Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Piteşti (ir-Rumanija) fit-12 ta’ Frar 2024 – Porcellino Grasso SRL vs Ministerul Agriculturii şi Dezvoltării Rurale, Agenţia pentru Finanţarea Investiţiilor Rurale, Agenţia de Plăţi şi Intervenţie în Agricultură, Agenţia de Plăţi şi Intervenţie în Agricultură - Centrul Judeţean Vâlcea

(Kawża C-116/24, Porcellino Grasso)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Piteşti

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Porcellino Grasso SRL

Konvenuti: Ministerul Agriculturii şi Dezvoltării Rurale, Agenţia pentru Finanţarea Investiţiilor Rurale, Agenţia de Plăţi şi Intervenţie în Agricultură, Agenţia de Plăţi şi Intervenţie în Agricultură - Centrul Judeţean Vâlcea

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 288, 291 u 297 TFUE, kif ukoll il-prinċipju tad-dritt [tal-Unjoni] li bis-saħħa tiegħu deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tipproduċi effetti legali sakemm tiġi annullata, hekk kif dan il-prinċipju ġie stabbilit mill-[Qorti tal-Ġustizzja] fis-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Chemie Linz vs Il-Kummissjoni (C-245/92 P, ECLI:EU:C:1999:363), tal-5 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-475/01, ECLI:EU:C:2004:585), tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C-362/14, ECLI:EU:C:2015:650), tal-14 ta’ Ġunju 2012, CIVAD (C-533/10, ECLI:EU:C:2012:347), tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost vs Hauptzollamt Lübeck-Ost (314/85, ECLI:EU:C:1987:452), tat-3 ta’ Lulju 2019, Eurobolt (C-644/17, ECLI:EU:C:2019:555), tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication     (C-199/06, ECLI:EU:C:2008:79), l-Artikolu 9(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) 1 , u l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) 2 , jipprekludu prassi tal-awtoritajiet nazzjonali Rumeni li jadottaw atti interni li jiksru d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Mejju 2012 C(2012) 3529 final li temenda l-programm nazzjonali għall-iżvilupp rurali (PNŻR) tar-Rumanija 2007-2013, jew li ma japplikawx din id-deċiżjoni, la ġiet emendata u lanqas annullata?

Fid-dawl tal-obbligu ġenerali tal-Istati Membri li josservaw id-dritt tal-Unjoni, fil-każ fejn qorti nazzjonali tkun f’sitwazzjoni fejn għandha tosserva sentenza li għandha tiġi interpretata, mogħtija mill-[Qorti tal-Ġustizzja] abbażi tal-Artikolu 267 TFUE (jiġifieri s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2022, Avicarvil Farms (C-443/21, ECLI:EU:C:2022:899)), iżda li ma fihiex evalwazzjoni tal-validità u tal-effetti tad-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni [id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2012) 3529 final u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/873 tat-13 ta’ Ġunju 2018 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea nefqa partikolari li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (il-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR) 1 ], iżda biss fir-rigward tal-irkupru ta’ finanzjament fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, din il-qorti nazzjonali hija intitolata tieħu inkunsiderazzjoni, meta tiddeċiedi fuq it-tilwima li biha hija adita, l-effetti u l-motivazzjoni (il-kunsiderazzjonijiet) ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali, mogħtija f’rikors għal annullament taħt l-Artikolu 263 TFUE, li permezz tagħha deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni f’kawża simili ġiet annullata (jiġifieri s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2023, Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni (T-33/21, ECLI:EU:T:2023:5)?

Il-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat jeħtieġ li, f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ, l-Istat Rumen għandu jħallas lill-benefiċjarji tal-miżura 215 ir-rati ta’ appoġġ, fl-ammont previst fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2012) 3529 final, għat-tul kollu tal-impenji assunti minnhom?

____________

1     ĠU 2008, L 322M, p. 305.

1     ĠU 2010, L 286M, p. 26, rettifika fil-ĠU 2012, L 206, p. 23.

1     ĠU 2018, L 152, p. 29.