Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il-Polonja) fis-17 ta’ Novembru 2022 – Syndyk Masy Upadłości A vs Dyrektor Izby Administracji Skarbowej we Wrocławiu

(Kawża C-709/22, Syndyk Masy Upadłości A)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Syndyk Masy Upadłości A

Konvenut: Dyrektor Izby Administracji Skarbowej we Wrocławiu

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/310 tat-18 ta’ Frar 2019 li tawtorizza lill-Polonja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 ; id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 2 , u b’mod partikolari l-Artikoli 395 u 273 tagħha, kif ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ newtralità għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali kif ukoll prassi nazzjonali li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, ma jippermettux li l-amministratur tal-insolvenza jingħata awtorizzazzjoni għat-trasferiment ta’ fondi akkumulati fil-kont tal-VAT tal-persuna taxxabbli (mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum) lejn il-kont bankarju indikat mill-imsemmi amministratur?

L-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – dritt għall-proprjetà – moqri flimkien mal-Artikolu 51(1) tal-Karta kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali kif ukoll prassi nazzjonali li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, filwaqt li ma jippermettux li l-amministratur tal-insolvenza jingħata awtorizzazzjoni għat-trasferiment ta’ fondi akkumulati fil-kont tal-VAT tal-persuna taxxabbli (mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum), iwasslu konsegwentement għall-iffriżar tal-fondi finanzjarji fl-imsemmi kont tal-VAT li jappartjenu lill-persuna taxxabbli insolventi u konsegwentement jipprekludu t-twettiq tal-obbligi tal-amministratur tal-insolvenza fil-kuntest tal-proċeduri ta’ insolvenza?

Il-prinċipju tal-Istat tad-dritt li jirriżulta mill-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-prinċipju ta’ ċertezza legali li jimplimentah, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li jirriżulta mill-Artikolu 41(1) tal-Karta, fid-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2019/310 kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi nazzjonali li billi ma tippermettix li l-amministratur tal-insolvenza jingħata awtorizzazzjoni għat-trasferiment ta’ fondi akkumulati fil-kont tal-VAT tal-persuna taxxabbli (mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum) din toħnoq l-għanijiet tal-proċedura ta’ insolvenza li l-qorti inkarigata mill-insolvenza tiddefinixxi bħala li hija suġġetta għall-ġurisdizzjoni Pollakka fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (tfassil mill-ġdid) 1 , u konsegwentement twassal għal sitwazzjoni li b’riżultat tagħha permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali mhux adegwati t-Teżor jiġi pprivileġġjat bħala debitur għad-detriment tal-korp prinċipali ta’ kredituri?

____________

1 ĠU 2019, L 51, p. 19.

1 ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.

1 ĠU 2015, L 141, p. 19, rettifika fil-ĠU 2016, L 349, p. 9