttiva kemm tardivament kif ukoll b'mod insodisfaċenti. Fil-fatt, ir-Regulations 2001 jiffissaw it-30 ta' Novembru 2001 bħala d-data li sa dakinhar għandhom jitressqu applikazzjonijiet għal permess. Bil-kundizzjoni li jressqu l-applikazzjoni għal permess qabel din id-data, l-operaturi kkonċernati huma barra minn hekk awtorizzati jkomplu bl-attivitajiet tagħhom sa ma tintemm il-proċedura. Din it-traspożizzjoni tardiva kellha bħala konsegwenza li eskludiet mill-ħtieġa ta’ permess jew ta’ reġistrazzjoni dawk l-impriżi li jiġbru u jġorru l-iskart, kif juru b’mod partikolari l-fatti li dwarhom sar l-ilment 2000/4157.

141    Skond il-Gvern Irlandiż, ir-Regulations 2001 jittrasponu l-Artikolu 12 tad-Direttiva korrettament u ġabu fit-tmiem in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fir-rigward tal-miżuri tranżitorji li dwarhom tilmenta l-Kummissjoni, dan il-Gvern isostni li t-tressiq ta’ applikazzjoni għal permess hija ta’ l-inqas ekwivalenti għal reġistrazzjoni fis-sens ta’ l-imsemmi Artikolu 12, kunċett li fil-fatt jinftiehem bħala sempliċi notifika formali lill-awtorità, mingħajr il-ħtieġa li jiġu sodisfatti kundizzjonijiet preliminari. Barra minn hekk, il-każ konkret imsemmi mill-Kummissjoni lanqas ma jfisser li l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

142    L-Artikolu 12 tad-Direttiva jipprovdi b’mod partikolari li l-istabbilimenti jew impriżi li professjonalment jiġbru jew iġorru l-iskart fuq bażi professjonali għandhom jiġu rreġistrati ma' l-awtoritajiet kompetenti meta dawn ma jkunux suġġetti għal permess.

143    Il-Gvern Irlandiż ma jikkontestax l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li s-sistema ta’ permessi li ġiet implementata tardivament permezz tar-Regulations 2001 tipprovdi li, mit-30 ta’Novembru 2001, il-ġbir ta’ l-iskart għandu jsir skond id-dispożizzjonijiet kontenuti f'permess maħruġ mill-awtorità lokali u li kull applikazzjoni għal permess li tirrigwarda attivitajiet eżistenti kellha titressaq qabel din id-data.

144    Minn dan isegwi li, fid-data li fiha skada t-terminu ta’ xahrejn mogħti fl-opinjoni motivata ta’ l-2001, ix-xogħol ta’ ġbir ta’ skart ma kienx għadu ġie suġġett b'mod obbligatorju għall-pussess ta’ permess jew għal reġistrazzjoni. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-operaturi kollha kkonċernati ressqu applikazzjoni għal permess skond ir-Regulations 2001 qabel din id-data, ħaġa li ma ġietx ipprovata mill-Gvern Irlandiż, it-tressiq ta' tali applikazzjoni, kuntrarjament għal dak li jsostni dan ta’ l-aħħar, ma tistax tiġi meqjusa li hija ekwivalenti għal reġistrazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 12 tad-Direttiva u, għaldaqstant, li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, din ta' l-aħħar timponi lill-Istati Membri li jagħmlu għażla bejn sistema ta’ permess jew proċedura ta’ reġistrazzjoni u l-Irlanda m'għażlitx din it-tieni soluzzjoni.

145    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-ilment tal-Kummissjoni għandu jiġi milqugħ safejn dan huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-Irlanda ma ttrasponietx l-Artikolu 12 tad-Direttiva korrettament.

 Fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva

–       L-argumenti tal-partijiet

146    Il-Kummissjoni ssostni li l-Irlanda ma ħaditx il-miżuri xierqa biex tistabbilixxi netwerk integrat u adegwat ta’ installazzjonijiet tar-rimi ta’ l-iskart, ladarba numru kbir ta’ installazzjonijiet joperaw mingħajr permess, u barra minn hekk jikkaġunaw ħsara lill-ambjent kif jixhed, per eżempju, il-każ tal-miżbliet ta’ Tramore u ta’ Kilbarry msemmija fil-ilment 1999/5008.

