Language of document : ECLI:EU:C:2006:586

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta' Settembru 2006 (*)

"Servizzi ta' telekomunikazzjoni – Direttiva 97/13/KE – Artikolu 11(1) – Taxxi u imposti applikabbli għal-liċenzji individwali – Artikolu 10 KE – Supremazija tad-dritt Komunitarju – Ċertezza legali – Deċiżjoni amministrattiva finali"

Fil-kawżi magħquda C-392/04 u C-422/04,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234KE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjonijiet tas-7 ta' Lulju 2004, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fis-16 ta' Settembru u fl-4 ta' Ottubru 2004, fil-proċeduri

i-21 Germany GmbH (C-392/04),

Arcor AG & Co. KG (C-422/04), li qabel kienet ISIS Multimedia Net GmbH & Co. KG,

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u J. Malenovský, Presidenti ta' Awla, S. von Bahr (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-1 ta' Frar 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal i-21 Germany GmbH, minn M. Geppert, M. Schütze u B. Kemper, Rechtsanwälte,

–        għal Arcor AG & Co. KG, minn N. Nolte u J. Tiedemann, Rechtsanwälte,

–        għall-Bundesrepublik Deutschland, minn S. Prömper, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. ten Dam, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Shotter u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta 16 ta' Marzu 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/13/KE, ta' l-10 ta' April 1997, dwar qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u għal-liċenzji individwali għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni (ĠU L 117, p. 15), kif ukoll ta' l-Artikolu 10 KE.

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta' żewġ kawżi bejn, minn naħa, i-21 Germany GmbH (iktar 'il quddiem "i-21") u, min-naħa l-oħra, Arcor AG & Co. KG, li qabel kienet ISIS Multimedia Net GmbH & Co. KG (iktar 'il quddiem "Arcor") u l-Bundesrepublik Deutschland rigward it-taxxi mħallsa minn dawn il-kumpanniji għall-ksib ta' liċenzja ta' telekomunikazzjonijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13 jipprovdi:

"L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull taxxa imposta fuq l-intrapriżi bħala parti mill-proċeduri ta' awtorizzazzjoni għandha tkun intiża biss biex tkopri l-ispejjeż ta' amministrazzjoni marbuta mal-ħruġ, mal-ġestjoni, mal-kontroll u ma' l-infurzar tal-liċenzji individwali applikabbli. It-taxxi applikabbli għal liċenzja individwali għandhom ikunu proporzjonali mal-volum ta' xogħol involut u għandhom jiġu ppublikati b'mod xieraq u suffiċjentement dettaljat sabiex l-informazzjoni tkun aċċessibbli faċilment." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Id-Direttiva 97/13 ġiet revokata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/21/KE, tas-7 ta' Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva "Kwadru") (ĠU L 108 p. 33).

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5        L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13 ġie traspost fid-dritt Ġermaniż bil-liġi dwar it-telekomunikazzjoni (Telekommunikationsgesetz), tal-25 ta' Lulju 1996, (BGBI. 1996 I, p. 1120, iktar 'il quddiem it-"TKG"), liġi li tawtorizza lill-gvern jilleġiżla [enabling act] u bir-regolament dwar it-taxxi fuq il-liċenzji ta' telekomunikazzjoni (Telekommunikations-Lizenzgebührenverordnung), tat-28 ta' Lulju 1997, (BGB1. 1997 I, p. 1936, iktar 'il quddiem it-"TKLGebV"), adottat mill-Ministru federali tal-Posta u tat-Telekomunikazzjoni abbażi tat-TKG.

6        L-Artikolu 48(1) tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva (Verwaltungsverfahrensgesetz), tal-25 ta' Mejju 1976, (BGB1. 1976 I, p. 1253), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-21 ta' Settembru 1998 (BGB1. 1998 I, p. 3050), jipprovdi:

"Irtirar ta' att amministrattiv irregolari

Att amministrattiv irregolari, anki wara li jkun sar finali, jista' jiġi rtirat, kollu jew parti minnu, b'effett fil-futur jew b'effett retroattiv. Att amministrattiv li jistabbilixxi jew jiddikjara dritt jew vantaġġ ta' natura ġuridika (att amministrattiv li joħloq drittijiet) jista' jiġi rtirat biss taħt il-kundizzjonijiet tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 4.

[…]"

7        Rigward l-istima tat-taxxa għal liċenzja ta' telekomunikazzjoni, il-Bundesverwaltungsgericht tindika li, f'każ ta' rtirar ta' l-istima, l-impriżi interessati għandhom dritt għar-rimbors ta' l-ammonti miġbura illegalment, skond l-Artikolu 21 tal-liġi dwar l-ispejjeż ta' natura amministrattiva (Verwaltungskostengesetz), tat-23 ta' Ġunju 1970 (BGB1. 1970 I, p. 821).

