Language of document : ECLI:EU:F:2009:53

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Ġunju 2009 (*)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-Europol – Reklutaġġ – Proċedura ta’ selezzjoni – Kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ – Espert nazzjonali kkollokat – Artikolu 6 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol – Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni tad-Direttur tal-Europol tat-8 ta’ Diċembru 2006”

Fil-Kawża F-11/08,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 40(3) tal-Konvenzjoni bbażata fuq l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Konvenzjoni Europol) u taħt l-Artikolu 93(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol,

Jörg Mölling, espert nazzjonali kkollokat fl-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija, residenti f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi), inizjalment irrappreżentat minn P. de Casparis, avukat, imbagħad minn P. de Casparis, N. D. Dane u W. J. Dammingh, avukati,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), irrappreżentat minn D. Neumann u D. El Khoury, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur u R. Van der Hout, avukati,

konvenut,

IT-TRIBUNAL (It-Tieni Awla),

kompost minn S. Van Raepenbusch, President, I. Boruta u H. Kanninen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Settembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’rikors ippreżentat b’mod elettroniku fir-reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-22 ta’ Jannar 2008 (l-oriġinal ġie ppreżentat fil-25 ta’ Jannar 2008), J. Mölling jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Europol, tal-10 ta’ Ottubru 2007, li ċaħditu milli jipparteċipa fil-proċedura ta’ selezzjoni organizzata sabiex timtela’, fi ħdan l-Europol, pożizzjoni ta’ amministratur prinċipali (“first officer”) fid-Diviżjoni “Drogi”.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 1(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għal każ ineżami (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprovdi:

“Ir-Regolamenti tal-Persunal […] huma applikabbli għall-membri kollha tal-persunal irreklutati b’kuntratt mal-Europol. Dan il-persunal huwa kompost minn:

–        Uffiċjali tal-Europol irreklutati biss mid-dipartimenti kompetenti previsti fl-Artikolu 2(4) tal-Konvenzjoni [ibbażata fuq l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija] u uffiċjali li jistgħu jiġu rreklutati kemm minn dawn id-dipartimenti kif ukoll minn barra,

–        uffiċjali lokali, fejn dawn jissemmew espliċitament fir-[Regolamenti tal-Persunal].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        L-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Huwa kkunsidrat bħala uffiċjal tal-Europol, fis-sens tar-Regolamenti tal-persunal, l-uffiċjal irreklutat bil-għan li jassumi impjieg mil-lista li tidher fl-Appendiċi 1, minbarra l-impjiegi indikati bħala li huma intiżi għall-uffiċjali lokali.

Minn fost dawn l-impjiegi, għandu jiġi ddeterminat liema jistgħu jiġu okkupati biss minn uffiċjali rreklutati mid-dipartimenti kompetenti previsti fl-Artikolu 2(4) tal-Konvenzjoni [ibbażata fuq l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-istabbiliment ta’ Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija] u dawk li jistgħu jiġu okkupati wkoll minn uffiċjali oħra.

L-uffiċjali rreklutati għal impjieg li jista’ jiġi okkupat biss minn uffiċjali rreklutati mid-dipartimenti kompetenti jistgħu jingħataw biss kuntratt temporanju għal dan l-impjieg, skont l-Artikolu 6.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        L-Artikolu 1 tal-Appendiċi 1 tar-Regolamenti tal-Persunal jelenka l-impjiegi tal-Europol u jipprovdi li “[b]la ħsara għall-Artikolu 3, l-impjiegi tal-Europol huma, b’mod partikolari, dawn li ġejjin: […]”. L-aħħar paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Appendiċi 1 jistipula li “din il-lista [tal-impjiegi tal-Europol] tista’ tiġi emendata b’deċiżjoni unanima tal-Bord ta’ Amministrazzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Skont l-Artikolu 6 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“L-uffiċjali kollha tal-Europol, kemm jekk irreklutati għal impjieg li jista’ jiġi okkupat biss minn uffiċjali rreklutati mid-dipartimenti kompetenti previsti fl-Artikolu 2(4) tal-Konvenzjoni [ibbażata fuq l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-istabbiliment ta’ Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija] kif ukoll jekk irreklutati għal impjieg li ma huwiex suġġett għal din ir-restrizzjoni, għandhom inizjalment jiġu rreklutati għal perijodu ddefinit li jkun bejn sena u ħames snin.

L-ewwel kuntratt jista’ jiġġedded. Il-tul ta’ żmien kollu tal-kuntratti ta’ żmien definit, li jinkludi t-tiġdid li jista’ jkun hemm, ma jistax jeċċedi disa’ snin.

Huwa biss il-persunal irreklutat għal impjieg li ma huwiex irriżervat għall-uffiċjali rreklutati mid-dipartimenti kompetenti previsti fl-Artikolu 2(4) tal-Konvenzjoni [ibbażata fuq l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-istabbiliment ta’ Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija] li jista’ jiġi rreklutat għal żmien indefinit wara li jkun ħadem b’mod sodisfaċenti ħafna żewġ kuntratti ta’ żmien definit matul perijodu ta’ servizz ta’ mill-inqas sitt snin. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

[…]”

6        L-Artikolu 2(4) tal-Konvenzjoni bbażata fuq l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija, tas-26 ta’ Lulju 1995, (ĠU C 316, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Europol”) jiddefinixxi d-dipartimenti kompetenti li għalihom jirreferi b’mod partikolari l-Artikolu 6 tar-Regolamenti tal-Persunal bil-mod kif ġej:

“Id-dipartimenti kompetenti fis-sens ta’ din il-konvenzjoni huma l-korpi pubbliċi kollha li jinsabu fl-Istati Membri sa fejn dawn huma responsabbli, skont il-liġi nazzjonali, mill-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità.”

