Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Ġermanja) fl-14 ta’ Awwissu 2014 – Timac Agro Deutschland GmbH vs Finanzamt Sankt Augustin

(Kawża C-388/14)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Finanzgericht Köln

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Timac Agro Deutschland GmbH

Konvenut: Finanzamt Sankt Augustin

Domandi preliminari

1.    L-Artikolu 49 TFUE (li kien l-Artikolu 43 TKE) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni bħalma hija dik tal-Artikolu 52(3) EStG sa fejn ir-riintegrazzjoni ta’ telf ta’ stabbiliment barrani, li preċedentement kien ittieħed inkunsiderazzjoni sabiex titnaqqas il-bażi taxxabbli, ma hijiex ikkawżata mir-realizzazzjoni ta’ profitti iżda miċ-ċessjoni ta’ dan l-istabbiliment lil kumpannija b’kapital azzjonarju oħra li tappartjeni lill-istess grupp bħaċ-ċedent?

2.     L-Artikolu 49 TFUE (li kien l-Artikolu 43 TKE) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni bħalma hija dik tal-Artikolu 23(1)(a) tal-Konvenzjoni bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Awstrija intiża sabiex tevita t-tassazzjoni doppja, tal-24 ta’ Awwissu 2000, li teskludi mill-bażi taxxabbli tat-taxxa Ġermaniża d-dħul li joriġina fl-Awstrija li huwa taxxabbli fl-Awstrija fil-każ fejn telf sostnut fi stabbiliment Awstrijak ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju Ġermaniża ma jkunx jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni iktar fl-Awstrija minħabba li l-istabbiliment ikun ġie ċedut lil kumpannija b’kapital azzjonarju Awstrijaka li tappartjeni lill-istess grupp bħall-kumpannija b’kapital azzjonarju Ġermaniża?