147    In-natura inadegwata tan-netwerk Irlandiż ta’ rimi ta’ l-iskart tirriżulta wkoll mill-fatt li dan in-netwerk laħaq il-limitu tal-kapaċità tiegħu, u dan barra minn hekk ikkontribwixxa għat-tfigħ illegali ta’ skart li beda jidher fuq skala kbira.

148    Il-Gvern Irlandiż jiċħad li sar xi ksur ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva. Minn naħa, il-Kummissjoni ma pprovatx in-nuqqas ta’ sistema ta’ permessi konformi ma' l-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva fid-data ta’ l-iskadenza tat-terminu mogħti mill-opinjoni motivata ta’ l-2001. Min-naħa l-oħra, safejn il-kelma “adegwat” tista' tiġi interpretata bħala li tirreferi għal spazju disponibbli li huwa biżżejjed biex iwieġeb għall-bżonnijiet attwali ta’ rimi ta’ l-iskart ta’ Stat Membru, id-diversi dokumenti mressqa mill-Kummissjoni biex tiġi stabbilita allegata insuffiċjenza tal-kapaċità ta' rimi ta’ l-iskart fl-Irlanda mhumiex konvinċenti. Il-Kummissjoni b’mod partikolari ma pprovatx li l-iskart ma setax jiġi eliminat minħabba l-kapaċità insuffiċenti tal-miżbliet u l-fatt li wħud minnhom qegħdin joqorbu l-limitu tal-kapaċità tagħhom mhuwa xejn barra min-normal. Hija tonqos ukoll milli tieħu in kunsiderazzjoni ċerti fatturi bħalma huma l-possibbiltà li l-kapaċità ta' rimi ta' l-iskart tiġi maqsuma bejn l-awtoritajiet lokali jew li jiġu estiżi l-miżbliet eżistenti, il-proġetti għall-ftuħ ta’ miżbliet ġodda li għadhom qed jiġu eżaminati jew l-iżvilupp ta’ infrastrutturi ta’ rkupru.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

149    It-twaqqif ta’ netwerk integrat u adegwat ta’ installazzjonijiet tar-rimi ta’ l-iskart, billi tittieħed in kunsiderazzjoni l-aħjar teknoloġija disponibbli li ma tinvolvix spejjeż eċċessivi, liema netwerk għandu jippermetti r-rimi ta’ l-iskart f’waħda mill-eqreb installazzjonijiet xierqa, skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva, huwa wieħed mill-għanijiet li din id-Direttiva tfittex li tilħaq (is-sentenza ta’ l-1 ta’ April 2004, Commune de Braine-le-Château et, C-53/02 u C-217/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33).

150    Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva, huwa “[g]ħall-għanijiet biex jiġu implementati l-Artikoli 2, 5, u 7” ta’ din id-Direttiva li kull stabbiliment jew impriża li twettaq xogħlijiet ta’ rimi ta’ l-iskart għandha tikseb permess. Din il-frażi tfisser li l-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva hija intiża li sseħħ b’mod partikolari permezz tal-ħruġ ta’ permessi individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Commune de Braine-le-Château et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40, 41 u 43).

151    Issa, kif jirriżulta wkoll mill-punt 139 ta’ din is-sentenza, fid-data li fiha skada t-terminu ta’ xahrejn mogħti fl-opinjoni motivata ta’ l-2001, l-Irlanda kienet qed tonqos b’mod ġenerali u persistenti milli twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura l-implementazzjoni korretta ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva billi kienet qed tittollera li numru kbir ta’ installazzjonijiet tar-rimi ta’ l-iskart jaħdmu mingħajr permess.

152    Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, din iċ-ċirkustanza hija biżżejjed biex jiġi konkluż li, fl-imsemmija data, l-Irlanda ma kinitx qed twettaq l-obbligi preskritti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva.

