Language of document : ECLI:EU:T:2009:72

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Marzu 2009 (*)

“Dumping – Importazzjonijet ta’ ċerti mwieżen elettroniċi li joriġinaw miċ-Ċina – Status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq – Artikolu 2(7)(a) u (c), Artikolu 2(10) u Artikolu 11(9) tar-Regolament (KE) Nru 384/96”

Fil-Kawża T‑299/05,

Shanghai Excell M&E Enterprise Co. Ltd, stabbilita f’Shanghai (iċ-Ċina),

Shanghai Adeptech Precision Co. Ltd, stabbilita f’Huaxin Town (iċ-Ċina),

irrappreżentati minn R. MacLean, solicitor, u E. Gybels, avocat,

rikorrenti

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.‑P. Hix, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch, avocat,

konvenut

sostnut minn

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn K. Talabér‑Ritz u E. Righini, wara minn H. van Vliet u Talabér‑Ritz, bħala aġenti

intervenjenti

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tal-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 692/2005 tat-28 ta’ April 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2605/2000 li jimponi dazji ta’ kontra d-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti mwieżen elettroniċi li joriġinaw, fost l-oħrajn, fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, (ĠU L 112, p. 1),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn V. Tiili (Relatur), President, F. Dehousse u I. Wiszniewska-Białecka, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Mejju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Fatti li wasslu għall-kawża

A –  Investigazzjoni u r-Regolament inizjali

1        Fis-27 ta’ Novembru 2000, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2605/2000 illi jimponi dazji ta’ kontra d-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti mwieżen elettroniċi (REWS) illi joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 34, p. 282-300, iktar ’il quddiem ir-“Regolament inizjali”).

2        Matul l-investigazzjoni li bdiet mal-adozzjoni tal-imsemmi regolament (iktar ’il quddiem l-“Investigazzjoni inizjali”), il-Kummissjoni eżaminat b’mod partikolari jekk l-importazzjonijiet li joriġinaw minn dawn it-tliet pajjiżi, intiżi għall-Komunità Ewropea, ta’ ċerti mwieżen elettroniċi li għandhom kapaċità ta’ użin massima illi ma taqbiżx it-30 kg, intiżi għall-bejgħ bl-imnut, li jinkorpora viżwal diġitali tal-piż, tal-prezz ta’ kull unità u l-prezz illi għandu jitħallas (kemm jekk jinkludi sistemi sabiex tiġi stampata din id-data kemm jekk ma jkunx jinkludi din is-sistema) (iktar ’il quddiem l-“imwieżen elettroniċi”), kinux is-suġġett ta’ dumping.

3        Għal dak li jikkonċerna ċ-Ċina, tliet produtturi esportaturi ddeċiedew li jikkooperaw mal-investigazzjoni u bbenefikaw minn trattament individwali. Dawn it-tliet kumpanniji talbu li jibbenefikaw mill-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem is-“SES”), skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45-64), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 905/98 tas-27 ta’ April 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 111-112), skont ir-rettifika (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Bażiku”). Madankollu, il-Kunsill ikkunsidra li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 2(7)(c) tal-imsemmi Regolament ma kinux sodisfatti u ċaħad din it-talba. Konsegwentement, kellhom jitqabblu l-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi ma’ valur normali ddeterminat għal pajjiż simili, b’ekonomija tas-suq, skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku (premessi 45 sa 48 u 52 tar-Regolament inizjali).

4        L-istituzzjonijiet ikkunsidraw li l-Indoneżja kien il-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq l-iktar approprjat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali (premessi 49 u 50 tar-Regolament inizjali). L-imsemmi valur ġie għaldaqstant iddeterminat skont l-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament bażiku fuq il-bażi tal-valuri normali ddeterminati għal kumpannija Indoneżjana, jiġifieri PT Toshiba TEC Corporation Indonesia (iktar ’il quddiem “Toshiba Indonesia”) (premessa 53 tar-Regolament inizjali).

5        Il-Kunsill qabbel il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fuq il-bażi tal-prezz hekk kif il-prodott jitlaq mill-fabbrika u fl-istess livell tal-kummerċ, u dan ippermetta li joħroġ marġni ta’ dumping għat-tliet produtturi-esporaturi inkwistjoni li jibda inn 9 % sa 12.8 % (premessa 58 tar-Regolament inizjali).

6        Fid-dawl tal-grad baxx ta’ kooperazzjoni mill-esportaturi-prodtturi Ċiniżi l-oħra, il-marġni tad-dumping residwu għal dawn tal-aħħar ġie ffissat fuq il-livell tal-marġni individwali l-iktar għoli relatat ma’ mudell wieħed ta’ miżien elettroniku prodott mill-kumpanniji li kkooperaw, jiġifieri 30.7 %.

7        Konsegwentement, l-Artikolu 1(2) tar-Regolament inizjali impona fuq it-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw dazji antidumping individwali li r-rata massima tagħhom kienet ta’ 12.8 % u lil kumpanniji Ċiniżi l-oħra dazju ta’ 30.7 %.

B –  Preċedura ta’ reviżjoni

8        Ir-rikorrenti, il-kumpanniji konnessi Shanghai Excell M&E Enterprise Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Shanghai Excell”) u Shanghai Adeptech Precision Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Shanghai Adeptech”), jimmanufatturaw imwieżen elettroniċi fiċ-Ċina. Shanghai Excell u Shanghai Adeptech bdew jesportaw imwieżen elettroniċi lejn il-Komunità f’Ġunju 2003. Ġiet applikata rata ta’ dazju antidumping ta’ 30.7 % għalihom.

9        Ir-rikorrenti ppreżentaw quddiem il-Kummissjoni talba għal reviżjoni tar-Regolament inizjali bħala “esportaturi ġodda” fis-sens tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Bażiku. Huma sostnew li huma ma kinux esportaw imwieżen elettroniċi lejn il-Komunità waqt il-perijodu ta’ Investigazzjoni inizjali, jiġifieri bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Awwissu 1999 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ Investigazzjoni inizjali”), u li huma ma kienu konnessi ma ebda produtturi‑esportaturi sottomessi għall-miżuri inkwistjoni.

10      Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1408/2004, tat-2 ta’ Awwissu 2004, li jagħti bidu għal reviżjoni ta’ esportatur ġdid tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2605/2000 dazji definittivi kontra d-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti mwieżen elettroniċi (REWS) li ġejjin minn, fost l-oħrajn, ir-Repubbblika tal-Poplu taċ-Ċina, li tneħħi d-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn żewġ importaturi f’dan il-pajjiż u tagħmel dawn l-importazzjonijiet bla ħsara għar-reġistrazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, L 183M, p. 58-60), il-Kummissjoni fetħet r-reviżjoni għal dak li jikkonċerna r-rikorrenti. Id-dazju antidumping ta’ 30.7% fuq l-imwieżen elettroniċi tagħhom tneħħa u l-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet doganali jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet tal-imsemmija mwieżen, u r-reġistrazzjoni kellha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1408/2004.

11      Fit-23 ta’ Frar 2005, il-Kummissjoni bagħtet ittra lir-rikorrenti li fiha hija esponiet ir-raġunijiet li abbażi tagħhom hija kellha l-intenzjoni tagħtihom trattament individwali u li timponi fuqhom dazju antidumping ta’ 54.8 %. Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Marzu 2005, ir-rikorrenti kkontestaw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

C –  Ir-Regolament ikkontestat

12      Fit-28 ta’ April 2005, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 692/2005, tat-28 ta’ April 2005, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2605/2000 li jimponi dazji ta’ kontra d-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti mwieżen elettroniċi li joriġinaw, fost l-oħrajn, fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 112, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).

13      Fir-Regolament ikkontestat, il-Kunsill ikkonferma li r-rikorrenti kienu esportaturi ġodda fis-sens tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku (premessi 9 sa 11).

14      Il-Kunsill ikkunsidra li, peress li r-rikorrenti kienu stabbiliti fiċ-Ċina, il-valur normali kellu jiġi ddeterminat, bħal fir-Regolament inizjali, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, minħabba li r-rikorrenti ma kinux jissodisfaw l-ewwel żewġ kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tal-imsemmi regolament u li, għaldaqstant, il-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq ma seħħux għal dak li jikkonċerna l-manifattura u l-bejgħ minnhom tal-imwieżen elettroniċi (premessi 12 sa 26). Il-Kunsill madankollu qies li r-rikorrenti kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ trattament individwali mniżżla fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku (premessi 27 u 28).

15      Bħal fir-Regolament inizjali, il-Kunsill ikkalkola l-valur normali, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fuq il-prezz jew fuq il-valur iddeterminat f’pajjiż simili, jiġfieri l-Indoneżja. Il-valur normali kien ġie kkalkolat abbażi ta’ informazzjoni mogħtija minn Toshiba Indonesia.

16      Il-Kunsill qabbel il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fuq il-bażi tal-prezz hekk kif il-prodott jitlaq mill-fabbrika u fl-istess livell tal-kummerċ u kkunsidra, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, id-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tagħhom (premessi 42 sa 45). Fl-aħħar nett, il-Kunsill qabbel il-valur normali medju kkunsidrat ta’ kull tip ta’ prodott ikkonċernat mal-prezz tal-esportazzjoni medju kkunsidrat u kkonkluda li kien hemm marġni ta’ dumping li kien jammonta sa 52.6 % (premessi 55 u 56).

17      Konsegwentement, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament ikkontestat impona dazju antidumping ta’ 52.6 % fuq l-importazzjonijiet tar-rikorrenti fil-Komunità.

18      L-Artikolu 1(2) tar-Regolament ikkontestat applika retroattivament dazji tal-istess rata għall-importazzjonijiet irreġistrati, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/2004. B’hekk ġie impost fuq ir-rikorrenti dazju ta’ 52.6 % minn Awwissu 2004. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 1(2) tar-Regolament ikkontestat talab lill-awtoritajiet doganali tal-Unjoni Ewropea jieqfu milli jirreġistraw l-importazzjonijiet tar-rikorrenti.

19      Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat, dan tal-aħħar daħal fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali, jiġifieri fl-4 ta’ Mejju 2005.

20      Id-dazji ddeterminati bir-Regolament inizjali, hekk kif emendat bir-Regolament ikkontestat, skadew fl-1 ta’ Diċembru 2005, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Wara l-pubblikazzjoni tal-avviż tal-iskadenza fil-viċin tad-dazji, l-industrija Komunitarja ma talbitx reviżjoni tal-miżuri li kienu ser jiskadu, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-26 ta’ Lulju 2005, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Din it-talba għal intervent intlaqgħat permezz ta’ digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Jannar 2006.

23      Billi l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ewwel Awla, li lilha, għaldaqstant, ġiet assenjata din il-kawża.

24      Fid-19 ta’ Marzu 2008, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, hija talbet lill-partijiet iwieġbu għal xi mistoqsijiet bil-miktub u li jipprovdula xi dokumenti. Ir-rikorrenti rrispondew għal din it-talba fit-terminu mogħti.

25      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ April 2008, il-Kunsill informa lill-Qorti tal-Prim’Istanza li huwa ma kienx pożizzjoni li jwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet, peress li allega li xi dokumenti mitluba kienu kunfidenzjali u li kienu, f’kull każ, fil-pussess tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kunsill sostna li r-rikorrenti ma kellhomx iktar interess ġuridiku.

26      Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Mejju 2008, skont l-Artikolu 65(b), l-Artikolu 66(1) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jipproduċu xi hħus minn dawn id-dokumenti flimkien ma’ xi kjarifiki, filwaqt li stqarriet li dawn mhux ser jiġu kkomunikati lir-rikorrenti f’dan l-istadju. Il-Kunsill u l-Kummissjoni rrispondew għal din it-talba fit-terminu mogħti. Madankollu, huma sostnew li huwa jqisu li l-imsemmija dokumenti huma strettament kunfidenzjali, sa fejn dawn fihom informazzjoni kummerċjali sensittiva dwar Toshiba Indonesia.

27      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedra orali.

28      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġbiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tal-20 ta’ Mejju 2008.

29      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti taw il-kunsens tagħhom lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex hija tuża’, skont il-każ, l-informazzjoni fid-dokumenti meqjusa kunfidenzjali mill-Kunsill u l-Kummissjoni, li ma ġewx ikkomunikati lilhom, u dan il-fatt tniżżel fil-proċess verbali waqt is-seduta. Mandankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li kien neċessarju li tuża biss l-informazzjoni li tqegħdet għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti.

30      Barra minn hekk, waqt is-seduta tagħhom, ir-rikorrenti rrinunċjaw għad-disa’ motiv tagħhom, ibbażat fuq żball fl-identifikazzjoni tagħhom fir-Regolament ikkontestat u dan tniżżel ukoll fil-proċess verbali.

31      Fl-aħħar nett, waqt is-seduta, irriżulta li d-dokumenti li r-rikorrenti ressqu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza wara t-talba tagħha tad-19 ta’ Marzu 2008 ma kinux id-dokumenti li ntalbu. Il-Kunsill talab il-permess li jippreżenta kopja ta’ dawn tal-aħħar u li kienu ntbagħtulu mir-rikorrenti waqt l-investigazzjoni li bdiet mal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat. Ir-rikorrenti opponu tali preżentazzjoni, u dan tniżżel fil-proċess verbal waqt is-seduta. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ffissat terminu għar-rikorrenti sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-dokumenti inkwistjoni u fuq l-inklużjoni tagħhom fil-proċess.

32      Fit-30 ta’ Mejju 2008, ir-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet fuq id-dokumenti msemmija fil-punt preċedenti u rrepetew l-oppożizzjoni tagħhom fuq l-inklużjoni tagħhom fil-proċess. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza, waqt li kkunsidrat li l-preżentazzjoni tad-dokumenti inkwistjoni mill-Kummissjoni kienet biss tirranġa żball imwettaq minħabba negliġenza jew b’mod volontarju mir-rikorrenti, qieset li dawn għandhom jiġu inklużi fil-proċess.

33      Fis-6 ta’ Ġunju 2008, il-Kunsill ippreżenta, fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, korrezzjoni tal-informazzjoni li hu kien bagħat lill-Qorti tal-Prim’Istanza wara d-digriet min din tal-aħħar tas-7 ta’ Mejju 2008. Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni informat lil-Qorti tal-Prim’Istanza li l-ispjegazzjonijiet li hija kienet tatha wara l-imsemmi digriet kellhom jinbidlu fid-dawl tal-korrezzjoni ppreżentata mill-Kunsill.

34      Fl-10 ta’ Lulju 2008, ir-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet fuq il-korrezzjoni inkwistjoni.

35      Fl-24 ta’ Settembru 2008, il-proċedura orali ngħalqet.

36      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat sa fejn dan jikkonċernahom;

–        tikkundana lill-Kunsill għall-ispejjeż.

37      Fis-sottomissjonijiet tiegħu, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

38      Fl-ittra tiegħu tal-15 ta’ April 2008, il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tikkonstata li m’hemmx lok li tingħata deċiżjoni iktar minħabba li r-rikorrenti m’għandhomx interess li jkomplu din il-proċedura;

–        tikkundana lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq it-talba għal dikjarazzjoni li m’hemmx lok għal deċiżjoni

A –  L-argumenti tal-partijiet

39      Il-Kunsill isostni li l-imwieżen elettroniċi tar-rikorrenti ma kienu sottomessi għal ebda dazju antidumping fl-iskandenza tar-Regolament inizjali fl-1 ta’ Deċembru 2005. Barra minn hekk, jirriżulta mill-informazzjoni miġbura mill-Istati membri, minn naħa, li dawn tal-aħħar talbu kwantitajiet żgħar ħafna mid-dazji antidumping imposti mir-Regolament ikkontestat u, min-naħa l-oħra, li dawn il-kwantitajiet ma tħallsux mir-rikorrenti, iżda minn importaturi mhux konnessi magħhom.

40      Konsegwentement, il-Kunsill iqis li l-annullament tar-Regolament ikkontestat ma jkollu ebda effett ġuridiku għar-rikorrenti li, għaldaqstant, m’għandhomx interess iktar li jkomplu din il-proċedura.

41      Ir-rikorrenti jqisu li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma għandhiex teżamina l-argument tal-Kunsill minħabba n-natura tardiva tiegħu. Barra minn hekk, huma jikkonfermaw li huma ma ħallsu ebda dazju antidumping sal-ammont impost mir-Regolament ikkontestat. Huma jqisu, madankollu, li s-sottomissjoni tal-imwieżen elettroniċi tagħhom għal dazju antidumping għoli ħafna matul perijodu ta’ ħames xhur ħasret l-isforzi tagħhom ta’ kummerċjalizzazzjoni fl-Ewropa u dan jispjega preċiżament għaliex parti żgħira ħafna mid-dazji antidumping tħallset mill-importaturi tagħhom. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jenfasizzaw li huma għandhom interess ġuridiku, peress li huma bi ħsiebhom jinvokaw in-natura illegali tar-Regolament ikkontestat fil-kuntest ta’ rikors għal responsabbiltà sussegwenti.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

42      Peress li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors u, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ interess ġuridiku, jaqgħu taħt il-motivi ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tivverifika ex officio jekk rikkorrent għandux interess li jikseb l-annullament tad-deċiżjoni li huwa qed jikkontesta (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Marzu 2005, Gruppo ormeggiatori del porto di Venezia et vs Il-Kummissjoni, T‑228/00, T‑229/00, T‑242/00, T‑243/00, T‑245/00 sa T‑248/00, T‑250/00, T‑252/00, T‑256/00 sa T‑259/00, T‑265/00, T‑267/00, T‑268/00, T‑271/00, T‑274/00 sa T‑276/00, T‑281/00, T‑287/00 u T‑296/00, Ġabra p. II‑787, punt 22). Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat l-argument imqajjem mill-Kunsill mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-allegata natura tardiva tiegħu.

43      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, ikun preżenti fil-mument li fih dan jitressaq, u fin-nuqqas ta’ dan, ir-rikors għandu jitqies li huwa inammissibbli. Dan l-iskop tal-kawża, bħal fil-każ tal-interess ġuridiku, irid jissussisti sad-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas tiegħu, ma jkunx hemm bżonn li tingħata deċiżjoni, ħapa li timplika li r-rikors, bl-eżitu tiegħu, ikun ta’ benefiċċju għall-parti li tkun ressqet ir-rikors (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ April 2008, Flaherty et vs Il-Kummissjoni, C‑373/06 P, C‑379/06 P u C‑382/06 P, Ġabra p. I-2649, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan il-każ, skont il-Kunsill, ir-rikorrenti kellhom, waqt il-preżentata tar-rikors, interess ġuridiku, iżda huma tilfuh wara, peress li, fl-iskadenza tar-Regolament inizjali, u, konsegwentement, tar-Regolament ikkontestat, fl-1 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti ma setgħu jieħdu ebda benefiċċju minn annullament eventuali ta’ dan l-aħħar regolament, sa fejn, minn naħa, dan ma japplikax iktar għall-esportazzjonijiet Komunitarji tagħhom u, min-naħa l-oħra, peress li huma ma ħallsu ebda dazju antidumping fil-passat taħt l-imsemmi regolament, l-ebda somma m’hu ser titħallas lura bħala konsegwenza diretta tal-annullament.