8        Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li, skond il-ġurisprudenza Ġermaniża, l-awtorità amministrattiva għandha, skond l-Artikolu 48 tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva, bħala regola ġenerali setgħa diskrezzjonali li tirtira att amministrattiv illegali li jkun sar finali. Din is-setgħa diskrezzjonali tista' madankollu tkun ineżistenti jekk iż-żamma fis-seħħ ta' l-att in kwistjoni hija "sempliċement insostenibbli" fid-dawl tal-kunċetti ta' ordni pubbliku, ta' bona fede, ta' ekwità, ta' trattament ugwali jew ta' illegalità manifesta.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

9        i-21 u Arcor huma żewġ impriżi ta' telekomunikazzjoni. Permezz ta' stimi ta' l-14 ta' Ġunju 2000 u tat-18 ta' Mejju 2001, ġew imposti fuqhom taxxi ta' madwar 5 420 000 EUR fl-ewwel stima u ta' madwar 67 000 EUR fit-tieni stima, għal-liċenzja individwali ta' telekomunikazzjoni. Huma ħallsu dawn it-taxxi mingħajr ma kkontestawhom u ma ressqux rikors fit-terminu ta' xahar minn meta ġew innotifikati bl-istima tat-taxxa.

10      Skond it-TKLGebV, l-ammont tat-taxxa huwa bbażat fuq il-ġbir antiċipat ta' l-ispejjeż amministrattivi ġenerali ta' l-awtorità regolatorja fuq perijodu ta' 30 sena.

11      Fil-kuntest ta' rikors għall-annullament ta' stima tat-taxxa kkontestata fit-termini preskritti, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet, b'sentenza tad-19 ta' Settembru 2001, li t-TKLGebV ma kienx kompatibbli ma' regoli ta' dritt superjuri, jiġifieri t-TKG u l-liġi kostituzzjonali Ġermaniża, u kkonfermat l-annullament ta' l-istima kkonċernata li kien ġie ddikjarat minn qorti ta' l-appell.

12      Wara din is-sentenza, i-21 u Arcor talbu r-rimbors tat-taxxi li huma kienu ħallsu. It-talbiet tagħhom għal rimbors madankollu ma ntlaqgħux. Għaldaqstant kull waħda minnhom ressqet rikors quddiem il-Verwaltungsgericht, li ċaħdet it-talbiet tagħhom għar-raġuni li l-istimi tat-taxxa tagħhom kienu saru finali u li ma kienx hemm lok li jiġi kkontestat, f'dan il-każ, ir-rifjut tal-korp amministrattiv li jirtira dawn l-istimi.

13      i-21 u Arcor qiesu li l-Verwaltungsgericht kienet għamlet żball ta' dritt fir-rigward mhux biss tad-dritt nazzjonali iżda wkoll tad-dritt Komunitarju u ressqu talba għal "Reviżjoni" quddiem il-Bundesverwaltungsgericht. i-21 issostni li hija kellha tħallas taxxa ta' ammont aktar minn elf darba akbar minn dak applikat lill-impriżi ta' telekomunikazzjoni, wara s-sentenza tad-19 ta' Settembru 2001 iċċitata iktar 'il fuq.

14      Fid-deċiżjonijiet tar-rinviju tagħha, il-Bundesverwaltungsgericht indikat li t-talbiet għal "Reviżjoni" ma jistgħux jintlaqgħu biss fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali. Skond din il-qorti, mhuwiex il-każ li ż-żamma fis-seħħ ta' l-istimi tat-taxxa hija "sempliċement insostenibbli" u li s-setgħa diskrezzjonali ta' l-amministrazzjoni hija tant imnaqqsa li hija kellha bilfors tirtira n-notifika. Il-Bundesverwaltungsgericht tqis, fil-fatt, li ż-żamma fis-seħħ ta' l-istimi tat-taxxa ma tippreġudika la l-kunċetti ta' bona fede jew ta' trattament ugwali u lanqas dawk ta' ordni pubbliku jew ta' ekwità u li l-istimi in kwistjoni lanqas ma huma bbażati fuq leġiżlazzjoni manifestament illegali.

15      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tad-dritt Komunitarju. Fl-opinjoni tagħha, l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13 donnu jipprojbixxi leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali. Anki jekk jitqies li l-interpretazzjoni tagħha ta' din id-dispożizzjoni hija korretta, il-Bundesverwaltungsgericht tistaqsi mbagħad jekk din l-istess dispożizzjoni, moqrija flimkien ma' l-Artikolu 10 KE dwar id-dmir ta' kooperazzjoni leali, tillimitax is-setgħa diskrezzjonali ta' l-awtorità regolatorja, fid-dawl, b'mod partikolari, tas-sentenza tat-13 ta' Jannar 2004, Kühne & Heitz (C-453/00, Ġabra p. I-837).

