Language of document : ECLI:EU:T:2021:716

Kawża T-220/20

Petrus Kerstens

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-20 ta' Ottubru 2021

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Proċeduri dixxiplinari – Artikolu 266 tar-Regolamenti tal‑Persunal – Investigazzjonijiet amministrattivi – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Prinċipju ta’ imparzjalità – Rikors għal annullament u għad-danni ”

1.      Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Rekwiżit ta’ imparzjalità – Kunċett – Eżistenza ta’ dubji fir-rigward talapparenzi ta’ imparzjalità li jaffettwaw persuna waħda fi ħdan organu kolleġjali – Preżunzjoni ta’ imparzjalità sakemm ikun hemm prova kuntrarja

(Artikolu 6(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1))

(ara l-punti 32-35)

2.      Uffiċjali – Sistema dixxiplinari – Investigazzjoni qabel il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari – Rekwiżit ta’ imparzjalità – Portata – Għarfien tal-fatti minn qabel mill-investigatur – Investigatur li kien iddenunzja lfatti li wasslu għall-proċedura – Eżistenza ta’ dubji leġittimi dwar l-imparzjalità tal-investigatur – Ksur tar-rekwiżit ta’ imparzjalità

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1); Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 3)

(ara l-punti 37-43)

Sunt

Ir-rikorrent, Petrus Kerstens, huwa ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, li kontrih, f’dati differenti u għal diversi raġunijiet, il-Kummissjoni kienet fetħet tliet proċeduri dixxiplinari.

Permezz ta’ deċiżjoni li għalqet it-tliet proċeduri (iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Awtorità tal-Ħatra (iktar ‘il quddiem l-“AIPN”) kkonstatat li l-aġir tar‑rikorrent kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 11, 12 u 17 tar-Regolamenti tal-Persunal tal‑Unjoni Ewropea (iktar’ il quddiem ir-“Regolamenti”).

Peress li l-ilment tar-rikorrent kontra d-deċiżjoni kkontestata ġie miċħud, dan tal-aħħar adixxa lill-Qorti Ġenerali b’rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni. Huwa jikkontesta b’mod partikolari l-imparzjalità tal-proċedura ta’ investigazzjoni unika minħabba r-raggruppament tat-tliet proċeduri dixxiplinari u tal-parteċipazzjoni f’din l-investigazzjoni, bħala responsabbli għall-aġir tiegħu, tad-denunzja tal-fatti eżaminati fil-kuntest ta’ waħda mill-proċeduri dixxiplinari.

Il-Qorti Ġenerali tilqa’ r-rikors u tannulla d-deċiżjoni kkontestata. Fis-sentenza tagħha, il‑Qorti Ġenerali tikkompleta l-ġurisprudenza tagħha dwar l-imparzjalità suġġettiva u tippreċiża l‑kunċett ta’ imparzjalità oġġettiva, li t-tnejn li huma għandhom jiġu osservati mill‑amministrazzjoni, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fil-kuntest ta’ proċedura dixxiplinari.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali tfakkar li d-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl‑Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jimplika d-dritt ta’ kull persuna l-kwistjonijiet li jirrigwardawha jiġu ttrattati imparzjalment mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni Ewropea. B’hekk, l-amministrazzjoni hija marbuta li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni u li tiġbor il-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, kif ukoll li tiżgura l-iżvolġiment tajjeb u l-effettività tal-proċeduri li hija timplimenta.

Ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata responsabbli għall-każ ma għandu juri li jieħu pożizzjoni jew li jkollu preġudizzju personali u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li l‑istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex f’dan ir-rigward jiġi eskluż kull dubju leġittimu. Fil-kuntest tal-eżami tal-imparzjalità ta’ proċedura kolleġjali, il-fatt li dubji dwar l‑apparenzi ta’ imparzjalità jaffettwaw biss persuna waħda fi ħdan korp kolleġjali ma huwiex neċessarjament determinanti, fid-dawl tal-fatt li din il-persuna setgħet teżerċita influwenza deċiżiva waqt id-deliberazzjonijiet.

