Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Diċembru 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Finanzgericht Köln - il-Ġermanja) – Timac Agro Deutschland GmbH vs Finanzamt Sankt Augustin

(Kawża C-388/14) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-kumpanniji – Libertà ta’ stabbiliment – Stabbiliment permanenti mhux residenti – Prevenzjoni tat-taxxa doppja bl-eżenzjoni tad-dħul tal-istabbiliment permanenti mhux residenti – Teħid inkunsiderazzjoni tat-telf sostnut minn tali stabbiliment permanenti – Tintegra mill-ġdid it-telf imnaqqas preċedentement f’każ ta’ trasferiment tal-istabbiliment mhux residenti – Telf definittiv)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Finanzgericht Köln

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Timac Agro Deutschland GmbH

Konvenuta: Finanzamt Sankt Augustin

Dispożittiv

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix sistema fiskali ta’ Stat Membru, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema, f’każ ta’ trasferiment minn kumpannija residenti ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor ta’ kumpannija mhux residenti li tagħmel parti mill-istess grupp tal-ewwel kumpannija, it-telf preċedentement imnaqqas fir-rigward tal-istabbiliment ittrasferit huwa integrat mill-ġdid fil-bażi taxxabbli tal-kumpannija ċedenti meta, skont ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, id-dħul ta’ tali stabbiliment permanenti huwa eżenti minn taxxa fl-Istat Membru fejn il-kumpannija li fuqha kien jiddependi dan l-istabbiliment għandha s-sede tagħha.

2)    L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix sistema fiskali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, f’każ ta’ trasferiment mill-kumpannija residenti ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor għal kumpannija mhux residenti li taqa’ fl-istess grupp bħall-ewwel kumpannija, teskludi l-possibbiltà għal kumpannija residenti li tieħu inkunsiderazzjoni t-telf tal-istabbiliment ittrasferit fil-bażi taxxabbli tagħha meta, skont ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, il-ġurisdizzjoni esklużiva li jiġu ntaxxati r-riżultati ta’ dan l-istabbiliment hija tal-Istat Membru fejn huwa jinsab.

____________

1 ĠU C 372, 20.10.2014.