45      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi f’dan il-każ, it-teżi tal-Kunsill għandha madankollu tiġi ċċarata għal diversi raġunijiet.

46      L-ewwel nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-iskadenza matul il-kawża ta’ att ikkontestat li tiegħu kien qiegħed jintalab l-annullament ma timplikax, fiha nfisha, l-obbligu tal-qorti Komunitarja li tiddeċiedi li m’hemmx lok għal deċiżjoni peress li m’hemmx skop għall-kawża jew peress li m’hemmx interess ġuridiku fid-data li fiha tingħata s-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra p. I‑4333, punt 47).

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament ikkontestat ma ġiex formalment irtirat mill-Kunsill (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 48).

48      It-tieni nett, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li rikorrent jista’ jżomm interess sabiex jitlob l-annullament ta’ att ta’ istituzzjoni Komunitarja sabiex jiġi evitat li l-illegalità allegata tiegħu sseħħ fil-futur (sentenza Wunenburger vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 50; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie vs Il-Kummissjoni, 53/85, Ġabra p. 1965, punt 21, u tas-26 ta’ April 1988, Apesco vs Il-Kummissjoni, 207/86, Ġabra p. 2151, punt 16).

49      Tali interess ġuridiku jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 KE, li jipprovdi li l-istituzzjonijiet li l-atti tagħhom ġew iddikjarati nulli għandhom ikunu marbuta li jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ruħhom mas-sentenza (sentenza Wunenburger vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 51).

50      Ċertament, tali interess ġuridiku jista’ jissussisti biss jekk l-illegalità allegata tkun tista’ tirripproduċi ruħha fil-futur indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-kawża li taw lok għar-rikors imressaq mir-rikorrent (sentenza Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 52).

51      Issa, dan huwa l-każ ta’ rikors għal annullament, bħal dak f’dan il-każ, imressaq minn impriżi suġġetti għal dazju antidumping wara proċedura ta’ reviżjoni, anki jekk l-imsemmi dazju mhuwiex iktar applikabbli, sa fejn huma jikkontestaw il-proċedura li wasslet għall-impożizzjoni tiegħu. Fil-fatt, kuntrarjament għall-evalwazzjoni fuq il-mertu tal-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping, ir-regoli tal-proċedura ta’ reviżjoni jistgħu jirrepetu ruħhom fil-futur fil-kuntest ta’ proċeduri simili, b’mod li r-rikorrenti jżommu interess ġuridiku kontra r-Regolament ikkontestat, anki jekk ma jipproduċix effetti fil-konfront tagħhom, mill-perspettiva ta’ proċeduri antidumping futuri mressqa kontrihom (ara f’dan is-sens, is-sentenza Wunenburger vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punti 56 sa 59).

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti qed jikkontestaw, fuq diversi aspetti, il-metodoloġija magħżula mill-Kunsill, fir-Regolament ikkontestat, sabiex jiddeċiedi jekk huma jissodisfawx il-kundizzjonijiet sabiex jingħataw is-SES kif ukoll sabiex jikkalkola l-marġni tagħhom ta’ dumping, metodi li jistgħu jiġu rripettuti fil-futur fi proċeduri simili.

53      It-tielet nett, rikorrent jista’ jżomm interess li jitlob l-annullament ta’ att li jaffettwah direttament sabiex jikseb il-konstatazzjoni, mill-qorti Komunitarja, ta’ illegalità mwettqa fir-rigward tiegħu, b’mod li tali konstatazzjoni tkun tista’ sservi bħala bażi ta’ rikors għad-dannu eventwali intiż li jikkumpensa b’mod adegwat id-dannu kkawżat mill-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, Ġabra p. I‑1375, punt 74).

54      Dan huwa l-każ f’dan il-każ. Fil-fatt, ir-Regolament ikkontestat issuġġetta matul perijodu ta’ ħames xhur l-importazzjoni tal-imwieżen elettroniċi tar-rikorrenti għal dazju antidumping li huwa kważi d-doppju ta’ dak applikat lill-produtturi Ċiniżi l-oħra u li żied il-prezz tal-bejgħ tagħhom fil-Komunità għal iktar minn 50 %.

55      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jżommu interess li jiksbu l-konstatazzjoni ta’ illegalità tar-Regolament ikkontestat, peress li, minn naħa, din il-konstatazzjoni torbot lill-Qorti Komunitarja mill-aspett ta’ rikors għall-kumpens ta’ dannu u, min-naħa l-oħra, din tista’ tikkostitwixxi l-bażi ta’ diskussjonijiet eventwali barra mill-qrati bejn il-Kunsill u r-rikorrenti intiżi sabiex jiġi kkumpensat id-dannu subit minn dawn tal-aħħar.

56      Ir-raba’ nett, jekk tiġi aċċettata t-teżi tal-Kunsill dan iwassal li jiġi ammess li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet li għandhom effett limitat fiż-żmien u li jkunu skadew wara li tressaq ir-rikors għal annullament, iżda qabel ma l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ tagħti s-sentenza rilevanti, jaħarbu minn kull stħarriġ ġudizzjarju, jekk dawn ma jkunux taw lok għall-ġbir ta’ flus.

57      Issa, tali sitwazzjoni hija inkompatibbli mal-ispirtu tal-Artikolu 230 KE, li jipprovdi li l-qorti Komunitarja għandha teżamina l-legalità tal-atti adottati flimkien mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, tal-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), minbarra r-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, u ta’ atti tal-Parlament Ewropew maħsuba li joħolqu effetti legali għar-rigward ta’ terzi. Fil-fatt, jekk il-Komunità hija komunità ta’ dritt, la l-Istati Membri tagħha u lanqas l-istituzzjonijiet tagħha ma jistgħu jaħarbu mill-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mal-Karta Kostituzzjonali Fundamentali li hija t-trattat u d-dritt li jirriżulta minn dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, 294/83, Ġabra p. 1339, punt 23).

58      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti għandhom interess ġuridiku.

 Fuq il-mertu

59      Ir-rikorrenti jinvokaw tmien motivi insostenn tar-rikors tagħhom, li fosthom ftit minnhom jistgħu jinġabru flimkien. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tat-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku. Il-ħames sat-tmien motiv huma bbażati fuq ksur tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Fl-aħħar nett, is-sitt u seba’ motivi huma bbażati fuq ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

60      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-ewwel għandhom jiġu ttrattati t-tieni u t-tielet motivi.

A –  Fuq it-tieni u t-tielet motivi, ibbażati fuq ksur tal-ewwel u tat-tieni inċiż, rispettivament, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku

61      L-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku jiddisponi li, fil-każ ta’ importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, b’deroga għar-regoli stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 6 tal-istess dispożizzjoni, il-valur normali huwa, fil-prinċipju, iddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur stabbilit f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq.

62      Madankollu, l-Artikolu 2(7)(b) tal-imsemmi Regolament jipprevedi:

“Fl-investigazzjonijiet kontra dumping li jirrigwardaw l-importazzjonijiet [mir-Russja][…] u [miċ-][…]Ċina, il-valur normali irid jiġi stabilit skont il-paragrafi 1 u 6, jekk ikun muri, fuq il-bażi tal-pretensjonijiet issostanzjati kif xieraq minn produttur jew iktar [suġġetti] għall-investigazzjoni u skont il-kriterji u l-proċeduri stabiliti fis-subparagrafu (c) illi jipprevalu l-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq għal dan il-produttur jew dawn il-produtturi rigward il-fabbrikazzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili interessat. Meta dan ma jkunx il-każ, għandhom japplikaw ir-regoli stabiliti [fl-Artikolu 2(7)(a)]”.

63      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku jipprovdi:

“Pretensjoni skond [l-Artikolu 2(7)(b)] trid issir bil-kitba u jkun fiha biżżejjed evidenza illi l-produttur jopera skond il-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq, jiġifieri jekk:

–        id-deċiżjonijiet tad-ditti rigward il-prezzijiet, l-infiq u inputs oħra, li jinkludu per eżempju l-materja prima, l-ispejjeż fuq it-teknoloġija u tax-xogħol, il-produzzjoni, il-bejgħ u l-investimenti, isiru bi tweġiba għas-sinjali tas-suq filwaqt li jirriflettu l-provvista u d-domanda, u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat f’dan ir-rigward, u n-nefqiet fuq inputs maġġuri jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq,

–        id-ditti jkollhom sett ċar ta’ reġistrazzjonijiet bażiċi tal-kontabilità li jiġu verifikati indipendentement skond l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-għanijiet kollha,

[…]

u

–        il-konversjonijiet tar-rati tal-kambju jitwettqu bir-rata tas-suq.

[…]”

64      Mill-ftuħ tal-investigazzjoni tar-reviżjoni, ir-rikorrenti talbu li jibbenefikaw mis-SES. Il-Kunsill ikkunsidra, fir-Regolament ikkontestat, li din it-talba kellha tiġi miċħuda minħabba li r-rikorrenti ma kinux jissodisfaw l-ewwel żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti (premessi 13 sa 15).

65      Għal dak li jikkonċerna l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, il-Kunsill qies, fir-Regolament ikkontestat, li diversi elementi wrew l-eżistenza ta’ intervent sinjifikattiv tal-Istat fuq ir-rikorrenti. Dawn l-elementi huwa, prinċipalment, il-fatt li l-istatus ta’ waħda mir-rikorrenti kien jawtorizza s-sieħeb tiegħu kkontrollat mill-Istat, li ma kellu ebda parti mill-kumpannija u li kien ġie ppreżentat bħala sieħeb passiv, li jeżiġi kumpens jekk il-miri stabbiliti fil-qasam ta’ produzzjoni, ta’ bejgħ u ta’ profitti ma jintlaqħux; it-tieni nett, il-fatt li l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali huma neċessarji sabiex l-immobbli jidħlu fil-kontijiet bħala assi fissi u sabiex jibda d-deprezzament fuq id-drittijiet tal-użu tal-art; it-tielet nett, il-fatt li waħda mir-rikorrenti qatt ma ħallset kera għall-użu tal-art u, ir-raba’ nett, li hija kienet tibbenefika minn garanziji bankarji mogħtija bla ħlas minn terza persuna (premessa 16 tar-Regolament ikkontestat).

66      Għal dak li jikkonċerna t-tieni kundizzjoni, li l-impriżi li jixtiequ jibbenefikaw mis-SES għandhom juru li huma jużaw sett ċar ta’ reġistrazzjonijiet bażiċi tal-kontabbiltà li jiġu vverifikati indipendentement skont l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà u jiġu applikati għall-għanijiet kollha, il-Kunsill ikkunsidra, fil-premess 17 tar-Regolament ikkontestat, li r-rikorrenti kisru xi wħud mill-“International Accounting Standards” (standards internazzjonali tal-kontabbiltà, iktar ’il quddiem l-“IAS”), adottati mill-International Accounting Standards Board.

67      Fir-rigward tal-IAS 1, il-Kunsill qies li r-rikorrenti kisru tliet prinċipji tal-kontabbiltà fundamentali: il-metodu kontabbli tal-krediti, il-prudenza u l-prevalenza tas-sustanza fuq il-forma. Skont il-Kunsill, ir-rikorrenti lanqas ma osservaw l-IAS 2 fuq l-istokks, l-immobbli tagħhom ma kinux iddaħħlu fil-kontijiet u ddeprezzati skont l-IAS 16, id-drittijiet ta’ użu tal-art ma kinux iddeprezzati skont l-IAS 38, ir-rikorrenti kisru l-IAS 21 fuq l-effetti ta’ bidliet fir-rati tal-kambju u l-IAS 36 fuq id-deprezzament tal-attivi u, fl-aħħar nett, diversi rapporti ta’ verifika tar-rikorrenti juru problemi ta’ kontabbiltà relatati ma’ stokks u juru li l-kumpannija ma stabbilitx proċedura speċifika fil-qasam ta’ miżuri għad-deprezzament tal-assi. Il-Kunsill ikkunsidra wkoll li l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-ksur tal-IAS ma kienx imniżżel fir-rapporti ta’ verifika jindika li l-verifiki tagħhom ma kinux konformi mal-istandards internazzjonali (premessi 17 u 18 tar-Regolament ikkontestat).

1.     L-argumenti tal-partijiet

68      Ir-rikorrenti jsostnu li l-evalwazzjoni magħmula mill-Kunsill fil-premessi 12 sa 26 tar-Regolament ikkontestat, li jgħidu li huma ma jissodisfawx l-ewwel żewġ kriterji mniżżla fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, hija żbaljata.

69      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-analiżi tal-Kunsill fir-Regolament ikkontestat relatata mal-kwistjoni dwar, minn naħa, jekk id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-prezzijiet u l-infiq u l-inputs ittieħdux abbażi tal-indikazzjonijiet tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda mingħajr interferenza sinjifikattiva mill-Istat u, min-naħa l-oħra, jekk l-ispejjeż ewlenin sostanzjalment jirriflettux il-valuri tas-suq, hija manifestament żbaljata.

70      Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill ikkunsidra b’mod żbaljat fir-Regolament ikkontestat li huma ma jissodisfawx it-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, li tipprovdi li l-impriżi li jridu jiġu rrikonoxxuti bħala s-SES għandhom jużaw sett ċar ta’ reġistrazzjonijiet bażiċi tal-kontabbiltà li jiġu vverifikati indipendentement skont l-istandards internazzjonali u jiġu applikati għall-għanijiet kollha.

71      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti josservaw li peress li l-istandards ta’ kontabbiltà applikabbli f’dan il-każ mill-Kummissjoni, jiġifieri l-IAS, ma ġewx applikati fiċ-Ċina, ebda kumpannija stabbilta f’dan il-pajjiż mhija obbligata tosservahom. Għaldaqstant, jekk tintalab l-applikazzjoni tagħhom, ebda kumpannija Ċiniża ma tista’ tikseb is-SES. Barra minn hekk, anki fi ħdan il-Komunità, l-osservanza tal-IAS mhijiex obbligatorja għal xi kumpanniji, skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 609-612), u dan mill-1 ta’ Jannar 2005.

72      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li, fil-proċess verbal tal-Kunsill dwar ir-Regolament Nru 905/98 li introduċa l-kunċett ta’ SES fir-Regolament bażiku, il-Kummissjoni hija mistiedna tapplikah b’tali mod li kull impriża, indipendentement mid-daqs tagħha, ikollha l-istess opportunitajiet li tibbenefika mid-dispożizzjonijiet tiegħu. Madankollu, l-istituzzjonijiet Komunitarji talbu li l-kontabbiltà tar-rikorrenti tkun konformi ma’ standard estremament strett, li huwa impossibbli li jikkonformaw ruħhom miegħu bħala impriżi ta’ daqs żgħir jew medju.

73      Ir-rikorrenti jikkritikaw l-fatt li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma ppruvawx japplikaw standards oħrajn irrikonoxxuti fuq livell internazzjonali, għalkemm huma talbuhom dan diversi drabi, u josservaw li, waqt l-ispezzjoni mill-Kummissjoni fil-bini ta’ Shanghai Adeptech, il-Kummissjoni talbet l-awdituri ta’ din il-Kumpannija jitilqu mill-postijiet momentarjament, u b’hekk ipprivat l-imsemmija kumpannija minn kull possibbiltà li tispjega l-konformità tal-kontabbiltà tagħha mal-istandards internazzjonali.

74      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jqisu li, billi applika fir-Regolament ikkontestat standards ta’ kontabbiltà mhux xierqa, bħall-IAS, pjutost milli l-“istandards internazzjonali tal-kontabbiltà” imsemmija fit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tiegħu tal-kontijiet ivverifikati taż-żewġ kumpanniji.

75      Il-Kunsill jirrispondi li t-tieni u t-tielet motivi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

76      Jirriżulta kemm mill-użu tal-kelma “u”, bejn ir-raba’ inċiż u l-ħames inċiż tal-Artikolu 2(7)(c), kif ukoll min-natura nnifisha ta’ dawn il-kundizzjonijiet, li dawn huma kumulattivi, b’mod li jekk produttur li jitlob li jibbenefika mis-SES ma jissodisfax waħda, it-talba tiegħu għandha tiġi miċħuda (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, T‑35/01, Ġabra p. II‑3663, punt 54).

77      Għaldaqstant, peress li l-Kunsill ikkunsidra, fir-Regolament ikkontestat, li t-talba tar-rikorrenti li jibbenefikaw mis-SES għandha tiġi miċħuda minħabba li hija ma tissodisfa l-ebda waħda mill-ewwel żewġ kundizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku (premessi 13 sa 15), dawn il-motivi ma jistgħux iwasslu għall-annullament tar-Regolament ikkontestat jekk huma ma jintlaqgħux simultanjament.

78      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li għandu l-ewwel jiġi eżaminat it-tielet motiv.

79      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar l-ewwel nett li, fil-qasam ta’ miżuri ta’ protezzjoni kummerċjali, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumpessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom jeżaminaw (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ġunju 1996, NMB Franza et vs Il-Kummissjoni, T‑162/94, Ġabra p. II‑427, punt 72; tad-29 ta’ Jannar 1998, Sinochem vs Il-Kunsill, T‑97/95, Ġabra p. II‑85, punt 51; tas-17 ta’ Lulju 1998, Thai Bicycle vs il-Kunsill, T‑118/96, Ġabra p. II‑2991, punt 32; tal-4 ta’ Lulju 2002, Arne Mathisen vs Il-Kunsill, T‑340/99, Ġabra p. II‑2905, punt 53, u Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, punt 76 iktar ’il fuq, punt 48).

80      Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja fuq l-evalwazzjonijiet tal-istituzzjonijiet għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Mejju 1987, NTN Toyo Bearing et vs Il-Kunsill, 240/84, Ġabra p. 1809, punt 19; sentenzi Thai Bicycle vs Il-Kunsill, punt 79 iktar ’il fuq, punt 33; Arne Mathisen vs Il-Kunsill, punt 79 iktar ’il fuq, punt 54, u Shanghai Teraoka Electronics vs Il‑Kunsill, punt 76 iktar ’il fuq, punt 49).