16      Il-Bundesverwaltungsgericht tistaqsi, b'mod partikolari, jekk l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-Istati Membri, waqt il-kalkolu ta' l-imposta, obbligu li jirrispettaw l-għanijiet tad-Direttiva u li jiggarantixxu r-rispett tagħhom. Dawn l-għanijiet jinkludu dak li jiġi ffaċilitat b'mod konsiderevoli d-dħul fis-suq ta' kompetituri ġodda. Issa, ż-żamma fis-seħħ ta' l-istimi tat-taxxa in kwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni għall-impriżi kkonċernati li jitqiegħdu fi żvantaġġ b'mod partikolari meta mqabbla ma' l-impriżi li kkontestaw l-istimi indirizzati lilhom fit-termini preskritti u kisbu l-annullament tagħhom. Skond il-Bundesverwaltungsgericht, jekk dan l-Artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi restrizzjoni bħal din fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-prinċipju ta' kooperazzjoni li jinsab fl-Artikolu 10 KE jista' jwassal għal obbligu ta' kunsiderazzjoni mill-ġdid ta' l-istimi tat-taxxa in kwistjoni b'applikazzjoni tad-dritt nazzjonali mingħajr ma l-awtorità amministrattiva jkollha marġni ta' diskrezzjoni.

17      Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi għal deċiżjoni preliminari li ġejjin:

"1)      L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi l-ġbir ta' imposta għal liċenzja li għall-kalkolu tagħha jkun intuża bħala bażi l-ġbir antiċipat ta' l-ispejjeż amministrattivi ġenerali ta' awtorità regolatorja nazzjonali għal perijodu ta' 30 sena?

F'każ ta' risposta pożittiva għal din l-ewwel domanda:

2)       L-Artikolu 10 KE u l-Artikolu 11 tad-Direttiva [97/13] għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jimponu l-annullament ta' stima tat-taxxa li tiffissa imposta fis-sens ta' l-ewwel domanda u li ma ġietx ikkontestata meta d-dritt nazzjonali jippermetti tali kontestazzjoni, jekk id-dritt nazzjonali jawtorizzah iżda ma jeżiġihx?"

18      Permezz ta' digriet tas-6 ta' Diċembru 2004, il-kawżi C 392/04 u C-422/04 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Fuq l-ewwel domanda

 Osservazzjonijiet tal-partijiet

19      i-21, Arcor u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13 jipprojbixxi taxxa bħal dik prevista fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

20      Il-Gvern Ġermaniż isostni min-naħa l-oħra li dan l-Artikolu mhuwiex applikabbli għal dawn il-kawżi, għaliex id-Direttiva 97/13 ġiet irrevokata bid-Direttiva 2002/21 u din id-Direttiva ma tinkludi ebda miżura tranżitorja dwar l-applikazzjoni ta' l-imsemmi Artikolu.

21      Il-Gvern Ġermaniż isostni li, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13 ma jipprojbixxix l-impożizzjoni ta' taxxa bħal dik prevista mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża. Minn naħa, l-ispejjeż amministrattivi msemmija fl-imsemmi Artikolu jinkludu l-ispejjeż amministrattivi ġenerali. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Artikolu ma jispeċifikax li huma biss l-ispejjeż amministrattivi li effettivament jiġu sostnuti li jistgħu jiġu inklużi fit-taxxa b'esklużjoni ta' l-ispejjeż amministrattivi tal-ġejjieni. Il-kunsiderazzjoni ta' dawn ta' l-aħħar tikkostitwixxi garanzija ta' ċertezza għall-impriżi li jkunu assigurati li ma jiġux imposti fuqhom aktar taxxi għal-liċenzja fil-ġejjieni.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

22      L-ewwel nett għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Gvern Ġermaniż li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/13 mhuwiex applikabbli għall-kawżi prinċipali minħabba r-revoka ta' din id-Direttiva minn direttiva posterjuri.

23      F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 97/13 ġiet irrevokata mill-Artikolu 26 tad-Direttiva 2002/21 b'effett mill-25 ta' Lulju 2003 skond id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 28(1) ta' din id-Direttiva ta' l-aħħar.

24      Madankollu mill-qari ta' l-Artikolu 26 u tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 28(1) jirriżulta li l-leġiżlatur ma kellux l-intenzjoni li jippreġudika d-drittijiet u l-obbligi mnissla mid-Direttiva 97/13 u li d-Direttiva 2002/21 tapplika biss għas-sitwazzjonijiet ġuridiċi li nħolqu mill-25 ta' Lulju 2003 'il quddiem.

25      Għaldaqstant, minkejja r-revoka tad-Direttiva 97/13 mid-Direttiva 2002/21, għandu jitqies li l-validità ta' taxxa bħal dik imposta fuq i-21 u Arcor permezz ta' stimi tat-taxxa li jġibu d-dati rispettivament ta' l-14 ta' Ġunju 2000 u tat-18 ta' Mejju 2001, f'perijodu meta d-Direttiva 2002/21 kienet għadha mhijiex applikabbli, għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta' l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13.

