Language of document : ECLI:EU:C:2016:789

Kawża C‑429/15

Evelyn Danqua

vs

Minister for Justice and Equality et

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Court of Appeal)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/83/KE – Standards minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Regola ta’ proċedura nazzjonali li tipprevedi, għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol li jibdew min-notifika taċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal ażil – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Prinċipju ta’ ekwivalenza – Prinċipju ta’ effettività – Żvolġiment tajjeb tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni susiusdjarja – Żvolġiment tajjeb tal-proċedura ta’ ritorn – Inkompatibbiltà”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2015

1.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Drittijiet mogħtija lill-individwi – Modalitajiet proċedurali nazzjonali – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Regola ta’ proċedura nazzjonali li tipprevedi, għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol li jibdew min-notifika taċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal ażil – Invokazzjoni tal-prinċipju ta' ekwivalenza irrilevanti

(Direttivi tal-Kunsill 2004/83 u 2005/85)

2.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Identifikazzjoni tal-elementi rilevanti tad-dritt tal-Unjoni – Riformulazzjoni tad-domandi

(Artikolu 267 TFUE)

3.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2004/83 – Regola ta’ proċedura nazzjonali li tipprevedi, għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol li jibdew min-notifika taċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal ażil – Inammissibbiltà – Nuqqas ta’ konformità mal-prinċipju ta’ effettività

(Direttiva tal-Kunsill 2004/83)

1.      Fil-kuntest ta’ rinviju preliminari dwar id-domanda jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola ta’ proċedura nazzjonali li tissuġġetta applikazzjoni għall-ksib tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja għal terminu ta’ dekadenza ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol li jibdew jiddekorru min-notifika, mill-awtorità kompetenti, tal-possibbiltà għall-applikant għal ażil li ġie miċħud, li jippreżenta tali applikazzjoni, l-invokazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza hija irrilevanti.

Fil-fatt, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza tirrekjedi li regola nazzjonali tapplika mingħajr distinzjoni għall-proċeduri ibbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u fuq dawk ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali.

Issa, is-sitwazzjoni li hija fil-każ tad-domanda preliminari tirrigwarda żewġ talbiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, jiġifieri applikazzjoni intiża għall-benefiċċju tal-istatus ta’ refuġjat u aplikazzjoni intiża għall-benefiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

(ara l-punti 24, 30,32, 35)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 36 u 37)

3.      Il-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola ta’ proċedura nazzjonali li tissuġġetta applikazzjoni għall-ksib tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja għal terminu ta’ dekadenza ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol li jibdew jiddekorru min-notifika, mill-awtorità kompetenti, tal-possibbiltà, għal applikant għal ażil li ġie miċħud, li jippreżenta tali applikazzjoni.

Fil-fatt, skont il-prinċipju ta’ effettività, tali regola ta’ proċedura nazzjonali għandha tippermetti aċċess effettiv lill-persuni li jitolbu li jibbenefikaw mill-protezzjoni sussidjarja għad-drittijiet mogħtija lilhom mid-Direttiva 2004/83, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li, għal rauinijiet oħra, jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, u relatati mal-kontenut ta’ dawn l-istatuses. F’dan ir-rigward, il-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni sussidjarja għandha importanza partikolari peress li tiżgura li l-applikanti li jfittxu protezzjoni internazzjonali ż-żamma tad-drittijiet l-iktar bażiċi tagħhom permezz tal-għoti ta’ tali protezzjoni.

F’dan il-kuntest, minħabba d-diffikultajiet li tali applikanti jistgħu jaffaċċjaw, minħabba, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni umanament u materjalment diffiċli li fiha jistgħu jkunu, tali terminu ta’ dekadenza jirriżulta li huwa partikolarment qasir u ma jiżgurax, fil-prattika, lil dawn l-applikanti kollha possibbiltà effettiva sabiex jippreżentaw applikazzjoni sabiex jiksbu l-protezzjoni sussidjarja u, jekk ikun il-każ, li għandu jingħata l-istatus mogħti minn din il-protezzjoni. Għaldaqstant, tali terminu ma jistax ikun raġonevolment iġġustifikat għall-finijiet li jiżgura l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ta’ applikazzjoni għall-għoti ta’ dan l-istatus.

Għaldaqstant, ir-regola ta’ proċedura nazzjonali hija tali li tipperikola l-aċċess effettiv tal-applikanti għal protezzjoni sussidjarja għad-drittijiet mogħtija lilhom mid-Direttiva 2004/83.

(ara l-punti 39, 45, 46, 48, 49 u dispożittiv)