7        Il-Kapitolu III tat-Titolu X tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Kundizzjonjiet ta’ reklutaġġ”, jinkludi fih l-Artikolu 24, li huwa fformulat kif ġej:

“Ir-reklutaġġ ta’ uffiċjali tal-Europol għandu jfittex li jiżgura lill-[Europol] is-servizzi ta’ persuni bl-ogħla livelli ta’ kompetenza, effiċjenza u integrità. Fl-għażla tal-uffiċjali tal-Europol, ma jitqisux biss il-kapaċità personali u l-kwalifiki professjonali, iżda wkoll il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha u l-lingwi kollha uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jkunu adegwatament irrappreżentati. L-Europol għandu jipprattika politika ta’ opportunitajiet ugwali.

2. Uffiċjal tal-Europol jista’ biss jiġi rreklutat skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(1) u biss bil-kundizzjoni:

a)      li jkun ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u jgawdi d-drittijiet ċivili kollha tiegħu;

b)      li jkun osserva kwalunkwe obbligu skont il-liġijiet ta’ reklutaġġ applikabbli għalih fil-qasam militari;

c)      li jġib ir-referenzi dwar il-karattru meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dmirijiet tiegħu;

d)      li jkun fiżikament kapaċi jwettaq id-dmirijiet tiegħu;

e)      li jġib prova ta’ għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra minn dawn il-lingwi sa fejn meħtieġ għall-qadi tad-dmirijiet tiegħu.

[…]

4. Il-proċeduri tal-għażla li jirregolaw ir-reklutaġġ tal-uffiċjali tal-Europol jidhru fl-Appendiċi 2 tar-Regolamenti tal-Persunal.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        Skont l-Artikolu 5(1) tal-Appendiċi 2 tar-Regolamenti tal-Persunal, “[f]uq il-bażi ta’ kwalifiki, esperjenza u l-profil imfittex, u fuq il-bażi tal-għażla minn qabel prevista fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Bord tal-Għażla għandu jagħmel għażla inizjali minn fost l-applikazzjonijiet irċevuti”.

9        Il-premessa 6 tad-deċiżjoni tad-Direttur tal-Europol tat-8 ta’ Diċembru 2006 dwar il-politika ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006”) hija fformulata kif ġej:

“Ir-raġuni li għaliha hemm stipulat tul ta’ żmien massimu ta’ servizz għall-persunal kollu tal-Europol marbut mal-impjiegi [li jistgħu jiġu okkupati biss minn uffiċjali rreklutati mid-dipartimenti nazzjonali kompetenti previsti fl-Artikolu 2(4) tal-Konvenzjoni Europol] ibbażati fuq żewġ kuntratti ta’ żmien definit hija li l-Istati Membri jixtiequ rotazzjoni ta’ dawn il-membri tal-persunal tal-Europol li għandhom imbagħad jiġu reintegrati fis-servizz tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tagħhom (prinċipju ta’ rotazzjoni) […]” (“The reason for prescribing a maximum period of service for all Europol staff on bold posts under two fixed-term contracts is that the Member States want a rotation of such staff members who should subsequently be re-integrated into the service of their competent national authority (the rotation principle) […]”)

10      Il-premessa 15 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006 tindika li “[f]uq il-bażi ta’ interpretazzjoni raġonevoli tal-Artikolu 6 u tal-Appendiċi 2 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Europol ma huwiex prekluż milli jikkunsidra ex membru tal-persunal tal-Europol bħala eliġibbli sabiex japplika għal pożizzjoni ġdida wara perijodu ta’ assenza, u dan jiżgura li l-kandidati kollha għal pożizzjoni partikolari, interni jew esterni, jiġu ttrattati b’mod ugwali u li ebda kandidat ma jkun jista’ eventwalment jinfluwenza kampanja ta’ reklutaġġ” (“Based on a reasonable interpretation of Article 6 and Appendix 2 of the Staff Regulations, Europol is not prevented from considering a previous staff member as eligible to apply for a new post following a period of absence which ensures that all candidates for a particular post, internal or external, are in an equal position and that no candidate may have influenced a forthcoming recruitment campaign”).

11      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006 jiddefinixxi ċerti espressjonijiet użati fl-imsemmija deċiżjoni bil-mod kif ġej:

“[punt 1] ‘Impjieg mal-Europol’: Kull impjieg inkluż jew intiż sabiex jiġi inkluż fil-lista tal-impjiegi tal-Europol li tidher fl-Appendiċi 1 tar-Regolamenti tal-Persunal, minbarra d-direttur, id-deputati diretturi u l-persunal lokali, kif previst fl-Artikoli 98 sa 100 tar-Regolamenti tal-Persunal [‘Europol Post’: Any post that is included or is intended to be included in the list of Europol posts set out in Appendix 1 of the Staff Regulations, with the exception of the Director, the Deputy Directors and local staff as provided for by Articles 98-100 of the Staff Regulations];

[…]

