Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Marzu 2014 – Pérez Gutiérrez vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-168/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Ana Pérez Gutiérrez (Mataró, Spanja) (rappreżentant: J. Soler Puebla, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara interferenza illeġittima fid-dritt għall-unur, għall-intimità tal-familja u għall-proprja immaġni, bl-użu mingħajr kunsens tal-immaġni ta’ Patrick Johannes Jacquemyn, meta l-Kummissjoni Ewropea inkludiet ir-ritratt tiegħu fil-librerija ta’ immaġni tat-twissijiet għas-saħħa għall-prodotti ta’ tabakk fl-Unjoni Ewropea.

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 181 104 fil-kuntest ta’ lucrum cessans.

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 0.01 għal kull pakkett jew prodott tat-tabakk fejn tidher l-immaġni ta’ Patryck Jacquemyn, liema total għandu jiġi ddeterminat fiż-żmien tal-eżekuzzjoni tas-sentenza, u li f’dan il-mument jammonta għal sebgħa u għoxrin miljun ħames mija tmienja u tmenin elf ħames mija u erbgħa u għoxrin euro (EUR 27 588 524).

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas kumpens għall-benefiċċju miksub mill-użu illegali tal-immaġni ta’ Patrick Jacquemyn, li jitla’ għal EUR 13 790 000 fi Spanja, post ta’ residenza tar-rikorrenti u ta’ Patrick Jacquemyn.

Motivi u argumenti prinċipali

Is-suġġett ta’ dawn il-proċeduri huwa r-rikors għad-danni għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali ppreżentat għall-kumpens għad-dannu kkawżat mill-użu illegali mill-Kummissjoni Ewropea tal-immaġni ta’ Patrick Johannes Jacquemyn, konjuġi tar-rikorrenti, fit-twissijiet għas-saħħa li għandhom obbligatorjament jidhru fuq il-prodotti kollha tat-tabakk fl-Unjoni Ewropea.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tallega li d-Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ġunju 2001, u l-Artikolu 5(3) tagħha, ġew implementati permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/641/KE, tal-5 ta’ Settembru 2003, dwar l-użu ta’ ritratti bil-kulur u u stampi oħra bħala twissijiet dwar is-saħħa fuq pakketti tat-tabakk. Sussegwentement ġiet adottata d-Deċiżjoni C (2005) 1452, tas-26 ta’ Mejju 2005, dwar il-librerija ta’ dokumenti sors magħżula, li jinkludi r-ritratti għal kull waħda mit-twissijiet addizzjonali elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2001/37/KE, li ġiet sussegwentement modifikata bid-Deċiżjoni C (2006) 1502, tat-13 ta’ April 2006/

L-imsemmija direttiva u d-deċiżjonijiet bl-immaġni li kellhom jiġu inklużi fil-pakketti ta’ tabakk ġew inkorporati fid-drittijiet ta’ kull wieħed mill-Istati Membri. Konkretament, fi Spanja, ġew inkorporati permezz tad-Digriet Irjali 639/2010, tal-14 ta’ Mejju. L-Istat Spanjol, mill-42 immaġni proposti mill-Kummissjoni Ewropea, għażel 14, u fosthom kien hemm dik ta’ Patrick Jacquemyn.

Ir-rikorrenti tkompli ssostni li P. Jacquemyn kien l-isptar ta’ Barcelona mill-21 ta’ Ġunju sas-16 ta’ Awwissu 2002, fejn għamel 22 ġurnata f’koma. Sa minn dak iż-żmien dehru diversi immaġni ta’ P. Jacquemyn fuq l-internet, peress li kien każ kliniku ta’ bronko-pnewmopatija kronika ostruttiva [chronic obstructive pulmonary disease (COPD)], kien sofra intubazzjoni diffiċli u traketomija, li kien każ ta’ studju, mingħajr ma kien ta l-kunsens tiegħu għax-xandir tal-immaġni.

Kien permezz ta’ dan l-użu mingħajr kunsens tal-immaġni tiegħu matul il-koma li waħda mill-immaġni tiegħu ddaħlet fil-librerija ta’ immaġni tat-twissijiet sanitarji, wara li r-ritratt ġie proċessat mill-kumpannija ta’ pubbliċità li kienet tqabbdet għall-kampanja.