153    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 118, 149 u 150 ta’ din is-sentenza, is-sistema ta’ permessi prevista fl-Artikolu 9 tad-Direttiva hija intiża biex tiżgura li x-xogħlijiet ta’ rimi ta’ l-iskart jissodisfaw id-diversi għanijiet li din id-Direttiva tfittex li tilħaq. Għal dan il-għan, kif jirriżulta mill-istess termini ta’ din id-dispożizzjoni, il-permessi għandhom jinkludu ċertu numru ta’ rekwiżiti li jkopru, b’mod partikolari, it-tipi u l-kwantitajiet ta’ skart, il-ħtiġijiet tekniċi, il-prekawzjonijiet ta’ sigurtà li għandhom jittieħdu, il-post tar-rimi u l-metodu ta’ trattament.

154    Flimkien mal-pjanijiet għall-immaniġġjar imsemmija fl-Artikolu 7 ta’ din id-Direttiva, il-ħtiġijiet li għandhom ikunu inklużi fil-permessi individwali għaldaqstant jikkostitwixxu b’mod manifest kundizzjoni indispensabbli biex jiġi stabbilit, skond l-Artikolu 5 ta’ l-istess Direttiva, netwerk integrat u adegwat ta’ installazzjonijiet tar-rimi integrat u adegwat li jieħu in kunsiderazzjoni, kif tipprovdi din l-aħħar dispożizzjoni, b’mod partikolari l-aħħar teknoloġija disponibbli li ma tinvolvix spejjeż eċċessivi, kif ukoll iċ-ċirkustanzi ġeografiċi jew il-ħtieġa ta’ installazzjonijiet speċjalizzati għal ċerti tipi ta’ skart, filwaqt li jippermetti li l-iskart jiġi mormi f’waħda mill-eqreb installazzjonijiet xierqa, permezz ta’ l-iktar metodi u teknoloġiji xierqa sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien ta’ l-ambjent u ta’ protezzjoni għas-saħħa pubblika.

155    Barra minn hekk, jirriżulta mid-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni, b’mod partikolari mir-rapport imsemmi fil-punt 92 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali u mill-istudju ta’ Lulju 2002 imsemmi fil-punt 134 ta’ din is-sentenza, li, fid-data ta’ l-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata ta’ l-2001, in-netwerk Irlandiż ta’ installazzjonijiet tar-rimi ta’ l-iskart meqjus kollu kemm hu kien kważi laħaq il-limitu tal-kapaċità tiegħu u ma kienx biżżejjed biex jassorbi l-iskart prodott ġewwa dan l-Istat Membru. Barra minn hekk jirriżulta mill-imsemmija dokumenti li flimkien ma' din is-sitwazzjoni kienu bdew jidhru ħafna miżbliet u depożiti illegali mal-pajjiż kollu.

156    Għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li l-informazzjoni preċiża u dettaljata li tinsab f’dawn id-diversi dokumenti ma ġietx ikkontestata fis-sustanza u fid-dettall mill-Irlanda li limitat ruħha li tqiegħed fid-dubju, f'termini ġenerali ħafna, il-valur probatorju tagħha, u għaldaqstant ma ssodisfatx ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti 42 sa 47 ta’ din is-sentenza.

157    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, fid-data li fiha skada t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata ta’ l-2001, l-Irlanda kienet naqset milli tieħu l-miżuri xierqa għall-finijiet ta' l-implementazzjoni ta’ netwerk integrat u adegwat ta’ installazzjonijiet tar-rimi li, kif jirriżulta mill-Artikolu 5 tad-Direttiva, għandu jkun tali li jippermetti lill-Komunità kollha sabiex tiżgura r-rimi ta’ l-iskart tagħha u biex l-Istati Membri individwalment jimmiraw għal dan il-għan.

158    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva għandu jiġi milqugħ.

 Fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva

–       L-argumenti tal-partijiet

159    Il-Kummissjoni ssostni li n-nuqqas fit-tul ta’ sistema operattiva ta’ permessi skond l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva hija biżżejjed, waħedha, biex jiġi stabbilit li l-Irlanda ma ħaditx il-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-irkupru jew ir-rimi ta’ l-iskart mingħajr ma tipperikola s-saħħa tal-bniedem u mingħajr l-użu ta’ proċessi jew ta’ metodi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent, kif kienet marbuta tagħmel taħt l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva.