26      Hemm lok ukoll li jiġi stabbilit jekk il-kunċett ta' "spejjeż amministrattivi" imsemmi f'dan Artikolu jinkludix l-ispejjeż amministrattivi ġenerali marbuta ma' l-iskemi ta' liċenzji individwali, ikkalkulati fuq perijodu ta' 30 sena.

27      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li teżamina l-portata ta' l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13.

28      Fis-sentenza tat-18 ta' Settembru 2003, Albacom u Infostrada, (C-292/01 u C-293/01, Ġabra p. I-9449, punt 25), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13 jipprovdi li t-taxxi imposti mill-Istati Membri fuq l-impriżi proprjetarji ta' liċenzji individwali għandhom l-għan waħdieni li jkopru l-ispejjeż amministrattivi marbuta max-xogħol involut għall-infurzar ta' l-imsemmija liċenzji.

29      Mill-kliem ta' din id-dispożizzjoni hekk kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 25 tas-sentenza Albacom u Infostrada, iċċitata iktar 'il fuq, jirriżulta li l-imsemmi xogħol għandu jikkonċerna biss erba' attivitajiet, jiġifieri l-ħruġ, il-ġestjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liċenzji individwali. Minbarra dan, it-taxxa għandha tkun proporzjonata ma' l-ammont ta' xogħol involut u għandha tiġi ppubblikata b'mod xieraq u dettaljat biżżejjed sabiex l-informazzjoni tkun aċċessibbli faċilment.

30      Dawn l-eżiġenzi jikkostitwixxu risposta għall-għanijiet ta' proporzjonalità, ta' trasparenza u ta' non-diskriminazzjoni ta' l-iskemi ta' liċenzji individwali msemmija fit-tieni premessa tad-Direttiva 97/13.

31      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-metodu ta' kalkolu tat-taxxa in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti fil-kunsiderazzjoni ta' l-ispejjeż ġenerali fuq perijodu ta' 30 sena involuti għall-infurzar tal-liċenzji individwali jirrispettax id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13 moqrija fid-dawl ta' dawn l-għanijiet.

32      F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-kunċett ta' spejjeż amministrattivi huwa wiesa' biżżejjed sabiex ikopri spejjeż amministrattivi hekk imsejħa "ġenerali".

33      Madankollu, dawn l-ispejjeż amministrattivi ġenerali għandhom ikunu relatati biss ma' l-erba' attivitajiet imsemmija espliċitament fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13 u mfakkra fil-punt 29 ta' din is-sentenza.

34      Issa, skond l-indikazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kalkolu tat-taxxa in kwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludi spejjeż marbuta ma' xogħol ieħor bħall-attività ġenerali ta' sorveljanza ta' l-awtorita' regolatorja u, b'mod partikolari, il-kontroll ta' abbużi eventwali minn imprimi f'pożizzjoni dominanti.

35      Peress li dan it-tip ta' kontroll imur lil hinn mix-xogħol li huwa strettament involut għall-infurzar tal-liċenzji individwali, il-kunsiderazzjoni ta' l-ispejjeż li huma marbuta miegħu tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13.

36      Fit-tieni lok, għandu jiġi assigurat li l-ispejjeż amministrattivi ġenerali li huma relatati ma' l-erba' attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 11(1), ikunu jistgħu jiġu kkalkulati fuq perijodu ta' 30 sena u jiġu inklużi fil-kalkolu tat-taxxa.

37      Mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn i-21, Arcor u l-Kummissjoni, jirriżulta li stima fuq perijodu daqstant twil tqajjem problemi ta' affidabbiltà, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-settur tat-telekomunikazzjoni. Peress li dan is-settur jiżviluppa kontinwament, jidher fil-fatt diffiċli li tiġi prevista s-sitwazzjoni tas-suq u n-numru ta' impriżi ta' telekomunikazzjoni matul diversi snin, a fortiori għal perijodu ta' 30 sena. B'hekk, in-numru ta' liċenzji individwali li għandhom jiġu ġestiti fil-futur u, għaldaqstant, l-ammont ta' spejjeż ġenerali marbuta ma' din il-ġestjoni huma inċerti. Minbarra dan, il-leġiżlazzjoni applikabbli tgħaddi minn bdil kunsiderevoli, bħalma juru d-direttivi l-ġodda adottati fl-2002, fosthom id-Direttiva 2002/21 li tirrevoka d-Direttiva 97/13. Issa, dawn l-emendi normattivi għandhom ukoll mnejn jaffettwaw l-ammont ta' spejjeż amministrattivi li jinħolqu mill-iskemi ta' liċenzji individwali.