[punt 6] ‘Dipatimenti [nazzjonali] kompetenti’: skont l-Artikolu 2(4) tal-Kovenzjoni Europol, il-korpi pubbliċi kollha li jinsabu fl-Istati Membri sa fejn dawn huma responsabbli, skont il-liġi nazzjonali, mill-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità [‘Competent Authority’: In accordance with Article 2(4) of the Europol Convention, all public bodies existing in the Member States which are responsible under national law for preventing and combating criminal offences];

[punt 7] ‘Impjieg indikat b’tipi grassi’: Kull impjieg li jista’ jimtela’ biss minn uffiċjali rreklutati minn dipartimenti kompetenti [‘Bold Post’: Any Europol post which can be filled only by staff engaged from a Competent Authority];

[punt 8] ‘Impjieg li ma huwiex indikat b’tipi grassi’: Kull impjieg li jista’ jimtela’ minn uffiċjali li ma għandhomx bżonn li jiġu rreklutati mid-dipartimenti kompetenti [‘Non-bold Post’: Any Europol post which can be filled by staff that do not need to be engaged from a Competent Authority].”

12      L-Artikolu 2.3 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006 jipprovdi li “[b]la ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2.4, l-uffiċjali tal-Europol jistgħu jikkonkludu biss kuntratt tal-ewwel wieħed mal-Europol” (“Without prejudice to Article 2.4 below, only one First Contract shall be entered into with any individual”).

13      Skont l-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006, “[w]ara perijodu ta’ tmintax-il xahar li matulu l-ex membru tal-persunal ikun waqaf minn kull impjieg mal-Europol, u wara proċedura ta’ selezzjoni ġdida, kull kuntratt ta’ impjieg ġdid għandu jitqies li jkun kuntratt tal-ewwel” (“After a period of 18 months during which a former member of staff has been detached from any Europol post, and following a new selection procedure, any new Employment Contract shall be deemed to be a First Contract”).

14      L-Artikolu 40(3) tal-Konvenzjoni Europol jistipula li “[d]-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-rimedji previsti fil-leġiżlazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-membri tal-persunal temporanju u awżiljarju tal-Komunitajiet Ewropej huma applikabbli, b’analoġija, għall-persunal tal-Europol”. B’dan il-mod, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 92 u 93 tar-Regolamenti tal-Persunal jikkorrispondu għal dawk li jinsabu fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej li, bis-saħħa tal-Artikolu 117 tal-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej, huma applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal temporanju u awżiljarju tal-Komunitajiet Ewropej.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

15      Ir-rikorrenti, uffiċjal tal-pulizija Ġermaniża, beda s-servizz tiegħu mal-Europol fl-1 ta’ Settembru 1999 bħala amministratur prinċipali (“first officer”) fid-Diviżjoni “Drogi”. Il-kuntratt tiegħu, konkluż taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 6 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol fil-verżjoni tagħhom qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-4 ta’ Diċembru 2006, li temenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol (ĠU C 311, p. 1), ġie fi tmiemu fil-31 ta’ Awwissu 2005.

16      F’din id-data, ir-rikorrent assuma mill-ġdid ix-xogħol tiegħu mad-dipartimenti tal-pulizija Ġermaniża fejn huwa kien jaħdem qabel l-1 ta’ Settembru 1999, u dawn ikkollokawh lill-Europol b’effett mill-1 ta’ Settembru 2005 bħala espert ikkollokat (“seconded expert”). Dan il-kollokament, li inizjalment kellu jintemm fit-28 ta’ Frar 2007, ġie estiż sat-28 ta’ Frar 2008, permezz ta’ addendum għall-kuntratt li permezz tiegħu r-rikorrent ġie kkollokat. Skont ir-rikorrent, fil-bidu tal-perijodu ta’ kollokament, l-Europol informah li, fi tmiem dan il-kollokament, huwa seta’ “jerġa’ lura l-Europol bħala impjegat”.

17      Fit-13 ta’ Lulju 2007, l-Europol ippubblika avviż għal pożizzjoni vakanti fil-pożizzjoni ta’ amministratur prinċipali (“first officer”) fid-Diviżjoni “Drogi” (iktar ’il quddiem il-“pożizzjoni inkwistjoni”). Skont il-punt 3.1 tal-avviż għal pożizzjoni vakanti, intitolat “Kundizzjonijiet ġenerali (Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal)”, min jokkupa l-pożizzjoni inkwistjoni kellu b’mod partikolari “ikun membru tad-dipartimenti nazzjonali kompetenti ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u jgawdi b’mod sħiħ id-drittijiet ċivili (impjiegi indikati b’tipi grassi)”.

18      Ir-rikorrent ressaq l-applikazzjoni tiegħu għall-pożizzjoni inkwistjoni.

19      Il-Bord tal-Għażla, previst fl-Appendiċi 2 tar-Regolamenti tal-Persunal, għamel għażla inizjali ta’ kandidati u kklassifika lir-rikorrent fl-ewwel post.

20      Fl-10 ta’ Ottubru 2007, il-kap tad-Diviżjoni “Drogi” tal-Europol informa bil-fomm lir-rikorrent li l-applikazzjoni tiegħu ma kinitx ammissibbli peress li ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006. Skont il-kap tad-Diviżjoni “Drogi”, fi tmiem il-kuntratt tiegħu konkluż mal-Europol għall-perijodu mill-1 ta’ Settembru 1999 sal-31 ta’ Awwissu 2005, ir-rikorrent ma kienx waqaf minn kull impjieg mal-Europol għal perijodu ta’ mhux inqas minn 18-xahar skont kif mitlub mill-imsemmija dispożizzjoni.