160    Peress li din l-aħħar dispożizzjoni għandha tiġi interpretata skond il-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ prevenzjoni, mhijiex meħtieġa l-eżistenza ta' dannu effettiv sabiex din tinkiser. F’dan il-każ, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-investigazzjoni ta’ l-ilmenti 1997/4705, 1997/4792, 1999/4801, 1999/5008, 2000/4408, 2000/4145 u 2000/4633, ix-xogħlijiet illegali li fil-konfront tagħhom saru dawn l-ilmenti effettivament ikkawżaw numru kbir ta’ każijiet ta' degradazzjoni ta’ postijiet ta' interess speċjali kif ukoll danni reali lill-ambjent, mingħajr ma l-Irlanda ħadet il-miżuri neċessarji biex tagħmel tajjeb għal din il-ħsara, b’mod partikolari billi tiżgura li dawn il-postijiet jiġu rijabilitati u li l-iskart li ġie ddepożitat illegalment fihom jiġi mormi jew irkuprat b'mod adegwat.

161    Il-Gvern Irlandiż lanqas ma wettaq l-obbligu tiegħu li jipprojbixxi t-tfigħ jew ir-rimi mhux ikkontrollat ta’ l-iskart, skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva.

162    Fir-rigward ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-imsemmi Artikolu 4, il-Gvern Irlandiż jikkunsidra li l-Kummissjoni la pprovat in-nuqqas ta’ sistema ta’ permessi skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva fid-data ta’ l-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata ta’ l-2001 u lanqas l-eżistenza ta’ ħsara ambjentali konkreta imputabbli lill-awtoritajiet Irlandiżi. Barra minn hekk, id-Direttiva ma tipprojbixxix li jiġi permess xogħol ta’ rimi ta’ skart f'miżbliet f’żoni li huma ekoloġikament sensittivi.

163    Il-Kummissjoni lanqas ma pprovat li l-awtoritajiet Irlandiżi naqsu milli jirriżolvu l-problemi persistenti li nħolqu minn attivitajiet preċedenti. Miżuri xierqa huma previsti fil-permessi maħruġa fir-rigward ta’ siti eżistenti, bħal dawk ta’ Kilbarry u ta’ Tramore, kif ukoll dak ta’ Drumnaboden, li għalihom jirreferu rispettivament l-ilmenti 1999/5008 u 2000/4408, filwaqt li l-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-miżbliet li ngħalqu qabel ma kienu suġġetti għal permess hija prevista fl-Artikolu 22(7)(h) ta' l-Att ta’ l-1996, sabiex ikunu jistgħu jsiru eventwali miżuri ta’ rijabilitazzjoni meta titqies l-effettività fl-infiq.

164    Il-Kummissjoni lanqas ma pprovat li kien hemm ksur tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva fid-data ta' l-iskadenza tat-terminu mogħti fl-imsemmija opinjoni motivata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

165    Għandu jiġi mfakkar li l-obbligu li l-iskart jiġi mormi mingħajr ma jipperikola s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara għall-ambjent jifforma parti mill-istess għanijiet tal-politika tal-Komunità fil-qasam ta’ l-ambjent u li l-Artikolu 4 tad-Direttiva huwa intiż b’mod partikolari sabiex jimplementa l-prinċipju li għandha tittieħed azzjoni preventiva msemmi fit-tieni sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 174(2) KE, li skondu hija r-responsabbiltà tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri li jimpedixxu, inaqqsu u safejn huwa possibbli, jeliminaw, mill-bidu nett, is-sorsi ta’ tniġġis u ta' inkonvenjenti bl-adozzjoni ta’ miżuri ta' natura li jeliminaw ir-riskji magħrufa (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1999, Lirussi u Bizzaro, C-175/98 U c-177/98, Gabra p. I-6881, punt 51, u ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-387/97, Ġabra p. I-5047, punt 94).

166    Minn naħa, l-imsemmi Artikolu 4 jsemmi diversi għanijiet li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw fit-twettiq ta' l-obbligi iżjed speċifiċi imposti fuqhom b'dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 1994, Comitato di coordinamento per la difesa della cava et, C-236/92, Ġabra p. I-483, punt 12).

