Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Ottubru 2023 – UH vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1052/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: UH (Sandown, ir-Renju Unit) (rappreżentant: A. Van der Hauwaert, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-1 ta’ Settembru 2023 [Ref. Ares2023)5982056], innotifikata lir-rikorrent fl-4 ta’ Settembru 2023;

sussidjarjament, abbażi tal-Artikolu 261 TFUE u tal-Artikolu 143(9) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 1 , tannulla l-penali tal-pubblikazzjoni u tar-reġistrazzjoni imposta bid-deċiżjoni kkontestata; u

f’kull każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka disa’ motivi.

L-ewwel motiv, li jallega li n-nuqqas tal-Uffiċjal li jawtorizza li jieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti tar-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell kiser id-dritt tar-rikorrenti għal difiża xierqa u sħiħa.

Huwa argumentat li l-Uffiċjal li jawtorizza ċaħad id-dritt tar-rikorrenti għal difiża xierqa u sħiħa meta rrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni s-sottomissjonijiet tal-appell tar-rikorrenti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell.

It-tieni motiv, li jallega żball ta’ fatt fir-rigward tal-allegata kondotta professjonali serjament ħażina.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Uffiċjal li jawtorizza wettaq żball ta’ fatt meta kkonkluda li (i) ma kien jeżisti ebda konsorzju u (ii) ir-rikorrenti talbet lill-membri tal-konsorzju l-oħra jiffirmaw ftehim ta’ konsorzju pre-datat.

It-tielet motiv, li jallega żball ta’ liġi fir-rigward tal-allegata kondotta professjonali serjament ħażina.

Hawnhekk jingħad li l-Uffiċjal li jawtorizza naqas milli juri li l-fatti allegati jikkwalifikaw bħala allegata kondotta professjonali serjament ħażina.

Ir-raba’ motiv, li jallega li l-perijodu biex ir-rikorrenti tiġi eskluża minħabba l-allegata kondotta professjonali serjament ħażina skada (preskrizzjoni).

L-Uffiċjal li jawtorizza wettaq żball ta’ liġi meta ddeċieda li jeskludi lir-rikorrent abbażi ta’ allegati atti li seħħew tant fil-passat li l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għal dawk l-atti hija preskritta.

Il-ħames motiv, li jallega żball ta’ fatt u ta’ liġi fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni.

Ir-rikorrenti ssostni li ma hemm ebda bażi ta’ fatt jew ta’ liġi biex tiġi imposta l-penali ta’ reġistrazzjoni.

Is-sitt motiv, li jallega żball ta’ fatt fir-rigward tal-allegat ksur tal-obbligi prinċipali.

Jingħad li l-Uffiċjal li jawtorizza wettaq żball ta’ fatt meta allega li r-rikorrenti kienet ser tikser l-obbligi prinċipali tagħha.

Is-seba’ motiv, li jallega li l-perijodu biex ir-rikorrenti tiġi eskluża minħabba l-allegat ksur ta’ obbligi prinċipali skada (preskrizzjoni).

Jingħad li l-Uffiċjal li jawtorizza wettaq żball ta’ liġi meta ddeċieda li jeskludi lir-rikorrenti abbażi ta’ allegat ksur ta’ obbligi prinċipali li seħħew tant fil-passat li l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għal dawk l-atti hija preskritta.

It-tmien motiv, li jallega nuqqas li jiġi applikat il-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-pubblikazzjoni.

Jingħad li l-Uffiċjal li jawtorizza naqas milli japplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 109(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 1 u fl-Artikolu 106(16) tar-Regolament Nru 966/2012 kif emendat, fir-rigward tad-deċiżjoni li tiġi ppubblikata l-esklużjoni.

Id-disa’ motiv, li jallega nuqqas li jiġi applikat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 106(16) tar-Regolament Nru 966/2012 kif emendat fir-rigward tal-pubblikazzjoni.

L-Uffiċjal li jawtorizza naqas milli japplika l-Artikolu 106(16) tar-Regolament Nru 966/2012 kif emendat, peress li naqas milli jinkludi dikjarazzjoni fil-pubblikazzjoni xierqa li ma kien hemm ebda sentenza finali.

____________

1 ĠU 2018 L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU L 60, 28.2.2019, p. 36.

1 ĠU 2012 L 298, p. 1.