81      L-istess japplika għas-sitwazzjonijiet ta’ fatt, ta’ natura ġuridika jew politika, li jimmanifestaw ruħhom fil-pajjiż kkonċernat u li l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom jevalwaw sabiex jistabbilixxu jekk esportatur ikunx qiegħed jaġixxi fil-kundizzjonijiet tas-suq mingħajr interferenza sinjifikattiva mill-Istat u jista’, għalhekk, jibbenefika mill-għoti ta‘ status xieraq lill-impriżi li joperaw f’ekonomija tas-suq (sentenza Shanghai Teraoka Electronics vs Il-Kunsill, punt 76 iktar ’il fuq, punt 49).

82      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-valur normali ta’ prodott previst fl-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku huwa eċċezzjoni għall-metodoloġija speċifika previst għal dan il-għan fl-Artikolu 2(7)(a), peress illi dan tal-aħħar huwa, bħala regola ġenerali, applikabbli fil-każ ta’ importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi li m’għandhomx ekonomija tas-suq. Issa, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li kull deroga jew eċċezzjoni għal regola ġenerali għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 1995, Oude Luttikhuis et, C‑399/93, Ġabra p. I‑4515, point 23; tat-18 ta’ Jannar 2001, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑83/99, Ġabra p. I‑445, punt 19, u tat-12 ta’ Diċembru 2002, il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑5/01, Ġabra p. I‑11991, punt 56; sentenza Shanghai Teraoka Electronics vs Il‑Kunsill, punt 76 iktar ’il fuq, punt 50).

83      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-produttur esportatur li jixtieq jibbenefika mis-SES. Fil-fatt, l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku jipprovdi li l-pretensjoni għandha “jkun fiha biżżejjed evidenza”. B’hekk, mhumiex l-istituzzjonijiet Komunitarji li għandhom jipprovaw li l-produttur-esportatur ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti sabiex wieħed jibbenefika mill-imsemmi status. Min-naħa l-oħra, huma l-istituzzjonijiet Komunitarji li għandhom jevalwaw jekk l-elementi pprovduti mill-produttur-esportatur humiex biżżejjed sabiex juru li l-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku huma sodisfatti u hija l-qorti Komunitarja li għandha tivverifika jekk din l-evalwazzjoni hijiex ivvizzjata bi żball manifest (sentenza Shanghai Teraoka Electronics vs Il-Kunsill, punt 76 iktar ’il fuq, punt 53).

84      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi analizzat jekk l-argumenti tar-rikorrenti humiex ta’ natura li juru li l-argument tal-Kunsill li jgħid li huma ma ssodisfawx it-tieni kundizzjoni mniżżla fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku huwa manifestament żbaljat.

85      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, l-ewwel nett, li l-IAS mhumiex obbligatorji fiċ-Ċina u li huma obbligatorji fil-Komunità biss għal xi impriżi.

86      Issa, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-impriżi Ċiniżi mhumiex suġġetti skont id-dritt nazzjonali tagħhom li jirrispettaw ċerti standards ta’ kontabbiltà ma għandu ebda effett fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kontabbiltà tagħhom tistax tiġi evalwata fid-dawl tal-imsemmija standards. Fil-fatt, it-tieni kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, jindika b’mod ċar li l-kontabbiltà ta’ kull impriża li ġejja minn pajjiż li m’għandux ekonomija tas-suq u li tixtieq tikseb is-SES għandha tiġi vverifikata skont l-istandards internazzjonali, mingħajr ma, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-imsemmija standards humiex obbligatorji f’Istat ta’ oriġini jkun rilevanti. Barra min hekk, huwa preċiżament minħabba li l-imsemmi Stat m’għandux ekonomija tas-suq li r-Regolament bażiku jeżiġi mill-impriżi kkonċernati l-osservanza ta’ standards ta’ kontabbiltà li mhumiex neċessarjament l-istandards nazzjonali.

87      Fit-tieni lok, għandu jiġi nnotat li l-fatt li standards internazzjonali ta’ kontabbiltà applikati f’dan il-każ mhumiex obbligatorji għall-impriżi komunitarji skont att Komunitarju ma jimplikax neċessarjament li dawn l-istandards, anki standards ta’ kontabbiltà oħra li jsegwu l-istess għanjiet u li jimplemetawhom b’stess rigorożità, mhumiex obbligatorji għall-imsemmija impriżi skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom. Dan il-fatt lanqas ma jimplika li l-imsemmija standards mhumiex fil-biċċa l-kbira rrikonoxxuti fuq livell internazzjonali jew li huma ma jistgħux jiġbru fil-qosor prinċipji ta’ kontabbiltà komuni għall-parti l-kbira tal-pajjiżi ta’ ekonomija tas-suq, inklużi l-Istati Membri.

88      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll, fit-tieni lok, li huwa impossibbli għal impriżi żgħar jew ta’ daqs medju bħalhom li jikkonformaw ruħhom mal-IAS. Issa, dan l-argument huwa biss affermazzjoni sempliċi, li mhuwa sostnut minn ebda prova u lanqas minn spjegazzjoni fil-qasir tar-raġunijiet li minħabba fihom l-istandards ta’ kontabbiltà applikati f’dan il-każ mill-Kummissjoni huma impossibbli li jinkisbu minn impriża ta’ daqs żgħir jew medju. Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’.

89      It-tielet nett, ir-rikorrenti jikkritikaw il-fatt li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma eżaminawx il-kontabbiltà tagħhom fid-dawl ta’ standards ta’ kontabbiltà, barra mill-IAS, irrikonoxxuti fuq livell internazzjonali.

90      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tal-konformità tal-kontabbiltà tal-impriżi li jixtiequ jibbenefikaw mis-SES ma’ standards ta’ kontabbiltà internazzjonalment magħrufa tal-għażla tagħhom jaqa’ taħt il-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet Komunitarji. Huma l-impriżi inkwistjoni, jekk huma ma jaqblux ma’ din l-għażla, li għandhom juru li l-istandards magħżula mill-istituzzjonijiet mhumiex internazzjonalment magħrufa jew li l-ksur eventwali mill-kontabbiltà tagħhom tal-imsemmija standards ma jikkostitwixxix tali ksur fid-dawl ta’ standards oħra internazzjonalment magħrufa, sa fejn l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-produttur-esportatur li jixtieq jibbenefika mis-SES (ara l-punt 83 hawn fuq). Issa, ir-rikorrenti ma wrewx f’dan il-każ l-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ ċirkustanzi.

91      Fl-aħħar nett, f’kull każ, sabiex jiġu miċħuda l-argumenti kollha tar-rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ebda minnhom ma huwa ta’ natura li jikkontradixxi l-konklużjoni tal-Kunsill, esposta fil-premessa 17 tar-Regolament ikkontestat, li l-kontijiet tar-rikorrenti jiksru xi prinċipji ta’ kontabbiltà fundamentali, bħall-metodi kontabbli dwar il-krediti, il-prudenza u l-prevalenza tas-sustanza fuq il-forma. Fil-fatt, sabiex tiġi validament ikkontestata l-konklużjoni tal-Kunsill, li kien biżżejjed li joħroġ l-evalwazzjoni tiegħu li r-rikorrenti ma jissodisfawx it-tieni konklużjoni tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, ir-rikorrenti kellhom juru li l-kontabbiltà tagħhom tirrispetta l-imsemmija prinċipji jew li hija konformi ma’ standards internazzjonali ta’ kontabbiltà li mhumiex l-IAS, li jirrispettaw dawn il-prinċipji. Issa, minflok ma wrew dan, ir-rikorrenti sempliċement ikkritikaw l-għażla tal-Kummissjoni tal-istandards internazzjonali applikati f’dan il-każ.

92      Minn dan isegwi li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

93      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-punti 76 sa 77 hawn fuq, mhuwiex neċessarju li jiġi eżaminat it-tieni motiv.

B –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku

1.     Osservazzjonijiet preliminari

94      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku:

“Għandu jiġi stabilit jekk il-produttur jilħaqx il-kriterja msemmija [fl-Artikolu 2(7)(c)] fi żmien tliet xhur mill-bidu tal-investigazzjoni, wara konsultazzjoni speċifika tal-Kumitat Konsultattivi u wara li l-industrija tal-Komunità tkun ingħatat l-opportunità li tikkommenta. Din id-deċiżjoni għandha tibqa’ fis-seħħ matul l-investigazzjoni kollha.”

95      Fit-2 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 1408/2004, li abbażi tiegħu l-proċedura ta’ reviżjoni nfetħet. L-imsemmi regolament daħal fis-seħħ il-ġurnata ta’ wara li fiha ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, jiġifieri fl-4 ta’ Awwissu 2004.

96      Fit-3 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti formularju (iktar ’il quddiem il-“formularju fuq is-SES”) li kien jikkonċerna, minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk huma għandhomx jibbenefikaw mis-SES, previst fl-Artikolu 2(7)(b) u (c) tar-Regolament bażiku u, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tat-trattament individwali tagħhom. Il-formolarju fuq is-SES li kellu jimtela’ separatament minn kull rikorrenti kellu jasal għand il-Kummissjoni fi ħmistax-il ġurnata mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1408/2004. Fl-istess data, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti kwestjonarju (iktar ’il quddiem il-“kwestjonarju antidumping”) li kien jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk huma kinux ser jipprattikaw antidumping fil-Komunità. Il-kwestjonarju antidumping, li kellu jimtela’ separatament minn kull rikorrenti, kellu jasal għand il-Kummissjoni sat-13 ta’ Settembru 2004.

97      Fid-19 ta’ Awwissu 2004, ir-rikorrenti taw lill-Kummissjoni l-formularji fuq is-SES mimlija u, fl-20 ta’ Awwissu 2004, huma bagħtu traduzzjoni b’Ingliż ta’ dokument mehmuż mal-imsemmija formularji.

98      Fit-3 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti talba għal informazzjoni addizzjonali dwar ir-risposti tagħhom għall-formularji fuq is-SES. Ir-risposta ntalbet għat-13 ta’ Settembru 2004. Hija talbet ukoll ir-rikorrenti li kumpannija konnessa magħhom, jiġifieri Excell Precision Co. Ltd, stabbilita f’Tajwan (iktar ’il quddiem “Excell Taiwan”), kif ukoll kull kumpannija konnessa mar-rikorrenti li tbiegħ imwieżen elettroniċi, timla’ anness mal-kwestjonarju antidumping (iktar ’il quddiem l-“anness mal-kwestjonarju”).

99      Fl-20 ta’ Settembru 2004, ir-rikorrenti taw il-kwestjonarji antidumping mimlija lill-Kummissjoni.

100    Fil-21 ta’ Settembru 2004, wara li l-Kummissjoni pprorogat it-terminu, ir-rikorrenti rrispondew għall-ittra msemmija hawn fuq tat-3 ta’ Settembru 2004. Fir-4 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti jikkompletaw ir-risposta tagħhom.

101    Fil-5 ta’ Ottubru 2004, ir-rikorrenti bagħtu lill-Kummissjoni l-anness tal-kwestjonarju mimli separatament minn Excell Taïwan u minn kumpannija Tajwaniża oħra li kienet konnessa magħhom, jiġifieri Summing International Ltd.

102    Bejn it-18 u l-21 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni wettqet verifikazzjonijiet fuq il-post tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti fir-risposti tagħhom għall-formularju fuq is-SES.

103    Fis-26 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti jikkompletaw l-informazzjoni pprovduta fil-formularji fuq is-SES. Ir-risposti għal dawn id-domandi ngħataw lill-Kummissjoni fit-3 ta’ Novembru 2004. Il-Kummissjoni ppreżentat talba ġdida għal informazzjoni f’dan ir-rigward fil-15 ta’ Novembru, li r-risposti għaliha ngħatawlha fis-17 ta’ Novembru 2004.

104    Fis-7 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti li kumpanniji oħra konnessi, jiġifieri Bright Advance Co. Ltd u Total Lead Ltd, stabbiliti f’Samoa, jikkompletaw l-anness għall-kwestjonarju.

105    Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-benefiċċju tas-SES ma ngħatalhomx.

106    L-anness għall-kwestjonarju kkompletat separatament minn Bright Advance u Total Lead wasal għand il-Kummissjoni fil-25 ta’ Jannar 2005.

2.     L-argumenti tal-partijiet

107    Ir-rikorrenti jsostnu li peress li r-reviżjoni ta’ esportatur ġdid infetaħ fl-4 ta’ Awwissu 2004 bir-Regolament Nru 1408/2004, it-terminu ta’ tliet xhur li beda jiddekorri mill-ftuħ tal-investigazzjoni imposta mill-Kummissjoni, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, sabiex tinqata’ l-kwistjoni dwar jekk produttur jissodisfax il-kriterji neċessarji sabiex jibbenefika mis-SES (iktar ’il quddiem it-“terminu ta’ tliet xhur”), skada fl-4 ta’ Novembru 2004. Issa, il-Kummissjoni ħadet deċiżjoni fuq is-SES tagħhom fl-14 ta’ Jannar 2005 u qabżet sew dan it-terminu mingħajr ġustifikazzjoni.

108    Ir-rikorrenti jsostnu li t-terminu ta’ tliet xhur jiggarantixxi ċ-ċertezza legali. Mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-trattament ta’ pajjiżi li qabel ma kellhomx ekonomija tas-suq fil-proċeduri antidumping [COM (97) 677 finali] kif ukoll il-proposta tar-Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament bażiku [COM (97) 677 finali] jirriżulta li l-għan tat-terminu ta’ tliet xhur huwa li jġiegħel l-istituzzjonijiet Komunitarji jieħdu deċiżjoni irrevokabbli fuq is-SES mingħajr ma jaffettwaw il-kors normali tal-investigazzjoni. Ir-rikorrenti jqisu li l-qbiż tat-terminu ta’ tliet xhur għandu jwassal għall-annullament tar-Regolament ikkontestat, peress li, jekk dan ma jkunx il-każ, dan it-terminu ma jkollux effett utli.

109    Ir-rikorrenti jqisu li huma mlew il-formolarji tagħhom fuq is-SES kompletament fit-terminu rikjest, kif jirriżulta mill-premessa 13 tar-Regolament ikkontestat. Bl-istess mod, il-Kummissjoni wara talbet informazzjoni u kjarifiki diversi, li ħafna minnhom kien diġà ngħataw. Ir-rikorrenti rrispondew fit-termini mogħtija u talbu biss proroga ta’ ħames ġranet sabiex jirrispondu għall-ittra tat-3 ta’ Settembru 2004. Kienu ngħataw prorogi oħra, iżda dawn kienu jikkonċernaw ir-risposti għall-kwestjonarju antidumping u mhux dawk tal-formolarju fuq is-SES, li ġie aċċettat mingħajr osservazzjonijiet fir-rigward tal-kompletezza tiegħu. Bl-istess mod, ir-rikorrenti jirrikonoxxu li qabżu xi termini ta’ risposta fir-rigward tat-talbiet ta’ informazzjoni fir-rigward tal-kwestjonarji tagħhom antidumping, iżda mhux fir-rigward tal-formolarji tagħhom fuq is-SES.

110    Ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni ħadet xahrejn, wara li rċiviet l-aħħar risposti għat-talbiet ta’ informazzjoni relatati mal-formolarji fuq is-SES, sabiex tieħu deċiżjoni fuq id-dritt tagħhom li jibbenefikaw mis-SES. Barra minn hekk, huma jqisu li l-Kunsill ma setax isostni li l-Kummissjoni kompliet tistaqsihom sabiex jiġġustifika l-ksur tat-terminu ta’ tliet xhur, peress li huwa hu li għandu jwaqqaf dan il-proċess.

111    Ir-rikorrenti jsostnu, fl-aħħar nett, li l-qbiż tat-terminu ta’ tliet xhur kellu effett sinjifikattiv fuq id-deċiżjoni dwar jekk għandhiex issir verifika għall-informazzjoni pprovduta minnhom u minn Toshiba Indonesia. Fil-fatt, peress li t-terminu ta’ investigazzjoni kien limitat għal total ta’ disa’ xhur skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni kienet taqbeż dan l-aħħar terminu jekk il-Kummissjoni wettqet verifika. Fin-nuqqas ta’ din il-verifika, il-kalkoli ta’ marġni antidumping mwettqa fir-Regolament ikkontestat la ħadu inkusiderazzjoni l-aġġustamenti mitluba mir-rikorrenti u lanqas setgħu jittejbu abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn Toshiba Indonesia, li setgħet twassal sabiex ir-riżultati tal-imsemmija kalkoli jkunu differenti.

112    Il-Kunsill jammetti li l-Kummissjoni ma ħaditx deċiżjoni relatata mas-SES fit-terminu ta’ tliet xhur, iżda jqis, sostnut mill-Kummissjoni, li dan ma jwassalx għall-illegalità tar-Regolament ikkontestat.

3.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

113    Huwa paċifiku bejn il-partijiet li t-terminu ta' tliet xhur inqabeż f’dan il-każ. Min-naħa l-oħra huma ma jaqblux mal-konklużjonijiet li għandhom jiġu dedotti, mill-aspett ġuridiku, minn dan il-qbiż. Ir-rikorrenti jqisu li, għall-kuntrarju ta’ dak li qed isostni l-Kunsill, it-terminu ta’ tliet xhur huwa imperattiv u li l-qbiż tiegħu għandu jwassal għall-annullament awtomatiku tar-Regolament ikkontestat.

114    F’dan ir-rigward, il-kwistjoni essenzjali għall-finijiet ta’ din il-kawża mhijiex li tiġi ddeterminata n-natura imperattiva jew le tat-terminu ta’ tliet xhur, iżda biss li jiġi eżaminat x’kienu l-konsegwenzi tal-qbiż tiegħu mill-Kummissjoni u, b’mod partikolari, li jiġi evalwat jekk l-imsemmi qbiż għandux iwassal f’dan il-każ għall-annullament tar-Regolament ikkontestat.

115    Għandha l-ewwel nett tiġi miċħuda t-teżi tar-rikorrenti, li tgħid li kull qbiż tat-terminu ta’ tliet xhur mill-Kummissjoni għandu jtwassal awtomatikament għall-annullament tar-regolament relatat mar-reviżjoni adottat minħabba fih.

116    Fil-fatt, għandu jiġi osservat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku ma fih ebda indikazzjoni fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ qbiż tat-terminu ta’ tliet xhur mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, dan l-artikolu ma jippreċiżax jekk tali qbiż iwassalx għall-għoti obbligatorju tas-SES jew għall-impossibbiltà li titkompla l-investigazzjoni ta’ reviżjoni inkwistjoni, li huma l-uniċi raġunijiet li minħabba fihom ir-Regolament ikkontestat jista’ jiġi annullat awtomatikament minħabba dan il-qbiż.

