Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Diċembru 2016 talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberlandesgericht Celle- il-Ġermanja) – Remondis GmbH & Co. KG Region Nord vs Region Hannover
(C-51/15) 1
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 4(2) TUE – Osservanza tal-identità nazzjonali tal-Istati Membri inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhom, inkluża l-awtonomija lokali u reġjonali – Organizzazzjoni interna tal-Istati Membri – Kollettivitajiet territorjali – Strument legali li joħloq entità ġdida rregolata mid-dritt pubbliku u li jorganizza t-trasferiment ta’ kompetenzi u ta’ responsabbiltajiet għat-twettiq ta’ kompiti pubbliċi – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Artikolu 1(2)(a) – Kunċett ta’ “kuntratt pubbliku”)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberlandesgericht Celle
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Remondis GmbH & Co. KG Region Nord
Konvenut: Region Hannover
fil-preżenza ta’: Zweckverband Abfallwirtschaft Region Hannover
Dispożittiv
L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim konkluż bejn żewġ kollettivitajiet territorjali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tiegħu dawn tal-aħħar jadottaw regolament statutorju li joħloq sindakat ta’ kollettivitajiet, li jkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku, u li jittrasferixxi lil din l-entità pubblika ġdida ċerti kompetenzi li sa dak iż-żmien kienu responsabbli għalihom dawn il-kollettivitajiet u li minn dak iż-żmien ’il quddiem huwa responsabbli għalihom dan is-sindakat ta’ kollettivitajiet, ma jikkostitwixxix kuntratt pubbliku.
Madankollu, tali trasferiment ta’ kompetenzi li jirrigwardaw it-twettiq ta’ kompiti pubbliċi jkun jeżisti biss jekk jirrigwarda kemm ir-responsabbiltajiet marbuta mal-kompetenza ttrasferita kif ukoll il-poteri li huma l-korollarju ta’ din tal-aħħar, b’mod li l-awtorità pubblika l-ġdida li jkollha kompetenza jkollha awtonomija deċiżjonali u finanzjarja, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.
____________1 ĠU C 155, 11.5.2015.