38      In-nuqqas ta' affidabbiltà ta' l-istima u l-effetti tagħha fuq il-kalkolu tat-taxxa jaffettwaw il-kompatibbiltà ta' dan ma' l-eżiġenzi ta' proporzjonalità, ta' trasparenza u ta' non diskriminazzjoni.

39      L-ewwel nett, il-kalkolu ta' l-ispejjeż ġenerali fuq perijodu ta' 30 sena jimplika estrapolazzjoni ta' l-ispejjeż li jistgħu jiġu sostnuti 'l quddiem li, min-natura tagħha, ma tirrappreżentax l-ispejjeż li fil-fatt isiru. Fin-nuqqas ta' mekkaniżmu ta' reviżjoni ta' l-ammont mitlub tat-taxxa, dan l-ammont ma jistax ikun strettament proporzjonali għall-xogħol involut, hekk kif jeżiġi espliċitament l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13.

40      Imbagħad, il-fatt li tali sistema ta' kalkolu mhijiex ibbażata fuq l-ispejjeż li fil-fatt jiġu sostnuti jista' jippreġudika l-eżiġenza ta' pubblikazzjoni dettaljata ta' l-informazzjoni marbuta mat-taxxa, prevista fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13 u, bl-istess mod, l-għan ta' trasparenza.

41      Fl-aħħar nett, l-obbligu impost fuq l-impriżi kollha ta' telekomunikazzjoni li jħallsu somma li tirrappreżenta l-ispejjeż ġenerali fuq perijodu ta' 30 sena ma jiħux in kunsiderazzjoni l-fatt li ċerti impriżi jistgħu joperaw fis-suq għal xi snin biss u għaldaqstant jista' jwassal għal trattament diskriminatorju.

42      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13 jipprojbixxi l-applikazzjoni, għal-liċenzji individwali, ta' taxxa kkalkulata b'kunsiderazzjoni ta' l-ispejjeż amministrattivi ġenerali tal-korp regolatorju marbuta ma' l-infurzar ta' dawn il-liċenzji fuq perijodu ta' 30 sena.

 Fuq it-tieni domanda

 Osservazzjonijiet tal-partijiet

43      i-21, Arcor u l-Kummissjoni lkoll isostnu, iżda għal raġunijiet differenti, li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 10 KE moqrija flimkien ma' dawk ta' l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13 jipprojbixxu ż-żamma fis-seħħ ta' att amministrattiv illegali, bħall-istima tat-taxxa in kwistjoni fil-kawża prinċipali, u jeżiġu r-rimbors mill-Istat Membru ta' l-ammonti miġbura illegalment.

44      i-21 issostni li ż-żamma fis-seħħ ta' tali att amministrattiv tmur kontra l-prinċipju ta' supremazija tad-dritt Komunitarju u kontra n-neċessità tal-ħarsien ta' l-effikaċja tiegħu. Skond din il-kumpannija, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tammetti l-importanza tal-prinċipju ta' ċertezza legali, dan ta' l-aħħar mhuwiex prevalenti fuq il-prinċipju ta' legalità fil-każijiet kollha. i-21 tenfasizza li, fis-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li att amminstrattiv li sar finali wara sentenza li ma tistax tiġi impunjata, jista' jiġi annullat, taħt ċerti kundizzjonijiet, jekk imur kontra d-dritt Komunitarju. i-21 tqis li din il-possibbiltà hija a fortiori aktar neċessarja fil-każ ta' att amministrattiv li fir-rigward tiegħu ma tkunx ittieħdet deċiżjoni minn qorti u li jkun sar finali sempliċement ma' l-iskadenza tat-termini preskritti sabiex jiġi kkontestat.

45      Arcor tqis, min-naħa tagħha, li l-ġurisprudenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar 'il fuq, mhijiex rilevanti inkwantu hija tirrigwarda kunflitt indirett bejn regola ta' proċedura nazzjonali u regola ta' dritt sostantiv Komunitarju, fejn l-ewwel waħda timpedixxi l-applikazzjoni tat-tieni waħda. Skond Arcor, il-kawża prinċipali għandha titqies bħala kunflitt dirett bejn żewġ regoli ta' dritt sostantiv. L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13, moqri fid-dawl ta' l-Artikolu 10 KE, jeżiġi r-rimbors ta' taxxi miġbura bi ksur ta' l-imsemmi Artikolu 11, filwaqt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprojbixxi dan ir-rimbors. Arcor tqis li d-dritt Komunitarju għandu, f'każ bħal dan, jipprevali fuq id-dritt nazzjonali li jmur kontrih.

46      Il-Kummissjoni ssostni, min-naħa l-oħra, li s-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar 'il fuq, tikkostitwixxi punt ta' tluq adattat u tfakkar li, bħala regola ġenerali, att amministrattiv li ma ġiex ikkontestat fit-termini preskritti m'għandux jiġi rtirat. Il-Kummissjoni tindika mbagħad li f'dan il-każ għandu jiġi vverifikat jekk iż-żamma fis-seħħ ta' l-istimi tat-taxxa illegali għandhiex madankollu titqies bħala "sempliċement insostenibbli" fir-rigward ta' l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13, billi dan l-eżami jiġi effettwat fid-dawl tal-prinċipji ta' ekwivalenza u ta' effettività.