117    Għaldaqstant, billi tali preċiżjoni ma tirriżulta minn ebda dispożizzjoni oħra tar-Regolament bażiku, għandu jiġi eżaminat l-għan u l-istruttura tal-imsemmi regolament sabiex jiġi deċiż jekk għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi l-għoti obbligatorju tas-SES jew l-impossibbiltà li titkompla l-investigazzjoni kkonċernata meta jinqabeż it-terminu ta’ tliet xhur mill-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Jannar 2005, Merck, Sharp & Dohme, C-245/03, Ġabra p. I‑637, punt 26).

118    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk jirriżultax mill-finalità u mill-istruttura tar-Regolament bażiku li l-qbiż mill-Kummissjoni tat-terminu ta’ tliet xhur jimponi l-għoti tas-SES lill-impriżi li talbuha, għandha tiġi enfasizzata, l-ewwel nett, id-differenza ta’ trattament li r-Regolament bażiku jirriżerva għall-qbiż mill-istituzzjonijiet tat-termini proċedurali barra mit-terminu ta’ tliet xhur.

119    B’hekk, pereżempju, jekk f’terminu ta’ xahar, il-Kunsill, billi jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata, ma jiħux deċiżjoni kontra l-proposta ta’ għeluq tal-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fil-każ previst fl-Artikolu 8(5) u fl-Artikolu 9(2), l-investigazzjoni titqies li ngħalqet skont dawn id-dispożizzjonijiet. Bl-istess mod, jekk il-Kunsill ma jiddeċidix f’terminu ta’ xahar, billi jiddeċiedi b’maġġoranza sempliċi, li jiċħad il-proposta tal-Kummissjoni prevista fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 461/2004, tat-8 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11 Vol. 10, p. 150-158), jew dik prevista fl-Artikolu 14(4) tal-istess regolament, l-imsemmija proposti jiġu adottati, skont id-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

120    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, meta r-Regolament bażiku għandu l-ħsieb li jippenalizza n-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu proċedurali mill-istituzzjonijiet permezz ta’ aċċettazzjoni kompleta tat-talba jew minn konsegwenzi konkreti oħra, dan jindikah espressament.

121    Għandu jitfakkar, it-tieni nett, li għalkemm il-paragrafu 7(b) tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku jipprovdi, għal ċerti pajjiżi, eċċezzjoni għall-metodoloġija ta’ determinazzjoni tal-valur normali previst fil-paragrafu 7(a), din l-eċċezzjoni għandha tingħata interpretazzjoni stretta (sentenza Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, punt 76 iktar ’il fuq , punt 50). Hija ma tistax, għaldaqstant, tapplika awtomatikament fil-każ ta’ qbiż tat-terminu ta’ tliet xhur mill-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni li tipprevedi dan.

122    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk jirriżultax mill-għan u mill-istruttura tar-Regolament bażiku li l-qbiż mill-Kummissjoni tat-terminu ta’ tliet xhur jimpedixxi l-istituzzjonijiet Komunitarji milli jadottaw regolament li jimponi fuq l-impriżi inkwistjoni dazji antidumping, għandu jiġi konluż li, tal-inqas mill-kuntest ta’ investigazzjoni bħal dik f’dan il-każ, ir-Regolament bażiku għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi konsegwenza bħal din.

123    Fil-fatt, fil-kuntest ta’ talba ta’ reviżjoni ta’ Regolament inizjali bħala “esportatur ġdid” fis-sens tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, impriża jew diversi impriżi suġġetti għal dazju antidumping iffissat fi żmien li fih huma ma kinux għadhom qed jesportaw il-prodotti inkwistjoni lejn il-Komunità, jitolbu l-eżami tal-marġni ta’ dumping fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika tagħhom stess, sabiex jiġi impost fuqhom dazju antidumping ġdid, dipendenti biss fuq din is-sitwazzjoni u li jista’ jkun inferjuri għal dak applikabbli qabel jew anki jitneħħa kompletament.

124    F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex xieraq li jiġi konkluż li jekk l-imsemmija impriżi kienu stabbiliti f’pajjiż li m’għandux ekonomija tas-suq u jitolbu li jibbenefikaw mis-SES, il-Kummissjoni m’għandhiex tkompli l-investigazzjoni fir-rigward tagħhom jekk hija qabżet it-terminu ta’ tliet xhur, sa fejn dan jippreġudika l-għan tat-talba inizjali ta’ dawn impriżi, jiġifieri l-ksib ta’ reviżjoni tas-sitwazzjoni individwali tagħhom u dan minħabba raġunijiet li ma jaqgħux taħt il-kontroll tagħhom.

125    Mhuwiex ukoll xieraq li jiġi konkluż li l-Kummissjoni kellha tibda investigazzjoni ġdida fir-rigward tal-impriżi inkwistjoni u fuq talba tagħhom, ladarba t-terminu ta’ tliet xhur inqabeż, peress li dan fil-prattika jżid in-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmi terminu biss, billi jressaq id-deċiżjoni definittiva fuq is-SES għal stadju iktar ulterjuri.

126    Peress li t-teżi li kull qbiż tat-terminu ta’ tliet xhur mill-Kummissjoni għandu jwassal awtomatikament għall-annullament tar-regolament dwar ir-reviżjoni adottat wara konsegwentement ġiet miċħuda, għandu jiġi eżaminat jekk il-qbiż tat-terminu ta’ tliet xhur f’dan il-każ iwassalx għall-annullament tar-Regolament ikkontestat.

127    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li t-terminu ta’ tliet xhur, impost skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku għandu, b’mod partikolari, bħala għan li jiżgura li l-kwistjoni dwar jekk il-produttur jissodisfax il-kriterji elenkati fl-imsemmi artikolu ma tinqatax skont l-effett tiegħu fuq il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping. B’hekk, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku tipprekludi li l-istituzzjonijiet, wara li jadottaw deċiżjoni fuq is-SES, jevalwaw mill-ġdid wara l-informazzjoni li huma għandhom f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Novembru 2006, Nanjing Metalink International vs Il-Kunsill, T‑138/02, Ġabra P. II‑4347, punt 44).

128    Għaldaqstant, l-effett ulti tal-imsemmi terminu ma jistax jitqiegħed inkwistjoni jekk, matul il-perijodu bejn l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur u d-deċiżjoni fuq is-SES, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, hemm lok li jingħad li l-impriżi li talbu r-rikonoxximent tas-SES kienu qiegħdu l-Kummissjoni f’pożizzjoni impossibbli li din tkun taf liema effett fuq il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping jista’ jkollha d-deċiżjoni tagħha fuq is-SES.

129    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-qbiż tat-terminu ta’ tliet xhur mill-Kummissjoni ma ppremettilhiex issolvi l-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti għandhomx jibbenefikaw mis-SES skont l-effett tiegħu fuq il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li r-rikorrenti kienu taw informazzjoni fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni ffatturati lill-kumpanniji konnessi u mhux lill-klijenti indipendenti, filwaqt li din l-aħħar informazzjoni kienet essenzjali għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping. L-informazzjoni dwar il-prezzijiet tal-esportazzjoni ffatturati lill-klijenti indipendenti waslet kompletament lill-Kummissjoni biss fit-28 ta’ Jannar 2005, jiġifieri wara d-deċiżjoni definittiva fuq il-pretensjoni ta’ ksib tas-SES.

130    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, sa fejn mhumiex l-istituzzjonijiet Komunitarji li għandhom jipprovaw li impriża ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti sabiex tibbenefika mis-SES, iżda li dawn għandhom biss evalwaw jekk l-elementi pprovduti minn din l-impriża humiex suffiċjenti sabiex juru jekk l-imsemmija kundizzjonijiet humiex sodisfatti (ara l-punt 83 hawn fuq), wieħed ma jistax jeżiġi mill-Kummissjoni li hija tadotta deċiżjoni fuq il-pretensjoni ta’ impriża li tibbenefika mis-SES qabel terminu raġonevoli mill-mument li din l-impriża tagħtiha l-informazzjoni kollha neċessarja, sabiex hija tkun tista’, b’mod partikolari, tevalwa korrettament din l-informazzjoni kif ukoll, kif previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament bażiku, tikkonsulta speċifikament il-komitat konsultattiv u tagħti lill-industrija Komunitarja l-opportunità li tippreżenta l-oservazzjonijet tagħha.

131    Issa, għandu jiġi enfasizzat li r-risposti għall-formolarji fuq is-SES inizjalment ipprovduti mir-rikorrenti kellhom ikunu kkompletati fuq punti importanti fuq it-talba tal-Kummissjoni magħmula diversi drabi u, b’mod partikolari, mill-ittra mibgħuta mir-rikorrenti lill-Kummissjoni fl-21 ta’ Settembru 2004, wara talba ta’ proroga tat-terminu mogħti mill-Kummissjoni lir-rikorrenti għal dan l-effett. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha xorta terġa’ tistaqsi lir-rikorrenti, bl-ittra tagħha tal-4 ta’ Ottubru 2004, sabiex jikkompletaw ir-risposta tagħhom.

132    Bl-istess mod, jirriżulta mill-proċess li l-formularji fuq is-SES li r-rikorrenti mlew u l-informazzjoni li huma bagħtu f’dan ir-rigward lill-Kummissjoni kienu, anki fi stadju ulterjuri, ivvizzjati minn nuqqasijiet kbar li kienu jikkonċernaw b’mod partikolari kwistjonijiet dwar il-kontabbiltà tagħhom, u dan b’hekk impedixxa lill-Kummissjoni milli tieħu pożizzjoni fuq id-dritt tagħhom li jibbenefikaw mis-SES fit-terminu ta’ tliet xhur.

133    B’mod partikolari, ir-risposti tar-rikorrenti joħorġu dubji kbar fuq il-mod kif huma wettqu miżuri ta’ kontabbiltà li jikkorrispondu għad-deprezzament tal-assi, kif jirriżulta minn korrispondenza mibgħuta mill-Kummissjoni lir-rikorrenti fis-26 ta’ Ottubru 2004. Issa, il-Kummissjoni setgħet b’mod leġittimu tqis li hi kellha din l-informazzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti jissodisfawx it-tieni kundizzjoni mniżżla fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

134    Barra minn hekk, jirriżulta mill-istess korrispondenza li l-verżjoni Ingliża tal-kontijiet ivverifikati ta’ Shanghai Adeptech, li kien ukoll neċessarju sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi fuq jekk ir-rikorrenti jissodisfawx it-tieni kundizzjoni mniżżla fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, kienet inkompleta.

135    Fl-aħħar nett, jirriżulta mill-korrispondenza inkwistjoni li r-rikorrenti kienu pprovdew ċerta informazzjoni dwar l-istruttura tal-kapital ta’ Shanghai Adeptech li ma kinitx taqbel mad-dokumenti trażmessi. Issa, l-istruttura tal-kapital tar-rikorrenti hija kwistjoni fundamentali fl-analiżi mill-Kummissjoni sabiex tara jekk huma jissodisfawx l-ewwel kundizzjoni mniżżla fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

136    Jirriżulta wkoll mill-proċess, u b’mod partikolari mill-faks li r-rikorrenti bagħtu lill-Kummissjoni fit-3 ta’ Novembru 2004, li l-informazzjoni neċessarja sabiex jitranġaw in-nuqqasijiet inkwistjoni kienu ngħataw kompletament biss f’din l-aħħar data, jiġifieri l-ġurnata ta’ qabel tad-data li fiha kien jiskadi t-terminu ta’ tliet xhur.

137    Konsegwentement, mhuwiex possibbli li l-premessa 13 tar-Regolament ikkontestat tiġi interpretata, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, bħala li jindika li r-risposti tagħhom għall-formalarji fuq is-SES kienu kompleti. Din l-interpretazzjoni ma tirriżultax mill-kliem tal-premessa inkwistjoni u dan, barra minn hekk, huwa espressament kontradett mill-korrispondenza skambjata bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni.

138    Fl-aħħar nett, f’kull każ, għandu jiġi konkluż li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni li tipprevedi, jew espressament, jew impliċitament, il-konsegwenzi tal-qbiż ta’ terminu proċedurali bħal dak f’dan il-każ, il-qbiż inkwistjoni ma jistax’ iwassal għall-annullament komplet jew parzjali tal-att li l-proċess tiegħu ta’ adozzjoni jinkludi t-terminu inkwistjoni meta jiġi stabbilt li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità allegata, l-imsemmi att seta’ kellu kontenut differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il‑Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 47, u tat-23 ta’ April 1986, Bernardi vs Il-Parlament, 150/84, Ġabra p. 1375, punt 28).

139    Issa, ir-rikorrenti ma pprovawx li, fin-nuqqas tal-qbiż tat-terminu ta’ tliet xhur mill-Kummissjoni, il-Kunsill seta’ jadotta regolament differenti iktar favorevoli għall-interessi tagħhom mir-Regolament ikkontestat.

140    Fil-fatt, ir-rikorrenti jsostnu biss f’dan ir-rigward li l-qbiż tat-terminu ta’ tliet xhur kellu effett fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li twettaq verifiki fuq il-post tal-informazzjoni li huma stess tawha kif ukoll tal-informazzjoni mogħtija minn Toshiba Indonesia. Huma jsostnu wkoll li kieku dawn il-verifiki saru, il-Kummissjoni kien ikollha informazzjoni ta’ kwalità aħjar u dan seta’ jwassal għall-adozzjoni ta’ Regolament differenti.

141    Dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda għal żewġ raġunijiet.

142    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ma wrewx li l-qbiż tat-terminu ta’ tliet xhur mill-Kummissjoni huwa konness mad-deċiżjoni tagħha li ma twettaqx iż-żjarat inkwistjoni jew li dan kellu xi effett fuq din il-kwistjoni.

143    Fil-fatt, ir-rikorrenti sempliċement isostnu f’dan ir-rigward li t-tul ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ huwa limitat għal total ta’ disa’ xhur skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku u li jekk il-Kummissjoni wettqet iż-żjarat inkwistjoni, dan l-aħħar terminu kien jinqabeż.

144    Għandu jiġi osservat li huwa ċertament minnu li l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku jipprovdi li l-investigazzjonijiet ta’ reviżjoni skont il-paragrafu 4 tal-istess artikolu għandhom jitwettqu f’disa’ xhur wara l-ftuħ tagħhom u li jekk l-investigazzjoni ma titlestiex f’dan it-terminu, il-miżuri antidumping applikabbli jibqgħu l-istess. Madankollu, ir-rikorrenti ma jispjegawx il-għala, kieku l-istituzzjonijiet iddeċidew li jwettqu ż-żjarat ta’ verifika li huma qiesu neċessarji, it-terminu tat-tliet xhur ma kienx jiġi osservat.

145    It-tieni nett, u sussidjarjament, ir-rikorrenti ma wrewx li t-twettiq mill-Kummissjoni taż-żjarat ta’ verifika li huma qiesu neċessarji kienet tagħti lil din l-istituzzjoni informazzjoni li tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ regolament iktar favorevoli għall-interessi tagħhom mir-Regolament ikkontestat. Fil-fatt ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li kieku l-Kummissjoni vverifikat permezz ta’ żjara l-informazzjoni li huma stess tawha, il-Kunsill seta’ adotta regolament finali iktar favorevoli għall-interessi tagħhom. Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna l-informazzjoni pprovduta minn Toshiba Indonesia, għandu jingħad li r-rikorrenti ma taw ebda prova li tippermetti li jiġi kkonstatat li jekk il-Kummissjoni vverifikatha fil-post, ir-Regolament ikkontestat seta’ kien iktar favorevoli għalihom.

146    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandu jiġi konkluż li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

C –  Fuq ir-raba’ motiv, bbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku

147    L-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku jipprovdi:

“Fl-investigazzjonijiet kollha ta’ reviżjoni jew ta’ rifużjoni imwettqa skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jkunux tbiddlu, tapplika l-istess metodoloġija bħal fl-investigazzjoni li wasslet għad-dazju, waqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-Artikolu 2, u b’mod partikolari għall-paragrafi 11 u 12 tiegħu, u għall-Artikolu 17.”

148    Matul l-Investigazzjoni inizjali, tliet produtturi esportaturi Ċiniżi ddeċidew li jikkooperaw u rċevew trattament individwali, bħar-rikorrenti waqt l-investigazzjoni tar-reviżjoni. Dawn it-tliet kumpanniji, bħar-rikorrenti waqt l-investigazzjoni tar-reviżjoni, talbu li jibbenefikaw mis-SES, skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku.

149    Għal dak li jikkonċerna l-produtturi esportaturi Ċiniżi, matul l-Investigazzjoni inizjali, u r-rikorrenti matul l-investigazzjoni ta’ reviżjoni, il-Kunsill qies li l-kundizzjonijiet iffissati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku ma kinux sodisfatti u ċaħad il-pretensjoni tal-impriżi li xtaqu jibbenefikaw mis-SES. Konsegwentement kien neċessarju li jitqabblu l-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi inkwistjoni ma’ valur normali stabbilit għal pajjiż simili, li għandu ekonomija tas-suq, skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku (premessi 45 sa 48 u 52 tar-Regolament inizjali).

150    Kemm fl-Investigazzjoni inizjali kif ukoll fl-investigazzjoni ta’ reviżjoni, l-istituzzjonijiet ikkonkludew li l-Indoneżja kienet il-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq l-iktar xierqa għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali (premessi 49 u 50 tar-Regolament inizjali).

151    Matul l-Investigazzjoni inizjali, il-valur normali kien ġie ddeterminat skont l-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament bażiku, abbażi tal-valuri normali ddeterminati minn produttur Indoneżjan, jiġifieri Toshiba Indonesia, billi ntuża l-mudell tal-qasam tal-medda baxxa l-iktar kompetittiv mibjugħ fis-suq Indoneżjan u fuq dak tal-esportazzjoni fi kwantitajiet sostanzjali, u li nstab li huwa paragonabbli għall-mudelli Ċiniżi esportati lejn il-Komunità (premess 53 tar-Regolament inizjali).

152    Matul l-investigazzjoni ta’ reviżjoni, il-valur normali ġie wkoll ikkalkolat abbażi tal-informazzjoni mogħtija minn Toshiba Indonesia. Mandankollu, għalkemm ġie kkunsidrat li l-bejgħ tal-esportazzjoni ta’ din tal-aħħar kienu sostanzjali, il-Kunsill qies li l-bejgħ tagħha lill-klijenti indipendenti fis-suq Indoneżjan ma kienx kbir biżżejjed sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali u ddeċieda li jibbaża ruħu fuq valur maħdum għat-tipi ta’ prodotti komparabbli għal dawk esportati mir-rikorrenti lejn il-Komunità, abbażi tan-nefqa ta’ produzzjoni tal-imwieżen elettroniċi mmanifatturati fl-Indoneżja miżjuda b’ammont raġonevoli li jikkorrispondi għall-ispejjeż ta’ bejgħ, għall-ispejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż tal-VAG”) kif ukoll għall-profitti (premessi 29 sa 33 u 37 sa 39 tar-Regolament ikkontestat).