21      Fil-11 ta’ Ottubru 2007, ir-rikorrent ressaq ilment kontra d-deċiżjoni tal-Europol tal-10 ta’ Ottubru 2007 u kkontesta l-interpretazzjoni tal-Europol tal-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006.

22      B’deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2007, l-Europol ċaħad l-ilment.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, it-Tribunal għas-servizz Pubbliku stieden lill-partijiet, skont l-Artikolu 55(2)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, jippreżentaw ċerti dokumenti.

24      Bħala tweġiba għat-talba ta’ produzzjoni ta’ dokumenti, ir-rikorrent ippreżenta fost dokumenti oħra l-kopja tal-kuntratt ta’ impjieg konkluż mal-Europol għall-perijodu mill-1 ta’ Settembru 1999 sal-31 ta’ Awwissu 2005. Min-naħa tiegħu, l-Europol ippreżenta l-kopja tal-avviż għal pożizzjoni vakanti tal-pożizzjoni inkwistjoni, dokumenti li jirrigwardaw żewġ kandidati oħra fil-proċedura ta’ selezzjoni għall-istess pożizzjoni, liema kandidati ssemmew mir-rikorrent fil-kuntest tal-ilment tiegħu bbażat fuq il-ksur tal-“prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”, kif ukoll id-dokument li jiddeskrivi l-pożizzjoni ta’ xogħol bħala espert ikkollokat lid-Diviżjoni “Drogi” (“Job description for the Seconded Expert to the Drugs Unit”), redatt mir-rikorrent u approvat mill-kap tad-Diviżjoni “Drogi” tal-Europol.

25      Ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni tal-Europol, tal-10 ta’ Ottubru 2007, li ċaħditu milli jipparteċipa fil-proċedura ta’ selezzjoni organizzata sabiex timtela’ l-pożizzjoni inkwistjoni;

–        tannulla d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tat-23 ta’ Ottubru 2007;

–        tikkundanna lill-Europol għall-ħlas tal-ispejjeż, inklużi d-drittijiet tal-avukat.

26      L-Europol jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż tal-kawża.

 Fuq is-suġġett tar-rikors

27      Minbarra l-annullament tad-deċiżjoni tal-Europol, tal-10 ta’ Ottubru 2007, li ċaħditu milli jipparteċipa fil-proċedura ta’ selezzjoni għall-pożizzjoni inkwistjoni, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2007 li tiċħad l-ilment tiegħu. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-talbiet għal annullament formali kontra d-deċiżjoni li tiċħad ilment għandhom, meta d-deċiżjoni ma jkollhiex kontenut awtonomu, l-effett li jġibu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-att li fir-rigward tiegħu jkun sar l-ilment, (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, Ġabra p. 23, punt 8; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il-Kummissjoni, T‑309/03, Ġabra p. II‑1173, punt 43; is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-4 ta’ Settembru 2008, Duta vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F‑103/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 23, li ġiet appellata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, Kawża T-475/08 P).

28      Ir-rikorrent ressaq l-ilment tiegħu kontra d-deċiżjoni tal-Europol tal-10 ta’ Ottubru 2007 li ċaħditu milli jipparteċipa fil-proċedura ta’ selezzjoni għall-pożizzjoni inkwistjoni. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikors tar-rikorrent huwa ppreżentat kontra din id-deċiżjoni.

 Id-dritt

29      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi bbażati fuq, minn naħa, l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006 u l-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u, min-naħa l-oħra, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

30      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat il-motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006 u l-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

 L-argumenti tal-partijiet

31      Ir-rikorrent jirreferi, fl-ewwel lok, għall-kontenut tal-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006, li jgħid li, wara perijodu ta’ 18-il xahar li matulu ex membru tal-persunal tal-Europol ikun waqaf minn kull impjieg mal-Europol (“any Europol post”) u wara proċedura ġdida tal-għażla, kull kuntratt ta’ impjieg għandu jiġi kkunsidrat bħala kuntratt tal-ewwel.

32      Imbagħad ir-rikorrent isostni li, fi tmiem il-kuntratt tiegħu mal-Europol, li seħħ fil-31 ta’ Awwissu 2005, huwa ħadem għall-Europol bħala “espert ikkollokat”. Issa, din il-funzjoni ma hijiex inkluża fl-Appendiċi 1 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’tali mod li ma setax jiġi eskluż mill-proċedura ta’ selezzjoni għall-pożizzjoni inkwistjoni fuq il-bażi li ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006.

33      Ir-rikorrent iżid li d-distinzjoni stabbilita mill-Europol bejn l-espressjonijiet “Europol post” u “Europol Post”, li fl-ewwel każ il-kelma “post” hija miktuba b’ittra żgħira filwaqt li fit-tieni każ din hija miktuba b’ittra kbira, ma ssib ebda sostenn fid-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006. Li kieku hemm xi distinzjoni kunċettwali, din kellha tiġi ċċarata fl-imsemmija deċiżjoni. Ir-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll id-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006, jużaw mingħajr distinzjoni dawn iż-żewġ espressjonijiet.

34      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jindika li huwa ħadem mal-Europol matul perijodu ta’ sitt snin, filwaqt li fil-frattemp il-perijodu li fi tmiemu ssir ir-rotazzjoni tal-persunal ġie stabbilit għal disa’ snin.