167    F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-kliem stess ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(1), u ta' l-Artikolu 10 tad-Direttiva li huwa b’mod partikolari “[g]ħall-għanijiet ta' l-implementazzjoni” ta' l-Artikolu 4 tagħha li kull stabbiliment jew impriża li twettaq xogħlijiet ta’ rimi jew ta’ rkupru ta’ l-iskart għandha tikseb permess. Kif ġie mfakkar fil-punt 150 ta’ din is-sentenza, din il-frażi tfisser li l-implementazzjoni ta’ l-imsemmi Artikolu 4 hija intiża li sseħħ b’mod partikolari permezz tal-ħruġ ta' tali permessi individwali (is-sentenza Commune de Braine-le-Château et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 u 43).

168    Min-naħa l-oħra, għalkemm l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva ma jispeċifikax il-kontenut konkret tal-miżuri li għandhom jittieħdu biex jiġi żgurat li l-iskart jintrema mingħajr ma jipperikola s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jkun ta’ ħsara għall-ambjent, jibqa' l-fatt li din id-dispożizzjoni, li fiha obbligi indipendenti minn dawk li jirriżultaw minn dispożizzjonijet oħra tad-Direttiva, torbot lill-Istati Membri fir-rigward ta’ l-għan li jrid jintlaħaq, filwaqt li tħalli lil dawn ta’ l-aħħar marġini ta’ diskrezzjoni fl-evalwazzjoni tal-bżonn ta' tali miżuri (is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq San Rocco, punt 167, u ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punti 55 u 58).

169    Filwaqt li, bla dubju, mhuwiex, bħala regola, possibbli li jiġi dedott direttament min-nuqqas ta’ konformità ta’ sitwazzjoni fattwali ma’ l-għanijiet stabbiliti mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva, li l-Istat Membru kkonċernat neċessarjament naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri li jieħu miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-iskart jintrema mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, huwa madankollu paċifiku li l-persistenza ta' tali sitwazzjoni ta’ fatt, b’mod partikolari meta din twassal għal degradazzjoni sinjifikattiva ta’ l-ambjent fuq perijodu twil mingħajr ma tittieħed azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, tista' turi li l-Istati Membri qabżu l-limitu tal-marġini ta’ diskrezzjoni mogħtija lilhom minn din id-dispożizzjoni (is-sentenza San Rocco, iċċitata iktar ’il fuq, punti 67 u 68).

170    F’dan il-każ, ġie pprovat, kif jirriżulta mill-punt 139 ta’ din is-sentenza, li, fid-data li fiha skada t-terminu ta’ xahrejn mogħti fl-opinjoni motivata ta’ l-2001, l-Irlanda kienet qed tonqos, b’mod ġenerali u persistenti, milli twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura l-implementazzjoni korretta ta’ l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva.

171    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 98 tal-konklużjonijiet tiegħu, din iċ-ċirkustanza hija biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-Irlanda naqset, ukoll b’mod ġenerali u persistenti, milli tissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva, li hija dispożizzjoni marbuta strettament ma’ l-Artikoli 9 u 10 ta' din id-Direttiva.

172    Fil-fatt, minn naħa, kif ġie mfakkar fil-punti 118 u 167 ta’ din is-sentenza, is-sistema ta’ permessi msemmija fl-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva hija intiża biex tiżgura li x-xogħlijiet ta’ rimi u ta’ rkupru ta’ l-iskart li jsiru taħt tali permessi jkunu konformi ma’ l-għanijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva. Għal dan il-għan, l-imsemmija permessi għandhom neċessarjament jinkludu ċertu numru ta’ rekwiżiti kif jipprovdi espressament l-Artikolu 9 tad-Direttiva, dispożizzjoni li b’mod partikolari tirreferi, f’dan ir-rigward, għat-tipi u għall-kwantitajiet ta’ l-iskart, għall-ħtiġijiet tekniċi, għall-prekawzjonijiet tas-sigurtà li jridu jittieħdu, għall-post tar-rimi kif ukoll għall-metodu tat-trattament. Minn dan isegwi li l-kontroll li jiġi eżerċitat fir-rigward ta' tali applikazzjonijiet għal permess u r-rekwiżiti, kundizzjonijiet u obbligi inklużi f'dawn il-permessi jikkostitwixxu mezzi biex jintlaħqu l-għanijiet elenkati fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 4.

