Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Marzu 2015 – Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE

(Kawża T-122/15)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Landeskreditbank Baden-Württemberg – Förderbank (Karlsruhe, il-Ġermanja) (rappreżentanti: A. Glos, K. Lackhoff u M. Benzing, avukati)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-BĊE tal-5 ta’ Jannar 2015 (ECB/SSM/15/1 – 0SK1ILSPWNVBNQWU0W18/3), billi tordna ż-żamma tal-effetti marbuta mas-sostituzzjoni tad-deċiżjoni tal-BĊE tal-1 ta’ Settembru 2014 (ECB/SSM/14/1 – 0SK1ILSPWNVBNQWU0W18/1);

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni ta’ kriterju ta’ kontroll żbaljat mill-BĊE għall-evalwazzjoni ta’ ċirkustanzi partikolari.

Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent isostni li, minkejja li jissodisfa l-kriterju tad-daqs, il-BĊE ibbaża ruħu fuq erba’ kriterji differenti u irrikonċiljabbli sabiex jevalwa jekk ir-rikorrent kellux madankollu jiġi kklassifikat bħala istituzzjoni inqas sinjifikattiva minħabba ċirkustanzi partikolari fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 1 moqri flimkien mal-Artikolu 70(1) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 2 . Kull wieħed minn dawn il-kriterji huwa, fih innifsu, ivvizzjat.

Ir-rikorrent jesponi wkoll li skont l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 468/20104, il-preżenza ta’ ċirkustanzi partikolari hija suġġetta b’mod determinanti għall-eżistenza ta’ “ċirkustanzi speċifiċi u fattwali”, li abbażi ta’ dan “ma jkunx xieraq” li ssir klassifikazzjoni bħala istituzzjoni sinjifikattiva u għalhekk suġġetta għas-superviżjoni ċentrali tal-BĊE. Skont ir-rikorrent, “ma jkunx xieraq” fis-sens tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 468/2014 li ssir klassifikazzjoni bħala istituzzjoni sinjifikattiva unikament abbażi tal-kriterju ta’ daqs, meta din il-klassifikazzjoni ma hijiex neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament Nru 1024/2013, iżda hija suffiċjenti, għal dan il-għan, superviżjoni mill-awtorità nazzjonali kompetenti, taħt il-kontroll makroprudenzjali tal-BĊE.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tal-fatti.

Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent isostni li l-EĊB naqas milli jirrikonoxxi li, kif sostnut mir-rikorrent waqt is-seduta u fil-proċedura quddiem il-Bord Amministrattiv ta’ Eżami mill-Ġdid, il-klassifikazzjoni tar-rikorrent bħala istituzzjoni sinjifikattiva b’ebda mod ma hija neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament Nru 1024/2013, u li l-klassifikazzjoni tar-rikorrent bħala istituzzjoni inqas sinjifikattiva hija wkoll konformi mal-prinċipji tar-Regolament Nru 1024/2013. L-evalwazzjoni tal-BĊE li tikkonstata li ċirkustanzi partikolari ma jeżistux hija manifestament ivvizzjata.It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.Ir-rikorrent isostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex koerenti u li tippreżenta kontradizzjonijiet interni. Il-BĊE b’kollox isemmi erba’ kriterji ta’ kontroll li ma għandhomx rabta bejniethom u ma humiex konċiljabbli.Ir-raġunijiet prinċipali ma jirriżultawx mid-deċiżjoni kkontestata. Kuntrarjament, l-elementi esposti mill-BĊE huma sempliċement affermazzjonijiet u kontestazzjonijiet.Id-deċiżjoni, b’mod żbaljat, lanqas ma tieħu inkunsiderazzjoni dak li jsostni r-rikorrent fil-proċedura amministrattiva. B’mod partikolari, il-BĊE ma jindikax ir-raġunijiet għaliex iċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi sostnuti mir-rikorrent huma insuffiċjenti sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013.Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter minħabba nuqqas ta’ eżerċizzju tal-BĊE tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu.Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent isostni li l-BĊE kiser l-obbligu tiegħu li f’dan il-każ jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu mill-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013 u mill-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 468/2014. B’hekk, il-BĊE wettaq użu ħazin ta’ poter.Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu li jiġu eżaminati u jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ.Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent isostni li l-BĊE kiser l-obbligu, meta eżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li jeżamina u li jieħu inkunsiderazzjoni b’dilġenza u imparzjalità l-aspetti ġuridiċi u fattwali kollha tal-każ. B’mod partikolari, huwa naqas milli jevalwa l-punti ta’ fatt u ta’ liġi invokati mir-rikorrent.

____________

____________

1  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, tal-15 ta’ Ottubru 2013, li jikkonferixxi komp

iti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki

relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, p. 63).  Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (UE) Nru 468/2014, tas-16 ta’ April 2014, li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Sup