35      L-Europol jirreferi, fl-ewwel lok, għall-bażi tal-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006. Skont l-Europol, l-Artikolu 6 tar-Regolamenti tal-Persunal jirregola l-kuntratti ta’ uffiċjali li jokkupaw impjiegi indikati b’tipi grassi (“bold posts”), jiġifieri pożizzjonijiet rriżervati għall-uffiċjali li jiġu minn amministrazzjonijiet nazzjonali tal-pulizija u tad-dwana u li jerġgħu lura, fi tmiem il-kuntratt tagħhom mal-Europol, fl-amministrazzjonijiet rispettivi tagħhom. Skont l-Artikolu 6 tar-Regolamenti tal-Persunal, dawn il-kuntratti huma għalhekk limitati fiż-żmien, u dan jispjega għaliex l-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006 jipprevedi li persuna li tkun għamlet parti mill-persunal tal-Europol tkun tista’ biss tikkonkludi mill-ġdid kuntratt mal-Europol wara “perijodu ta’ assenza” ta’ 18-il xahar.

36      Fit-tieni lok, l-Europol isostni li l-motiv invokat mir-rikorrent ma huwiex fondat, kemm fid-dawl tal-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006, kif ukoll fid-dawl tal-iskop tiegħu.

37      Qabelxejn, l-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006 jipprevedi żewġ kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti b’mod kumulattiv. Ir-rikorrent jissodisfa l-ewwel kundizzjoni, jiġifieri dik li kien membru tal-persunal tal-Europol. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ma kienx “waqaf minn kull impjieg mal-Europol” għal perijodu ta’ 18-il xahar. F’dan ir-rigward, l-Europol isostni li sabiex ikun “waqaf minn kull impjieg mal-Europol” fis-sens tal-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006, jeħtieġ li ma jkun hemm ebda rabta ta’ natura ġuridika jew fattwali bejn l-Europol u l-ex membru tal-persunal tiegħu.

38      Imbagħad, l-Europol isostni li, skont il-premessa 6 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006, l-Istati Membri tal-Konvenzjoni Europol iridu li l-membri tal-persunal tal-Europol li jokkupaw impjiegi indikati b’tipi grassi jaħdmu biss għal perijodu limitat mal-Europol, u dan sabiex tkun tista’ ssir ir-“rotazzjoni” tagħhom u għalhekk ir-reintegrazzjoni tagħhom fl-amministrazzjonijiet nazzjonali ta’ oriġini tagħhom. Skont l-Europol, l-espressjoni “waqaf minn kull impjieg mal-Europol”, użata fl-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006, għandha tiġi interpretata f’dan is-sens.

39      Barra minn hekk, skont il-premessa 15 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006, ex membru tal-persunal tal-Europol jista’ biss japplika għal pożizzjoni ġdida wara “perijodu ta’ assenza”, u dan jippermetti li jiġi żgurat l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati kollha.

40      Fil-każ ineżami, l-għada tat-tmiem tal-kuntratt ta’ sitt snin mal-Europol, ir-rikorrent ġie kkollokat mill-Istat tiegħu lill-Europol bħala “espert ikkollokat”. Bħala tali, huwa kompla jaħdem għal u taħt is-superviżjoni tal-Europol.

41      Fl-aħħar nett, l-Europol jippretendi li huwa l-kompitu tar-rikorrent li jipprova li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006. Issa, ir-rikorrent essenzjalment sempliċement jikkontesta d-distinzjoni bejn l-espressjonijiet “Europol post” u “Europol Post” redatti fl-ewwel każ bil-kelma “post” miktuba b’“p” żgħira u fit-tieni każ b’din l-istess kelma miktuba b’“P” kbira.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

42      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi, fl-ewwel lok, li “[h]uwa kkunsidrat bħala uffiċjal tal-Europol, fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjal irreklutat bil-għan li jassumi impjieg mil-lista li tidher fl-Appendiċi 1, minbarra l-impjiegi indikati bħala li huma intiżi għall-uffiċjali lokali”.

43      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi mbagħad distinzjoni bejn l-impjiegi li “jistgħu jiġu okkupati biss minn uffiċjali rreklutati mid-dipartimenti kompetenti previsti fl-Artikolu 2(4) tal-Konvenzjoni Europol u dawk li jistgħu jiġu okkupati wkoll minn uffiċjali oħra”.

44      Fl-aħħar nett, jirriżulta mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal li l-aġenti rreklutati għal impjieg li jista’ jiġi okkupat biss minn uffiċjali rreklutati mid-dipartimenti kompetenti previsti fl-Artikolu 2(4) tal-Konvenzjoni Europol jistgħu jingħataw biss kuntratt temporanju għal dan l-impjieg. Din id-dispożizzjoni tirreferi għall-Artikolu 6 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jistabbilixxi perijodu massimu ta’ impjieg b’kuntratt għal żmien definit. Dan il-perijodu, ta’ disa’ snin, kien ta’ sitt snin qabel l-emenda tal-Artikolu 6 tar-Regolamenti tal-Persunal permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2006, li temenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol.

45      Fil-każ ineżami, l-impjieg okkupat mir-rikorrent bejn l-1 ta’ Settembru 1999 u l-31 ta’ Awwissu 2005 kien suġġett għar-restrizzjoni temporanja prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li wassal lir-rikorrent jitlaq l-impjieg tiegħu fil-31 ta’ Awwissu 2005.