173    Min-naħa l-oħra, jirriżulta mit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva li l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jipprojbixxu kull rimi mhux ikkontrollat ta’ l-iskart.

174    F’dan il-każ, barra minn hekk, flimkien man-nuqqas ta’ twettiq, b’mod ġenerali u persistenti, ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4 tad-Direttiva, li għaldaqstant ġie stabbilit minħabba n-nuqqas li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ l-Artikoli 9 u 10 ta’ din id-Direttiva, seħħ ukoll, f’uħud mis-sitwazzjonijiet konkreti li dwarhom tilmenta l-Kummissjoni, nuqqas ta' twettiq ta’ l-obbligu iżjed speċifiku mfakkar fil-punti 168 u 169 ta’ din is-sentenza.

175    Jirriżulta fil-fatt mill-punti 54, 55, 84, 94 u 101 ta’ din is-sentenza li, fid-data li fiha skada t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata ta’ l-2001, l-Irlanda kienet naqset, iffaċċjata kif kienet b'sitwazzjonijiet fattwali li għal żmien twil ma kinux konformi ma' l-għanijiet ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva u li wasslu għal degradazzjoni sinjifikattiva ta’ l-ambjent, milli tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li l-iskart ikkonċernat jintrema mingħajr ma jipperikola s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jkun ta’ ħsara għall-ambjent, b'mod li l-Istat Membru qabeż il-limitu tal-marġini ta’ diskrezzjoni mogħti lilu minn din id-dispożizzjoni.

176    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq ksur ta’l-Artikolu 4 tad-Direttiva huwa fondat.

 Fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva

–       L-argumenti tal-partijiet

177    Skond il-Kummissjoni, l-Irlanda kisret ukoll l-Artikolu 8 tad-Direttiva, billi ma żguratx li l-pussessuri ta' l-iskart mormi mingħajr permess jikkonsenjaw dan l-iskart lil kollettur privat jew pubbliku jew lil impriża li għandha l-permess biex twettaq xogħlijiet ta’ rimi jew ta’ rkupru, jew li huma stess jiżguraw tali rimi jew irkupru wara li jkunu kisbu permess kif titlob id-Direttiva. Eżempji konkreti tal-ksur ta’ din id-dispożizzjoni jirriżultaw b’mod partikolari mill-eżami tal-fatti msemmija fl-ilmenti 1997/4792, 1999/4801, 1999/5112, 2000/4145 u 2000/4633.

178    Il-Gvern Irlandiż isostni li l-Kummissjoni ma pprovatx l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

179    L-Artikolu 8 tad-Direttiva, li jiżgura b'mod partikolari l-implementazzjoni tal-prinċipju li għandha tittieħed azzjoni preventiva, jipprovdi li hija r-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri sabiex jivverifikaw li l-pussessur ta' l-iskart jikkonsenjah lil kollettur privat jew pubbliku jew lil impriża li twettaq xogħlijiet ta’ rimi jew ta’ rkupru ta’ l-iskart jew li dan il-pussessur jiżgura l-irkupru jew ir-rimi huwa stess b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (is-sentenza Lirussi u Bizzarro, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

180    L-ewwel nett, għandu jiġi rilevat li tali obbligi jikkostitwixxu l-korollarju tal-projbizzjoni ta’ l-abbandun, tat-tfigħ u tar-rimi mhux ikkontrollat ta’ l-iskart previst fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva, dispożizzjoni li l-ksur tagħha mill-Irlanda diġà ġie kkonstatat fil-punt 176 ta’ din is-sentenza (ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Van de Walle et, C-1/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 56).

181    It-tieni nett, l-operatur jew il-proprjetarju ta’ miżbla illegali għandu jiġi meqjus bħala l-pussessur ta' l-iskart fis-sens ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva, b'mod li din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istat Membru kkonċernat l-obbligu li jieħu, fir-rigward ta’ dan l-operatur, il-miżuri neċessarji biex dan l-iskart jiġi kkonsenjat lil kollettur privat jew pubbliku jew lil impriża li twettaq xogħlijiet ta’ rimi, sakemm ma jkunx possibbli għall-imsemmi operatur jew proprjetarju li jiżgura l-irkupru jew ir-rimi ta' dan l-iskart huwa stess (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi San Rocco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 108, tad-9 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-383/02, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 40, 42 u 44, kif ukoll tal-25 ta' Novembru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-447/03, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 27, 28 u 30).