153    Fir-rigward tal-prezz tal-esportazzjoni, dan ġie kkalkolat, waqt l-Investigazzjoni inizjali, fil-każ ta’ bejgħ lill-imporaturi indipendenti fil-Komunità, b’riferiment għall-prezzijiet illi tħallsu verament jew li kienu dovuti skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku. Fil-każ ta’ bejgħ mill-intermedjarji ta’ importaturi, dan ġie kkalkolat fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti importati kienu ġew l-ewwel darba mibjugħin (premessi 54 u 55 tar-Regolament inizjali).

154    Waqt l-investigazzjoni ta’ reviżjoni, peress li l-Kunsill ikkunsidra li r-rikorrenti biegħu l-imwieżen elettroniċi tagħhom fil-Komunità permezz tal-kumpanniji konnessi, il-prezz tal-esportazzjoni ġie ddeterminat abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid imħallsa mill-ewwel xerrej indipendenti fil-Komunità (premessa 42 tar-Regolament ikkontestat).

155    Waqt l-Investigazzjoni inizjali, il-Kunsill qabbel il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fuq il-bażi tal-prezz hekk kif il-prodott jitlaq mill-fabbrika u fl-istess livell tal-kummerċ. Sabiex jiġi zgurat paragun imparzjali, ittieħdu inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 2 (10) tar-Regolament Bażiku, tad-differenzi fil-fatturi illi ġew pretiżi u murija illi jeffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet; l-allowances kollha għad-differenzi fit-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġjar, l-ispejjeż tat-tagħbija u spejjeż anċillari, il-kreditu, il-kommissjonijiet, il-ħlasijiet illi għandhom isiru fuq l-importazzjonijiet u l-ispejjeż ta’ wara l-bejgħ ipprattikati (premessa 56 tar-Regolament inizjali).

156    Waqt l-investigazzjoni ta’ reviżjoni, il-Kunsill ukoll qabbel il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fuq il-bażi tal-prezz hekk kif il-prodott jitlaq mill-fabbrika u fl-istess livell tal-kummerċ. Huwa ħa inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, tad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tagħhom. B’mod partikolari, peress li huwa kkonkluda li l-kummerċjanti konnessi mar-rikorrenti kienu jeżerċitaw funzjonijiet li kienu simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kommissjonijiet, il-Kunsill aġġusta l-prezz tal-esportazzjoni sabiex jieħu inkunsiderazzjoni kommissjoni, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku (premessi 43 sa 45 tar-Regolament ikkontestat).

1.     L-argumenti tal-partijiet

157    Ir-rikorrenti, l-ewwel nett, jirreferu għall-eżistenza ta’ kontradizzjoni fir-Regolament inizjali. Il-premessa 50 tal-imsemmi regolament jindika li, fid-dawl tal-importanza tal-volum ta’ bejgħ intern u tal-esportazzjoni mwettqa minn Toshiba Indonesia, il-valur normali għall-produtturi esportaturi Ċiniżi kien ġie kkalkolat skont l-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament bażiku. Issa, ir-risposti għall-kwestjonarju mogħtja minn Toshiba Indonesia waqt il-proċedura rilevanti juru li din ma’ għamlet ebda bejgħ intern ta’ mwieżen elettroniċi.

158    Apparti minn din il-kontradizzjoni, ir-rikorrenti jsostnu li l-istituzzjonijiet Komunitarji biddlu matul l-investigazzjoni ta’ reviżjoni aspetti importanti tal-metodoloġija ta’ determinazzjoni tal-valur normali u tal-prezz tal-esportazzjoni applikat matul l-Investigazzjoni inizjali.

159    B’hekk, l-ewwel nett, il-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni, fil-premessa 37 tar-Regolament ikkontestat, l-ispejjeż ta’ VAG ta’ kumpannija konnessa ma’ Toshiba Indonesia, filwaqt li r-Regolament inizjali ma jsemmiex tali żidiet. It-tieni nett, il-Kunsill għamel xi aġġustamenti tal-valur normali skont l-ispejjeż ta’ wara l-bejgħ, il-garanziji, l-ispiża tal-kreditu jew il-kommissjonijiet fuq il-bejgħ intern fl-Investigazzjoni inizjali iżda mhux fl-investigazzjoni ta’ reviżjoni (premessa 43 tar-Regolament ikkontestat). It-tielet nett, twettqu verifiki fil-postijiet ta’ Toshiba Indonesia matul l-Investigazzjoni inizjali iżda mhux matul l-invetigazzjoni ta’ reviżjoni. Issa, l-obbligu li tiġi applikata l-istess metodoloġija għaż-żewġ investigazzjonijiet jkopri wkoll il-verifiki, u dan iktar u iktar peress li, skont il-Kunsill, il-kundizzjonijiet li fihom Toshiba Indonesia kienet topera kien tbiddel kunsiderevolment. Ir-raba’ nett, il-Kunsill introduċa fil-premessa 45 tar-Regolament ikkontestat aġġustamenti fil-prezzijiet tal-esportazzjoni bil-pretest ta’ kommissjonijiet allegati fuq il-bejgħ imħallsa lill-kummerċjanti konnessi.

160    Il-Kunsill tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

161    Għandu jitfakkar li, matul l-Investigazzjoni inizjali, bħal matul l-investigazzjoni ta’ reviżjoni, il-valur normali ġie ddeterminat abbżi ta’ informazzjoni relatata ma’ produttur li jinsab f’pajjiż simili għaċ-Ċina. Fiż-żewġ każijiet, il-pajjiż simili magħżul kien l-Indoneżja u l-produttur Indoneżjan magħżul kien Toshiba Indonesia.

162    Ir-rikorrenti jqisu, madankollu, li l-metodi li bihom saru ż-żewġ investigazzjonijiet abbażi tal-imsemmija għażla ta’ Toshiba Indonesia jippreżentaw xi diffikultajiet. Skont ir-rikorrenti, l-eżistenza ta’ dawn id-differenzi jwassal għall-ksur tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku.

163    Għaldaqstant, għandha tiġi aċċertata l-eżistenza tad-differenzi metodoloġiċi li għalihom jirreferu r-rikorrenti u, jekk dan ikun il-każ, li jiġu eżaminati fid-dawl tad-dispożizzjoni mesmmija hawn fuq sabiex jiġi ddeterminat jekk l-eżistenza tagħhom tikkostitwixxix ksur kontra din tal-aħħar.

164    L-ewwel differenza metodoloġika bejn l-Investigazzjoni inizjali u dik ta’ reviżjoni murija mir-rikorrenti hija l-fatt li, għall-kalkolu tal-valur normali tal-prodotti ta’ Toshiba Indonesia f’din l-aħħar investigazzjoni, il-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni l-isejjeż ta’ VAG ta’ impriża marbuta mal-imsemmija kumpannija, filwaqt li ma għamilx hekk fir-Regolament inizjali.

165    Għandu jiġi kkonstatat li teżisti effettivament f’dan ir-rigward differenza bejn il-metodi segwiti fiż-żewġ investigazzjonijiet, kif jammetti l-Kunsill stess fil-premessi 40 u 41 tar-Regolament ikkontestat. Fil-fatt, l-eżistenza tagħha tirriżulta b’mod ċar meta jitqabbel il-qari tal-premessa 37 u 38 tar-Regolament ikkontestat, minn naħa, u tal-premessa 53 tar-Regolament inizjali min-naħa l-oħra.

166    B’hekk, fir-Regolament ikkontestat, il-valur normali tal-prodotti ta’ Toshiba Indonesia kien ġie ddeterminat abbażi tan-nefqa tal-produzzjoni tal-imwieżen elettroniċi mmanufatturati minn din l-impriża miżjud b’ammont li jikkorrispondi għall-ispejjeż ta’ VAG kif ukoll għall-profitti. F’dan ir-rigward, l-ispejjeż ta’ VAG meħuda inkunsiderazzjoni huma dawk ta’ Toshiba Indonesia stess u dawk ta’ kumpannija konnessa ma’ din tal-aħħar.

167    Min-naħa l-oħra, fir-Regolament inizjali, il-valur normali tal-prodotti ta’ Toshiba Indonesia ġie kkalkolat abbażi tal-prezz tal-imwieżen elettroniċi tagħhom komparabbli ma’ dawk prodotti fiċ-Ċina, mibjgħuha fis-suq Indoneżjan u fis-swieq ta’ esportazzjoni fi kwantitajiet kbar.

168    Din id-differenza bejn iż-żewġ investigazzjonijiet tista’ tiġi spjegata mill-fatt li, fir-Regolament ikkontestat, il-Kunsill ikkalkola valur normali maħdum u, għaldaqstant, mhux konness mal-prezzijiet ta’ bejgħ reali pprattikati minn Toshiba Indonesia, filwaqt li fir-Regolament inizjali, huwa kkalkola valur normali bbażat fuq tali prezz.

169    Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, meta l-bejgħ ta’ prodott simili mhuwiex suffiċjenti, il-valur normali tal-prodott simili jista’ jiġi kkalkolat b’żewġ modi. L-ewwel nett, dan jista’ jiġi kkalkolat abbażi tan-nefqa ta’ produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini, miżjud b’ammont raġonevoli għall-ispejjeż ta’ VAG u b’marġni benefiċjarja raġonevoli. It-tieni nett, huwa jista’ jiġi kkalkolat abbażi tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni, ipprattikati fil-kors ta’ operazzjonijiet kummerċjali normali lejn pajjiż terz xieraq, bil-kundizzjoni li dawn il-prezzijiet ikunu rappreżentattivi.

170    Kif jirriżulta mill-proċess kif ukoll mill-korrezzjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2008, il-bejgħ Indoneżjan tal-imwieżen elettroniċi meħuda inkunsiderazzjoni matul l-Investigazzjoni inizjali kien insuffiċjenti sabiex jiġi kkalkolat il-valur normali tal-prodotti ta’ Toshiba Indonesia. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill għażel li jikkalkola l-imsemmi valur abbażi tal-prezz tal-esportazzjoni ta’ Toshiba Indonesia, kif ukoll tal-prezzijiet ta’ bejgħ Indoneżjana ta’ din tal-aħħar.

171    Matul l-investigazzjoni ta’ reviżjoni, il-bejgħ ta’ mwieżen elettroniċi tal-mudell inkwistjoni ta’ Toshiba Indonesia kien ukoll insuffiċjenti sabiex jippermetti lill-Kunsill li jikkalkola l-valur normali abbażi tal-prezz tagħhom. Madankollu f’dan il-każ, il-Kunsill iddeċieda li jikkalkola l-valur normali skont l-ewwel possibbiltà prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, jiġifieri abbażi tan-nefqa ta’ produzzjoni f’Indoneżja miżjuda b’somma raġonevoli li tikkorrispondi għall-ispejjeż ta’ VAG u għall-profitti.

172    Għaldaqstant huwa evidenti li affaċjat minn żewġ sitwazzjonijiet identiċi, jiġifieri n-nuqqas ta’ bejgħ intern suffiċjenti ta’ Toshiba Indonesia, il-Kunsill irreaġixxa matul iż-żewġ investigazzjonijiet inkwistjoni b’żewġ modi differenti. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li bidla tal-metodoloġija ta’ kalkolu tal-valur normali seħħet f’dan il-każ, u din mhijex dovuta għal bidla fiċ-ċirkustanzi. Barra minn hekk, din ġiet espressament irrikonoxxuta mill-Kunsill fil-korrezzjoni tiegħu tas-6 ta’ Ġunju 2008.

173    Madankollu, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-Kunsill iddetermina fir-Regolament ikkontestat il-valur normali tal-prodotti ta’ Toshiba Indonesia abbażi tan-nefqa ta’ produzzjoni tal-imwieżen elettroniċi mmanifatturati minn din l-impriża miżjuda b’ammont li jikkorrispondi għall-ispejjeż ta’ VAG kif ukoll għall-profitti filwaqt li, fir-Regolament inizjali, huwa kkalkola l-imsemmi valur abbażi tal-prezzijiet tal-imwieżen elettroniċi ta’ Toshiba Indonesia komparabbli ma’ dawk prodotti fiċ-Ċina, mibjugħa fis-suq Indoneżjan u fis-swieq ta’ esportazzjoni fi kwantitajiet sostanzjali, ma jikkostitwixxix f’dan il-każ bidla ta’ metodoloġija li jikser l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku.

174    Fil-fatt, għandu jiġi osservat li jekk il-Kunsill kien kkalkola l-valur normali fir-Regolament ikkontestat kif għamel fir-Regolament inizjali, jiġifieri billi ħa inkunsiderazzjoni l-prezzijiet tal-esportazzjoni ta’ Toshiba Indonesia kif ukoll il-prezzijiet tal-bejgħ Indoneżjani tagħha, huwa kien jikser l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

175    B’hekk, l-imsemmi artikolu jipprovdi, kif intqal fil-punt 169 hawn fuq, li meta l-bejgħ tal-prodott simili jkun insuffiċjenti, il-valur normali tal-imsemmi prodott jista’ jiġi kkalkolat abbażi tan-nefqa ta’ produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini, miżjud b’ammont raġonevoli għall-ispejjeż ta’ VAG u b’marġni ta’ profitt raġjonevoli, jew abbażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni, ipprattikati fil-kors ta’ operazzjonijiet kummerċjali normali, lejn pajjiż terz xieraq, bil-kundizzjoni li dawn il-prezzijiet ikunu rappreżentattivi u dan jeskludi l-possibbiltà li jingħad il-prezz ta’ bejgħ intern meqjus insuffiċjenti.

176    Issa, hemm lok li jitfakkar li għalkemm l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku jipprevedi li, fl-investigazzjonijiet ta’ reviżjoni kollha mwettqa skont l-imsemmi artikolu, il-Kummissjoni għandha tapplika, sakemm iċ-ċirkustanzi ma nbiddlux, l-istess metodoloġija bħal fl-investigazzjoni li wasslet għad-dazju, jirriżulta wkoll mill-imsemmi artikolu li l-metodoloġija applikata għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 u 17 tar-Regolament bażiku.

177    Minn dan isegwi li l-istituzzjonijiet mhumiex obbligati li japplikaw f’investigazzjoni ta’ reviżjoni metodoloġija li ġiet segwita matul l-Investigazzjoni inizjali jekk din mhijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

178    Kull interpretazzjoni kuntrarja għal din twassal għas-sitwazzjoni assurda li fiha, kieku l-Kunsill ikkalkola l-valur normali abbażi tal-addizzjoni tal-prezzijiet reali tal-esportazzjoni kif ukoll tal-prezzijiet reali ta’ bejgħ Indoneżjan ta’ Toshiba Indonesia, ir-rikorrenti setgħu jitolbu, ġustament, l-annullament tar-Regolament ikkontestat għall-ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, filwaqt li kieku l-Kunsill ikkalkola valur normali maħdum, ir-rikorrenti setgħu jitolbu l-annullament tar-Regolament ikkontestat għall-ksur tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku.

179    Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-eżistenza tal-ewwel differenza metodoloġika bejn l-investigazzjonijiet inizjali u ta’ reviżjoni li jirreferu għaliha r-rikorrenti ma tistax twassal għall-annullament tar-Regolament ikkontestat.

180    It-tieni differenza metodoloġika msemmija mir-rikorrenti hija l-fatt li, fl-Investigazzjoni inizjali, il-Kunsill għamel xi aġġustamenti tal-valur normali tal-prodotti ta’ Toshiba Indonesia skont, b’mod partikolari, l-ispejjeż wara l-bejgħ tagħha, filwaq li tali aġġustament ma twettaqx matul l-investigazzjoni ta’ reviżjoni.

181    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fl-investigazzjoni antidumping, jista’ jkun neċessarju li jsiru, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament, aġġustamenti tal-prezz tal-esportazzjoni u tal-valur normali sabiex jittieħdu inkusiderazzjoni d-differenzi kkonstatati fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u, għaldaqstant, il-paragun tagħhom. Madankollu, tali aġġustamenti mhumiex ġeneralment neċessarji meta l-valur normali użat huwa valur maħdum u, għaldaqstant, iddeterminat b’mod artifiċjali. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-valur normali, minflok jirrifletti ċifra reali qabel ma jitneħħulha l-elementi li jaffettwaw il-komparabbiltà tagħha, huwa kompost biss min-nefqa ta’ produzzjoni inkwistjoni, miżjuda b’ammont raġonevoli ta’ spejjeż ta’ VAG u ta’ marġni ta’ profitt. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ aġġustamenti tal-valur normali tal-prodotti ta’ Toshiba Indonesia kkalkolat fir-Regolament ikkontestat huwa l-konsegwenza diretta tal-fatt li, fl-imsemmi regolament, il-Kunsill uża valur normali maħdum.

182    Issa, peress li l-Kunsill applika ġustament metodoloġija bbażata fuq valur maħdum (ara l-punti 177 sa 179 hawn fuq), ir-rikorrenti ma jistgħux jikkontestaw il-konsegwenzi prattiċi li jirriżultaw mill-imsemmija metodoloġija.

183    It-tielet differenza metodoloġika msemmija mir-rikorrenti hija l-fatt li l-Kunsill introduċa fil-premessa 45 tar-Regolament ikkontestat aġġustamenti tal-prezzijiet tal-esportazzjoni bil-pretest ta’ kommissjonijiet allegati fuq il-bejgħ imħallsa lill-kummerċjanti konnessi mar-rikorrenti, filwaqt li dan m’għamlux fir-Regolament inizjali.

184    Issa, din id-differenza, li teżisti effettivament bejn iż-żewġ investigazzjonijiet inkwistjoni, ma tikkostitwixxix bidla ta’ metodoloġija pprojbita mill-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku.

185    Fil-fatt, waqt l-Investigazzjoni inizjali, il-Kunsill ma kkalkolax il-prezz tal-esportazzjoni tar-rikorrenti, li ma kinux is-suġġett tal-imsemmija investigazzjoni. Huwa preċiżament għal din ir-raġuni li huma talbu, u kisbu, ir-rikonoxximent tal-kwalità ta’ esportatur ġdid, kif jirriżulta mill-premessi 9 sa 11 tar-Regolament ikkontestat. Issa, il-prezz tal-esportazzjoni pprattikat għal kull esportatur għandu neċessarjament jiġi kkalkolat waqt kull investigazzjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tal-imsemmi esportatur. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-kalkolu f’dan il-każ tal-prezz tal-esportazzjoni bl-applikazzjoni tal-aġġustamenti – li jirriżulta miċ-ċirkustanzi li fihom il-Kunsill qies li r-rikorrenti esportaw l-prodotti tagħhom fil-Komunità – jista’ jikkostitwixxi bidla ta’ metodoloġija fis-sens tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku.