46      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-regola li tipprevedi perijodu massimu ta’ kuntratt ta’ impjieg għall-persuni previsti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ma tipprekludix lill-Europol mill-possibbiltà li tikkonkludi mill-ġdid kuntratt ta’ impjieg mal-imsemmija persuni wara li dawn ikun waqfu minn kull impjieg mal-Europol għall-perijodu ta’ 18-il xahar. Fil-fatt, l-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006 jipprovdi li “[w]ara perijodu ta’ tmintax-il xahar li matulu l-ex membru tal-persunal ikun waqaf minn kull impjieg mal-Europol, u wara proċedura ta’ selezzjoni ġdida, kull kuntratt ta’ impjieg ġdid għandu jitqies li jkun kuntratt tal-ewwel”.

47      Il-kwistjoni f’din il-kawża ddur fuq jekk l-impjieg okkupat mir-rikorrent mill-1 ta’ Settembru 2005, inizjalment previst għal perijodu ta’ 18-il xahar, imbagħad estiż sat-28 ta’ Frar 2008, kienx impjieg li, skont l-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006, kien jirrendi lir-rikorrent ineliġibbli għall-pożizzjoni inkwistjoni.

48      L-Europol ma jsostnix li r-rikorrent, bħala espert ikkollokat mal-Europol bejn l-1 ta’ Settembru 2005 u t-28 ta’ Frar 2008, okkupa impjieg imsemmi fl-Appendiċi 1 tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu l-Europol isostni li, meta jipprevedi “kull impjieg mal-Europol” (“any Europol post”), l-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006 ma huwiex qed jillimita l-impjiegi tal-Europol għal dawk elenkati fl-Appendiċi 1 tar-Regolamenti tal-Persunal. Sabiex isostni din il-pożizzjoni, l-Europol irrimarka fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment imressaq mir-rikorrent, li l-kliem tal-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006 ma jirreferux għad-definizzjoni tal-espressjoni “Europol Post”, prevista fl-Artikolu 1(1) tal-imsemmija deċiżjoni. Skont l-Europol, il-fatt li l-kelma “post” użata fl-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006 ma hijiex miktuba b’“p” kbira, bħalma hija fl-Artikolu 1.1 tal-imsemmija deċiżjoni, ifisser fil-fatt li l-espressjoni “Europol post” tikkonċerna kull impjieg mal-Europol u mhux biss dawk previsti fl-Artikolu 1.1 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006.

49      Fir-rikors tiegħu, ir-rikorrent jikkontesta dan l-argument tal-Europol, li ma għamel ebda reazzjoni, fir-risposta tiegħu, għal din l-oġġezzjoni tar-rikorrent. Madankollu, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Imħallef Relatur waqt is-seduta, l-Europol ippreċiża li finalment huwa bbaża l-argument tiegħu fuq id-deduzzjonijiet li joħorġu mill-użu tal-kelma “post” b’“p” żgħira fl-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006.

50      Barra minn hekk, l-Europol isostni li l-kliem tal-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006 jikkonferma l-interpertazzjoni tiegħu tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi artikolu inkwantu din id-dispożizzjoni tirreferi għal kull pożizzjoni mal-Europol (“detached from any Europol post”), li juri li l-imsemmi Artikolu 2.4 jeżiġi mhux biss nuqqas ta’ kull rabta ġuridika iżda wkoll nuqqas ta’ rabta fattwali bejn l-Europol u l-ex membru tal-persunal tiegħu.

51      Fl-aħħar nett, l-Europol isostni li l-interpretazzjoni litterali tiegħu tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006 hija kkorroborata mill-analiżi tal-iskop ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

52      Qabelxejn, għandu jiġi eżaminat jekk interpretazzjoni testwali tal-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006 tikkonfermax il-fondatezza tal-pożizzjoni tal-Europol.

53      Dwar, minn naħa, il-kwistjoni ta’ jekk, għall-espressjoni “Europol post”, għandux jingħata sens differenti għall-kelma “post” skont jekk din hijiex miktuba b’“P” kbira jew b’“p” żgħira, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006, kull terminu li jinsab hemm definit jibda b’ittra kbira.

54      Fit-tieni lok, mill-qari tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006 jirriżulta li, fid-dispożizzjonijiet kollha tagħha (Artikolu 1.7, Artikolu 1.8, Artikolu 5.5, Artikolu 5.5.1, Artikolu 5.5.2), u mhux biss fl-Artikolu 2.4, il-kelma “post” fl-espressjoni “Europol post” hija miktuba b’“p” żgħira filwaqt li, kjarament, dan it-terminu ma għandux, f’dawn id-dispożizzjonijiet kollha, kontenut differenti minn dak definit fl-Artikolu 1.1 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006, għax kieku tkun inutli d-definizzjoni tal-espressjoni “Europol Post” kif tidher fl-imsemmi artikolu. Għalhekk, id-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006 stess ma tistabbilixxix distinzjoni sistematika bejn l-espressjonijiet “Europol Post” u “Europol post”, skont jekk il-kelma “post” tinkitibx b’“P” kbira jew b’“p” żgħira.

55      Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li l-verżjoni Ingliża tal-Appendiċi 1 tar-Regolamenti tal-Persunal tuża l-kelma “post” b’“p” żgħira, kemm fit-titolu tal-appendiċi u kif ukoll fil-kontenut tat-test tiegħu.

56      Fl-aħħar lok, kieku l-awtur tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006 ried jistabbilixxi distinzjoni bejn l-espressjonijiet “Europol post” u “Europol Post”, kien ikun abbozzar leġiżlattiv tajjeb li kieku dan ġie ċċarat fid-deċiżjoni, iżda dan ma sarx.

