Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-18 ta’ April 2024 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-tribunal du travail francophone de Bruxelles - il-Belġju) – GI vs Partena, Assurances Sociales pour Travailleurs Indépendants ASBL

(Kawża C-195/23 1 , Partena)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea – Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea – Affiljazzjoni obbligatorja mal-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni – Uffiċjal tal-Unjoni li jeżerċita attività professjonali komplementari bħala persuna li taħdem għal rasha – Issuġġettar għall-kontribuzzjonijiet soċjali mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih titwettaq din l-attività)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal du travail francophone de Bruxelles

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: GI

Konvenut: Partena, Assurances Sociales pour Travailleurs Indépendants ASBL

Dispożittiv

L-Artikolu 14 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipju tal-uniċità tal-iskema ta’ sigurtà soċjali applikabbli kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali kif stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi l-issuġġettar għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru ta’ uffiċjal tal-Unjoni Ewropea li jeżerċita attività professjonali anċillari ta’ tagħlim fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru.

____________

1     ĠU C 223, 26.6.2023.