182    Il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk iddeċidiet li tali obbligu ma jiġix sodisfatt meta Stat Membru jillimita ruħu li jordna s-sekwestru tal-miżbla illegali u li jieħu proċeduri kriminali kontra l-operatur tagħha (is-sentenza San Rocco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 109).

183    F’dan il-każ, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, fid-data li fiha skada t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata ta’ l-2001, l-Irlanda ma kinitx issodisfat l-obbligu tagħha li tiżgura l-implementazzjoni korretta ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva.

184    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 127 u 139 ta’ din is-sentenza, ġie pprovat li, fl-imsemmija data, l-Irlanda naqset b’mod ġenerali u persistenti milli twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura l-implementazzjoni korretta ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva, billi ttollerat it-tkomplija ta' attivitajiet ta’ rimi ta’ skart minn impriżi jew stabbilimenti li ma kellhomx il-permess previst mill-imsemmija dispożizzjoni, mingħajr ma żgurat il-waqfien u s-sanzjoni effettiva ta’ l-imsemmija attivitajiet.

185    Jista' għaldaqstant jiġi dedott minn dak li ġie kkonstatat fil-punt preċedenti li l-Irlanda naqset milli tiżgura li l-pussessuri ta' l-iskart jikkonformaw ruħhom ma’ l-obbligu impost fuqhom li jikkonsenjaw dan l-iskart lil kollettur privat jew pubbliku jew lil impriża li twettaq ix-xogħlijiet imsemmija fl-Anness II A jew B tad-Direttiva jew li dawn stess jiżguraw l-irkupru jew ir-rimi ta' dan l-iskart billi jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

186    Barra minn hekk, jirriżulta minn dak li ġie kkonstatat fil-punti 60, 89, 94 u 101 ta’ din is-sentenza li, fid-data li fiha skada t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata ta’ l-2001, l-Irlanda kienet naqset, fid-diversi każijiet konkreti kkonċernati, milli twettaq l-obbligu mfakkar fil-punt 181 ta’ din is-sentenza.

187    L-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva għandu għaldaqstant jiġi milqugħ.

 Fuq il-ksur ta’ l-Artikoli 13 u 14 tad-Direttiva

–       L-argumenti tal-partijiet

188    Skond il-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ rispett ta’ l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva jimplika inevitabbilment ksur ta’ l-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva, li jipprovdi li l-impriżi jew stabbilimenti li jwettqu x-xogħlijiet indikati fl-imsemmija Artikoli 9 u 10 għandhom ikunu suġġetti għal spezzjonijiet perijodiċi, u ta’ l-Artikolu 14 ta' din id-Direttiva dwar iż-żamma ta’ reġistri mill-imsemmija operaturi.

189    L-Irlanda ssostni li hija ma kisritx l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva. Barra minn hekk, hija tiiċħad li naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li twettaq spezzjonijiet perijodiċi. L-artikolu 15 ta' l-Att ta’ l-1996 jittrasponi korrettament l-Artikolu 13 tad-Direttiva u xejn f’din l-aħħar dispożizzjoni ma jindika li l-ispezzjonijiet meħtieġa jistgħu jsiru biss fir-rigward ta’ operaturi li għandhom permess. Skond l-Irlanda, lanqas m’hemm rabta awtomatika bejn il-ħruġ ta’ permess u ż-żamma ta’ reġistru meħtieġa skond l-Artikolu 14 tad-Direttiva.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

190    Skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva, l-ispezzjonijiet perijodiċi xierqa li teżiġi din id-dispożizzjoni għandhom b’mod partikolari jkopru l-istabbilimenti jew l-impriżi li jiżguraw ix-xogħlijiet imsemmija fl-Artikoli 9 u 10 ta’ l-istess Direttiva. Barra minn hekk, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 118 ta’ din is-sentenza, tali stabbilimenti jew impriżi għandhom, skond dawn l-aħħar żewġ dispożizzjonijiet, jiksbu permess individwali minn qabel, li jinkludi ċertu numru ta’ rekwiżiti u kundizzjonijiet.