57      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument li l-użu tal-kelma “any”, fil-kuntest tal-espressjoni “any Europol post” użata fl-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006, juri li l-imsemmija espressjoni tipprevedi kull tip ta’ relazzjoni ta’ xogħol, u mhux biss l-impjiegi previsti fl-Appendiċi 1 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi aċċettat li dan ma huwiex argument konvinċenti. Din l-espressjoni tista’ fil-fatt tinftiehem ukoll bħala li tipprevedi kwalunkwe impjieg fis-sens tad-definizzjoni tal-espressjoni “Europol Post” stipulata fl-Artikolu 1.1 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-espressjoni “Europol Post” hija ddefinita fl-Artikolu 1.1 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006 bħala “any post” fil-lista tal-Appendiċi 1 tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1.7 u l-Artikolu 1.8 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006 jużaw l-espressjoni “Any Europol post” meta ma hemm ebda dubju li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu biss l-impjiegi definiti fl-Artikolu 1.1 tal-imsemmija deċiżjoni.

58      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006 ma tippermettix li għall-espressjoni “Europol post” tingħata tifsira differenti minn dik tal-espressjoni “Europol Post” iddefinita fl-Artikolu 1.1 tal-imsemmija deċiżjoni u, għalhekk, ma tistax tiġi kkonfermata t-teżi tal-Europol li l-espressjoni “any Europol post” tipprevedi wkoll impjiegi oħra li ma humiex imsemmija fl-Appendiċi 1 tar-Regolamenti tal-Persunal.

59      Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkunsidrat li, meta okkupa, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Settembru 2005 u t-28 ta’ Frar 2008, impjieg ta’ espert ikkollokat mal-Europol, li ma jirriżultax fil-lista tal-Appendiċi 1 tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrent kien “waqaf minn kull impjieg mal-Europol” fis-sens tal-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006.

60      Fil-fatt, huwa paċifiku li għall-perijodu bejn l-1 ta’ Settembru 2005 u t-28 ta’ Frar 2008 ma ġie konkluż ebda kuntratt bejn ir-rikorrent u l-Europol. Il-kollokament tar-rikorrent bħala espert mal-Europol jirriżulta minn ftehim konkluż bejn l-Europol u l-“Polizeipräsident in Berlin”, liema ftehim jiddetermina l-istatus, id-dmirijiet, id-drittijiet u l-obbligi tar-rikorrent. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li la r-Regolamenti tal-Persunal u lanqas it-testi tad-deċiżjonijiet adottati mill-Europol, li dan tal-aħħar għadda lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ma jipprevedu dispożizzjonijiet dwar l-esperti kkollokati. Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li, inkwantu espert ikkollokat, ir-rikorrent kien uffiċjal tal-pulizija Ġermaniża li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Europol mill-pulizija Ġermaniża fl-ambitu u taħt il-kundizzjonijiet stipulati fil-ftehim.

61      Jifdal li jiġi eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi fattwali invokati mill-Europol humiex ta’ natura li jqiegħdu f’dubju din il-konklużjoni.

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li wieħed mill-għanijiet li jiġi stabbilit perijodu massimu ta’ servizz, previst fl-Artikolu 6 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa, skont il-premessa 6 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006, li tiġi żgurata “rotazzjoni” tal-persunal sabiex il-persuni li jkunu servew il-perijodu massimu ta’ impjieg mal-Europol ikunu obbligati jerġgħu jiġu integrati fid-dipartimenti tal-awtorità nazzjonali tagħhom.

63      Issa, fil-każ ineżami, l-Europol ippreżenta quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku id-dokument “Job Description for the Seconded Expert to the Drugs Unit”, tad-19 ta’ Lulju 2006, redatt mir-rikorrent u approvat mill-kap tad-Diviżjoni “Drogi” tal-Europol, li minnu jirriżulta li r-rikorrent kellu jipparteċipa b’mod attiv fix-xogħol regolari ta’ din id-diviżjoni, u kellu wkoll, f’ċerti okkażjonijiet, jirrapreżenta lill-Europol u kien mistenni li jissostitwixxi lill-kap tad-Diviżjoni “Drogi” fl-assenza tiegħu. Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fl-imsemmi dokument hemm indikat li, “[f]il-kwalità tiegħu ta’ espert ikkollokat u fl-ambitu tad-dmirijiet tiegħu, huwa jagħmel superviżjoni u jikkoordina l-attivitajiet operattivi tad-diversi sezzjonijiet tad-Diviżjoni ‘Drogi’, japprova u jawtorizza d-distribuzzjoni, lill-imsieħba esterni, ta’ dokumenti operattivi, rapporti u affarijiet oħra, jagħti intervisti lill-media u jagħti pariri lill-kap tad-Diviżjoni ‘Drogi’ fuq kwistjonijiet ta’ politika[; j]inżammu laqgħat ta’ kuljum bejn il-kap tad-Diviżjoni ‘Drogi’ u l-espert ikkollokat” (“[i]n his capacity as Seconded Expert and his special tasking, he supervises and co-ordinates the operational activities in the various Sections of the Drugs Unit, approves and authorises the distribution, to external partners, of operational documents, reports and other products, gives interviews to the media and advises the Head of the Drugs Unit on policy matters[; d]aily meetings between the Head of the Drugs Unit and the Seconded Expert take place”).