47      Rigward il-prinċipju ta' ekwivalenza, il-Kummissjoni ssostni li, skond id-dritt Ġermaniż, att amministrattiv manifestament illegali f'għajnejn id-dritt nazzjonali ma jistax jinżamm fis-seħħ. Jekk dan l-eżami jsir ukoll fid-dawl tad-dritt Komunitarju, fl-opinjoni tal-Kummissjoni jirriżulta li l-istimi tat-taxxa in kwistjoni fil-kawża prinċipali u l-leġiżlazzjoni li huma bbażati fuqha għandhom jitqiesu bħala manifestament illegali fid-dawl ta' l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13.

48      Il-Kummissjoni tasal għall-istess konklużjoni f'dak li jikkonċerna l-prinċipju ta' effettività. Hija tqis li ż-żamma fis-seħħ ta' l-istimi tat-taxxa tirrendi prattikament impossibbli l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mill-imsemmi Artikolu 11(1) billi tippermetti kumpens eżaġerat li jwassal għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni tul perijodu ta' 30 sena.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

49      Għandu jiġi ppreċiżat il-kuntest li taqa' taħtu d-domanda mressqa. Bil-kontra ta' dak li ssostni Arcor, it-tieni domanda ma tirrigwardax kunflitt bejn żewġ regoli ta' dritt sostantiv dwar ir-rimbors ta' taxxi miġbura illegalment. Fil-fatt, la d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13 u lanqas dawk tat-TKG u tat-TKLGebV, hekk kif din il-liġi u dan ir-Regolament ġew ippreżentati fl-inkartament imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jitkellmu dwar tali rimbors.

50      Bil-kontra, id-domanda tirrigwarda r-rabta bejn l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13 u l-Artikolu 48 tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva, kif interpretat mill-Bundesverwaltungsgericht. Skond dan l-Artikolu ta' l-aħħar, ma' l-iskadenza ta' ċertu terminu, l-istimi tat-taxxa jsiru finali u d-destinatarji tagħhom ma jkunux jistgħu jikkontestawhom iktar billi jinvokaw dritt ibbażat fuq dan l-Artikolu 11(1), b'riżerva għall-obbligu impost fuq l-awtorità amministrattiva kompetenti li tirtira att amministrattiv illegali li ż-żamma fis-seħħ tiegħu tkun "sempliċement insostenibbli".

51      B'konformità mal-prinċipju ta' ċertezza legali, id-dritt Komunitarju ma jeżiġix li korp amministrattiv ikun, bħala regola ġenerali, obbligat jikkunsidra mill-ġdid deċiżjoni amministrattiva li tkun saret finali ma' l-iskadenza ta' terminu raġjonevoli li matulu tista' tiġi kkontestata jew wara li jkunu ntużaw ir-rimedji legali kollha disponibbli (ara s-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24). Ir-rispett ta' dan il-prinċipju jippermetti li tiġi evitata l-kontestazzjoni indefinita ta' l-atti amministrattivi li jipproduċu effetti legali (ara, b'analoġija, is-sentenza ta' l-14 ta' Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C-310/97 P, Ġabra p. I-5363, punt 61).

52      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li jista' jkun hemm limitu għal dan il-prinċipju f'ċerti każijiet. B'hekk hija ddeċidiet fil-punt 28 tas-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar 'il fuq, li l-korp amministrattiv responsabbli għall-adozzjoni ta' deċiżjoni amministrattiva huwa fl-obbligu, skond il-prinċipju ta' kooperazzjoni li joħroġ mill-Artikolu 10 KE, li jeżamina mill-ġdid din id-deċiżjoni, u eventwalment ibiddilha, jekk jiġu sodisfatti erba' kundizzjonijiet. L-ewwel nett, il-korp amministrattiv għandu, skond id-dritt nazzjonali, is-setgħa li jbiddel din id-deċiżjoni. It-tieni nett, id-deċiżjoni in kwistjoni tkun saret finali minħabba sentenza ta' qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza. It-tielet nett, l-imsemmija sentenza hija, fid-dawl ta' ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tkun inħalqet wara din, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju adottata mingħajr ma tkun tressqet domanda għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 234 KE. Ir-raba' nett, il-persuna kkonċernata tkun indirizzat ruħha lill-korp amministrattiv immedjatament wara li tkun saret taf bl-imsemmija ġurisprudenza.

53      Il-kawża li tat lok għas-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar 'il fuq, madankollu hija kompletament differenti minn dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-impriża Kühne & Heitz NV kienet eżawriet ir-rimedji legali kollha li kellha għad-dispożizzjoni tagħha filwaqt li fil-kawżi prinċipali, i-21 u Arcor ma eżerċitawx id-dritt tagħhom li jressqu rikors kontra l-istimi tat-taxxa li kienu jirrigwardawhom.

