Language of document : ECLI:EU:C:2016:985

Kawża C51/15

Remondis GmbH & Co. KG Region Nord

vs

Region Hannover

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberlandesgericht Celle)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 4(2) TUE – Osservanza tal-identità nazzjonali tal-Istati Membri inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhom, inkluża l-awtonomija lokali u reġjonali – Organizzazzjoni interna tal-Istati Membri – Kollettivitajiet territorjali – Strument legali li joħloq entità ġdida rregolata mid-dritt pubbliku u li jorganizza t-trasferiment ta’ kompetenzi u ta’ responsabbiltajiet għat-twettiq ta’ kompiti pubbliċi – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Artikolu 1(2)(a) – Kunċett ta’ ‘kuntratt pubbliku’”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Diċembru 2016

Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2004/18 – Kuntratt pubbliku – Kunċett – Ftehim bejn żewġ kollettivitajiet terrirorjali – Strument legali li joħloq entità ġdida rregolata mid-dritt pubbliku u li jorganizza t-trasferiment ta’ kompetenzi u ta’ responsabbiltajiet għat-twettiq ta’ kompiti pubbliċi – Kuntratti pubbliċi – Esklużjoni – Kundizzjonijiet – Verifika li għandha twettaq il-qorti nazzjonali

(Artikolu 4(2) TUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 1(2)(a))

L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim konkluż bejn żewġ kollettivitajiet territorjali, li abbażi tiegħu dawn tal-aħħar jadottaw regolament statutorju li joħloq sindakat ta’ kollettivitajiet, li jkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku, u li jittrasferixxi lil din l-entità pubblika ġdida ċerti kompetenzi li sa dak iż-żmien kienu responsabbli għalihom dawn il-kollettivitajiet u li minn dak iż-żmien ’il quddiem huwa responsabbli għalihom dan is-sindakat ta’ kollettivitajiet, ma jikkostitwixxix kuntratt pubbliku.

Fil-fatt, it-tqassim tal-kompetenzi fi ħdan Stat Membru jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 4(2) TUE. Din il-protezzjoni tirrigwarda wkoll ir-riorganizzazzjonijiet ta’ kompetenzi fi ħdan Stat Membru, li fil-kuntest tagħhom awtorità li preċedentement kellha l-kompetenza tinħeles jew teħles lilha nfisha mill-obbligu u mid-dritt li twettaq kompitu pubbliku partikolari filwaqt li, minn dak iż-żmien ’il quddiem, awtorità oħra tkun responsabbli għal dan l-obbligu u għal dan id-dritt.

Barra minn hekk, tali trasferiment ta’ kompetenza ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha li timponi d-definizzjoni tal-kunċett ta’ kuntratt pubbliku.

Huwa biss kuntratt konkluż b’titolu oneruż li jista’ jikkostitwixxi kuntratt pubbliku li jaqa’ taħt id-Direttiva 2004/18, liema natura oneruża timplika li l-awtorità kontraenti li tikkonkludi kuntratt pubbliku tirċievi bis-saħħa tiegħu, inkambju għal korrispettiv, servizz li għandu jkun ta’ interess ekonomiku dirett għal din l-awtorità kontraenti. In-natura sinallagmatika tal-kuntratt għalhekk hija karatteristika essenzjali ta’ kuntratt pubbliku.

Issa, irrispettivament mill-fatt li deċiżjoni dwar l-attribuzzjoni ta’ kompetenzi pubbliċi ma taqax fil-qasam tat-tranżazzjonijiet ekonomiċi, il-fatt innifsu li awtorità pubblika tinħeles minn kompetenza li għaliha preċedentement kienet responsabbli jelimina, b’dan il-fatt innifsu, kull interess ekonomiku fit-twettiq tal-kompiti li jikkorrispondu għal din il-kompetenza.

Għaldaqstant, ir-riassenjazzjoni tal-mezzi użati għat-twettiq tal-kompetenza, li jiġu ttrasferiti mill-awtorità li ma jibqax ikollha l-kompetenza lil dik li takkwista l-kompetenza, ma tistax tiġi analizzata bħala pagament ta’ prezz, iżda, għall-kuntrarju, tikkostitwixxi konsegwenza loġika, u saħansitra neċessarja, tat-trasferiment volontarju jew tar-riattribuzzjoni imposta ta’ din il-kompetenza mill-ewwel awtorità lit-tieni waħda.

Bl-istess mod, il-fatt li l-awtorità li tieħu l-inizjattiva tat-trasferiment ta’ kompetenza jew li tiddeċiedi dwar ir-riattribuzzjoni ta’ kompetenza timpenja ruħha li tieħu fuqha l-piż tal-eventwali spejjeż żejda meta mqabbla mad-dħul li jista’ jirriżulta mill-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, ma jikkostitwixxix remunerazzjoni. Fil-fatt, din hija garanzija intiża għal terzi, li n-neċessità tagħha tirriżulta, f’dan il-każ, mill-prinċipju li awtorità pubblika ma tistax tkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza. Issa l-eżistenza nfisha ta’ tali prinċipju taqa’ taħt l-organizzazzjoni interna ta’ Stat Membru.

Madankollu, sabiex jitqies li huwa att ta’ organizzazzjoni interna u, għaldaqstant, jaqa’ taħt il-libertà tal-Istati Membri ggarantita mill-Artikolu 4(2) TUE, trasferiment ta’ kompetenza bejn awtoritajiet pubbliċi għandu jissodisfa ċerti kundizzjonijiet.

Fil-fatt, tali trasferiment ta’ kompetenzi li jirrigwardaw it-twettiq ta’ kompiti pubbliċi jkun jeżisti biss jekk jirrigwarda kemm ir-responsabbiltajiet marbuta mal-kompetenza ttrasferita kif ukoll il-poteri li huma l-korollarju ta’ din tal-aħħar, b’mod li l-awtorità pubblika l-ġdida li jkollha kompetenza jkollha awtonomija deċiżjonali u finanzjarja, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

(ara l-punti 40‑47, 49, 55 u d-dispożittiv)