186    L-aħħar differenza metodoloġika msemmija mir-rikorrenti hija l-fatt li żjarat ta’ verifika ta’ informazzjoni pprovduta minn Toshiba Indonesia twettqu matul l-Investigazzjoni inizjali, filwaqt li dan ma kienx il-każ waqt l-investigazzjoni ta’ reviżjoni.

187    Madankollu, għandu jiġi konkluż li l-obbligu tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, li tapplika fl-investigazzjonijiet kollha ta’ reviżjoni mwettqa skont dan l-Artikolu, sakemm iċ-ċirkustanzi ma nbiddlux, l-istess metodoloġija bħal fl-investigazzjoni li wasslet għad-dazju, ma jinkludix l-obbligu jew il-projbizzjoni li jitwettqu żjarat ta’ verifika fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni skont jekk dawn iż-żjarat twettqux fil-kuntest tal-Investigazzjoni inizjali jew le. Fil-fatt, il-verifika ta’ informazzjoni ma tistax titqies li tagħmel parti mill-metodoloġija magħżula sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza tad-dumping iżda, biss, bħala mezz ta’ ksib ta’ informazzjoni li jippermetti li tiġi applikata l-metodoloġija inkwistjoni.

188    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

D –  Fuq il-ħames u t-tmien motivi, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku

189    L-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, jipprevedi:

“Fil-każ ta’ l-importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx l-ekonomija tas-suq […], il-valur normali għandu jiġi stabilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn dan il-pajjiż terz għall-pajjiżi l-oħra, inkluża l-Komunità, jew fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kull bażi oħra raġjonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew li jrid jitħallas fil-Komunità għal prodott simili, aġġustat kif xieraq jekk meħtieġ għalbiex jinkludi marġni ta’ profitt raġjonevoli.

Għandu jiġi magħżul pajjiż terz xieraq b’ekonomija tas-suq b’manjiera li ma tkunx irraġjonevoli, filwaqt jitqies kull tagħrif ta’ min joqgħod fuqu li jkun disponibbli fiż-żmien tal-għażla. Għandhom jitqiesu wkoll il-limiti taż-żmien; fejn xieraq, għandu jiġi wżat pajjiż terz b’ekonomija tas-suq li huwa bla ħsara għall-istess investigazzjoni.

Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom jiġu mgħarrfa ftit wara l-bidu tagħha (l-investigazzjoni) bil-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq previst u għandhom jingħataw għaxart ijiem żmien sabiex jikkommentaw.”

190    Il-Kunsill ikkalkola l-valur normali maħdum ta’ Toshiba Indonesia fir-Regolament ikkontestat abbażi tan-nefqa tiegħu ta’ produzzjoni tal-imwieżen elettroniċi fl-Indoneżja miżjuda b’ammont raġonevoli li jikkorrispondi għall-ispejjeż ta’ VAG kif ukoll għall-profitti (premessa 37).

191    Sabiex jikkalkola l-marġni ta’ profitt applikabbli, il-Kunsill iddeċieda, peress li kien ikkonkluda minn qabel li Toshiba Indonesia ma kellhiex biżżejjed bejgħ lill-klijenti indipendenti fis-suq intern tagħha, li japplika l-istess marġni ta’ profitt użat sabiex jinħadem il-valur normali ta’ xi mwieżen elettroniċi importati mit-Tajwan waqt l-Investigazzjoni inizjali, peress li dawn l-imwieżen kienu tal-istess gamma bħal dawk ta’ Toshiba Indonesia (premessa 39 tar-Regolament ikkontestat).

1.     L-argumenti tal-partijiet

192    Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, għalkemm l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom l-obbligu li jiżguraw ruħhom bl-eżattezza tal-informazzjoni li ngħatatilhom, il-Kummissjoni ma vverifikatx dik mogħtija minn Toshiba Indonesia, li hija wkoll inadegwata sabiex jiġi kkalkolat il-valur normali maħdum.

193    B’mod partikolari, meta wieħed jara l-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni mogħtija minn Toshiba Indonesia, dawn tal-aħħar fihom diversi nuqqasijiet. It-tabella li tirrigwarda l-potenzjal ta’ qliegħ ma fiha ebda informazzjoni fuq in-nefqa ta’ produzzjoni, ix-xiri ta’ prodotti lesti jew il-varjazzjonijiet tal-istokks u l-aġġustamenti. It-tabella li tikkonċerna l-bejgħ fis-suq intern ma fihiex l-informazzjoni mitluba. It-tabella li tikkonċerna l-infiq ta’ produzzjoni fiha, minn naħa, informazzjoni relatata mal-ispejjeż diretti, għax-xogħlijiet li qed isiru u għall-ispejjeż ġenerali li jidhru bħala “mhux applikabbli” jew “0” u, min-naħa l-oħra, ċifri relatati mal-ispejjeż tat-trasport, ta’ manutenzjoni kif ukoll spejjeż ta’ VAG mhux mibdula. Fl-aħħar nett, it-total tal-ispejjeż ta’ VAG indikat fit-tabella relatat magħha żdied bejn l-aħħar eżerċizzju u l-proċedura ta’ investigazzjoni filwaqt li f’tabella oħra dan naqas. Għaldaqstant, huwa l-Kunsill li għandu jistabbilixxi li l-verżjonijiet kunfidenzjali għar-risposti għall-kwestjonarju ta’ dan il-produttur huma suffiċjentement koerenti.

194    F’kull każ, fid-dawl tal-numru kbir ta’ nuqqasijiet tal-informazzjoni pprovduta, il-Kummissjoni setghet biss twettaq kalkolu approssimattiv u għaldaqstant il-valur normali maħdum applikabbli huwa żbaljat.

195    Ir-rikorrenti jżidu li, billi ma vverifikatx waqt l-investigazzjoni ta’ reviżjoni l-informazzjoni mogħtija minn Toshiba Indonesia filwaqt li hija għamlet dan fl-investigazzjoni inzjali, il-Kummissjoni ttrattathom b’mod diskriminatorju. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jindikaw li ma kienx hemm preċedent fl-investigazzjonijiet Komunitarji ta’ reviżjoni li fihom l-istituzzjonijiet Komunitarji ma vverifikawx kemm il-prezzijiet tal-esportazzjoni kif ukoll il-valur normali.

196    Barra minn hekk, jekk, kif isostni l-Kunsill, peress li ċ-ċirkustanzi f’din il-kawża kienu tbiddlu kunsiderevolment, iktar u iktar kellha ssir investigazzjoni ġdida.

197    Barra minn hekk, fil-kuntest tat-tmien motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-kalkolu mwettaq mill-Kunsill tal-marġni ta’ profitt li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-valur normali maħdum ta’ Toshiba Indonesia jikser l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, dan il-marġni ta’ profitt ġie dedott minn suq differenti u minn perijodu preċedenti b’iktar minn ħames snin, b’mod partikolari peress li Toshiba Indonesia ma tagħmilx iktar bejgħ fis-suq intern probabbilment peress li dan ma baqax iktar jirrendi kif kien qabel.

198    Fir-rigward tal-ħames motiv, l-ewwel nett, il-Kunsill isostni li d-deċiżjoni li jsiru żjarat ta’ verifika taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Issa, ebda żjara ma kienet neċessarja għand Toshiba Indonesia waqt l-investigazzjoni ta’ reviżjoni peress li l-informazzjoni li hija tat kienet taqbel ma’ dik mogħtija fil-kuntest tal-Investigazzjoni inizjali, ivverifikata mill-Kummissjoni u sostnuta minn dokumenti.

199    It-tieni nett, il-Kunsill iqis li l-informazzjoni mogħtija minn Toshiba Indonesia kienet xierqa sabiex jiġi kkalkolat il-valur normali maħdum u li l-istituzzjonijiet evalwawha korrettament.

200    It-tielet nett, il-Kunsill jikkontesta n-nuqqasijiet allegati fl-informazzjoni mogħtija minn Toshiba Indonesia allegati mir-rikorrenti.

201    Ir-raba’ nett, il-Kunsill isostni li r-rikorrenti ma wrewx li sostnew diskriminazzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza.

202    Fir-rigward tat-tmien motiv, il-Kunsill isostni li huwa ddetermina korrettament il-marġni ta’ profitt ta’ Toshiba Indonesia waqt li huwa ħadem il-valur normali fir-Regolament ikkontestat. Barra minn hekk, jekk l-istituzzjonijiet użaw il-marġni ta’ profitt reali li jikkorrispondu għal ftit bejgħ intern magħmul mill-produttur Indoneżjan, il-valur normali maħdum kien ikun ogħla.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

203    Permezz ta’ dan il-motivi, ir-rikorrenti jinvokaw, essenzjalment, tliet ilmenti. L-ewwel nett, huma josservaw li l-kalkolu tal-valur normali maħdum ta’ Toshiba Indonesia mwettaq mill-Kunsill fir-Regolament ikkontestat la huwa ta’ min joqgħod fuqu u lanqas korrett minħabba li l-kalkolu tan-nefqa ta’ produzzjoni u tal-ispejjeż ta’ VAG tal-imsemmija kumpannija ġie maħdum abbażi ta’ ċerta informazzjoni mogħtija mill-kumpannija inkwistjoni li huma jqisu diffettuża u mhux ivverifikata. It-tieni nett, huma josservaw li l-kalkolu tal-valur normali tal-prodotti ta’ Toshiba Indonesia huwa żbaljat peress li l-marġni ta’ profitt ta’ din tal-aħħar kien ġie kkalkolat abbażi ta’ dak ta’ kumpannija Tajwaniża. Fl-aħħar u t-tielet nett, ir-rikorrenti jqisu li huma kienu s-suġġett ta’ diskriminazzjoni.

204    L-għaża bejn il-metodoloġija differenti ta’ kalkolu tal-marġni ta’ prodott u d-determinazzjoni tal-valur normali maħdum ta’ prodott tippreżupponi l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi u l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni għandu għalhekk ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati sabiex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C‑351/04, Ġabra p. I‑7723, punt 41, u l-ġurisprudenza). Ir-rikorrenti jistgħu għalhekk jiksbu l-annullament tar-Regolament ikkontestat minħabba r-raġunijiet imniżżla fl-ewwel żewġ ilmenti li huma ressqu biss jekk huma jirnexxilhom juru li l-iżbalji li huma qed invokaw huma manifesti.

205    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li għandhom jiġu eżaminati separatament, l-ewwel nett, li l-ewwel żewġ ilmenti invokati mir-rikorrenti, u mbagħad, l-ilment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni kontra dawn tal-aħħar.

a)     Fuq l-ewwel ilment, li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-valur normali maħdum abbażi tal-informazzjoni mhux ivverifikata u difettuża

206    Ir-rikorrenti jagħmlu, essenzjalment, żewġ kritiki fir-rigward tal-informazzjoni mogħtija minn Toshiba Indonesia li abbażi tagħha l-valur normali maħdum ġie ddeterminat.

207    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-informazzjoni pprovduta minn Toshiba Indonesia ma kinitx ġiet ivverifikata permezz ta’ żjarat u li, konsegwentement, hija ma kinitx ta’ min joqgħod fuqha.

208    F’dan ir-rigward, huma importanti li jiġi osservat li n-nuqqas ta’ verifika permezz ta’ żjarat ta’ informazzjoni mogħtija fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping ma jirrendix din l-informazzjoni żbaljata jew neċessarjament mhux ta’ min joqgħod fuqha.

209    Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 6(8) tar-Regolament bażiku, teżamina għall-preċiżjoni sakemm ikun possibbli l-informazzjoni li tingħata mill-partijiet interessati u li fuqha huma bbażati s-sejbiet, ħlief fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 18 tal-istess Regolament, jiġifieri fil-każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni, xejn ma jipprekludieha milli teżamina din l-informazzjoni bil-mod li hija tqis l-iktar xieraq u mhux biss permezz ta’ żjara. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku jipprovdi li l-viżiti ta’ verifika għandhom jitwettqu biss meta l-Kummissjoni tqis dan xieraq.

210    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni vverifikatx biżżejjed l-informazzjoni mogħtija minn Toshiba Indonesia b’mod ieħor milli permezz ta’ żjara ta’ verifika.

211    F’dan ir-rigward, il-Kunsill isostni li l-informazzjoni mogħtija minn Toshiba Indonesia taqbel ma’ dik mogħtija fil-kuntest tal-Investigazzjoni inizjali kif ukoll mad-dokumenti mogħtija mill-imsemmija kumpannija. Din l-informazzjoni mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti.

212    Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet Komunitarji setgħu b’mod leġittimu jieħdu inkunsiderazzjoni, waqt l-evalwazzjoni tagħhom, tal-possibbiltà li jeżaminaw permezz ta’ żjarat l-informazzjoni mogħtija minn Toshiba Indonesia fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni, minħabba l-fatt li din il-kumpannija kienet diġà tat informazzjoni waqt l-Investigazzjoni inizjali u, għaldaqstant, kienet diġà ppermettiet lill-istituzzjonijiet inkwistjoni li jivverifikaw l-affidabbiltà tal-informazzjoni mogħtija, inkluż permezz ta’ żjarat, għal dati raġonveloment viċin ta’ dawk tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni.

213    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-istituzzjonijiet Komunitarji kkonċernati ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidew li ma kienx neċessarju li l-informazzjoni mogħtija minn Toshiba Indonesia tiġi vverifkata iktar permezz ta’ żjara.

214    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti osservaw, għalkemm b’mod konċiż ħafna, l-eżistenza ta’ ċerti nuqqasijiet konkreti fl-informazzjoni mogħtija minn Toshiba Indonesia li huma skoprew meta eżaminat il-verżjonijiet tagħhom mhux kunfidenzjali u għaldaqstant irriżulta li l-Kummissjoni setgħet twettaq biss kalkolu approssimattiv u għaldaqstant żbaljat tal-valur normali attribwit lil Toshiba Indonesia.

215    L-ewwel nett, huma jsostnu li l-infomazzjoni mogħtija minn Toshiba Indonesia f’tabella speċifika li tikkonċerna l-potenzjal ta’ qliegħ tagħha ma fiha ebda informazzjoni fuq l-infiq ta’ produzzjoni, ix-xiri ta’ prodotti lesti jew il-varjazzjonijiet tal-istokks u tal-aġġustamenti.

216    Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Kunsill, fir-Regolament ikkontestat tiegħu, ma kkalkolax il-valur normali maħdum ta’ Toshiba Indonesia abbażi tal-marġni ta’ profitt tagħha stess, iżda abbażi tal-marġni ta’ profitt ta’ kumpannija Tajwaniża. Minn dan isegwi li anki jekk l-informazzjoni mogħtija minn Toshiba Indonesia fit-tabella li tikkonċerna l-potenzjal ta’ qliegħ tagħha ma kinitx kompluta, dan ma seta’ jkollu ebda effett fuq il-kalkolu tal-valur normali maħdum. Konsegwentement, kull kritika tar-rikorrenti dwar din l-informazzjoni hija ineffettiva.

217    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-informazzjoni mogħtija minn Toshiba Indonesia f’tabella speċifika li tikkonċerna l-istokks ma tindika ebda moviment ta’ stokk u dan mhuwiex realistiku.

218    Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li r-rikorrenti xejn ma spjegaw kif din l-informazzjoni setgħet jew kellha tintuża sabiex jiġi kkalkolat il-valur normali maħdum u li, għaldaqstant, huma ma jistgħux jallegaw li n-natura żbaljata setgħet kellha effett fuq il-kalkolu tal-imsemmi valur. Għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Kunsill irrisponda, mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrenti, li Toshiba Indonesia kienet tibgħat il-prodotti tagħha lil impriża konnessa, jiġifieri, Toshiba TEC Singapore (iktar ’il quddiem “Toshiba Singapore”), li kienet responsabbli mill-bejgħ tal-imwieżen elettroniċi u għaldaqstant ukoll mill-istokks, u dan jispjega ċ-ċirkustanza li jirreferu għaliha r-rikorrenti (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 259 sa 262 iktar ’l isfel). Konsegwentement, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma wrew l-eżistenza ta’ ebda nuqqas fit-tabella inkwistjoni li jista’ jqiegħed inkwistjoni l-kalkolu tal-valur normali.

219    It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-informazzjoni mogħtija minn Toshiba Indonesia f’tabella speċifika li tikkonċerna l-bejgħ fis-suq intern ma tikkorrispondix għall-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni.

220    Għandu jiġi osservat, madankollu, li r-rikorrenti xejn ma spjegaw kif din l-informazzjoni allegatament ineżistenti kellha tiġi użata sabiex jiġi kkalkolat il-valur maħdum u li, għaldaqstant, huma ma jistgħux allegaw li l-nuqqas tagħha setgħet effettwat il-kalkolu tal-imsemmi valur. Barra minn hekk, il-Kunsill irrisponda, mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrenti, li l-imsemmija tabella tirrigwarda informazzjoni dwar l-Indoneżja kollha u mhux Toshiba Indonesia stess, li ma kellha ebda informazzjoni fuq il-produtturi l-oħra, l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-prodott inkwistjoni fl-Indoneżja, ħaġa li tispjega għalfejn din it-tabella ma fihiex parti mill-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni.

221    Konsegwentement, għandu wkoll jiġi konkluż li r-rikorrenti ma wrew l-eżistenza ta’ ebda nuqqas fit-tabella inkwistjoni li jista’ jqiegħed inkwistjoni l-kalkolu tal-valur normali.

222    Ir-raba’ nett ir-rikorrenti jsostnu li l-informazzjoni mogħtija minn Toshiba Indonesia f’tabella speċifika li fiha l-infiq ta’ produzzjoni fiha, minn naħa, informazzjoni dwar l-ispejjeż diretti, dwar xogħlijiet li qed isiru u dwar spejjeż ġenerali li jidhru bħala “mhux applikabbli” jew “0” u, min-naħa l-oħra, ċifri mhux mibdula relatati mal-ispejjeż tat-trasport, ta’ manutenzjoni kif ukoll spejjeż ta’ VAG.

223    Il-Kunsill indika għal dak li jikkonċerna l-informazzjoni relatata mal-ispejjeż diretti, ix-xogħlijiet li qed isiru u l-ispejjeż ġenerali, mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrenti, li l-indikazzjonijiet “mhux applikabbli” u “0” jistgħu jiġi spjegati mill-fatt li Toshiba Indonesia kienet tat informazzjoni fuq l-ispejjeż tagħha stess li kienu jikkonċernaw mudell ta’ miżien li, wara l-manifattura, kien intbagħat lil Toshiba Singapore. Għaldaqstant, hija din tal-aħħar li ssostni kważi t-totalità tal-ispejjeż ikkonċernati.