54      Għaldaqstant, bil-kontra ta' l-opinjoni sostnuta minn i-21, is-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar 'il fuq, mhijiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk, f'sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, korp amministrattiv huwiex fl-obbligu li jeżamina mill-ġdid deċiżjonijiet li jkunu saru finali.

55      Ir-rikorsi pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju huma intiżi sabiex jinkiseb rimbors ta' taxxi mħallsa skond stimi tat-taxxa li saru finali, għar-raġuni li, skond l-Artikolu 48 tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva, hekk kif interpretata mill-Bundesverwaltungsgericht, l-awtorità amministrattiva kompetenti hija fl-obbligu li tirtira dawn l-istimi.

56      Il-kwistjoni għaldaqstant hija jekk, sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet li l-partijiet fil-kawża għandhom skond id-dritt Komunitarju, il-qorti nazzjonali li għandha rikorsi bħal dawn quddiemha tistax tiġi indotta biex tammetti l-eżistenza ta' tali obbligu impost fuq l-awtorità amministrattiva.

57      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam, il-metodi proċedurali intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża għandhom skond id-dritt Komunitarju jaqgħu taħt il-kompetenza tas-sistema legali nazzjonali ta' kull Stat Membru skond il-prinċipju ta' awtonomija proċedurali ta' l-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta' natura domestika (prinċipju ta' ekwivalenza) u li, fil-prattika, ma jrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja (prinċipju ta' effettività) (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta' Mejju 2000, Preston et, C-78/98, Ġabra p. I-3201, punt 31, u tas-7 ta' Jannar 2004, Wells, C-201/02, Ġabra p. I-723, punt 67).

58      Rigward l-ewwel nett il-prinċipju ta' effettività, dan jeħtieġ li r-regoli applikabbli għat-trattament ta' stima tat-taxxa bbażati fuq liġi li hija inkompatibbli ma' l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13 ma jrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija minn din id-Direttiva.

59      B'hekk huwa importanti li l-impriżi kkonċernati jkunu jistgħu jikkontestaw tali stimi fi żmien raġonevoli li jibda jiddekorri min-notifikazzjoni ta' l-imsemmija stimi u jeżerċitaw id-drittijiet li huma għandhom skond id-dritt Komunitarju, b'mod partikolari l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13.

60      Fil-kawżi prinċipali in kwistjoni, ma ġiex sostnut li r-regoli li jirregolaw it-tressiq ta' rikors, b'mod partikolari t-terminu ta' xahar preskritt għal dan il-għan, ma kinux raġonevoli.

61      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, skond il-kliem ta' l-Artikolu 48(1) tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva, att amministrattiv illegali jista' jiġi rtirat anki jekk ikun sar finali.

62      F'dak li jikkonċerna, imbagħad, il-prinċipju ta' ekwivalenza, dan jitlob li r-regoli kollha applikabbli għar-rikorsi, inklużi t-termini preskritti, japplikaw mingħajr distinzjoni għar-rikorsi bbażati fuq il-ksur tad-dritt Komunitarju u għal dawk ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali.

63      Minn dan jirriżulta li, jekk ir-regoli nazzjonali applikabbli għar-rikorsi jimponu obbligu li l-att amministrattiv illegali fir-rigward tad-dritt nazzjonali jiġi rtirat, minkejja li dan l-att ikun sar finali, meta ż-żamma fis-seħħ ta' dan l-att tkun "sempliċement insostenibbli", l-istess obbligu ta' rtirar għandu jeżisti f'kundizzjonijiet ekwivalenti fil-każ ta' att amministrattiv li mhuwiex konformi mad-dritt Komunitarju.

64      Mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li, sabiex tevalwa l-kunċett tan-natura "sempliċement insostenibbli", il-qorti nazzjonali eżaminat jekk iż-żamma fis-seħħ ta' l-istimi tat-taxxa in kwistjoni fil-kawża prinċipali tiksirx il-prinċipji tad-dritt nazzjonali ta' trattament ugwali, ta' ekwità, ta' ordni pubbliku jew ta' bona fede, jew, ukoll, jekk l-inkompatibbiltà ta' l-istimi tat-taxxa mar-regoli ta' dritt superjuri kinitx manifesta.

65      Rigward il-prinċipju ta' trattament ugwali, skond il-Bundesverwaltungsgericht, dan il-prinċipju ma ġiex ippreġudikat ladarba impriżi, bħal i-21 u Arcor, li fir-rigward tagħhom l-istima tat-taxxa nżammet fis-seħħ, ma eżerċitawx id-dritt li jikkontestaw dawn l-istimi. Għaldaqstant, mhumiex f'sitwazzjoni kumparabbli ma' dik ta' impriżi li, wara li eżerċitaw dan id-dritt, kisbu l-irtirar ta' l-istimi tat-taxxa li tagħhom kienu d-destinatajri.