191    Issa, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li, fin-nuqqas ta’ ħruġ ta' tali permessi u, għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ rekwiżiti u ta’ kundizzjonijiet iffissati b'tali permessi fir-rigward ta’ impriża jew stabbiliment partikolari, l-ispezzjonijiet li jsiru fir-rigward tagħhom ma jistgħux, min-natura tagħhom, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 13 tad-Direttiva. Fil-fatt, għan essenzjali ta’ l-ispezzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni huwa, mingħajr dubju, li jiġi żgurat ir-rispett tar-rekwiżiti u tal-kundizzjonijiet iffissati fil-permess maħruġ skond l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva.

192    L-istess japplika fir-rigward taż-żamma ta’ reġistri mill-istabbilimenti jew impriżi msemmija minn dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, li, kif jispeċifika l-Artikolu 14 tad-Direttiva, għandhom b’mod partikolari jindikaw il-kwantitajiet u n-natura ta’ l-iskart kif ukoll il-metodu tat-trattament ta' dan l-iskart. Fil-fatt, tali dettalji huma b’mod partikolari intiżi sabiex l-awtorità li tispezzjona tkun tista' tiżgura ruħha li r-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet iffissati fil-permessi maħruġa skond id-Direttiva qed jiġu rrispettati, liema permessi, kif provdut fl-Artikolu 9 ta’ l-istess Direttiva stess, għandhom ikopru t-tipi u l-kwantitajiet ta’ l-iskart kif ukoll il-metodu tat-trattament.

193    F’dan il-każ, jirriżulta mill-punt 139 ta’din is-sentenza li, fid-data li fiha skada t-terminu ta’ xahrejn mogħti fl-opinjoni motivata ta’ l-2001, l-Irlanda ma kinitx qed twettaq, b’mod ġenerali u persistenti, l-obbligu tagħha li tiżgura l-implementazzjoni korretta ta’ l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva. Minn dan isegwi li dan l-Istat Membru naqas, b'mod korrispondenti, milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jiżgura l-implementazzjoni korretta ta’ l-Artikoli 13 u 14 tad-Direttiva.

194    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq il-ksur ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet huwa fondat.

 Fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 10 KE

195    Il-Kummissjoni titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonstata li l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 10 KE billi ma rrispondietx għall-ittra ta’ l-20 ta’ Settembru 1999 intiża biex jinkisbu osservazzjonijiet fuq l-ilment 1999/4478.

196    Il-Gvern Irlandiż ma jikkontestax il-fatt li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni.

197    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Istati Membri huma marbuta, taħt l-Artikolu 10 KE, li jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Kummissjoni, li tikkonsisti, b’mod partikolari, skond l-Artikolu 211 KE, f'li tissorvelja l-applikazzjoni tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet bis-saħħa tat-Trattat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 1991, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-33/90, Ġabra p. I-5987, punt 18).

198    Minn dan isegwi li l-Istati Membri huma marbuta li jikkooperaw in bona fide ma’ kull investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 226 KE u li jagħtuha l-informazzjoni kollha mitluba għal dan il-għan (is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 1985, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, 192/84, Ġabra p. 3967, punt 19, u tat-13 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-82/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 15).

199    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi milqugħ l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 10 KE.

200    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li:

–        billi ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji biex tiżgura implementazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 4, 5, 8, 9, 10, 12, 13 u 14 tad-Direttiva, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-imsemmija dispożizzjonijiet,

–        billi ma rrispondietx għal talba għal informazzjoni, ta’ l-20 ta’ Settembru 1999, dwar xogħlijiet relattivi għal skart f’Fermoy, fil-Kontea ta’ Cork, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 10 KE.

 Fuq l-ispejjeż

201    Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Irlanda tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji biex tiżgura implementazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 4, 5, 8, 9, 10, 12, 13 u 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta’ Marzu 1991, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-imsemmija dispożizzjonijiet.

2)      Billi ma rrispondietx għal talba għal informazzjoni ta’ l-20 ta’ Settembru 1999 dwar xogħlijiet relattivi għal skart f’Fermoy, fil-Kontea ta’ Cork, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 10 KE.

3)      L-Irlanda għandha tbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.