Language of document : ECLI:EU:C:2017:199

Kawża C484/15

Ibrica Zulfikarpašić

vs

Slaven Gajer

(talba għal deċiżjoni preliminari,imressqa mill-Općinski sud u Novom Zagrebu – Stalna služba u Samoboru)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 805/2004 – Titolu eżekuttiv Ewropew għad-debiti mhux ikkontestati – Kundizzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni bħala titolu eżekuttiv Ewropew – Kunċett ta’ ‘qorti’ – Nutar li ħareġ mandat ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ ‘dokument awtentiku’ – Att awtentiku”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-9 ta’ Marzu 2017

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ħolqien ta’ titolu eżekuttiv Ewropew għad-debiti mhux ikkontestati – Regolament Nru 805/2004 – Kunċett ta’ qorti – Nutara li jaġixxu fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata abbażi ta’ dokument awtentiku –/Proċeduri mhux kontradittorji – Esklużjoni

[Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 805/2004, Artikoli 3(1)(b) u (ċ), 5 u 12]

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ħolqien ta’ titolu eżekuttiv Ewropew għad-debiti mhux ikkontestati – Regolament Nru 805/2004 – Ċertifikazzjoni ta’ sentenza bħala titolu eżekuttiv Ewropew – Sentenza li għandha tirrigwarda debitu mhux ikkontestat – Mandat ta’ eżekuzzjoni maħruġ minn nutar abbażi ta’ dokument awtentiku u li ma kienx is-suġġett ta’ oppożizzjoni – Esklużjoni

[Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 805/2004, premessa 5 u Artikolu 3(1)]

1.      Ir-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [Titolu Eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-Kroazja, in-nutara, li jaġixxu fil-kuntest tas-setgħat mogħtija lilhom mid-dritt nazzjonali fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata abbażi ta’ “dokument awtentiku”, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “qorti” fis-sens ta’ dan ir-regolament.

Fil-fatt, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri huwa, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ importanza fundamentali, peress li dan jippermetti l-ħolqien u ż-żamma ta’ żona mingħajr fruntieri interni, fuq il-bażi tal-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 78).

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 805/2004, dan il-prinċipju jirriżulta fir-rikonoxximent u fl-eżekuzzjoni tas-sentenzi, li jkunu ġew iċċertifikati bħala titolu eżekuttiv Ewropew fl-Istat Membru ta’ oriġini, fl-Istati Membri l-oħra.

Il-preservazzjoni tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, f’kuntest tal-moviment liberu tas-sentenzi hekk kif imfakkar fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza, jeħtieġ evalwazzjoni stretta tal-elementi li jiddefinixxu l-kunċett ta’ qorti fis-sens ta’ dan ir-regolament, sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jidentifikaw is-sentenzi mogħtija minn qrati ta’ Stati Membri oħra. Fil-fatt, l-osservanza tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri tal-Unjoni li fuqu hija bbażata l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tippresupponi, b’mod partikolari, li s-sentenzi li l-eżekuzzjoni tagħhom hija mitluba fi Stat Membru għajr dak ta’ oriġini jkunu ngħataw fi proċeduri ġudizzjarji li joffru garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità kif ukoll l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju.

F’dan il-każ, hemm lok li jitfakkar li, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-eżekuzzjoni forzata, fil-Kroazja, in-nutara għandhom is-setgħa jiddeċiedu permezz ta’ mandat fuq it-talbiet għal ftuħ ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ dokument awtentiku. Ladarba l-mandat jiġi nnotifikat lill-konvenut, huwa jista’ jressaq oppożizzjoni. In-nutar li quddiemu titressaq oppożizzjoni ammissibbli, motivata u mressqa fil-ħin kontra l-mandat li huwa jkun ħareġ, għandu jibgħat il-fajl, għall-finijiet tal-proċeduri ta’ oppożizzjoni, lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni, li għandha tiddeċiedi fuq l-oppożizzjoni.

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-mandat ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ “dokument awtentiku”, maħruġ min-nutar, huwa nnotifikat lid-debitur biss wara li jkun inħareġ, mingħajr mat-talba li tkun tressqet quddiem in-nutar ma tkun ġiet ikkomunikata lil dan id-debitur.

Għalkemm huwa veru li d-debitur għandu l-possibbiltà li jressaq oppożizzjoni kontra l-mandat ta’ eżekuzzjoni maħruġ min-nutar u għalkemm jidher li n-nutar jeżerċità r-responsabbiltajiet mogħtija lilu fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata abbażi ta’ “dokument awtentiku” taħt il-kontroll ta’ qorti, li lilha n-nutar għandu jibgħat il-kontestazzjonijiet eventwali, xorta jibqa’ l-fatt li l-eżami, min-nutar, fil-Kroazja, tat-talba għal ħruġ ta’ mandat ta’ eżekuzzjoni fuq tali bażi ma huwiex kontradittorju.

Issa, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 805/2004, sentenza dwar debitu mhux ikkontestat fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u (ċ) ta’ dan ir-regolament tista’ tiġi ċċertifikata bħala titolu eżekuttiv Ewropew biss jekk il-proċeduri ġudizzjarji fl-Istat Membru ta’ oriġini kienu jissodisfaw l-istandards minimi msemmija fil-Kapitolu III tiegħu.

(ara l-punti 41 sa 47, 50 u d-dispożittiv 1)

2.      Ir-Regolament Nru 805/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li mandat ta’ eżekuzzjoni maħruġ minn nutar, fil-Kroazja, abbażi ta’ “dokument awtentiku”, u li ma kienx is-suġġett ta’ oppożizzjoni ma jistax jiġi ċċertifikat bħala titolu eżekuttiv Ewropew peress li dan ma jirrigwardax debitu mhux ikkontestat fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament.

Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm, fl-ordinament ġuridiku Kroat, in-nutara huma awtorizzati jħejju atti awtentiċi, in-natura mhux ikkontestata tad-debitu ikkonstatat minn mandat ta’ eżekuzzjoni maħruġ abbażi ta’ “dokument awtentiku” hija nieqsa. Fil-fatt, b’mod konformi mal-premessa 5 tar-Regolament Nru 805/2004, l-Artikolu 3(1)(d) tiegħu, jipprevedi li att awtentiku jista’ jiġi ċċertifikat bħala titolu eżekuttiv Ewropew biss sa fejn id-debitur ikun espressament irrikonoxxa d-dejn f’dan l-att.

Barra minn hekk, l-assenza ta’ oppożizzjoni min-naħa tad-debitur ma tistax tiġi assimilata ma’ rikonoxximent espress tad-debitur, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 805/2004 peress li dan ir-rikonoxximent għandu jkun indikat fl-att awtentiku li huwa s-suġġett taċ-ċertifikazzjoni.

(ara l-punti 55, 56, 58, 59 u d-dispożittiv 2)