Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Celle (il-Ġermanja) fis-6 ta’ Frar 2015 – Remondis GmbH & Co. KG Region Nord vs Region Hannover

(Kawża C-51/15)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberlandesgericht Celle

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Remondis GmbH & Co. KG Region Nord

Konvenut: Region Hannover

Parti oħra fil-proċedura: Zweckverband Abfallwirtschaft Region Hannover

Domandi preliminari

Ftehim milħuq bejn żewġ kollettivitajiet territorjali li abbażi tiegħu dawn iż-żewġ kollettivitajiet jistabbilixxu, permezz ta’ statuti kostituttivi, Zweckverband komuni (assoċjazzjoni ta’ kollettivitajiet pubbliċi għat-twettiq ta’ funzjonijiet komuni, iktar ’il quddiem is-“sindakat”) b’personalità ġuridika separata, li minn dak il-mument iwettaq, abbażi tal-kompetenzi tiegħu, ċerti funzjonijiet li sa dak il-mument kienu responsabbiltà tal-kollettivitajiet parteċipanti, jikkostitwixxi “kuntratt pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] 1 , meta dan it-trasferiment ta’ funzjonijiet jirrigwarda provvista ta’ servizzi fis-sens ta’ din id-direttiva li ssir bi ħlas, meta s-sindakat iwettaq attivitajiet li jmorru lil hinn mill-funzjonijiet li preċedentement kienu responsabbiltà tal-kollettivitajiet parteċipanti u meta t-trasferiment ta’ funzjonijiet ma huwiex parti miż-“żewġ kategoriji ta’ kuntratti” li, għalkemm konklużi minn entitajiet pubbliċi, ma jaqgħux, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (fl-aħħar lok, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013 – C-386/11  – Piepenbrock, punti 33 et seq), fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi tal-Unjoni?Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: il-kwistjoni dwar jekk l-istabbiliment ta’ sindakat u t-trasferiment relatat ta’ funzjonijiet lil dan tal-aħħar, ma jaqgħux, eċċezzjonalment, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi tal-Unjoni, għandha tiġi ddeterminata permezz tal-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat fil-qasam ta’ kuntratti konklużi bejn entità pubblika u persuna li hija legalment distinta minnha u li jipprevedu li l-applikazzjoni tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi tal-Unjoni hija eskluża meta l-entità teżerċita fuq il-persuna kkonċernata kontroll simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess kif ukoll meta din l-persuna teżerċita l-parti essenzjali tal-attivitajiet tagħha f’isem l-entità jew l-entitajiet li jikkontrollawha (ara f’dan is-sens, fost oħrajn, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999 – C-107/98  – Teckal, punt 50), jew, għall-kuntrarju, għandhom jiġu applikati l-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat fil-qasam ta’ kuntratti li permezz tagħhom tiġi stabbilita kooperazzjoni bejn entitajiet pubbliċi għall-finijiet tat-twettiq ta’ funzjoni ta’ interess ġenerali li hija responsabbiltà ta’ dawn l-entitajiet kollha (ara, dwar dan is-suġġett, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012 – C-159/11  – Ordine degli Ingenieri della Provincia di Lecce, punti 34 et seq)?