224    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li jirriżulta mill-proċess li l-kwestjonarju mibgħut f’dan il-każ mill-Kummissjoni lil Toshiba Indonesia għandu struttura standard li hija maħsuba għal diversi prodotti u li tinkludi, fost elementi oħrajn, diversi tabelli diviżi f’sezzjonijiet determinati minn qabel. Issa, hekk kif jindika l-Kunsill, xi sezzjonijiet ma jistgħux jintużaw għal xi prodotti jew għal xi mudelli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta mogħtija mid-destinatarju tal-kwestjonarju inkwistjoni tista’ tindika biss il-valuri bħal “0” jew “mhux applikabbli” u, għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jikkritikaw b’mod validu l-informazzjoni inkwistjoni minħabba l-eżistenza tal-imsemmija indikazzjonijiet mingħajr ma jindikaw, anki b’mod konċiż, kif l-informazzjoni tas-sezzjonijiet ikkonċernati setgħu jkunu rilevanti.

225    Barra minn hekk, il-Kunsill isostni, mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrenti, li, fil-kuntest tat-tabella inkwistjoni, Toshiba Indonesia pprovdiet biss informazzjoni fuq imwieżen elettroniċi u mhux fuq prodotti oħra u dan jispjega għalfejn il-kolonna intitolata “Il-prodotti kollha” tindika l-kliem “mhux applikabbli”.

226    Fir-rigward tal-fatt li ċifri għall-ispejjeż ta’ trasport, ta’ manutenzjoni, kif ukoll għall-ispejjeż ta’ VAG baqgħu l-istess, huwa biżżejjed li jiġi osservat li r-rikorrenti ma spjegawx, lanqas fil-qosor, kif dan juri li t-tabella inkwistjoni fiha informazzjoni żbaljata. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq dan l-iżball allegat sabiex jikkontestaw il-legalità tar-Regolament ikkontestat.

227    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma pprovawx li l-informazzjoni mogħtija minn Toshiba Indonesia fil-kuntest tat-tabelli inkwistjoni kienu difettużi.

228    Il-ħames nett, ir-rikorrenti jqisu li ż-żieda tat-total tal-ispejjeż ta’ VAG indikata fit-tabella relatata magħha bejn l-aħħar eżerċizzju u l-perijodu ta’ investigazzjoni mhuwiex kredibbli peress li t-total naqas f’tabella oħra.

229    Issa, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrrenti sempliċement qegħdin mill-ġdid iqiegħdu inkwistjoni l-eżattezza ta’ informazzjoni mingħajr ma jispjegaw kif din kellha tintuża sabiex jiġi kkalkolat il-valur normali maħdum, b’mod li huma ma jistgħux jallegaw li l-eżistenza ta’ din l-informazzjoni konkreta ħafna fost l-ammont kbir ta’ informazzjoni mogħtija minn Toshiba Indonesia u li, skont ir-rikorrenti, il-valur normali maħdum ġie kkalkolat, setgħet taffettwa f’dan il-każ l-imsemmi kalkolu.

230    F'kull każ, għandu jiġi osservat li t-tabella dwar l-ispejjeż ta' VAG tkkonċerna l-prodotti kollha mmanufatturati minn Toshiba Indonesia, waqt li t-tabella l-oħra, li għaliha qed jirreferu r-rikorrenti, tikkonċerna biss il-mudell konkret u dan jispjega d-differenza osservata mir-rikorrenti.

231    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma rnexxilhomx jipprovaw li l-Kummissjoni setgħet tagħmel biss kalkolu approssimattiv u għaldaqstant żbaljat tal-valur normali attribwit lil Toshiba Indonesia abbażi tal-informazzjoni mogħtija minn din l-impriża. Għaldaqstant, dan l-ilment ma jistax jintlaqa’.

b)     Fuq it-tieni lment, li jikkonċerna n-natura manifestament inadegwata tal-marġni ta’ profitt attribwit lil Toshiba Indonesia

232    Qabel kollox, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti mhux qed jikkontestaw il-fatt li l-ammont tal-marġni ta’ profitt attribwit lil Toshiba Indonesia mill-Kunsill waqt il-ħdim tal-valur normali huwa raġonevoli.

233    Ir-rikorrenti sempliċement qed isostnu li d-determinazzjoni tal-ammont tal-imsemmija marġni abbażi ta’ dak attribwit lil kumpannija Tajwaniża fil-kuntest tal-Investigazzjoni inizjali mhijiex raġonevoli u dan minħabba li s-suq Tajwaniż huwa differenti mis-suq Indoneżjan u li l-perijodu ta’ Investigazzjoni inizjali jippreċedi l-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni.

234    Madankollu, għandu jiġi kkontestat li r-rikorrenti ma ppreżentaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza ebda element li jista’ jipprova li huwa manifestament żbaljat li jiġi kkunsidrat li l-marġni ta’ profitt magħmul ħames snin qabel il-bidu tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni għal kumpannija Tajwaniża li tipproduċi, kif josserva l-Kunsill mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrenti, imwieżen elettroniċi tal-istess gamma bħal dik ta’ Toshiba Indonesia, jista’ jkun attribwit lil din tal-aħħar b’mod raġonevoli waqt il-ħdim tal-valur normali tagħha.

235    B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma stabbilixxux li l-kundizzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-imwieżen elettroniċi kienu differenti matul dawn iż-żewġ perijodi fit-Tajwan u fl-Indoneżja, u pprovaw inqas li dawn id-differenzi setgħu jaffettwaw il-marġni ta’ profitti tal-kumpanniji li jbiegħu mwieżen elettroniċi f’dawn iż-żewġ pajjiżi sal-punt li mhuwiex manifestament raġonevoli li tintuża marġni ta’ profitt ta’ impriża Tajwaniża sabiex jiġi kkalkolat dik li tista’ tiġi attribwita lil impriża Indoneżjana meta l-marġni reali tagħha ma jistax jintuża.

236    Minn dan isegwi li dan l-ilment ma jistax jintlaqa’.

c)     Fuq it-tielet ilment, li jikkonċerna l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni

237    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li huma soffrew diskriminazzjoni, peress li l-informazzjoni mogħtija minn Toshiba Indonesia ġew eżaminati permezz ta’ żjara waqt l-Investigazzjoni inizjali u li dan ma sarx waqt l-investigazzjoni ta’ reviżjoni.

238    Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li l-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni jeżiġu li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ottubru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun, C‑248/04, Ġabra p. I‑10211, punt 72, u tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, Ġabra p. I‑3633, punt 56).

239    Issa, ir-rikorrenti ma pprovawx li l-investigazzjoni ta’ reviżjoni u l-Investigazzjoni inizjali jikkostitwixxu sitwazzjonijiet paragunabbli, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-kredibbiltà li l-istituzzjonijiet Komunitarji kellhom jagħtu lill-informazzjoni mogħtija minn Toshiba Indonesia fiż-żewġ każijiet. B’mod partikolari, l-investigazzjoni ta’ reviżjoni kienet tirrigwarda produttur li kien diġà s-suġġett tal-Investigazzjoni inizjali u, għaldaqstant, kien diġà ppermetta lill-Kummissjoni tivverifika l-affidabbiltà tal-informazzjoni mogħtija, u dan ma kienx il-każ fil-mument tal-Investigazzjoni inizjali (ara l-punt 212 hawn fuq).

240    Għaldaqstant, l-ilment bbażat fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni għandu jiġi miċħud.

E –  Fuq is-sitt u s-seba’ motivi, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku

241    L-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, hekk kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1972/2002 tal-5 ta’ Novembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 132-134), jipprevedi:

“Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz ta’ l-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ u fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ magħmula kemm jista’ jkun kważi fl-istess ħin u b’kont dovut meħud ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-paragun tal-prezz. Fejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni kif stabbiliti mhumiex fuq bażi daqshekk komparabbli għandu jkun hemm disposizzjoni, f’forma ta’ aġġustamenti, f’kull każ, fuq il-merti tiegħu, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragun tal-prezzijiet. Kwalunkwe duplikazzjoni meta jsiru l-aġġustamenti għandha tiġi evitata, b’mod partikolari fejn jidħlu tnaqqis, ribassi, kwantitajiet u l-livell tal-kummerċ. Fejn il-kondizzjonijiet speċifikati huma milħuqa, il-fatturi li għalihom jista jsir aġġustament huma mniżżla kif ġej:

[…]

i) Il-kummissjonijiet

Għandu jsir aġġustament għad-differenzi fil-kummissjonijiet imħallsa fejn jidħol il-bejgħ taħt kunsiderazzjoni. Il-kelma "kummissjonijiet" għandha tinftiehem li tinkludi ż-żieda fuq il-prezz li jirċievi negozjant tal-prodott jew prodott simili jekk il-funzjonijiet ta’ dak in-negozjant huma simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjoni.

[…]”

242    Fir-Regolament ikkontestat, il-valur normali ġie kkalkolat abbażi tan-nefqa ta’ produzzjoni tal-imwieżen elettroniċi mmanifatturati minn Toshiba Indonesia, miżjuda, l-ewwel nett, b’ammont raġjonevoli li jikkorrispondi għall-ispejjeż ta’ VAG ta’ din tal-aħħar, li ġie kkalkolat billi ġew miżjuda mal-ispejjeż ta VAG ta’ Toshiba Indonesia parti mill-ispejjeż ta’ VAG ta’ Toshiba Singapore u, it-tieni nett, b’ammont raġonevoli li jikkorrispondi għall-profitti ta’ Toshiba Indonesia (premessi 29 sa 33 u 37 sa 39).

243    Peress li l-Kunsill ikkonkluda li r-rikorrenti kienu biegħu l-imwieżen elettroniċi tagħhom fil-Komunità permezz ta’ kumpanniji konnessi, il-prezz tal-esportazzjoni ġie ddeterminat abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid imħallsa mill-ewwel xerrej indipendenti fil-Komunità.

244    Fir-Regolament ikkontestat, waqt il-paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fuq il-bażi tal-prezz hekk kif il-prodott jitlaq mill-fabbrika u fl-istess livell tal-kummerċ, il-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, id-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tagħhom. B’mod partikolari, peress li huwa kkonkluda li l-kummerċjanti konnessi mar-rikorrenti kellhom funzjoni simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kommissjonijiet, il-Kunsill aġġusta l-prezz tal-esportazzjoni sabiex jieħu inkunsiderazzjoni kommissjoni, skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku (premessi 43 sa 45).

1.     L-argumenti tal-partijiet

245    Fil-kuntest tas-sitt motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali maħdum, l-ispejjeż ta’ VAG biss ta’ Toshiba Indonesia relatati mal-bejgħ intern tagħha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Issa, Toshiba Singapore, li parti mill-ispejjeż ta’ VAG tagħha ġew integrati mill-Kunsill fil-kalkolu mal-imsemmi valur, hija involuta f’serje kbira ta’ attivitajiet li mhumiex relatati mas-suq Indoneżjan, peress li hija twettaq funzjonijiet ta’ koordinazzjoni fuq livell reġjonali u tagħmel bejgħ reġjonali, iżda mhux bejgħ fl-Indoneżja. Ir-rikorrenti jqisu li, billi għamel hekk, il-Kunsill wasal għall-prezz tal-esportazzjoni iżda mhux għall-prezz tal-bejgħ Indoneżjan.

246    Ir-rikorrenti jżidu li żewġ impriżi konnessi ma’ Toshiba Indonesia, jiġifieri, Toshiba Singapore u Toshiba TEC Corporation, stabbilita fil-Ġappun (iktar ’il quddiem “Toshiba Japan”), kellhom jiġu kkunsidrati bħala aġenti ta’ Toshiba Indonesia. Għaldaqstant, il-Kunsill kellu japplika tnaqqis mill-valur normali maħdum li jikkorrispondi għall-kommissjonijiet ta’ bejgħ imħallsa, tal-anqas minħabba li dan it-tnaqqis kien ġie applikat fil-kuntest tal-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni.

247    Fil-kuntest tas-seba’ motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw li l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom id-dritt li jnaqqsu l-prezz tagħhom tal-esportazzjoni, abbażi tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, mill-“kommissjonijiet” allegati għall-attivitajiet ta’ bejgħ tal-kumpanniji konnessi magħhom. Fil-fatt, fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Novembru 2001, Kundan u Tata vs Il-Kunsill (T‑88/98, Ġabra p. II‑4897), il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat li, sabiex twettaq tali tnaqqis, l-istituzzjonijiet kien ikollhom jibbażaw ruħhom fuq elementi li jistgħu jipprovaw, jew jippermettu li jiġi dedott, li kommissjoni kienet effettivament tħallset u li din kienet ta’ natura li taffettwa f’miżura determinati l-komparabbiltà bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Issa, is-sitwazzjoni li tat lok għal din il-kawża mhijiex differenti minn dik f’dan il-każ u ebda ammont ma kien tħallas.

248    Fir-rigward tas-sitt motiv, il-Kunsill sostna li l-bejgħ ta’ Toshiba Indonesia, li hija biss fabbrika, seħħ permezz ta’ Toshiba Singapore. Minħabba dan, il-perċentwali tal-ispejjeż ta’ VAG sostnuti minn Toshiba Singapore li kellhom jiġu attribwiti fuq il-bejgħ Indoneżjan ġew miżjuda mal-ispejjeż li saru minn Toshiba Indonesia.

249    Fir-rigward tal-aġġustamenti minħabba l-kommissjonijiet, il-Kunsill isostni li r-rikorrenti wettqu l-bejgħ tagħhom fil-Komunità permezz ta’ kumpanniji konnessi u, għaldaqstant, il-prezz tagħhom tal-esportazzjoni kien inħadem abbażi tal-prezzijiet imħallsa mill-ewwel xerrej indipendenti fil-Komunità. Il-Kunsill josserva li dawn il-kumpanniji responsabbli għall-bejgħ kienu jeżerċitaw funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent, peress li huma kienu jiffissaw il-prezzijiet ta’ bejgħ, kienu jirċievu l-ordnijiet tal-klijenti direttament u kienu jiffatturawhom dawn tal-aħħar. Issa, peress li l-aġenti jirċievu normalment kommissjonijiet, għandu jitnaqqas ammont minħabba dan mill-prezz li jħallas l-ewwel xerrej indipendenti.

250    Min-naħa l-oħra, peress li l-valur normali nħadem billi ttieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ VAG ta’ Toshiba Indonesia u ta’ Toshiba Singapore u mhux dawk ta’ Toshiba Japan, li kienet twettaq il-bejgħ finali fis-suq Indoneżjan, ma kienx ikun xieraq li jsir aġġustament fir-rigward tal-kommissjonijiet anki jekk Toshiba Japan kienet teżerċita l-funzjoni ta’ aġent.

251    Fir-rigward tas-seba’ motiv, il-Kunsill isostni li l-istituzzjonijiet ġustament naqqsu l-kommissjonijiet għall-attivitajiet ta’ bejgħ ta’ kumpanniji konnessi mar-rikorrenti matul it-tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni.

252    Fil-fatt, il-Kunsill josserva li r-rikorrenti ma kkontestawx ir-raġunijiet esposti fil-premessa 53 tar-Regolament ikkontestat, li minħabba fihom kien hemm lok li jiġu aġġustati l-prezzijiet tagħhom tal-esportazzjoni minħabba l-kommissjonijiet. Huma sempliċement sostnew li, fin-nuqqas ta’ ħlas, ebda aġġustament ma kellu jsir, mingħajr ma ssostanzjaw dan. Issa, peress li l-kumpanniji responsabbli għall-bejgħ u r-rikorrenti kienu konnessi, ma kienx importanti li jkun margħuf jekk il-kommissjoni kinitx effettivament tħallset, peress li dan il-każ huwa differenti minn dak li ta lok għas-sentenza Kundan u Tata vs Il-Kunsill, punt 247 iktar ’il fuq, li fiha l-esportatur u l-kumpannija ta’ bejgħ kienu indipendenti.

253    Barra minn hekk l-interpretazzjoni mir-rikorrenti tal-imsemmija sentenza ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikolu 2(1)(i) tar-Regolament bażiku kien ġie emendat bir-Regolament Nru 1972/2002 u li dan issa jispeċifika li l-kelma “kommissjonijiet” tkopri wkoll il-marġni rċevuta mill operatur kummerċjali tal-prodott jew tal-prodott simili jekk il-funzjonijiet ta’ dan l-operatur huma simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kommissjonijiet.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

254    Fil-kuntest taż-żewġ motivi inkwistjoni, ir-rikorrenti jinvokaw essenzjalment tliet ilmenti. Huma jsostnu li, fir-Regolament ikkontestat, il-Kunsill wettaq kalkolu żbaljat tal-valur normali maħdum, l-ewwel nett, billi inkluda fih l-ispejjeż ta’ VAG ta’ Toshiba Singapore u, it-tieni nett, billi ma wettaqx aġġustamenti għall-kommissjonijiet ta’ aġenzija favur Toshiba Singapore u Toshiba Japan. It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li, fir-Regolament ikkontestat, il-Kunsill għamel kalkolu żbaljat tal-prezz tagħhom tal-esportazzjoni billi wettaq aġġustamenti għal kommissjonijiet ta’ aġenzija li kienu dovuti lill-kumpanniji konnessi mar-rikorrenti li għamlu l-bejgħ ġewwa l-Komunità.

255    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti rnexxilhomx jipprovaw l-eżistenza tat-tliet żbalji ċċitati hawn fuq. Issa, għandu jitfakkar li, kif enfasizzat fil-punti 80 u 204 hawn fuq, fil-kuntest ta’ evalwazzjonijiet ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi bħal dawk f’dan il-każ, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati sabiex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter. Għaldaqstant, dan il-motivi jistgħu jintlaqgħu biss jekk l-iżbalji inkwistjoni kienu manifesti.

a)     Fuq l-inklużjoni tal-ispejjeż ta’ VAG ta’ Toshiba Singapore fil-kalkolu tal-valur normali maħdum

256    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti mhumiex qed jikkontestaw il-fatt li l-ammont bħala spejjeż ta’ VAG li l-Kunsill attribwixxa lil-Toshiba Indonesia fir-Regolament ikkontestat waqt il-ħdim tal-valur normali huwa raġonevoli. Huma jillimitaw ruħhom li jsostnu li d-determinazzjoni tal-imsemmi ammont abbażi ta’ parti tal-ispejjeż ta’ VAG mhijiex raġonevoli u huwa minħabba dan li din il-kumpannija ma twettaqx bejgħ fis-suq Indoneżjan.

257    Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-metodu magħżul mill-Kunsill f’dan il-każ sabiex jikkalkola l-ispejjeż ta’ VAG li għandhom ikunu attribwiti lil Toshiba Indonesia mhuwiex manifestament żbaljat.

