Language of document :

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas-6 ta’ Frar 2024 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sofiyski rayonen sad – il-Bulgarija) – Proċedura mibdija minn “Profi Credit Bulgaria” EOOD, “Agentsia za sabirane na vzemania” EAD, “City Cash” OOD

(Kawża C-425/23 1 , City Cash et)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 6(1) – Artikolu 7(1) – Eżami ex officio – Klawżoli inġusti – Talba għal ordni ta’ ħlas – Individwalizzazzjoni tal-ammonti mitluba – Istruzzjonijiet tal-qorti superjuri dwar il-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas – Obbligu tal-qorti inferjuri li tikkonforma ma’ dawn l-istruzzjonijiet)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski rayonen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: “Profi Credit Bulgaria” EOOD, “Agentsia za sabirane na vzemania” EAD, “City Cash” OOD

Dispożittiv

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li skontha qorti adita b’talba għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas, relatata ma’ frazzjoni tal-krediti dovuti taħt kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, ma tistax tordna lill-kreditur sabiex jispeċifika l-frazzjoni tar-rimborsi skedati mitluba mingħand il-konsumatur u, għalhekk, hija obbligata toħroġ l-ordni ta’ ħlas mitluba għall-ammont kollu mitlub meta, fl-assenza ta’ din il-kjarifika, ikun impossibbli għal din il-qorti li tiddistingwi t-talbiet li jirriżultaw mill-klawżoli inġusti tal-bqija tat-talba u, konsegwentement, li tiċħad din it-talba biss għall-parti tat-talbiet li joħorġu mill-imsemmija klawżoli.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

bla ħsara għar-rispett tal-prinċipju ta’ res judicata, huwa jipprekludi li qorti nazzjonali, li għandha tiddeċiedi wara rinviju ta’ kawża minn qorti superjuri, tkun marbuta, konformement mad-dritt proċedurali nazzjonali, b’istruzzjonijiet maħruġa mill-qorti superjuri li titlobha toħroġ ordni ta’ ħlas, jekk dik il-qorti tqis li dawn l-istruzzjonijiet ma jieħdux inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi legali tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum.

____________

1     ĠU C, C/2023/118.