64      Barra minn hekk, fis-seduta l-Europol sostna li r-rikorrent, bħala amministratur prinċipali (“first officer”) fid-Diviżjoni “Drogi”, wettaq eżattament l-istess dmirijiet minnu mwettqa bħala espert ikkollokat. Ma sar ebda tibdil fid-dmirijiet u r-rikorrent baqa’ l-kap deputat (“deputy head”) ta’ din id-diviżjoni. L-Europol osserva wkoll li r-rikorrent ma ħadimx Berlin wara li skada l-kuntratt tiegħu fil-31 ta’ Awwissu 2005.

65      Matul is-seduta l-Europol spjega wkoll li, fi tmiem il-kuntratt tar-rikorrent, fil-31 ta’ Awwissu 2005, kunsiderazzjonijiet prattiċi wasslu lill-Europol għall-konklużjoni li jħallih jibqa’ jaħdem miegħu taħt status differenti.

66      Ir-rikorrent ma jikkontestax li d-dokument “Job Description for the Seconded Expert to the Drugs Unit” jirrifletti korrettament id-dmirijiet lilu fdati. Madankollu, ir-rappreżentant tar-rikorrent ikkonferma, fis-seduta, li ma kienx “iħoss li l-attivitajiet jew ix-xogħlijiet kienu identiċi [għal dawk li r-rikorrent wettaq bħala amministratur prinċipali (“first officer”)]; kieku dan kien il-każ, [ir-rikorrent ma kienx ikollu] għalfejn jagħmel deskrizzjoni ġdida tad-dmirijiet tax-xogħol”. Barra minn hekk, ir-rikorrent sostna li, bħala espert ikkollokat, huwa ma kellux id-dritt li jwettaq id-dmirijiet ta’ kap deputat (“deputy head”) tad-Diviżjoni “Drogi” peress li dawn id-dmirijiet setgħu biss jitwettqu minn membru tal-persunal tal-Europol.

67      Mill-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali tar-rikorrent fid-dmirijiet tiegħu ta’ espert ikkollokat jirriżulta li, minkejja li dan tal-aħħar ġie formalment reintegrat mal-pulizija Ġermaniża fl-1 ta’ Settembru 2005, huwa fil-fatt kompla jeżerċita, essenzjalment, l-istess dmirijiet li kellu qabel, taħt stat ġuridiku differenti. Ir-rikorrent lanqas ma wera x’tibdil fundamentali kien hemm fix-xogħol tiegħu mill-1 ta’ Settembru 2005 ’il quddiem.

68      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Europol stess, minn naħa, irrikjeda li r-rikorrent jitlaq l-impjieg tiegħu fil-31 ta’ Awwissu 2005 sabiex josserva l-limitu tal-perijodu tal-kuntratt u tat-tiġdid tiegħu, impost mill-Artikolu 6 tar-Regolamenti tal-Persunal. Min-naħa l-oħra, l-Europol aċċetta li r-rikorrent ikompli jaħdem miegħu bħala uffiċjal ikkollokat, u dan, fir-realtà, ippermetta li tiġi żgurata kontinwità fi ħdan l-Europol tal-funzjonijiet tar-rikorrent, li seta’ jevita li fil-fatt jerġa’ jmur lura sabiex jaħdem mal-awtorità nazzjonali tiegħu.

69      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Europol ma jistax validament jibbaża ruħu fuq iċ-ċirkustanzi ta’ fatt imsemmija fil-punti 63 sa 65 ta’ din is-sentenza sabiex jiddefendi interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006 li tmur kontra l-kliem ċar u inekwivoku tagħhom. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li, fin-nuqqas ta’ xogħlijiet preparatorji li juru biċ-ċar l-intenzjoni tal-awturi ta’ dispożizzjoni, wieħed għandu jibbaża ruħu biss fuq il-portata tat-test, kif stabbilit, u għandu jagħtih is-sens li joħroġ mill-interpretazzjoni litterali u loġika tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ġunju 1961, Simon vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 15/60, Ġabra p. 223, 244 ; is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-14 ta’ Diċembru 2006, André vs Il-Kummissjoni, F‑10/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑183 u II‑A‑1‑755, punt 44). Għalhekk, l-interpretazzjoni li toħroġ mill-kliem stess ta’ test ma tistax tiġi ssostitwita b’interpretazzjoni bbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ fatt dedotti minn każ partikolari.

70      Minn dan kollu premess jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2.4 tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006 għandu jiġi milqugħ. Konsegwentement, mingħajr ħtieġa li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra invokati mir-rikorrent, id-deċiżjoni tal-Europol tal-10 ta’ Ottubru 2007 għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

71      Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

72      Peress li l-Europol tilef il-kawża u r-rikorrent talab li l-konvenut jiġi kkundannat għall-ispejjeż, l-Europol għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż kollha tal-kawża.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), tal-10 ta’ Ottubru 2007, li tiċħad il-parteċipazzjoni ta’ J. Mölling fil-proċedura ta’ selezzjoni organizzata sabiex timtela’ pożizzjoni ta’ amministratur prinċipali (“first officer”) fid-Diviżjoni “Drogi” tal-Europol, hija annullata.

2)      L-Europol huwa kkundannat għall-ispejjeż kollha.

Van Raepenbusch

Boruta

Kanninen

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, l-4 ta’ Ġunju 2009.

W. Hakenberg

 

      H. Kanninen

Reġistratur

 

      President

It-testi ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Unjoni Ewropea ċċitati fiha huma disponibbli fis-sit internet www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.