Fir-rigward tal-imparzjalità suġġettiva, din tiġi preżunta fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja. Fir‑rigward tal-imparzjalità oġġettiva, din tkun nieqsa jekk jintwera li, qabel il-ftuħ tal‑investigazzjoni, wieħed mill-investigaturi jkollu għarfien tal-fatti li jkunu s-suġġett tagħha u li l-istituzzjoni kkonċernata setgħet taħtar bħala investigatur persuna li ma kellha ebda għarfien minn qabel tal-fatti, sabiex b’hekk ma tqajjem ebda dubju leġittimu dwar l‑imparzjalità tagħha fir-rigward tal-parti l-oħra.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tqis li s-sitwazzjoni inkwistjoni, ikkaratterizzata mill-fatt li l-persuna responsabbli għat-tmexxija tal-investigazzjoni unika miftuħa għat-tliet proċeduri hija wkoll dik li kienet iddenunzjat il-fatti li kienu s-suġġett ta’ waħda mill-proċeduri, tippreżenta r-riskju oġġettiv li din il-persuna seta’ jkollha idea pprekonċepita jew ippreġudikata fuq l-involviment tar-rikorrent fil-fatti kkontestati lilu, qabel ma l‑investigazzjoni tkun seħħet. Fid-dawl, b’mod partikolari, tar-rwol tal-imsemmija persuna fl‑iżvolġiment tal-investigazzjoni u tal-influwenza li hija seta’ kellha fuq il-kontenut tar‑rapport finali tagħha, għandu jitqies li tali sitwazzjoni tista’ toħloq f’moħħ ir-rikorrent dubji leġittimi dwar l-imparzjalità oġġettiva ta’ din l-investigazzjoni. Konsegwentement, il‑fatt li l-Kummissjoni ma organizzatx il-proċedura ta’ investigazzjoni b’mod li toffri lir‑rikorrent garanziji suffiċjenti fir-rigward tal-imparzjalità oġġettiva ta’ din tal-aħħar huwa ta’ natura li jivvizzja l-proċedura dixxiplinari kollha kemm hi.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, sabiex irregolarità proċedurali tkun tista’ tiġġustifika l-annullament ta’ att, jeħtieġ li, fl‑assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti. Fil‑kuntest ta’ dan l-eżami, ġie deċiż li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u, b’mod partikolari, in-natura tal-ilmenti u l-portata tal-irregolaritajiet proċedurali mwettqa fir-rigward tal-garanziji li l-uffiċjal seta’ jibbenefika.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-investigazzjoni amministrattiva għandha rwol ta’ natura li jinfluwenza l-proċedura dixxiplinari. Fil-fatt, huwa abbażi ta’ din l‑investigazzjoni u tas-smigħ tal-membru tal-persunal ikkonċernat li l-AIPN tevalwa, l‑ewwel, jekk ikunx hemm lok jew le li tinfetaħ proċedura dixxiplinari, it-tieni, jekk din ikollhiex, skont il-każ, tikkonsisti fit-tressiq tal-każ quddiem il-Bord Dixxiplinari jew le u, it‑tielet, meta tibda l-proċedura quddiem il-Bord Dixxiplinari, il-fatti li għandhom jiġu ppreżentati quddiem l-imsemmi Bord. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li, minkejja li l‑investigazzjoni amministrattiva twettqet bil-garanziji kollha ta’ imparzjalità, l‑investigazzjoni setgħet twassal għal evalwazzjoni differenti tal-fatti, u għalhekk tirriżulta f’konsegwenzi differenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrent seta’ jkollu dubji leġittimi dwar l-imparzjalità oġġettiva tal-investigazzjoni u, għaldaqstant, tal-proċeduri dixxiplinari li kien is-suġġett tagħhom.