66      Tali applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali previst fil-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tinbidilx skond jekk il-kawża tirrigwardax sitwazzjoni bbażata fuq id-dritt nazzjonali jew sitwazzjoni bbażata fuq id-dritt Komunitarju u għaldaqstant ma tidhirx li tippreġudika l-prinċipju ta' ekwivalenza.

67      Minbarra dan, ma ġiex allegat li l-prinċipji ta' ordni pubbliku, ta' bona fede jew ta' ekwità kienu jiġu applikati b'mod differenti skond in-natura tal-kawża.

68      Bil-kontra, tqajmet il-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta' illegalità manifesta ġiex applikat b'mod ekwivalenti. Skond il-Kummissjoni, il-qorti nazzjonali vverifikat jekk l-istimi tat-taxxa kinux ibbażati fuq leġiżlazzjoni manifestament illegali fir-rigward tar-regoli ta' livell superjuri, jiġifieri t-TKG u l-liġi kostituzzjonali Ġermaniża, iżda ma għamlitx jew ma għamlitx korrettament dan l-eżami fir-rigward tad-dritt Komunitarju. Il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni hija manifestament illegali fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13 u li l-prinċipju ta' ekwivalenza għaldaqstant ma ġiex osservat.

69      Meta, skond regoli ta' dritt nazzjonali, l-awtorità amministrattiva hija fl-obbligu li tirtira deċiżjoni amministrattiva li tkun saret finali jekk din hija manifestament inkompatibbli mad-dritt nazzjonali, l-istess obbligu għandu jeżisti jekk din id-deċiżjoni hija manifestament inkompatibbli mad-dritt Komunitarju.

70      Sabiex jiġi evalwat kemm huwa ċar l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13 u sabiex tiġi evalwata n-natura manifesta jew le ta' l-inkompatibbiltà tad-dritt nazzjonali ma' dan l-Artikolu, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-għanijiet ta' l-imsemmija Direttiva li tagħmel parti mill-miżuri adottati għal-liberalizzazzjoni totali tas-servizzi u ta' l-infrastrutturi ta' telekomunikazzjoni u hija intiża sabiex tiffavorixxi d-dħul fis-suq ta' operaturi ġodda (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Albacom u Infostrada, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35). F'dan ir-rigward, l-impożizzjoni ta' taxxa ta' ammont għoli ħafna li tkopri stima ta' l-ispejjeż ġenerali fuq perijodu ta' tletin sena hija tali li tfixkel serjament il-kompetizzjoni, hekk kif il-qorti tar-rinviju tenfasizza fid-domandi preliminari tagħha, u tikkostitwixxi fattur rilevanti fil-kuntest ta' din l-evalwazzjoni.

71      Hija fil-kompetenza tal-qorti nazzjonali, fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, li tevalwa jekk leġiżlazzjoni li hija kjarament inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, bħal dik li huma bbażati fuqha l-istimi tat-taxxa in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxix illegalità manifesta skond id-dritt nazzjonali kkonċernat.

72      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 10 KE, moqri flimkien ma' l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13, jobbliga lill-qorti nazzjonali tevalwa jekk leġiżlazzjoni li hija kjarament inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, bħal dik li huma bbażati fuqha l-istimi tat-taxxa in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxix illegalità manifesta skond id-dritt nazzjonali kkonċernat. Jekk dan huwa l-każ, hija din il-qorti li għandha tiġbed il-konsegwenzi kollha li joħorġu minnha skond id-dritt nazzjonali tagħha f'dak li jikkonċerna l-irtirar ta' dawn l-istimi.

 Fuq l-ispejjeż

73      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva tal-Parlament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/13/KE, ta' l-10 ta' April 1997, dwar qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u għal-liċenzji individwali għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni jipprojbixxi l-applikazzjoni, għal-liċenzji individwali, ta' taxxa kkalkulata b'kunsiderazzjoni ta' l-ispejjeż amministrattivi ġenerali tal-korp regolatorju marbuta ma' l-infurzar ta' dawn il-liċenzji fuq perijodu ta' 30 sena.

2)      L-Artikolu 10 KE, moqri flimkien ma' l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13, jobbliga lill-qorti nazzjonali tevalwa jekk leġiżlazzjoni li hija kjarament inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, bħal dik li huma bbażati fuqha l-istimi tat-taxxa in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxix illegalità manifesta skond id-dritt nazzjonali kkonċernat. Jekk dan ikun il-każ, hija din il-qorti li għandha tiġbed il-konsegwenzi kollha li joħorġu minnha skond id-dritt nazzjonali tagħha f'dak li jikkonċerna l-irtirar ta' dawn l-istimi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.