258    Fil-fatt, skont l-istruttura tar-Regolament bażiku, il-kalkolu tal-valur normali huwa intiż sabiex jiġi ddeterminat il-prezz ta’ bejgħ ta’ prodott kif ikun kieku dan il-prodott kien mibjugħ fil-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni tiegħu u konsegwentement, dawn huma l-ispejjeż relatati mal-bejgħ fis-suq intern li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkalkolat il-valur maħdum (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill, C‑69/89, Ġabra p. I‑2069, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur normali, l-istituzzjonijiet mhumiex obbligati jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż reali tal-kumpannija eżaminata, iżda stima raġonevoli tal-ispejjeż ta’ VAG li din il-kumpannija kellha ssostni kieku hija biegħet il-prodott inkwistjoni fi kwantitajiet suffiċjenti fl-Istat ta’ oriġini tagħha.

259    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kunsill sostna, mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrenti, li Toshiba Indonesia twettaq biss attivitajiet ta’ produzzjoni u mhux attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni. Għandu wkoll jingħad li l-bejgħ kollu ta’ Toshiba Indonesia kien twettaq permezz ta’ Toshiba Singapore, li min-naħa tagħha kienet tbiegħ mill-ġdid parti mill-merkanzija fis-suq Indoneżjan permezz ta’ Toshiba Japan u d-distributur tagħha konness, KDS.

260    Barra minn hekk, l-affermazzjonijiet tal-Kunsill huma kkonfermati minn dokumenti fil-proċess. Fil-fatt, jirriżulta mill-informazzjoni mogħtija minn Toshiba Indonesia lill-Kummissjoni li din il-kumpannija ma tbigħx direttament imwieżen elettroniċi fl-Indoneżja, iżda li hija tibgħat it-totalità tal-produzzjoni tagħha lil Toshiba Singapore. Jirriżulta wkoll minn din l-informazzjoni li Toshiba Singapore, min-naħa tagħha, ma tagħmilx bejgħ dirett fl-Indoneżja, iżda biss permezz ta’ Toshiba Japan, li min-naħa tagħha, tbiegħ fl-Indoneżja permezz tal-kumpannija konnessa KDS.

261    Issa, peress li l-imwieżen elettroniċi kollha prodotti minn Toshiba Indonesia ntbagħtu lejn Toshiba Singapore u xi wħud minn dawn l-imwieżen inbiegħu minn Toshiba Japan fl-Indoneżja, mhuwiex manifestament żbaljat li jiġi konkluż li l-imsemmija mwieżen kellhom neċessarjament jiġu trażmessi minn Toshiba Singapore għal Toshiba Japan.

262    Għaldaqstant, il-Kunsill ikkunsidra ġustament, fir-Regolament ikkontestat, li l-ispejjeż ta’ VAG ta’ ammont raġjonevoli li kellhom jiġu attribwiti lil Toshiba Indonesia setgħu jiġu ddeterminati abbażi tal-ispejjeż effettivament sostnuti minn Toshiba Singapore. Fil-fatt, din iż-żieda tikkorreġi biss in-natura insolitament baxxa tal-ispejjeż ta’ VAG ta’ Toshiba Indonesia relatati man-nuqqas tagħha ta’ attività kummerċjali kif ukoll tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li parti mill-isforzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ Toshiba Singapore, u għaldaqstant l-ispejjeż relatati ma’ dan, għandhom jiġu attribwiti lis-suq Indoneżjan.

263    Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

b)     Fuq in-nuqqas ta’ aġġustamenti għal kommissjonijiet ta’ aġenzija favur Toshiba Singapore u Toshiba Japan

264    Ir-rikorrenti jqisu li, waqt il-kalkolu tal-valur normali maħdum, il-Kunsill kellu jagħmel aġġustamenti għal kommissjonijiet ta’ aġenzija favur Toshiba Singapore u Toshiba Japan. Ir-rikorrenti jikkunsidraw li dawn tal-aħħar jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jitqiesu li huma aġenti ta’ Toshiba Indonesia u, għaldaqstant, l-istituzzjonijiet kellhom japplikaw, għall-valur maħdum, tnaqqis fil-kommissjonijiet ta’ bejgħ.

265    Mandankollu, din it-teżi għandha tiġi miċħuda mingħajr m’hemm bżonn li jiġi ddeterminat jekk Toshiba Japan u Toshiba Singapore għandhomx jitqiesu li huma aġenti ta’ Toshiba Indonesia.

266    Fil-fatt, il-prattika ta’ tnaqqis li tikkorrispondi għall-kommissjonijiet ta’ aġenzija tista’ tirriżulta neċessarja, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi li jeżistu bejn il-prezz tal-esportazzjoni u tal-valur normali li jaffettwaw il-komparabbiltà tagħhom. Madankollu, tali tnaqqis ma jistax isir fuq valur li nħadem u li, għaldaqstant, mhuwiex reali. Fil-fatt, dan il-valur mhuwiex effettwat fil-prinċipju minn elementi li jistgħu jippreġudikaw il-komparabbiltà tiegħu, bħall-eżistenza ta’ kommissjonijiet ta’ aġenzija, peress li dan ikun ġie artifiċjalment iddeterminat billi jiżdiedu elementi differenti li fosthom ma jkunx hemm ħlas jew marġni ta’ profitt favur id-distributturi, simili għal kommissjoni bħal din, u li għandhom jiġi dedotti.

267    F’kull każ, għandu jitfakkar li l-Kunsill, matul il-kalkolu tal-valur maħdum ta’ Toshiba Indonesia, żied mal-infiq ta’ produzzjoni u mal-ispejjeż ta’ VAG ta’ din tal-aħħar perċentwali tal-ispejjeż ta’ VAG ta’ Toshiba Singapore biss minħabba r-raġuni tal-attività kummerċjali limitata ħafna, anki ineżistenti, tal-ewwel kumpannija. Għaldaqstant, huwa ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma naqqasx, mill-valur normali, ammont għal kommissjonijiet ta’ aġenzija favur Toshiba Singapore. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż ta’ VAG ta’ din tal-aħħar tikkorreġi biss in-natura insolitament baxxa tal-ispejjeż ta’ VAG ta’ Toshiba Indonesia li tirriżulta mill-attività kummerċjali limitata u jikkostitwixxi biss metodu sabiex jiġi ddeterminat dak li jista’ jiġi kkunsidrat bħala ammont suffiċjenti u għaldaqstant raġonevoli tal-ispejjeż ta’ VAG li għandhom jiġu attribwriti lil kumpannija li tbigħ imwieżen elettroniċi fl-Indoneżja.

268    Għal dak li jikkonċerna Toshiba Japan, għandu jiġi wkoll konkluż li l-Kunsill mhuwiex obbligat li jnaqqas mill-valur maħdum xi kommissjoni ta’ aġenzija. Fil-fatt, ebda perċentwali tal-ispejjeż ta’ VAG ta’ Toshiba Japan, b’mod żbaljat jew ġustament, ma tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-valur normali tal-prodotti ta’ Toshiba Indonesia, u dan jiffavorixxi r-rikorrenti. Għaldaqstant, ikun manifestament mhux xieraq li jitnaqqas mill-imsemmi valur kull ammont li jikkorrispondi għal kommissjonijiet li għandhom jiġu attribwiti lil Toshiba Japan.

269    Minn dan isegwi li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

c)     Fuq l-aġġustamenti għal kommissjonijiet ta’ aġenzija fuq il-prezz tal-esportazzjoni

270    Il-Kunsill ikkunsidra fil-premessa 42 tar-Regolament ikkontestat li r-rikorrenti kienu biegħu l-imwieżen elettroniċi tagħhom fil-Komunità permezz ta’ kumpanniji konnessi rreġistrati f’Samoa u fit-Tajwan, u għaldaqstant stabbilixxa l-prezz tal-esportazzjoni abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid imħallsa jew li jridu jitħallsu mill-ewwel xerrej indipendenti fil-Komunità. Fil-premessa 45 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill spjega li dawn il-kumpanniji ta’ kummerċjalizzazzjoni kienu jeżerċitaw funzjonijiet li kienu simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kommissjonijiet, u, għaldaqstant, il-prezz tal-esportazzjoni kellu jiġi aġġustat sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni kommissjoni, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

271    Ir-rikorrenti jsosntu li l-Kunsill ma kellux jagħmel dan it-tnaqqis fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni peress li ebda kommissjoni ma kienet ġiet effettivament imħallsa.

272    Ir-rikorrenti jibbażaw it-teżi tagħhom, essenzjalment, fuq il-fatt li, fis-sentenza Kundan u Tata vs Il-Kunsill, punt 247 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li jirriżulta kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku li aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni seta’ jitwettaq biss sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi li jikkonċernaw fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet u għaldaqstant il-komparabbiltà tagħhom. Issa, dan mhuwiex il-każ ta’ kommissjoni li ma tħallsitx realment (punt 94 tas-sentenza).

273    Għaldaqstant it-teżi tar-rikorrenti għandha tiġi eskluża.

274    Għandu jitfakkar li fis-sentenza Kundan u Tata vs Il-Kunsill, punt 247 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod partikolari, ikkunsidrat li, sabiex ikun jista’ jsir aġġustament għall-kommissjonijiet, l-istituzzjonijiet kien ikollhom jibbażaw ruħhom fuq elementi li jistgħu jipprovaw, jew jippermettu li jiġi dedott, li effettivament kienet tħallset kommissjoni u li din kienet ta’ natura li taffettwa f’miżura determinata l-komparabbiltà bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali (punt 95 tas-sentenza).

275    Fl-imsemmija sentenza (punt 96), il-Qorti tal-Prim’Istanza waslet għal konklużjoni li, bl-istess mod li parti li qed titlob, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, aġġustamenti intiżi sabiex jirrendu komparabbli l-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fid-dawl tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping, għandha tressaq il-prova li t-talba tagħha hija ġġustifikata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1990, Stanko France vs Il-Kummissjoni u l-Kunsill, C‑320/86 u C‑188/87, Ġabra p. I‑3013, punt 48), huma l-istituzzjonijiet li għandhom jibbażaw ruħhom, meta huma jqisu li għandhom jagħmlu aġġustament għal kommissjoni, fuq provi, jew tal-anqas fuq indizji li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-fattur li minħabba fih l-aġġustament isir u li jiġi ddeterminat l-effett tiegħu fuq il-komparabblità tal-prezzijiet.

276    Madankollu, għandu jingħad li s-sentenza Kundan u Tata vs Il-Kunsill, punt 247 iktar ’il fuq, kienet ġiet deċiża f’mument fejn il-kuntest ġuridiku tat-tnaqqis għal kommissjonijiet li seta’ jsir fuq l-ammont tal-prezz tal-esportazzjoni kien differenti minn dak applikabbli waqt l-investigazzjoni ta’ reviżjoni.

277    Ċertament, fiż-żmien meta ngħatat is-sentenza Kundan u Tata vs Il-Kunsill, punt 247 iktar ’il fuq, l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku kien jipprovdi, bħal waqt l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, li sabiex jitqabblu l-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali, “għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, taħt forma ta’ aġġustamenti, f’kull każ, id-differenzi fil-fatturi li qed jiġu invokati u li juru li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragun tal-prezzijiet”.

278    Bl-istess mod, fiż-żmien meta ngħatat is-sentenza Kundan u Tata vs Il-Kunsill, punt 247 iktar ’il fuq, l-Artikolu 2(10)(i) tal-istess Regolament kien jipprevedi, bħal waqt l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, “[li] għandu jsir aġġustament għad-differenzi fil-kommissjonijiet imħallsa fejn jidħol il-bejgħ taħt kunsiderazzjoni”.

279    Madankollu, idaħħlet sentenza oħra fid-dispożizzjoni msemmija hawn fuq, wara li ngħatat is-sentenza inkwistjoni, skont l-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 1972/2002. B’hekk, it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni issa tipprevedi li “[i]l-kelma ‘kommissjonijiet’ għandha tinftiehem li tinkludi ż-żieda fuq il-prezz li jirċievi negozjant tal-prodott jew prodott simili jekk il-funzjonijiet ta’ dak in-negozjant huma simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjoni”.

280    Skont il-premessa 6 ta’ dan l-aħħar regolament, li r-raġuni wara l-introduzzjoni tas-sentenza inkwistjoni fl-Artikolu 2(1)(i) tar-Regolament bażiku kienet li jiġi speċifikat, konformement mal-prattika konsistenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, li dawn l-aġġustamenti għandhom isiru wkoll meta l-partijiet ma jaġixxux fuq il-bażi ta’ relazzjoni bejn prinċipal u aġent, iżda jiksbu l-istess riżultat ekonomiku meta jaġixxu bħala xerrej u bejjiegħ.

281    Għaldaqstant, l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku jippermetti li jsir aġġustament mhux biss minħabba d-differenzi fil-kommissjonijiet imħallsa għall-bejgħ ikkunsidrat, iżda wkoll minħabba l-marġni rċevuta mill-operaturi kummerċjali tal-prodott jekk huma jissodisfaw funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kommissjonijiet.

282    Minn dan isegwi li l-uniku argument invokat mir-rikorrenti kontra t-rnaqqis li sar, jiġfieri l-argument li jgħid li ebda kommissjoni ma tħallset lill-kumpanniji ta’ kummerċjalizzazzjoni konnessi, mhuwiex ta’ natura li jqiegħed inkwistjoni l-legalità tal-imsemmi tnaqqis, sa fejn dan tal-aħħar jista’ wkoll jsir jekk, għalkemm ebda kommissjoni ma tħallset effettivament, l-operaturi kummerċjali inkwistjoni jeżerċitaw funzjonijiet simili għal dak ta’ aġent u jirċievu marġni kummerċjali.

283    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li r-rikorrenti ma jikkontestawx l-affermazzjonijiet magħmula fil-premessi 45 u 53 tar-Regolament ikkontestat li jipprovdu li l-kumpanniji li jbigħu fil-Komunità l-imwieżen elettroniċi tagħhom jeżerċitaw funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kommissjonijiet, b’mod partikolari minħabba li huma jiffatturaw kull bejgħ tal-esportazzjoni lill-klijenti indipendenti, jiffissaw l-prezzijiet ta’ bejgħ u jirċievu l-ordnijiet tal-klijenti direttament.

284    Għandu jitfakkar ukoll li r-rikorrenti lanqas ma jikkontestaw li l-kumpanniji konnessi tagħhom ibiegħu mill-ġdid l-imwieżen elettroniċi tagħhom lill-klijenti indipendenti għal prezz ogħla minn dak li huma ħallsu għall-imsemmija mwieżen, u b’hekk jirċievu marġni kummerċjali.

285    F’kull każ, it-teżi tar-rikorrenti ma tistax tintlaqa’ anki jekk din tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-Kunsill, fir-Regolament ikkontestat, ma pprovax li l-kumpanniji ta’ kummerċjalizzazzjoni li kienu konnessi magħhom kienu jirċievu marġni kummerċjali għall-attività tagħhom.

286    Fil-fatt, mhuwiex manifestament żbaljat li jiġi kkunsidrat, kif għamel il-Kunsill, li l-prezz li l-kumpanniji ta’ kummerċjalizzazzjoni kienu jiffatturaw lill-klijenti indipendenti tagħhom għandu neċessarjament jikkumpensa bi ħlas il-parteċipazzjoni tal-imsemmija kumpanniji għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fil-Komunità jew, tal-anqas, li jkopri l-ispejjeż marbuta ma’ din il-parteċipazzjoni. Dawn il-kumpanniji jistgħu jitqiesu biss, hekk kif għamel il-Kunsill fir-Regolament ikkontestat, mingħajr ma ġie kontradett, li qed jeżerċitaw funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kommissjonijiet.

287    Barra minn hekk, għandu jiġi rrelevat li l-Kunsill ikkalkola, f’dan il-każ, marġni kummerċjali raġonevoli għall-impriżi ta’ kummerċjalizzazzjoni konnessi mar-rikorrenti abbażi ta’ ċerta informazzjoni reali.

288    Fil-fatt, mill-premessa 45 tar-Regolament ikkontestat, jirriżulta li mhuwiex ikkontestat mir-rikorrenti li l-ammont tat-tnaqqis li sar kien ġie kkalkolat abbażi tal-ispejjeż ta’ VAG tal-kumpanniji ta’ kummerċjalizzazzjoni konnessi mar-rikorrenti. Konsegwentement, il-Kunsill iddetermina l-marġni kummerċjali tal-imsemmija kumpanniji biss abbażi tal-ispejjeż tagħhom, li kellhom jiġu koperti manifestament minħabba d-differenza bejn il-prezz ta’ bejgħ u ta’ xiri tal-imwieżen elettroniċi li huma kienu jbigħu, mingħajr biss ma ngħadd ammont korrispondenti għal marġni ta’ profitt.

289    Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, iż-żewġ motivi inkwistjoni.

290    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

291    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, skont kif mitlub mill-Kunsill.

292    Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Shanghai Excell M&E Enterprise Co. Ltd u Shanghai Adeptech Precision Co. Ltd huma kkundannati għall-ispejjeż tagħhom stess, kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Tiili

Dehousse

Wiszniewska-Białecka

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-18 ta’ Marzu 2009.

Firem

Werrej


Fatti li wasslu għall-kawża

A –  Investigazzjoni u r-Regolament inizjali

B –  Preċedura ta’ reviżjoni

C –  Ir-Regolament ikkontestat

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq it-talba għal dikjarazzjoni li m’hemmx lok għal deċiżjoni

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-mertu

A –  Fuq it-tieni u t-tielet motivi, ibbażati fuq ksur tal-ewwel u tat-tieni inċiż, rispettivament, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

B –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku

1.  Osservazzjonijiet preliminari

2.  L-argumenti tal-partijiet

3.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

C –  Fuq ir-raba’ motiv, bbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

D –  Fuq il-ħames u t-tmien motivi, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)  Fuq l-ewwel ilment, li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-valur normali maħdum abbażi tal-informazzjoni mhux ivverifikata u difettuża

b)  Fuq it-tieni lment, li jikkonċerna n-natura manifestament inadegwata tal-marġni ta’ profitt attribwit lil Toshiba Indonesia

c)  Fuq it-tielet ilment, li jikkonċerna l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni

E –  Fuq is-sitt u s-seba’ motivi, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)  Fuq l-inklużjoni tal-ispejjeż ta’ VAG ta’ Toshiba Singapore fil-kalkolu tal-valur normali maħdum

b)  Fuq in-nuqqas ta’ aġġustamenti għal kommissjonijiet ta’ aġenzija favur Toshiba Singapore u Toshiba Japan

c)  Fuq l-aġġustamenti għal kommissjonijiet ta’ aġenzija fuq il-prezz tal-esportazzjoni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.